Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000L0059

    Id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet ta' l-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija

    ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81–90 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/06/2019; Imħassar b' 32019L0883

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/59/oj

    32000L0059



    Official Journal L 332 , 28/12/2000 P. 0081 - 0090


    Id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    tas-27 ta' Novembru 2000

    dwar il-faċilitajiet ta' l-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

    Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat tal-Konċiljazzjoni tat-18 ta' Lulju 2000,

    Billi:

    (1) Il-politika Komunitarja dwar l-ambjent timmira għal livell għoli ta' protezzjoni. Hija msejsa fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni u l-prinċipji illi min iniġġes għandu jħallas u li għandha tittieħed azzjoni preventiva.

    (2) Qasam importanti ta' l-azzjoni Komunitarja fit-trasport bil-baħar jirrigwarda t-tnaqqis tat-tniġġiż fl-ibħra. Dan jista' jinkiseb permezz tat-tħaris tal-konvenzjonijiet, il-kodiċijiet u r-riżoluzzjonijiet internazzjonali filwaqt li tinżamm il-libertà tan-navigazzjoni pprovduta mill-Konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi kif ipprovdut fil-liġijiet Komunitarji.

    (3) Il-Komunità hija interessata serjament dwar it-tniġġiż ta' l-ibħra u tax-xtut ta' l-Istati Membri kkawżati mill-iskarigi ta'l-iskart u tal-fdalijiet tal-merkanzija mill-bastimenti, u partikolarment dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġiż mill-Bastimenti, ta' l-1973, kif immodifikata mill-Protokoll ta' l-1978 li għandu x'jaqsam magħha (il-Marpol 73/78) li jirregola liema skart jista' jiġi skarigat mill-bastimenti fl-ambjent tal-baħar u li jirregola illi l-Istati Partijiet jiżguraw il-provvista ta' faċilitajiet adegwati għall-wasla fil-portijiet. L-Istati Membri kollha rratifikaw il-Marpol 73/78.

    (4) Il-protezzjoni ta' l-ambjent tal-baħar tista' titjieb billi jitnaqqsu l-iskarigi fil-baħar ta' l-iskart iġġenerat mill-bastiment u tal-fdalijiet mill-merkanzija. Dan jista' jinkiseb billi titjieb id-disponibbilità u l-użu tal-faċilitajiet mal-wasla u billi jitjieb ir-rinfurzar tar-reġim. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta'Ġunju 1993 dwar il-politika komuni dwar ibħra bla perikoli [5], il-Kunsill inkluda fost l-azzjonijiet tiegħu ta' prijorità l-iżvilupp tad-disponibbilità u l-użu tal-faċilitajiet Komunitarji ta' l-akkoljenza.

    (5) Id-Direttiva tal-Kunsill 95/21/KE tad-19 ta' Ġunju 1995 li tirrigwarda l-infurzar, rigward il-ġarr bil-baħar li juża l-portijiet Komunitarji u t-tbaħħir fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri, ta' l-istandards internazzjonali dwar is-sigurtà tal-bastimenti, il-prevenzjoni tat-tniġġiż u l-ħajja abbord u l-kondizzjonijiet tax-xogħol (il-kontroll tal-portijiet mill-Istat) [6] tipprovdi illi l-bastimenti li joħolqu theddid mhux raġjonevoli ta' perikolu lill-ambjent tal-baħar ma jistgħux isalpaw.

    (6) It-tniġġiż ta' l-ibħra għandu min-natura tiegħu implikazzjonijiet li jmorru lil hemm mill-fruntieri. Għar-raġuni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-azzjoni fuq il-livell Komunitarju hija l-iktar manjiera effettiva biex tiżgura standards ambjentali komuni għall-bastimenti u l-portijiet fil-Komunità kollha.

    (7) Għar-raġuni tal-prinċipju tal-proporzjonalità, Direttiva hija l-istrument legali xieraq, billi tipprovdi qafas sabiex jiġu applikati b'mod uniformi u obbligatorju mill-Istati Membri l-istandards ambjentali, filwaqt li lil kull Stat Membru jitħallielu d-dritt li jiddeċiedi liema għodod ta' implimentazzjoni l-iktar li jixirqu lis-sistema interna tiegħu.

    (8) Għandha tiġi żgurata l-konsistenza mal-ftehim reġjonali eżistenti, bħalma hi l-Konvenzjoni ta' l-1974/1992 dwar il-Protezzjoni ta' l-Ambjent Marittimu fl-Arja tal-Baħar Baltiku.

    (9) Fl-interess li tiġi mtejba l-prevenzjoni mit-tniġġiż u li jiġi evitat it-tagħwiġ tal-kompetrizzjoni, il-ħtiġiet ambentali għandhom japplikaw għall-bastimenti kollha, irrispettivament mill-bandiera li jtajru, u għandhom ikunu disponibbli l-faċilitajiet adegwati ta' l-akkoljenza fil-portijiet kollha Komunitarji.

    (10) Il-faċilitjajiet adegwati ta' l-akkoljenza fil-portijiet għandhom jilħqu l-ħtiġiet ta' l-utenti, minn l-ikbar bastiment tal-merkanzija sa l-iżgħar qoxra ta' rikreazzjoni, u ta' l-ambjent, mingħajr ma jikkawżaw dewmien mhux xieraq lill-bastimenti li jkunu qegħdin jużawhom. L-obbligu li jiżgura d-disponibbilità adegwata tal-faċilitajiet ta' l-akkoljenza jħalli lill-Istati Membri bi grad għoli ta' libertà biex jirranġaw li jirċievu l-iskart fl-iktar mod addattat u jippermettilhom, fost ħwejjeġ oħra, li jipprovdu stallazzjonijiet fissi ta' l-akkoljenza jew li jaħtru provvedituri tas-servizzi li jġibu fil-portijiet unitajiet mobbli ta' l-akkoljenza ta' l-iskart meta meħtieġa. Dan l-obbligu jimplika wkoll l-obbligu li jiġu pprovduti s-servizzi kollha u/jew l-arranġamenti l-oħra li jmorru miegħu meħtieġa għall-użu xieraq u adegwat ta' dawn il-faċilitajiet.

    (11) L-adegwatezza tal-faċilitajiet tista' titjieb bi pjani aġġornati ta' l-akkoljenza u t-tqandil ta' l-iskart stabbiliti b'konsultazzjoni mal-partijiet rilevanti.

    (12) L-effettività tal-faċilititajiet ta' l-akkoljenza tal-portijiet tista' titjieb billi l-bastimenti jkunu meħtieġa li jinnotifikaw il-ħtieġa tagħhom li jużaw il-faċilitajiet ta' l-akkoljenza. Din in-notifika trid ukoll tipprovdi tagħrif għall-maniġġjar effettiv u ppjanat ta' l-iskart. L-iskart mill-bastimenti u mill-opri tar-rikreazzjoni awtorizzati li jġorru mhux iktar minn 12-il passiġier jista' jitqandel mill-faċilitajiet ta' l-akkoljenza mingħajr notifika minn qabel.

    (13) L-iskarigi ta' l-iskart iġġenerat mill-bastiment fuq il-baħar jistgħu jiġu mnaqqsa billi jeħtieġu lill-bastimenti kollha li jikkunsinjaw l-iskart tagħhom lill-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port qabel isalpaw. Sabiex jiġi rrikonċiljat l-interess ta' l-operazzjoni bla skossi tat-trasport marittimu mal-protezzjoni ta' l-ambjent, għandhom ikunu possibbli eċċezzjonijiet għal din il-ħtieġa billi jitqiesu s-suffiċjenza tal-kapaċità tal-ħażna abbord iddedikata għal dan, il-possibbiltà tal-kunsinja f'port ieħor mingħajr ir-riskju ta' l-iskarigu fil-baħar u l-ħtiġiet speċifiċi tal-kunsinja addottati skond il-liġijiet internazzjonali.

    (14) Għar-raġuni tal-prinċipju ta' "min iniġġeż iħallas", l-ispejjeż għall-użu tal-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port, li jinkludu t-trattament u r-rimi ta' l-iskart iġġenerat mill-bastiment, għandhom jiġu koperti mill-bastimenti. Fl-interess tal-protezzjoni ta' l-ambjent, is-sistema ta' imposti għandha tinkoraġġixxi l-kunsinja lill-portijiet ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti minflok l-iskarigu fil-baħar. Dan jista' jiġi ffaċilitat billi jiġi pprovdut illi l-bastimenti kollha jikkontribwixxu għall-ispejjeż ta' l-akkoljenza u t-tqandil ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti sabiex jitnaqqsu l-inċentivi ekonomiċi għall-iskarigu fil-baħar. Għar-raġuni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom, skond il-liġijiet nazzjonali u l-prattiċi korrenti tagħhom, iżommu l-poteri sabiex jistabbilixxu jekk u f'liema proporzjon l-imposti relatati mal-kwantitajiet attwalment ikkunsinjati mill-bastimenti jiġu inklużi fis-sistemi għall-irkupru ta' l-ispejjeż għall-użu tal-faċilitajiet tal-port. L-imposti għall-użu ta' dawn il-faċilitajiet għandhom ikunu bil-fier, mhux diskriminatorji u trasparenti.

    (15) Il-bastimenti li jipproduċu kwantitajiet imnaqqsa ta' skart iġġenerat mill-bastimenti għandhom jiġu ttrattati iktar favorevolment fl-ispiża fuq is-sistema ta' l-irkupru. Kriterji komuni jiffaċilitaw l-identifikazzjoni ta' dawn il-bastimenti.

    (16) Sabiex jiġi evitat piż mhux mixtieq għall-partijiet interessati, il-bastimenti mdaħħla fit-traffiku skedat tad-dħul fil-port spiss u regolari jistgħu jiġu eżentati minn ċerti obbligi li joħorġu minn din id-Direttiva fejn ikun hemm xiehda suffiċjenti illi jeżistu arranġamenti sabiex jiżguraw il-kunsinja ta' l-iskart u l-ħlas ta' l-imposti.

    (17) Il-fdalijiet mill-merkanzija għandhom jiġu kkunsinjati lill-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port skond il-Marpol 73/78. Il-Marpol 73/78 jeħtieġ illi l-fdalijiet mill-merkanzija jridu jiġu kkunsinjati lill-faċilitijatiet ta' l-akkoljenza tal-port safejn u sakemm ikun meħtieġ li jitħarsu l-ħtiġiet tat-tindif tat-tankijiet. Kull imposta fuq din il-kunsinja għandha titħallas mill-utent tal-faċilità fil-wasla, bl-utent jiġi normalment speċifikat fl-arranġamenti tal-ftehim kontrattwali bejn il-partijiet involuti jew f'arranġamenti oħra lokali.

    (18) Huwa meħtieġ illi jiġu midħula għalihom spezzjonijiet immirati sabiex jiġi vverifikat it-tħaris ta' din id-Direttiva. In-numru ta' dawn l-ispezzjonijiet, kif ukoll il-penali imposti, għandhom ikunu suffiċjenti sabiex ma jħallux in-nuqqas tat-tħaris skond din id-Direttiva. Għar-raġunijiet ta' l-effiċjenza u ta' l-effettività tan-nefqa, dawn l-ispezzjonijiet jistgħu jiġu midħula għalihom fil-qafas tad-Direttiva 95/21/KE, meta tapplika.

    (19) L-Istati Membri għandhom jiżguraw qafas xieraq amministrattiv għall-funzjonament adegwat tal-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port. Skond il-Marpol 73/78, l-allegazzjonijiet ta' faċilitajiet inadegwati ta' l-akkoljenza tal-port għandhom jiġu trasmessi lill-Organiżżazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO). L-istess tagħrif jista' jiġi trasmess simultanjament lill-Kummissjoni għall-għanijiet tat-tagħrif.

    (20) Sistema ta' tagħrif sabiex jiġu identifikati l-bastimenti li jniġġżu jew li potenzjalment iniġġżu tiffaċilita l-infurzar ta'din id-Direttiva u tkun ta' għajnuna fl-evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni tagħha. Is-sistema tat-tagħrif SIRENAC stabbilita skond il-Memorandum ta' Fehma ta' Pariġi dwar il-Kontroll tal-Portijiet mill-Istati tipprovdi ammont kbir ta' tagħrif addizzjonali meħtieġ għal dan il-għan.

    (21) Huwa meħtieġ illi l-Kumitat li jikkonsisti minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri jgħinu lill-Kummissjoni sabiex tapplika b'mod effettiv din id-Direttiva. Ġaladarba l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva huma miżuri ta'skop ġenerali fit-tifsira ta' l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta'Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri sabiex jiġu eżerċitati l-proċeduri sabiex jiġu implimentati tal-poteri mogħtija lilhom mill-Kummissjoni [7], dawn il-miżuri għandhom jiġu addottati skond il-proċedura regolatorja pprovduta fl-Artikolu 5 ta' din id-Deċiżjoni.

    (22) Ċerti dispożizzjonijiet ta'din id-Direttiva jistgħu, mingħajr ma jitwessa' l-iskop tagħha, jiġu emendati skond din il-proċedura sabiex iqisu l-miżuri Komunitarji jew dawk ta' l-IMO li jidħlu fis-seħħ fil-ġejjieni sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni armonizzata tagħhom,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    L-Artikolu 1

    L-Għan

    Il-għan ta' din id-Direttiva hu li jitnaqqsu l-iskarigi fil-baħar ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-fdalijiet mill-merkanzija, b'mod speċjali l-iskarigi illegali, minn bastimenti li jużaw il-portijiet Komunitarji, billi jtejbu d-disponibbilità u l-użu tal-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-fdalijiet mill-merkanzija, biex b'hekk tittejjeb il-protezzjoni ta' l-ambjent marittimu.

    L-Artikolu 2

    Id-Definizzjonijiet

    Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

    (a) "bastiment" għandu jfisser bastiment li jaħdem ikun xi jkun it-tip tiegħu fl-ambjent marittimu u għandu jinkludi l-vetturi tal-baħar hydrofoil, il-vetturi li jimxu fuq kuxxina ta' l-arja, il-vetturi li jimxu taħt l-ilma u li jiggalleġġjaw;

    (b) "Marpol 73/78" għandu jfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġiż mill-Bastimenti, ta' l-1973, kif immodifikata mill-Protokoll ta' l-1978 li għandu x'jaqsam magħha, kif ikun fis-seħħ fid-data ta' l-addozzjoni ta' din id-Direttiva;

    (ċ) "skart iġġenerat mill-bastimenti" għandu jfisser l-iskart kollu, inkluż id-drenaġġ, u l-fdalijiet l-oħra għajr il-fdalijiet mill-merkanzija, li jiġu ġġenerati matul is-servizz tal-bastiment u li jaqgħu fl-iskop ta' l-Annessi I, IV u V mal-Marpol 73/78 u l-iskart assoċjat mal-merkanzij kif definit fil-Linji Gwida sabiex jiġi implimentat l-Anness V mal-Marpol 73/78;

    (d) "l-fdalijiet mill-merkanzija" għandhom ifissru l-fdalijiet ta' kull materjal ta' merkanzija miżmuma abbord jew fl-istivi jew fit-tankijiet tal-merkanzija li jifdlu wara li jkunu tlestew il-proċeduri tal-ħatt u l-ħidmiet tat-tindif u għandhom jinkludu l-eċċessi u t-tixrid fit-tagħbija/ħatt tal-merkanzija;

    (e) "faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port" għandhom ifissru kull faċilità, fissa jew li tiggalleġġja u kapaċi li tirċievi l-iskart iġġenerat mill-bastimenti jew il-fdalijiet mill-merkanzija;

    (f) "bastiment tas-sajd" għandu jfisser kull bastiment imgħammar jew użat kummerċjalment għall-qbid tal-ħut jew ta' risorsi oħra ħajjin tal-baħar;

    (g) "qoxra/opra ta' rikreazzjoni" għandha tfisser bastiment ta' kull tip, ikunu xi jkunu l-mezzi tal-propulsjoni tiegħu, maħsuba għall-isport jew għal raġunijiet ta' divertiment;

    (h) "port" għandu jfisser post jew żona ġeografika magħmula minn xogħol ta' titjib u bit-tagħmir hekk li jippermetti, prinċipalment, l-akkoljenza tal-bastimenti inklużi l-bastimenti tas-sajd u l-opri ta' rikreazzjoni.

    Mingħajr preġudizzju għad-definizzjonijiet fil-punti (ċ) u (d), "skart iġġenerat mill-bastimenti" u "fdalijiet mill-merkanzija" għandhom jitqiesu bħala skart fit-tifsira ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta'Lulju 1975 dwar l-iskart [8].

    L-Artikolu 3

    L-Skop

    Din id-Direttiva għandha tapplika għal:

    (a) il-bastimenti kollha, inklużi l-bastimenti tas-sajd u l-opri ta' rikreazzjoni, irrispettivament mill-bandiera tagħhom, li jidħlu f'port ta' Stat Membru jew joperaw fih, bl-eċċezzjoni ta' kull bastiment tal-gwerra, navali awżiljari jew bastiment ieħor ippossedut jew imħaddem minn Stat u, f'dan iż-żmien, użat fis-servizz tal-gvern jew f'servizz mhux kummerċjali biss; u

    (b) il-portijiet kollha ta' l-Istati Membri li normalment iżuruhom bastimenti li jaqgħu taħt l-iskop tal-punt (a).

    L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jiżguraw illi bastimenti li jkunu esklużi mill-iskop ta'din id-Direttiva skond il-punt (a) tal-paragrafu preċedenti jikkunsinjaw l-iskart iġġenerat mill-bastiment tagħhom u l-fdalijiet mill-merkanzija, safejn u sakemm ikun raġonevoli u prattiku, b'mod konsistenti ma' din id-Direttiva.

    L-Artikolu 4

    Il-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà tal-faċilitajiet adegwati ta' l-akkoljenza fil-portijiet sabiex jilħqu mal-ħtiġiet tal-bastimenti li normalment jużaw il-port mingħajr ma jikkawżaw dewmien mhux xieraq lill-bastimenti.

    2. Sabiex tinkiseb l-adegwatezza, il-faċilitajiet ta' l-akkoljenza iridu jkunu kapaċi jirċievu t-tipi u l-kwantitajiet ta' l-iskart iġġenerat mill-bastiment u mill-fdalijiet mill-merkanzija minn bastimenti li normalment jużaw il-port, filwaqt li jqisu l-ħtiġiet ta' l-utenti tal-port, id-daqs u l-lokazzjoni ġeografika tal-port, it-tip tal-bastimenti li jidħlu fil-port u l-eżenzjonijiet ipprovduti skond l-Artikolu 9.

    3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri, skond dawk miftiehma mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), sabiex jirrappurtaw lill-port ta' l-Istat l-inadegwatezzi allegati fil-faċilitajiet ta' l-akkoljenza fil-port.

    L-Artikolu 5

    L-akkoljenza ta' l-iskart u l-pjani tat-tqandil

    1. Għandu jiġi żviluppat pjan xieraq għall-akkoljenza u t-tqandil ta' l-iskart għal kull port wara konsultazzjonijiet mal-partijiet rilevanti, b'mod partikolari ma' l-utenti tal-port jew mar-rappreżentanti tagħhom, waqt li jitqiesu l-ħtiġiet ta' l-Artikoli 4, 6, 7, 10 u 12. Il-ħtiġiet iddettaljati għall-iżvilupp ta' dawn il-pjani huma ddikjarati fl-Anness I.

    2. Il-pjani għall-akoljenza u t-tqandil referiti fil-paragrafu 1, jistgħu, fejn meħtieġ għal raġunijiet ta' effiċjenza, jiġu żviluppati f'kuntest reġjonali bl-involviment xieraq ta' kull port, sakemm jiġu speċifikati l-ħtieġa tal-faċilitajiet ta' l-akkoljenza u d-disponibbiltà tagħhom f'kull port individwali.

    3. L-Istati Membri għandhom jevalwaw u japprovaw il-pjan ta' l-akkoljenza u t-tqandil ta' l-iskart, jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tiegħu u jiżguraw l-approvazzjoni mill-ġdid mill-inqas kull tliet snin u wara bidliet sinifikanti fit-tħaddim tal-port.

    L-Artikolu 6

    In-Notifiki

    1. Il-kaptan ta' bastiment, għajr ta' bastiment tas-sajd jew opra ta'rikreazzjoni awtorizzati li ma jġorrux iktar minn 12-il passiġġier, li jkun sejjer lejn port lokat fil-Komunità għandu jimla' b'verità u eżattezza l-formola fl-Anness II u jinnotifika lill-awtoritá jew lill-korp assenjat għal dan il-għan mill-Istat Membru li fih ikun lokat dan il-port:

    (a) mill-inqas 24 siegħa qabel tkun magħrufa l-wasla, jekk il-port taż-żjara; jew

    (b) hekk kif isir jaf il-port taż-żjara, jekk dan it-tagħrif ikun disponibbli f'inqas minn 24 siegħa qabel il-wasla; jew

    (ċ) minn ta' l-inqas mat-tluq mill-port ta'qabel, jekk it-tul tal-vjaġġ ikun inqas minn 24 siegħa.

    L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu illi t-tagħrif jiġi nnotifikat lill-operatur tal-faċilità ta' l-akkoljenza tal-port, li jrid jgħarraf b'dan lill-awtorità rilevanti.

    2. It-tagħrif referit fil-paragrafu 1 għandu jinżamm abbord għall-inqas sal-port li jkun imiss għad-dħul u għandu jkun disponibbli fuq talba lill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri.

    L-Artikolu 7

    Il-kunsinja ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti

    1. Il-kaptan ta' bastiment li jidħol f'port Komunitarju għandu, qabel iħalli l-port, jikkunsinja l-iskart iġġenerat mill-bastiment lill-faċilità ta' l-akkoljenza tal-port.

    2. Minkejja l-paragrafu 1, bastiment jista' jipproċedi għall-port tad-dħul li jmiss mingħajr ma jikkunsinja l-iskart iġġenerat mill-bastiment, jekk jiġri mit-tagħrif mogħti skond l-Artikolu 6 u l-Anness II, illi jkollu kapaċità suffiċjenti ta' ħażna ddedikata għall-iskart kollu ġġenerat mill-bastiment akkumulat u li jkun sejjer jakkumula matul il-vjaġġ maħsub tal-bastiment sal-port tal-kunsinja.

    Jekk ikun hemm raġunijiet tajba sabiex dak li jkun jemmen illi ma jkunux disponibbli faċilitajiet xierqa fil-port maħsub għall-kunsinja, jew jekk il-port ma jkunx magħruf, u li għalhekk ikun hemm ir-riskju li l-iskart jintrema fil-baħar, l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprevieni t-tniġġiż tal-baħar, jekk meħtieġ billi l-bastiment jintalab li jikkunsinja l-iskart tiegħu qabel ma jħalli l-port.

    3. Il-paragrafu 2 għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-ħtiġiet iktar restringenti tal-kunsinja għall-bastimenti addottati skond il-liġijiet internazzjonali.

    L-Artikolu 8

    L-imposti fuq l-iskart iġġenerat mill-bastimenti

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-ispejjeż tal-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port fuq l-iskart iġġenerat mill-bastimenti, inklużi t-trattament u l-qerda ta' l-iskart, għandhom ikunu koperti permezz tal-ġbir ta' imposta mill-bastimenti.

    2. Is-sistemi ta' l-irkupru ta' l-ispejjeż għall-użu tal-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port m'għandhom jipprovdu l-ebda inċentiv lill-bastimenti sabiex jiskarigaw l-iskart tagħhom fil-baħar. Għal dan l-iskop il-prinċipji li ġejjin għandhom japplikaw għall-bastimenti għajr il-bastimenti tas-sajd u l-opri ta' rikreazzjoni awtorizzati li jġorru mhux iktar minn 12-il passiġġier:

    (a) il-bastimenti kollha li jidħlu fil-port ta' Stat Membru għandhom jikkontribwixxu sostanzjalment għall-ispejjeż referiti fil-paragrafu 1, irrispettivament mill-użu attwali tal-faċilitajiet. L-arranġamenti għal dan l-effett jistgħu jinkludi l-inkorporazzjoni ta' imposta fuq il-ħlasijiet tal-port jew imposta separata standard fuq l-iskart. L-imposti jistgħu ivarjaw rigward, fost ħwejjeġ oħra, il-kategorija, it-tip u d-daqs tal-bastiment;

    (b) il-parti ta' l-ispejjeż li ma tkunx koperta bl-imposta referita fis-subparagrafu (a), jekk ikun hemm, għandha tkun koperta fuq il-bażi tat-tipi u tal-kwantitajiet ta' skart iġġenerat mill-bastiment li fil-fatt ikun ikkunsinjat mill-bastiment;

    (ċ) l-imposti jistgħu jiġu mnaqqsa jekk il-maniġġjar ambjentali, id-disinn, it-tagħmir u l-ilma tal-bastiment huma hekk illi l-kaptan tal-bastiment jista' juri li l-bastiment jipproduċi kwantitajiet imnaqqsa ta' skart iġġenerat mill-bastiment.

    3. Sabiex jiġi żgurat illi l-imposti huma xierqa, trasparenti, mhux diskriminatorji u jirriflettu l-ispejjeż tal-faċilitajiet u tas-servizzi magħmula disponibbli u, fejn xieraq, użati, l-ammont ta' l-imposti u l-bażi li fuqhom kienu kkalkolati għandhom ikunu ċari għall-utenti tal-port.

    4. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien tliet snin mid-data referita fl-Artikolu 16(1), tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jevalwa l-impatt tal-varjetà fis-sistemi ta' l-irkupru ta' l-ispejjeż addottati skond il-paragrafu 2 fuq l-ambjent marittimu u l-mudelli tax-xejriet ta' l-iskart. Dan ir-rapport għandu jiġi mfassal f'kuntatt ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u tar-rappreżentanti tal-portijiet.

    Il-Kummissjoni għandha, jekk meħtieġ fid-dawl ta'din l-evalwazzjoni, tissottometi proposta li temenda din id-Direttiva bl-introduzzjoni ta'sistema li tinvolvi l-ħlas ta'perċentwali xieraq, ta'mhux inqas minn terz, ta' l-ispejjeż referiti fil-paragrafu 1 mill-bastimenti kollha li jagħmlu użu mill-port ta' Stat Membru irrispettivament mill-użu attwali tal-faċilitajiet, jew sistema oħra b'effetti ekwivalenti.

    L-Artikolu 9

    L-eżenzjonijiet

    1. Meta l-bastimenti jkunu qegħdin jaħdmu fi traffiku skedat bi dħul spiss u regolari fil-portijiet u li jkun hemm evidenza biżżejjed għal arranġament li jiżgura l-kunsinja ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-ħlas ta' l-imposti f'port matul ir-rotta tal-bastiment, l-Istati Membri tal-portijiet involuti jistgħu jeżentaw lil dawn il-bastimenti mill-obbligi fl-Artikolu 6, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8.

    2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-eżenzjonijiet konċessi skond il-paragrafu 1 fuq bażi regolari, għall-inqas darba fis-sena.

    L-Artikolu 10

    Il-kunsinja tal-fdalijiet mill-merkanzija

    Il-kaptan ta' bastiment li jidħol f'port Komunitarju għandu jiżgura illi l-fdalijiet mill-merkanzija jiġu kkunsinjati lil faċilità ta' l-akkoljenza tal-port skond id-dispożizzjonijiet tal-Marpol 73/78. Kull imposta fuq il-kunsinja tal-fdalijiet mill-merkanzija għandha titħallas mill-utent tal-faċilità ta' l-akkoljenza.

    L-Artikolu 11

    L-infurzar

    1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull bastiment jista' jkun bla ħsara għal spezzjoni sabiex jivverifikaw illi jħares l-Artikoli 7 u 10 u li jitwettaq numru suffiċjenti minn dawn l-ispezzjonijiet.

    2. Dwar l-ispezzjonijiet li jirrigwardaw bastimenti għajr bastimenti tas-sajd u opri ta' rikreazzjoni awtorizzati li jġorru mhux iktar minn 12-il passiġġier:

    (a) fil-għażla tal-bastimenti għall-ispezzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil:

    - il-bastimenti li ma jkunux ħarsu l-ħtiġiet tan-notifiki fl-Artikolu 6;

    - il-bastimenti li għalihom l-eżami tat-tagħrif ipprovdut mill-kaptan skond l-Artikolu 6 jkun żvela raġunijiet li jagħtu x'jinħaseb illi l-bastiment ma jħarisx din id-Direttiva;

    (b) din l-ispezzjoni tista' titwettaq ġewwa l-qafas tad-Direttiva 95/21/KE, meta tapplika; ikun xi jkun il-qafas ta' l-ispezzjonijiet, għandha tapplika l-ħtieġa ta' l-ispezzjoni ta' 25 % iddikjarata f'din id-Direttiva;

    (ċ) jekk l-awtorità relevanti ma tkunx ssodisfata bir-riżultati ta' dan l-ispezzjoni, għandha tiżgura illi l-bastiment ma jħallix il-port sakemm ikun ikkunsinja l-iskart iġġenerat mill-bastiment u mill-fdalijiet mill-merkanzija lill-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port skond l-Artikoli 7 u 10;

    (d) meta jkun hemm xiehda ċara illi bastiment ikun baħħar mingħajr ma jkun ħares l-Artikoli 7 jew 10, l-awtorità kompetenti tal-port ta' wara għandu jiġi mgħarraf b'dan u dan il-bastiment, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-penali referiti fl-Artikolu 13, ma jkunx permess li jħalli l-port sakemm issir stima ddettaljata tal-fatturi li għandhom x'jaqsmu mat-tħaris ta din id-Direttiva mill-bastiment, bħall-eżattezza ta' kull tagħrif ipprovdut skond l-Artikolu 6.

    3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri ta' kontroll, safejn u sakemm meħtieġa, għall-bastimenti tas-sajd u l-opri ta' rikreazzjoni awtorizzati li jġorru mhux iktar minn 12-il passiġġier sabiex jiżguraw il-konformità mal-ħtiġiet li japplikaw għal din id-Direttiva.

    L-Artikolu 12

    Il-miżuri li jakkumpanjaw

    1. L-Istati Membri għandhom:

    (a) jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-kaptani tal-bastimenti, il-fornituri ta' faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-portijiet u persuni oħra interessati jkunu mgħarrfa adegwatament bil-ħtiġiet indirizzati lilhom skond din id-Direttiva u li huma jaqblu magħhom;

    (b) jinnominaw awtoritajiet jew korpi xierqa sabiex iwettqu l-funzjonijiet skond din id-Direttiva;

    (ċ) jagħmlu dispożizzjoni għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti tagħhom u l-organizzazzjonijiet kummerċjali sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta' din id-Direttiva;

    (d) jiżguraw illi t-tagħrif nnotifikat mill-kaptani tal-bastimenti skond l-Artikolu 6 jiġi eżaminat kif xieraq;

    (e) jiżguraw illi l-formalitajiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-użu tal-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port ikunu sempliċi u b'ħeffa sabiex joħolqu inċentiv għall-kaptan tal-bastiment li juża l-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port u sabiex jiġi evitat dewmien mhux xieraq lill-bastimenti;

    (f) jiżguraw illi l-Kummissjoni tkun ipprovduta b'kopja ta' l-allegazzjonijiet ta' faċilitajiet inadegwati ta' l-akkoljenza tal-port riferiti fl-Artikolu 4(3);

    (g) jiżguraw illi t-trattament, l-irkupru jew il-qerda ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-fdalijiet mill-merkanzija jitwettqu skond id-Direttiva 75/442/KEE u l-leġislazzjoni rilevanti l-oħra dwar l-iskart, b'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 75/439/KEE tas-16 ta' Ġunju 1975 dwar il-qerda taż-żjut għall-iskart [9] u d-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar l-iskart perikoluż [10].

    (h) jiżguraw skond il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom illi kull parti involuta fil-kunsinja jew fl-akkoljenza ta'skart iġġenerat mill-bastimenti jew fdalijiet mill-merkanzija jistgħu jippretendu kumpens għall-ħsara kkawżata minn dewmien mhux xieraq.

    2. Il-kunsinja ta' skart iġġenerat mill-bastiment u l-fdalijiet mill-merkanzija għandhom jitqiesu bħala rilaxx fiċ-ċirkulazzjoni libera fit-tifsira ta' l-Artikolu 79 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunità [11]. L-awtoritajiet tad-dwana m'għandhomx jeħtieġu d-depożitu ta' dikjarazzjoni fil-qosor skond l-Artikolu 45 tal-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunità.

    3. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw sabiex jistabbilixxu sistema xierqa ta' tagħrif u ta' immonitorjar, li tkopri mill-inqas il-Komunità kollha, sabiex:

    - itejbu l-identifikazzjoni tal-bastimenti li ma jkunux ikkunsinjaw l-iskart tagħhom iġġenerat mill-bastiment u l-fdalijiet mill-merkanzija skond din id-Direttiva,

    - jaċċertaw jekk intlaħqux il-miri stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva.

    4. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikooperaw sabiex jistabbilixxu l-kriterji komuni sabiex jiġu identifikai l-bastimenti referiti fl-Artikolu 8(2)(ċ).

    L-Artikolu 13

    Il-penali

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta' penali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali addottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi dawk il-penali jiġu applikati. Il-penali hekk ipprovduti għandhom ikunu effettivi, pproporzjonati u disswasivi.

    L-Artikolu 14

    Il-Kumitat Regolatorju

    1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 93/75/KEE [12], minn issa 'l-quddiem imsejjaħ "il-Kumitat".

    2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

    Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

    3. Il-Kumitat għandu jaddotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

    L-Artikolu 15

    Il-proċedura għall-emenda

    L-Annessi ma' din id-Direttiva, id-definizzjoni fl-Artikolu 2(b), ir-referenzi għall-istrumenti Komunitarji u r-referenzi għall-istrumenti ta' l-IMO jistgħu jiġu emendati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14(2) sabiex jinġiebu f'linja waħda mal-miżuri Komunitarji jew ta' l-IMO li jkunu daħlu fis-seħħ, safejn u sakemm dawn l-emendi ma jwessgħux l-iskop ta' din id-Direttiva.

    Barra minn hekk, l-Anness ma' din id-Direttiva jista' jiġi emendat skond din il-proċedura meta meħtieġ biex jittejjeb ir-reġim stabbilit b'din id-Direttiva, safejn u sakemm dawn l-emendi ma jwessgħux l-iskop ta' din id-Direttiva.

    L-Artikolu 16

    L-implimentazzjoni

    1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel it-28 ta' Diċembru 2002 u jgħarrfu minnufuh lill-Kummissjoni b'dan.

    Madankollu, safejn jirrigwarda d-drenaġġ kif referit fl-Artikolu 2(ċ), l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandha tiġi sospiża sa 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' l-Anness IV mal-Marpol 73/78, filwaqt li tiġi rrispetta d-distinzjoni magħmula f'din il-konvenzjoni bejn il-bastimenti ġodda u dawk eżistenti.

    2. Meta l-Istati Membri jaddottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkazjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    L-Artikolu 17

    L-evalwazzjoni

    1. L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni rapport dwar l-istat tas-sitwazzjoni rigward l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva kull tliet snin.

    2. Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport ta' evalwazzjoni rigward it-tħaddim tas-sistema kif ipprovdut f'din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fuq il-bażi tar-rapporti mill-Istati Membri kif stabbilit fil-paragrafu 1 flimkien ma' proposti kif meħtieġa, li jirrigwardaw l-implimentazzjoni ta'din id-Direttiva.

    L-Artikolu 18

    Id-dħul fis-seħħ

    Din ir-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    L-Artikolu 19

    Indirizzati

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fis-27 ta' Novembru 2000.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    N. Fontaine

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. Fabius

    [1] ĠU C 271, tal-31.8.1998, p. 79 u ĠU C 148, tat-28.5.1999, p. 7.

    [2] ĠU C 138, tat-18.5.1999, p. 12.

    [3] ĠU C 198, ta' l-14.7.1999, p. 27.

    [4] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 1999 (ĠU C 150, tat-28.5.1999, p. 432), ikkonfermata fis-16 ta' Settembru 1999, il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-8 ta' Novembru 1999 (ĠU C 10, tat-13.1.2000, p. 14) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Marzu 2000 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Settembru 2000 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Settembru 2000.

    [5] ĠU C 271, tas-7.10.1993, p. 1.

    [6] ĠU L 157, tas-7.7.1995, p. 1. Id-Direttiva l-aħħar emandata bid-Direttiva 98//42/KE (ĠU L 184, tas-27.6.1998, p. 40).

    [7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

    [8] ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 39. Id-Direttiva kif l-aħħar emandata bid-Direttiva tal-Kunsill 96/350/EC (ĠU L 135, tas-6.6.1996, p. 32).

    [9] ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 23. Id-Direttiva kif l-aħħar emandata bid-Direttiva 91/692/KEE (ĠU L 377, tat-30.12.1991, p. 48).

    [10] ĠU L 377, tal-31.12.1991, p. 20. Id-Direttiva kif l-aħħar emandata bid-Direttiva 94/31/KEE (ĠU L 168, tat-2.7.1994, p. 28).

    [11] ĠU L 302, tad-19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 955/1999 (ĠU L 119, tas-7.5.1999, p. 1).

    [12] ĠU L 247, tal-5.10.1993, p. 19. Id-Direttiva kif l-aħħar emandata bid-Direttiva 98//74/KE (ĠU L 276, tat- tat- 13.10.1998, p. 7).

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS I

    IL-ĦTIĠIJIET TAL-PJANI TA' L-AKKOLJENZA U T-TQANDIL TA' l-ISKART FIL-PORTIJIET

    (kif imsemmija fl-Artikolu 5)

    Il-pjani għandhom ikopru t-tipi kollha ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti u tal-fdalijiet mill-merkanzija li joriġinaw mill-bastimenti li normalment iżuru l-port u għandhom jiġu żżvilippati skond id-daqs tal-port u t-tipi ta' bastimenti li jidħlu f'dan il-port.

    L-elementi li ġejjin għandhom ikunu indirizzati fil-pjani:

    - stima tal-ħtieġa għall-faċilitajiet ta' l-akkoljenza fil-port, fid-dawl tal-ħtieġa tal-bastimenti li normalment iżuru l-port;

    - deskrizzjoni dwar it-tip u l-kapaċità tal-faċilitajiet ta' l-akkoljenza tal-port;

    - deskrizzjoni ddettaljata tal-proċeduri għall-akkoljenza u l-ġbir ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-fdalijiet mill-merkanzija;

    - deskrizzjoni tas-sistema ta' l-imposti;

    - proċeduri sabiex jiġu rrappurtati l-inadegwatezzi allegati fil-faċilitajiet ta' l-akkoljenza fil-port;

    - proċeduri tal-konsultazzjonijiet li jkunu għaddejjin ma' l-utenti tal-port, il-kuntratturi ta' l-iskart, l-operaturi tat-terminal u partijiet oħra interessati; u

    - it-tip u l-kwantitajiet ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti u tal-fdalijiet mill-merkanzija rċevuti u mqandla.

    B'żieda ma' dawn, il-pjani għandhom jinkludu:

    - sommarju tal-leġislazzjoni rilevanti u tal-formalitajiet għall-kunsinja;

    - l-identifikazzjoni tal-persuna jew persuni li jridu jkunu responsabbli mill-implimentazzjoni tal-pjan;

    - deskrizzjoni tat-tagħmir tal-proċessi ta' qabel it-trattament fil-port, jekk ikun hemm minn dawn;

    - deskrizzjoni tal-metodi dwar ir-reġistrazzjoni ta' l-użu attwali tal-faċilitajiet ta' l-akkoljenza fil-port;

    - deskrizzjoni tal-metodi tar-reġistrazzjoni ta' l-ammonti ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti u tal-fdalijiet mill-merkanzija rċevuti; u

    - deskrizzjoni dwar kif jinqered l-iskart iġġenerat mill-bastiment u l-fdalijiet mill-merkanzija.

    Il-proċeduri għall-akkoljenza, il-ġbir, il-ħażna u l-qerda għandhom jikkonformaw f'kull rispett ma' skema ta' maniġġjar ambjentali xierqa għat-tnaqqis b'mod progressiv ta' l-impatt fuq l-ambjent minn dawn l-attivitajiet. Din il-konformità hija presunta jekk il-proċeduri jħarsu r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1836/93 tad-29 ta' Ġunju 1993 li jippermetti l-parteċipazzjoni volontarja tal-kumpanniji fis-settur industrijali fi skema Komunitarja ta' maniġġjar u verifika ekoloġiċi [1].

    It-tagħrif li jrid jiġi magħmul disponibbli lill-utenti kollha tal-portijiet:

    - referenza qasira għall-importanza fondamentali tal-kunsinja xierqa ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti u tal-fdalijiet mill-merkanzija;

    - il-lokazzjoni tal-faċilitajiet ta' l-akkoljenza fil-port li tapplika għal kull irmiġġ, akkumpanjata b'dijagramma/mappa;

    - lista ta' l-iskart iġġenerat mill-bastimenti u tal-fdalijiet mill-merkanzija li normalment jiġu ttrattati;

    - lista tal-punti tal-kuntatt, ta' l-operaturi u tas-servizzi offruti;

    - deskrizzjoni tal-proċeduri għall-kunsinja;

    - deskrizzjoni tas-sistema ta' l-imposti; u

    - il-proċeduri sabiex jiġu rrapportati inadegwatezzi allegati fil-faċilitajiet ta' l-akkoljenza fil-port.

    [1] ĠU L 168, ta' l-10.7.1993, p. 1.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS II

    +++++ TIFF +++++

    +++++ TIFF +++++

    --------------------------------------------------

    Top