Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998L0034

    Id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi

    ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37–48 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/10/2015; Revokat u sostitwit bi 32015L1535

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/34/oj

    31998L0034



    Official Journal L 204 , 21/07/1998 P. 0037 - 0048


    Id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    tat-22 ta’ Ġunju 1998

    li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 100a, 213 u 43 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

    Huma u jaġixxu bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189b tat-Trattat [3],

    (1) Billi d-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi [4] diġà ġiet emendata b’mod varju u sostanzjali; billi għar-raġunijiet taċ-ċarezza u tar-razzjonalità id-direttiva msemmija għandha tiġi kkonsolidata;

    (2) Billi s-suq intern jinkludi żona mingħajr fruntieri li fiha jiġi żgurat il-moviment tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital; billi, għalhekk, il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq il-moviment tal-merkanzija u ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti hija waħda mill-prinċipji bażiċi tal-Komunità;

    (3) Billi sabiex ikun imħeġġeġ it-tħaddim bla xkiel tas-suq intern għandha tiġi żgurata trasparenza kemm jista’ jkun fir-rigward ta’ l-inizjattivi nazzjonali sabiex jiġu stabbiliti standards u regolamenti tekniċi;

    (4) Billi l-ostakoli għall-kummerċ li jirriżultaw minn regolamenti tekniċi li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti jistgħu jitħallew biss fejn huma meħtieġa sabiex jissodisfaw il-ħtiġiet essenzjali u għandhom għan fl-interess pubbliku li tiegħu huma jikkostitwixxu l-garanzija ewlenija;

    (5) Billi huwa essenzjali għall-Kummissjoni li jkollha l-informazzjoni meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħha qabel tadotta d-dispożizzjonijiet tekniċi; billi, b’konsegwenza ta’ dan, l-Istati Membri li huma meħtieġa li jiffaċilitaw il-kisba tax-xogħol tagħha skond l-Artikolu 5 tat-Trattat għandhom jinnotifikawha bil-proġetti tagħhom fil-qasam tar-regolamenti tekniċi;

    (6) Billi l-Istati Membri kollha għandhom wkoll ikunu mgħarrfa bir-regolamenti tekniċi kkontemplati minn xi wieħed mill-Istati Membri;

    (7) Billi l-għan tas-suq intern huwa li joħloq ambjent li jwassal għall-kompetittività ta’ l-intrapriżi; billi żieda fil-proviżjoni ta’ informazzjoni hija mod wieħed li jgħin lill-intrapriżi jiksbu iktar mill-vantaġġi inerenti f’dan is-suq; billi huwa għalhekk meħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jiġu megħjuna biex jagħtu l-istima tagħhom dwar l-impatt tar-regolamenti tekniċi nazzjonali proposti mill-Istati Membri l-oħra, billi tkun provduta l-pubblikazzjoni regolari tat-titoli ta’ l-abbozzi nnotifikati u permezz tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kunfidenzjalità ta’ dawn l-abbozzi;

    (8) Billi huwa xieraq, fl-interess taċ-ċarezza legali, illi l-Istati Membri jħabbru b’mod pubbliku illi jkun ġie adottat regolament tekniku b’mod konformi mal-formalitajiet stabbiliti f’din id-Direttiva;

    (9) Billi, safejn u sakemm ikollhom x’jaqsmu r-regolamenti tekniċi dwar il-prodotti, il-miżuri mfassla biex jiżguraw it-tħaddim xieraq jew l-iżvilupp kontinwu jinkludu iktar ċarezza dwar l-intenzjonijiet nazzjonali u dwar it-twessigħ tal-kriterji u tal-kondizzjonijiet biex jiġi stmat l-effett potenzjali fuq is-suq tar-regolamenti proposti;

    (10) Billi huwa għalhekk meħtieġ li jiġu stmati l-ħtiġiet kollha stabbiliti fir-rigward ta’ prodott u li jitqiesu l-iżviluppi fil-prattiki nazzjonali għar-regolament tal-prodotti;

    (11) Billi l-ħtiġiet, għajr l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, li jirreferu għaċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott wara li jkun inħareġ fis-suq x’aktarx li jaffettwaw il-moviment liberu ta’ dak il-prodott jew li joħolqu ostakoli għat-tħaddim xieraq tas-suq intern;

    (12) Billi huwa meħtieġ li jiġi kjarifikat il-kunċett ta’ regolament tekniku de facto; billi, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet li bihom l-awtorità pubblika tirreferi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra, jew li (bihom) tinkoraġġixxi l-osservanza tagħhom, u d-dispożizzjonijiet li jirreferu għall-prodotti li magħhom tiġi assoċjata l-awtorità pubblika, fl-interess pubbliku, ikollhom l-effett li jsawbu fuq dawn il-ħtiġiet jew speċifikazzjonijiet valur li jorbot iktar milli kieku jkollhom bis-saħħa ta’ l-oriġini privata tagħhom;

    (13) Billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom wkoll jingħataw żmien biżżejjed li fih jipproponu emendi għal miżura kkontemplata, sabiex ineħħu jew inaqqsu kull ostakolu li tista’ toħloq għall-moviment liberu ta’ l-oġġetti;

    (14) Billi l-Istati Membri interessati għandhom iqisu dawn l-emendi meta jiġu biex jifformolaw it-test definittiv tal-miżura prevista;

    (15) Billi huwa inerenti fis-suq intern li, b’mod partikolari fejn ma jistax jiġi implimentat il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku mill-Istati Membri, il-Kummissjoni tadotta jew tipproponi l-adozzjoni ta’ atti Komunitarji li jorbtu; billi ġie stabbilit perjodu ta’ żmien ta’ waqfien temporanju speċifiku biex jimpedixxi li d-dħul ta’ miżuri nazzjonali jikkomprometti l-adozzjoni fl-istess qasam mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni ta’ atti tal-Komunità li jorbtu;

    (16) Billi l-Istati Membri involuti fil-kwistjoni għandhom, skond l-obbligi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat, iħallu għal iktar tard l-implimentazzjoni tal-miżura kkontemplata għal perjodu biżżejjed taż-żmien biex jagħtu permess jew għal eżami konġunt ta’ l-emendi proposti jew għat-tħejjija ta’ proposta għall-att li jorbot tal-Kunsill jew l-adozzjoni ta’ att li jorbot mill-Kummissjoni; billi l-limiti taż-żmien stabbiliti fil-Ftehim tal-laqgħa tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri fil-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 1969 li jipprovdi għal waqfa u għal notifika lill-Kummissjoni [5], kif emendat bil-Ftehim tal-5 ta’ Marzu 12973 [6], instabu li mhumiex adegwati fil-każijiet involuti u għandhom għalhekk jiġu mtawla;

    (17) Billi l-proċedura li għandha x’taqsam ma’ l-arranġament ta’ waqfien (standstill) u tan-notifika tal-Kummissjoni li tinsab fil-ftehim imsemmi hawn fuq tat-28 ta’ Mejju 1969 tibqa’ tapplika għall-prodotti soġġetti għal dik il-proċedura li mhumiex koperti b’din id-Direttiva;

    (18) Billi, bil-ħsieb li titħaffef l-adozzjoni ta’ miżuri Komunitarji mill-Kunsill, l-Istati Membri għandhom jieqfu milli jadottaw regolamenti tekniċi jekk il-Kunsill ikun adotta pożizzjoni komuni fuq proposta mill-Kummissjoni dwar dak is-settur;

    (19) Billi, fil-prattika, l-istandards nazzjonali jista’ jkollhom l-istess effett fuq il-moviment tal-prodotti bħar-regolamenti tekniċi;

    (20) Billi għalhekk jidher meħtieġ li l-Kummissjoni tiġi mgħarrfa bl-istandards abbozzati f’kondizzjonijiet simili bħal dawk li japplikaw għar-regolamenti tekniċi; billi, skond l-Artikolu 213 tat-Trattat, il-Kummissjoni tista’, fil-limiti u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, tiġbor kull informazzjoni u twettaq kull kontroll meħtieġ għat-twettieq tal-biċċiet tax-xogħol fdati lilha;

    (21) Billi huwa wkoll meħtieġ għall-Istati Membri u għall-istituzzjonijiet ta’ l-istandards li jiġu mgħarrfa bl-istandards ikkontemplati mill-istituzzjonijiet ta’ l-istandards fl-Istati Membri l-oħra;

    (22) Billi notifika sistematika hija fil-fatt meħtieġa biss fil-każ ta’ suġġetti ġodda għall-istandardizzazzjoni u safejn u sakemm it-trattament ta’ dawn is-suġġetti fil-livell nazzjonali jista’ joħloq differenzi fl-istandards nazzjonali li, b’riżultat ta’ dan, x’aktarx li jfixklu t-tħaddim tas-suq; billi kull notifika jew komunikazzjoni sussegwenti li jkollha x’taqsam mal-progress ta’ l-attivitajiet nazzjonali trid tiddependi fuq l-interess f’dawn l-attivitajiet espress minn dawk li lilhom ikun diġà ġie kkomunikat dan is-suġġett ġdid;

    (23) Billi madankollu l-Kummissjoni għandha tkun kapaċi li titlob il-komunikazzjoni ta’ parti mill-programmi nazzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni jew tal-programmi kollha biex tkun tista’ tirrevedi l-iżvilupp ta’ l-attività ta’ l-istandardizzazzjoni b’mod partikolari fis-setturi ekonomiċi;

    (24) Billi s-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni għandha tiġi organizzata minn u għall-partijiet interessati, fuq il-bażi ta’ koerenza, trasparenza, onestà, kunsens, l-indipendenza ta’ interessi speċjali, effiċjenza u sistema ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażata fuq rappreżentanza nazzjonali;

    (25) Billi t-tħaddim ta’ l-istandardizzazzjoni fil-Komunità għandu ikun imsejjes fuq id-drittijiet fundamentali tal-korpi nazzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni, bħalma huma l-possibbilità li jiksbu abbozzi ta’ standards, li jiġu mgħarrfa b’azzjoni meħuda bi tweġiba għall-kummenti mressqa, li jkunu assoċjati ma’ attivitajiet nazzjonali ta’ standardizzazzjoni jew fit-talba tat-tħejjija ta’ standards Ewropej minflok l-istandards nazzjonali; billi jiġi min-naħa ta’ l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri xierqa fis-setgħa tagħhom biex jiżguraw li l-korpi ta’ l-istandardizzazjoni josservaw dawn id-drittijiet;

    (26) Billi d-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-arranġamenti ta’ waqfien (standstill) li japplikaw għall-korpi nazzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni meta jkun qiegħed jiġi mħejji standard Ewropew għandhom jinġiebu konformi mad-dispożizzjonijiet relevanti adottati mill-korpi ta’ l-istandardizzazzjoni fil-qafas tal-korpi Ewropej ta’ l-istandardizzazzjoni;

    (27) Billi huwa meħtieġ li jiġi stabbilit Kumitat Permanenti, li l-membri tiegħu jiġu maħtura mill-Istati Membri li xogħlu jkun li jgħin lill-Kummissjoni teżamina l-abbozzi ta’ l-istandards nazzjonali u li jikkopera fl-isforzi tagħha li jitnaqqas kull effett avvers ta’ dawn fuq il-moviment liberu ta’ l-oġġetti;

    (28) Billi l-Kumitat Permanenti għandu jiġi kkonsultat dwar it-talbiet għall-abbozzi ta’ l-istandardizzazzjonijiet li hemm referenza għalihom f’din id-Direttiva;

    (29) Billi din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-obbligi ta’ l-Istati Membri fejn għandhom x’jaqsmu d-dati ta’ għeluq għat-traspożizzjoni tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness III, il-Parti B,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    L-Artikolu 1

    Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:

    1. “prodott”, kull prodott fabbrikat b’mod industrijali u kull prodott agrikolu, inklużi prodotti mill-ħut;

    2. “speċifikazzjoni teknika”, speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi ta’ l-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità.

    It-terminu “speċifikazzjoni teknika” jkopri wkoll il-metodi u l-proċessi tal-produzzjoni użati rigward il-prodotti agrikoli li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 38(1) tat-Trattat, il-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali, u l-prodotti mediċinali ddefiniti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 65/65/KEE [7], kif ukoll il-metodi u l-proċessi tal-produzzjoni li għandhom x’jaqsmu ma’ prodotti oħra, fejn dawn ikolhom effett fuq il-karatteristiċi tagħhom;

    3. “ħtiġiet oħra”, ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq;

    4. “standard”, speċifikazzjoni teknika approvata minn korp rikonoxxut ta’ l-istandardizzazzjoni għal applikazzjoni mtennija jew kontinwa, li l-konformità magħha mhijiex obbligatorja u li hija waħda minn dawn li ġejjin:

    - standard internazzjonali: standard adottat minn organizzazzjoni internazzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni u magħmul disponibbli għall-pubbliku,

    - standard Ewropew: standard adottat minn organizzazzjoni Ewropea ta’ l-istandardizzazzjoni u magħmul disponibbli għall-pubbliku,

    - standard nazzjonali: standard adottat minn organizzazzjoni nazzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni u magħmul disponibbli għall-pubbliku;

    5. “programm ta’ l-istandards”, programm tax-xogħol ta’ korp rikonoxxut ta’ l-istandardizzazzjoni li jelenka s-suġġetti li fuqhom ikun qiegħed isir xogħol ta’ standardizzazzjoni;

    6. “abbozz ta’ standard”, dokument li jkun fih speċifikazzjonijiet tekniċi li jkollhom x’jaqsmu ma’ suġġett partikolari, li jkun qiegħed jiġi kkunsidrat sabiex jiġi adottat b’mod konformi mal-proċedura ta’ l-istandards nazzjonali, kif dan id-dokument ikun jinsab wara x-xogħol ta’ tħejjija u kif ikun ċirkolat għall-kummenti jew skrutinju mill-pubbliku;

    7. “korp Ewropew ta’ l-istandardizzazzjoni”, korp li hemm referenza għalih fl-Anness I;

    8. “korp nazzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni”, korp li hemm referenza għalih fl-Anness II;

    9. “regolament tekniku”, speċifikazzjonijiet u ħtiġiet oħra tekniċi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi relevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tal-bejgħ fis-suq jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk li għalihom hemm provdut fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-manifattura, l-importazzjoni, il-bejgħ fis-suq jew l-użu ta’ prodott.

    Ir-regolamenti tekniċi de facto jinkludu:

    - il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru li jirreferu jew għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għal ħtiġiet oħra jew għal kodiċijiet professjonali jew għal kodiċijiet ta’ prattika li, min-naħa tagħhom, jirreferu għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra u li l-konformità magħhom tagħti presunzjoni ta’ konformità ma’ l-obbligi imposti mil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija iktar ’il fuq,

    - ftehim volontarju li għalih, awtorità pubblika, tkun parti kontraenti u li jipprovdi, fl-interess pubbliku, konformità ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ma’ ħtiġiet oħra, għajr l-ispeċifikazzjonijiet dwar l-offerti tal-ksib pubbliku,

    - speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra li huma marbutin ma’ miżuri fiskali jew finanzjarji li jaffettwaw il-konsum tal-prodotti billi jinkoraġġixxu l-konformità ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra; speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra marbutin mas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali mhumiex inklużi.

    Dan jinkludi r-regoli tekniċi imposti mill-awtoritajiet maħtura mill-Istati Membri u li jidhru f’lista li għad trid titfassal mill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Lulju 1995, fil-qafas tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 5.

    Għandha tintuża l-istess proċedura biex tiġi emendata din il-lista;

    10. “abozz ta’ regolament tekniku”, it-test ta’ speċifikazzjoni teknika jew ħtieġa oħra, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi fformulati bil-għan li jsiru liġi jew li fl-aħħar isiru liġi bħala regolament tekniku, meta t-test ikun għadu fi stadju ta’ tħejjija fejn ikun għad jistgħu jsiru emendi sostanzjali.

    Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal dawk il-miżuri li l-Istati Membri jqisu meħtieġa skond it-Trattat għall-protezzjoni tal-persuni, b’mod partikolari il-ħaddiema, meta jiġu użati prodotti, sakemm dawn il-miżuri ma jaffettwawx il-prodotti.

    L-Artikolu 2

    1. Il-Kummissjoni u l-korpi ta’ l-istandardizzazzjoni li hemm referenza għalihom fl-Annessi I u II għandhom jiġu mgħarrfa bis-suġġetti l-ġodda li għalihom, il-korpi nazzjonali li hemm referenza għalihom fl-Anness II ikunu ddeċidew, billi jinkluduhom fil-programmi tagħhom ta’ l-istandardizzazzjoni, li jħejju jew li jemendaw standard, għajr jekk tkun transpożizzjoni identika jew ekwivalenti għal standard internazzjonali jew Ewropew.

    2. L-informazzjoni li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha b’mod partikolari tindika jekk l-istandard konċernat:

    - jittrasponix standard internazzjonali mingħajr ma jkun l-ekwivalenti tiegħu,

    - ikunx standard nazzjoni ġdid, jew

    - jemendax standard nazzjonali.

    Wara li tikkonsulta lill-Kumitat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 5, il-Kummissjoni tista’ tfassal regoli għall-preżentazzjoni kkonsolidata ta’ din l-informazzjoni u l-pjan u l-kriterji li jirregolaw il-preżentazzjoni ta’ din l-informazzjoni biex jiffaċilitaw l-evalwazzjoni tagħha.

    3. Il-Kummissjoni tista’ titlob li l-programmi kollha ta’ l-istandards jew parti minnhom jiġu kkomunikati lilha.

    Għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri fil-għamla li tippermetti li programmi differenti jiġi stmati u mqabbla.

    4. Fejn xieraq, il-Kummisjoni għandha temenda l-Anness II fuq il-bażi tal-komunikazzjonijiet mill-Istati Membri.

    5. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, dwar kull emenda għall-Anness I.

    L-Artikolu 3

    Il-korpi ta’ l-istandardizzazzjoni li hemm referenza għalihom fl-Annessi I u II, u l-Kummissjoni, għandhom jirċievu l-abbozzi kollha ta’ l-istandards fuq talba tagħhom; għandhom jinżammu mgħarrfa mill-korp interessat bl-azzjoni meħuda jew b’kull kumment li jkunu għamlu dwar l-abbozzi.

    L-Artikolu 4

    1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-korpi tagħhom ta’ l-istandardizzazzjoni:

    - jikkomunikaw l-informazzjoni b’mod konformi ma’ l-Artikoli 2 u 3,

    - jippubblikaw l-istandards abbozzati b’tali mod illi jistgħu wkoll jinkisbu kummenti minn partijiet stabbiliti fl-Istati Membri oħra,

    - jikkonċedu lill-korpi l-oħra li hemm referenza għalihom fl-Anness II id-dritt li jinvolvu ruħhom b’mod passiv jew attiv (billi jibagħtu osservatur) fl-attivitajiet maħsuba,

    - ma joġġezzjonawx għal suġġett ta’ standardizzazzjoni fil-programm tagħhom tax-xogħol milli jiġi diskuss fil-livell Ewropew b’mod konformi mar-regoli stabbiliti mill-korpi Ewropej ta’ standardizzazzjoni u jimpenjaw ruħhom li ma jieħdu l-ebda azzjoni li tista’ tippreġudika deċiżjoni f’dan ir-rigward.

    2. L-Istati Membri għandhom iżommu lura b’mod partikolari minn kull att ta’ għarfien, approvazzjoni jew użu b’referenza għal standard nazzjonali milli jiġi adottat b’kontravenzjoni għall-Artikoli 2 u 3 u għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    L-Artikolu 5

    Għandu jitwaqqaf Kumitat Permanenti li jkun magħmul minn rappreżentanti maħtura mill-Istati Membri li jistgħu jitolbu l-għajnuna ta’ esperti jew konsulenti; il-President tiegħu għandu jkun rappeżentant tal-Kummissjoni.

    Il-Kumitat għandu jfassal ir-regoli ta’ proċedura tiegħu.

    L-Artikolu 6

    1. Il-Kumitat għandu jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena mar-rappreżentanti ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-istandardizzazzjoni li hemm referenza għalihom fl-Annessi I u II.

    2. Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kumitat rapport dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-proċeduri stabbiliti f’din id-Direttiva, u għandha tressaq proposti mmirati għall-eliminazzjoni ta’ ostakoli eżistenti jew previsti għall-kummerċ.

    3. Il-Kumitat għandu jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar il-komunikazzjonijiet u l-proposti li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2 u jista’ f’konnessjoni ma’ dawn, b’mod partikolari, jipproponi illi l-Kummissjoni:

    - titlob lill-istituzzjonijiet Ewropej ta’ l-istandardizzazzjoni biex ifasslu standard Ewropew f’limitu taż-żmien partikolari,

    - tiżgura fejn meħtieġ, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ ostakoli għall-kummerċ, illi fil-bidu, l-Istati Membri interessati jiddeċiedu bejniethom dwar miżuri xierqa,

    - tieħu l-miżuri xierqa kollha,

    - tidentifika l-oqsma fejn tidher meħtieġa l-armonizzazzjoni, u, jekk jinqala’ l-każ, tindaħal għall-armonizzazzjoni xierqa f’settur partikolari.

    4. Il-Kumitat għandu jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni:

    (a) qabel issir kull emenda għal-listi fl-Annessi I u II (l-Artikolu 2(1));

    (b) meta tkun qed tfassal ir-regoli għall-preżentazzjoni kkonsolidata ta’ l-informazzjoni u tal-pjan u tal-kriterji għall-preżentazzjoni ta’ programmi ta’ standardizzazzjoni (l-Artikolu 2(2));

    (c) meta tkun qed tiddeċiedi dwar is-sistema attwali li biha jrid jiġi effetwat l-iskambju ta’ informazzjoni li għalih hemm provvdut f’din id-Direttiva u dwar kull bdil għalih;

    (d) meta tkun qed tirrevedi kif taħdem is-sistema stabbilita b’din id-Direttiva;

    (e) fuq it-talbiet ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-istandardizzazzjoni li hemm referenza għalihom fl-ewwel inċiż tal-paragrafu 3.

    5. Il-Kumitat jista’ jiġi kkonsultat mill-Kummisjoni dwar kull abbozz preliminari ta’ regolament tekniku rċevut minn din ta’ l-aħħar.

    6. Kull kwistjoni li tirrigwarda l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva tista’ tiġi sottomessa lill-Kumitat fuq it-talba tal-President tiegħu jew ta’ l-Istat Membru.

    7. Il-proċeduri tal-Kumitat u l-informazzjoni li trid tiġi sottomessa għandhom ikunu kunfidenzjali.

    Madankollu, il-Kumitat u l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, sakemm jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa, jikkonsultaw, għal opinjoni esperta, lil persuni naturali jew legali, inklużi persuni fis-settur privat.

    L-Artikolu 7

    1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw li, matul it-tħejjija ta’ standard Ewropew li hemm referenza għalih fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 6(3) jew wara l-approvazzjoni tiegħu, il-korpi tagħhom ta’ standardizzazzjoni ma jieħdu l-ebda azzjoni li tista’ tippreġudika l-armonizzazzjoni maħsuba u, b’mod partikolari, li ma jippubblikaw, fil-qasam involut fil-kwistjoni, l-ebda standard nazzjonali ġdid jew rivedut li ma jkunx konformi ma’ standard Ewropew eżistenti.

    2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għax-xogħol ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-istandardizzazzjoni midħul għalih fuq it-talba ta’ l-awtoritajiet pubbliċi biex ifasslu speċifikazzjonijiet tekniċi jew standard tekniku għal prodotti speċifiċi bil-għan li jilleġiżlaw regolament tekniku għal dawn il-prodotti.

    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-talbiet kollha tal-kwalità li hemm referenza għalihom fis-subparagrafu preċedenti lill-Kummissjoni bħala regolamenti tekniċi abbozzati, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 8(1), u għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet għal-leġislazzjoni tagħhom.

    L-Artikolu 8

    1. Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.

    Fejn ikun xieraq, u għajr jekk ma jkunux diġà bagħtuh b’komunika minn qabel, l-Istati Membri għandhom simultanjament jikkomunikaw it-test tad-dispożizzjonijiet bażiċi leġislattivi jew regolatorji interessati prinċipalment u direttament, jekk it-tagħrif ta’ dan it-test ikun meħtieġ biex jistma l-implikazzjonijiet ta’ l-abozz ta’ regolament tekniku.

    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-abbozz mill-ġdid skond il-kondizzjonijiet ta’ hawn fuq jekk jagħmlu tibdil lill-abbozz li jkollu l-effett li jibdel b’mod sinifikanti l-iskop tiegħu, iqassru l-iskeda imfassla oriġinarjament għall-implimentazzjoni, iżidu l-ispeċifikazzjonijiet jew il-ħtiġiet jew jagħmlu lil dawn ta’ l-aħħar iktar stretti.

    Fejn, b’mod partikolari, l-abbozz ifittex li jillimita l-bejgħ fis-suq jew l-użu ta’ sustanza kimika, it-tħejjija jew il-prodott għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jew għall-protezzjoni tal-konsumaturi jew ta’ l-ambjent, l-Istati Membri għandhom jibagħtu wkoll jew sommarju jew ir-referenzi tad-data kollha relevanti li għandhom x’jaqsmu mas-sustanza, mat-tħejjija jew mal-prodott involut u dwar sostituti magħrufa u disponibbli, fejn din l-informazzjoni tkun disponibbli, u jikkomunikaw l-effetti antiċipati tal-miżura dwar is-saħħa pubblika u l-protezzjoni tal-konsumatur u ta’ l-ambjent, flimkien ma’ analiżi dwar ir-riskju imwettaq kif xieraq b’mod konformi mal-prinċipji għall-evalwazzjoni tar-riskju minn sustanzi kimiċi kif hemm referenza għalih fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament (KEE) Nru 793/93 [8] fil-każ ta’ sustanza eżistenti jew fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 67/548/KEE [9], fil-każ ta’ sustanza ġdida.

    Il-Kummissjoni għandha tinnotifika mill-ewwel lill-Istati Membri l-oħra bl-abbozz u d-dokumenti kollha li jkunu ntbagħtulha; tista’ wkoll tirreferi dan l-abbozz, għal opinjoni, lill-Kumitat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 5 u, fejn xieraq, lill-kumitat responsabbli mill-qasam involut inkwistjoni.

    Rigward l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew il-ħtiġiet l-oħra li hemm referenza għalihom fit-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(9), il-kummenti jew l-opinjonijiet dettaljati tal-Kummissjoni jew ta’ l-Istati Membri interessati jistgħu ikollhom x’jaqsmu biss ma’ l-aspett li jista’ jostakola l-kummerċ u mhux l-aspett fiskali jew finanzjarju tal-miżura.

    2. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kummenti lill-Istat Membru li jkun bagħat l-abbozz tar-regolament tekniku; dan l-Istat Membru għandu jqis dawn il-kummenti kemm jista’ jkun possibbli fit-tħejjija sussegwenti tar-regolament tekniku.

    3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test definittiv tar-regolament tekniku lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

    4. L-informazzjoni fornuta skond dan l-Artikolu ma għandhiex tkun kunfidenzjali għajr fuq it-talba espressa ta’ l-Istat Membru li jinnotifika. Kull talba bħal din għandha tiġi appoġġjata b’raġunijiet.

    F’każijiet ta’ din ix-xorta, jekk jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa, il-Kumitat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 5 u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ifittxu l-parir espert mingħand persuni naturali jew legali fis-settur privat.

    5. Meta r-regolamenti tekniċi abbozzati jagħmlu parti minn miżuri li jkunu meħtieġa li jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni fl-istadju ta’ abbozz skond att Komunitarju ieħor, l-Istati Membri jistgħu jibagħtu komunika fit-tifsira tal-paragrafu 1 skond dan l-att l-ieħor, sakemm jindikaw formalment illi l-komunika msemmija tikkostitwixxi wkoll komunika skond il-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

    In-nuqqas ta’ reazzjoni mill-Kummissjoni skond din id-Direttiva għall-abbozz ta’ regolament tekniku ma għandux jippreġudika xi deċiżjoni li tista’ tittieħed skond atti oħra tal-Komunità.

    L-Artikolu 9

    1. L-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta’ abozz ta’ regolament tekniku għal tliet xhur mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tirċievi l-komunika li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(1).

    2. L-Istati Membri għandhom jipposponu:

    - għal erba’ xhur l-adozzjoni ta’ abozz ta’ regolament tekniku fil-għamla ta’ ftehim volontarju fit-tifsira tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 1(9),

    - mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 3, 4 u 5, għal sitt xhur l-adozzjoni ta’ kull abbozz ta’ regolament tekniku,

    mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunika li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(1) jekk il-Kummissjoni jew Stat Membru ieħor jagħtu opinjoni dettaljata, fi żmien tliet xhur minn din id-data, jekk il-miżura prevista tista’ toħloq ostakolu għall-moviment liberu ta’ l-oġġetti fis-suq intern.

    L-Istat Membru interessat għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni li jipproponi sabiex jadotta dawn l-opinjonijiet dettaljati. Il-Kummissjoni għandha tikkummenta fuq din ir-reazzjoni.

    3. L-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta’ abozz ta’ regolament tekniku għal 12-il xahar mid-data meta l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunika li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(1) jekk, fi żmien tliet xhur wara din id-data, il-Kummissjoni tħabbar l-intenzjoni tagħha li tipproponi jew tadotta direttiva, regolament jew deċiżjoni dwar il-materja b’mod konformi ma’ l-Artikolu 189 tat-Trattat.

    4. L-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta’ abozz ta’ regolament tekniku għal 12-il xahar mid-data meta l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunika li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(1) jekk, fi żmien tliet xhur wara din id-data, il-Kummissjoni tħabbar l-intenzjoni tagħha li tipproponi jew tadotta direttiva, regolament jew deċiżjoni dwar il-materja b’mod konformi ma’ l-Artikolu 189 tat-Trattat.

    5. Jekk il-Kunsill jadotta pożizzjoni komuni matul il-perjodu taż-żmien tal-waqfien (standstill) li hemm referenza għalih fil-paragrafi 3 u 4, dan il-perjodu taż-żmien għandu, soġġett għall-paragrafu 6, jittawwal għal 18-il xahar.

    6. L-obbligi li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 3, 4 u 5 għandhom jaqgħu:

    - meta l-Kummissjoni tgħarraf lill-Istati Membri li ma jkunx iktar bi ħsiebha tipproponi jew tadotta att tal-Komunità li jorbot,

    - meta l-Kummissjoni tgħarraf lill-Istati Membri bl-irtirar ta’ l-abbozz jew tal-proposta tagħha,

    - meta l-Kummissjoni jew il-Kunsill ikunu adottaw att tal-Komunità li jorbot.

    7. Il-paragrafi 1 sa 5 ma għandhomx japplikaw f’dawk il-każi fejn, għal raġunijiet urġenti, mqajma minn ċirkostanzi serji u imprevisti li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tas-saħħa jew sigurtà pubblika, mal-protezzjoni ta’ l-annimali jew mal-preservazzjoni tal-pjanti, Stat Membru jkun obbligat li jħejji regolament tekniku fi żmien qasir sabiex jilleġiżla fuqhom u jdaħħalhom fil-pront mingħajr ma jkunu possibbli konsultazzjonijiet. L-Istat Membru għandu jagħti, fil-komunika li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8, ir-raġunijiet li jitolbu l-urġenza tal-miżuri meħuda. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-komunika malajr kemm jista’ jkun. Għandha tieħu azzjoni xierqa fil-każijiet fejn isir użu mhux xieraq ta’ din il-proċedura. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm mgħarraf mill-Kummissjoni.

    L-Artikolu 10

    1. L-Artikoli 8 u 9 ma għandhomx japplikaw għal dawk il-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri jew għal ftehim volontarju li permezz tiegħu l-Istati Membri:

    - jikkonformaw ma’ atti tal-Komunità li jorbtu li jirriżultaw fl-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi,

    - iwettqu l-obbligi li joħorġu minn ftehim internazzjonali li jirriżultaw fl-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi komuni fil-Komunità,

    - jagħmlu użu mill-klawsoli ta’ salvagwardja li jipprovdu għalihom atti tal-Komunità li jorbtu,

    - japplikaw l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 92/59/KEE [10],

    - jillimitaw lilhom infushom għal li jimplimentaw sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej,

    - jillimitaw lilhom infushom għal li jemendaw regolament tekniku fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(9) ta’ din id-Direttiva, bil-ħsieb li jneħħu ostakolu għall-kummerċ.

    2. L-Artikolu 9 ma għandux japplika għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jipprojbixxu l-manifattura sakemm u safejn dawn ma jostakolawx il-moviment liberu tal-prodotti.

    3. L-Artikolu 9(3) sa (6) ma għandux japplika għall-ftehim volontarji li hemm referenza għalihom fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 1(9).

    4. L-Artikolu 9 ma għandux japplika għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra li hemm referenza għalihom fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 1(9).

    L-Artikolu 11

    Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sentejn lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar ir-riżultati ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Il-listi tax-xogħol ta’ l-istandardizzazzjoni fdat f’idejn l-organizzazzjonijiet Ewropej ta’ l-istandardizzazzjoni skond din id-Direttiva, kif ukoll l-istatistika dwar in-notifiki rċevuti, għandhom jiġu ppubblikati fuq bażi annwali fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    L-Artikolu 12

    Meta Stat Membru jadotta regolament tekniku, dan għandu jkun fih referenza għal din id-Direttiva jew għandu jkun akkumpanjat b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tiegħu. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    L-Artikolu 13

    1. Id-Direttivi u d-Deċiżjonijiet elenkati fil-lista fil-Parti A ta’ l-Anness III huma hawnhekk irrevokati mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri dwar id-dati ta’ għeluq għat-traspożizzjoni tad-Direttivi msemmija, stabbiliti fl-Anness III, il-Parti B.

    2. Ir-referenzi għad-direttivi u d-deċiżjonijiet irrevokati għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw b’mod konformi mat-tabella tal-korrelazzjoni ddikjarata fl-Anness IV.

    L-Artikolu 14

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    L-Artikolu 15

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Ġunju 1998.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. M. Gil-Robles

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. Cunningham

    [1] ĠU C 78, tat-12.3.1997, p. 4.

    [2] ĠU C 133, tat-28.4.1997, p. 5.

    [3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Settembru 1997 (ĠU C 304, tas-6.10.1997, p. 79), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 1998 (ĠU C 110, tat-8.4.1998, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ April 1998 (ĠU C 152, tat-18.5.1998). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 1998.

    [4] ĠU L 109, tas-26.4.1983, p. 8. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/139/KE (ĠU L 32, tal-10.2.1996, p. 31).

    [5] ĠU L 76, tas-17.6.1969, p. 9.

    [6] ĠU C 9, tal-15.3.1973, p. 3.

    [7] Id-Direttiva tal-Kunsill 65/65/KEE tas-26 ta’ Jannar 1965 dwar it-taqrib tad-dispożizzjonijiet stabbiliti b’liġi, regolament jew b’azzjoni amministrattiva li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti mediċinali (ĠU 22, tad- 9.2.1965, p. 369/65), id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 93/39/KEE (ĠU L 214, ta’ l-24.8.1993, p. 22).

    [8] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat-23 ta’ Marzu 1993 dwar l-evalwazzjoni u l-kontroll tar-riskji f’sustanzi eżistenti (ĠU L 84, tal-5.4.1993, p.1).

    [9] Id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1967 dwar it-taqrib tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu mal-klassifika, l-ippakkjar u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi (ĠU L 196, tas-16.8.1967, p. 1). Id-Direttiva, kif emendata bid-Direttiva 92/32/KEE, (ĠU L 154, tal-5.6.1992, p. 1).

    [10] Direttiva tal-Kunsill 92/59/KEE tad-29 ta’ Ġunju 1992 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodott (ĠU L 228, tal-11.8.1992, p.24).

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS I

    IL-KORPI EWROPEJ TA’ L-ISTANDARDIZZAZZJONI

    CEN

    Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni

    Cenelec

    Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni ta’ l-Elettroteknika

    L-ETSI

    L-Istitut Ewropew ta’ l-Istandards tat-Telekomunikazzjonijiet

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS II

    IL-KORPI NAZZJONALI TA’ L-ISTANDARDIZZAZZJONI

    1. Il-BELĠJU

    IBN/BIN

    Institut belge de normalisation

    Belgisch Instituut voor Normalisatie

    CEB/BEC

    Comité électrotechnique belge

    Belgisch Elektrotechnisch Comité

    2. ID-DANIMARKA

    DS

    Dansk Standard

    NTA

    Telestyrelsen, National Telecom Agency

    3. IL-ĠERMANJA

    DIN

    Deutsches Institut für Normung e.V.

    DKE

    Deutsche Elektrotechnische Kommission im DIN und VDE

    4. IL-GREĊJA

    ΕΛΟΤ

    Ελληνιχός Οργανισμός Τυποποίηοης

    5. SPANJA

    AENOR

    Asociación Española de Normalización y Certificación

    6. FRANZA

    AFNOR

    Association française de normalisation

    UTE

    Union technique de l’électricité - Bureau de normalisation auprès de l’AFNOR

    7. L-IRLANDA

    NSAI

    National Standards Authority of Ireland

    ETCI

    Electrotechnical Council of Ireland

    8. L-ITALJA

    UNI [1]

    Ente nazionale italiano di unificazione

    CEI [2]

    Comitato elettrotecnico italiano

    9. IL-LUSSEMBURGU

    ITM

    Inspection du travail et des mines

    SEE

    Service de l’énergie de l’État

    10. L-OLANDA

    NNI

    Nederlands Normalisatie Instituut

    NEC

    Nederlands Elektrotechnisch Comité

    11. L-AWSTRIJA

    ON

    Österreichisches Normungsinstitut

    ÖVE

    Österreichischer Verband für Elektrotechnik

    12. IL-PORTUGALL

    IPQ

    Instituto Português da Qualidade

    13. IR-RENJU UNIT

    BSI

    British Standards Institution

    BEC

    British Electrotechnical Committee

    14. IL-FINLANDJA

    SFS

    Suomen Standardisoimisliitto SFS ry

    Finlands Standardiseringsförbund SFS rf

    THK/TFC

    Telehallintokeskus

    Teleförvaltningscentralen

    SESKO

    Suomen Sähköteknillinen Standardisoimisyhdistys SESKO ry

    Finlands Elektrotekniska Standardiseringsförening SESKO rf

    15. L-ISVEZJA

    SIS

    Standardiseringen i Sverige

    SEK

    Svenska elektriska kommissionen

    ITS

    Informationstekniska standardiseringen

    [1] L-UNI u s-CEI, f’kooperazzjoni ma’ l-Istituto superiore delle Poste e Telecommunicazioni u l-ministero dell’Industria, allokaw ix-xogħol fi ħdan l-ETSI lill-CONCIT, Comitato nazionale di coordinamento per le tecnologie dell’informazione.

    [2] L-UNI u s-CEI, f’kooperazzjoni ma’ l-Istituto superiore delle Poste e Telecommunicazioni u l-ministero dell’Industria, allokaw ix-xogħol fi ħdan l-ETSI lill-CONCIT, Comitato nazionale di coordinamento per le tecnologie dell’informazione.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS III

    IL-PARTI A

    Direttivi u Deċiżjonijiet revokati

    (li hemm referenza għalihom bl-Artikolu 13)

    Id-Direttiva 83/189/KEE u l-emendi sussegwenti tagħha

    Id-Direttiva tal-Kunsill 88/l82/KEE

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 90/230/KEE

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/400/KEE

    Id-Direttiva 94/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/139/KEE

    IL-PARTI B

    Il-lista tad-dati ta’ l-għeluq għat-traspożizzjoni fil-liġijiet nazzjonali

    (li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 130)

    Id-Direttiva | Dati ta’ għeluq għat-traspożizzjoni |

    83/189/KEE (ĠU L 109, tas-26.4.1983, p. 8) | il- 31.3.1984 |

    88/182/KEE (ĠU L 81, tas-26.3.1988, p. 75) | l-l- 1.1.1989 |

    94/10/KE (ĠU 100, tad- 19.4.1994, p. 30) | l- 1.7.1995 |

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS IV

    TABELLA TAL-KORRELAZZJONI

    Id-Direttiva tal-Kunsill 83/l89/KEE | Din id-Direttiva |

    L-Artikolu 1 | L-Artikolu 1 |

    L-Artikolu 2 | L-Artikolu 2 |

    L-Artikolu 3 | L-Artikolu 3 |

    L-Artikolu 4 | L-Artikolu 4 |

    L-Artikolu 5 | L-Artikolu 5 |

    L-Artikolu 6 | L-Artikolu 6 |

    L-Artikolu 7 | L-Artikolu 7 |

    L-Artikolu 8 | L-Artikolu 8 |

    L-Artikolu 9 | L-Artikolu 9 |

    L-Artikolu 10 | L-Artikolu 10 |

    L-Artikolu 11 | L-Artikolu 11 |

    L-Artikolu 12 | L-Artikolu 12 |

    — | L-Artikolu 13 |

    — | L-Artikolu 14 |

    — | L-Artikolu 15 |

    L-Anness I | L-Anness I |

    L-Anness II | L-Anness II |

    — | L-Anness III |

    — | L-Anness IV |

    --------------------------------------------------

    Top