Official Journal L 204 , 21/07/1998 P. 0037 - 0048
Id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 100a, 213 u 43 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Huma u jaġixxu bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189b tat-Trattat [3], (1) Billi d-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi [4] diġà ġiet emendata b’mod varju u sostanzjali; billi għar-raġunijiet taċ-ċarezza u tar-razzjonalità id-direttiva msemmija għandha tiġi kkonsolidata; (2) Billi s-suq intern jinkludi żona mingħajr fruntieri li fiha jiġi żgurat il-moviment tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital; billi, għalhekk, il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq il-moviment tal-merkanzija u ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti hija waħda mill-prinċipji bażiċi tal-Komunità; (3) Billi sabiex ikun imħeġġeġ it-tħaddim bla xkiel tas-suq intern għandha tiġi żgurata trasparenza kemm jista’ jkun fir-rigward ta’ l-inizjattivi nazzjonali sabiex jiġu stabbiliti standards u regolamenti tekniċi; (4) Billi l-ostakoli għall-kummerċ li jirriżultaw minn regolamenti tekniċi li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti jistgħu jitħallew biss fejn huma meħtieġa sabiex jissodisfaw il-ħtiġiet essenzjali u għandhom għan fl-interess pubbliku li tiegħu huma jikkostitwixxu l-garanzija ewlenija; (5) Billi huwa essenzjali għall-Kummissjoni li jkollha l-informazzjoni meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħha qabel tadotta d-dispożizzjonijiet tekniċi; billi, b’konsegwenza ta’ dan, l-Istati Membri li huma meħtieġa li jiffaċilitaw il-kisba tax-xogħol tagħha skond l-Artikolu 5 tat-Trattat għandhom jinnotifikawha bil-proġetti tagħhom fil-qasam tar-regolamenti tekniċi; (6) Billi l-Istati Membri kollha għandhom wkoll ikunu mgħarrfa bir-regolamenti tekniċi kkontemplati minn xi wieħed mill-Istati Membri; (7) Billi l-għan tas-suq intern huwa li joħloq ambjent li jwassal għall-kompetittività ta’ l-intrapriżi; billi żieda fil-proviżjoni ta’ informazzjoni hija mod wieħed li jgħin lill-intrapriżi jiksbu iktar mill-vantaġġi inerenti f’dan is-suq; billi huwa għalhekk meħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jiġu megħjuna biex jagħtu l-istima tagħhom dwar l-impatt tar-regolamenti tekniċi nazzjonali proposti mill-Istati Membri l-oħra, billi tkun provduta l-pubblikazzjoni regolari tat-titoli ta’ l-abbozzi nnotifikati u permezz tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kunfidenzjalità ta’ dawn l-abbozzi; (8) Billi huwa xieraq, fl-interess taċ-ċarezza legali, illi l-Istati Membri jħabbru b’mod pubbliku illi jkun ġie adottat regolament tekniku b’mod konformi mal-formalitajiet stabbiliti f’din id-Direttiva; (9) Billi, safejn u sakemm ikollhom x’jaqsmu r-regolamenti tekniċi dwar il-prodotti, il-miżuri mfassla biex jiżguraw it-tħaddim xieraq jew l-iżvilupp kontinwu jinkludu iktar ċarezza dwar l-intenzjonijiet nazzjonali u dwar it-twessigħ tal-kriterji u tal-kondizzjonijiet biex jiġi stmat l-effett potenzjali fuq is-suq tar-regolamenti proposti; (10) Billi huwa għalhekk meħtieġ li jiġu stmati l-ħtiġiet kollha stabbiliti fir-rigward ta’ prodott u li jitqiesu l-iżviluppi fil-prattiki nazzjonali għar-regolament tal-prodotti; (11) Billi l-ħtiġiet, għajr l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, li jirreferu għaċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott wara li jkun inħareġ fis-suq x’aktarx li jaffettwaw il-moviment liberu ta’ dak il-prodott jew li joħolqu ostakoli għat-tħaddim xieraq tas-suq intern; (12) Billi huwa meħtieġ li jiġi kjarifikat il-kunċett ta’ regolament tekniku de facto; billi, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet li bihom l-awtorità pubblika tirreferi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra, jew li (bihom) tinkoraġġixxi l-osservanza tagħhom, u d-dispożizzjonijiet li jirreferu għall-prodotti li magħhom tiġi assoċjata l-awtorità pubblika, fl-interess pubbliku, ikollhom l-effett li jsawbu fuq dawn il-ħtiġiet jew speċifikazzjonijiet valur li jorbot iktar milli kieku jkollhom bis-saħħa ta’ l-oriġini privata tagħhom; (13) Billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom wkoll jingħataw żmien biżżejjed li fih jipproponu emendi għal miżura kkontemplata, sabiex ineħħu jew inaqqsu kull ostakolu li tista’ toħloq għall-moviment liberu ta’ l-oġġetti; (14) Billi l-Istati Membri interessati għandhom iqisu dawn l-emendi meta jiġu biex jifformolaw it-test definittiv tal-miżura prevista; (15) Billi huwa inerenti fis-suq intern li, b’mod partikolari fejn ma jistax jiġi implimentat il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku mill-Istati Membri, il-Kummissjoni tadotta jew tipproponi l-adozzjoni ta’ atti Komunitarji li jorbtu; billi ġie stabbilit perjodu ta’ żmien ta’ waqfien temporanju speċifiku biex jimpedixxi li d-dħul ta’ miżuri nazzjonali jikkomprometti l-adozzjoni fl-istess qasam mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni ta’ atti tal-Komunità li jorbtu; (16) Billi l-Istati Membri involuti fil-kwistjoni għandhom, skond l-obbligi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat, iħallu għal iktar tard l-implimentazzjoni tal-miżura kkontemplata għal perjodu biżżejjed taż-żmien biex jagħtu permess jew għal eżami konġunt ta’ l-emendi proposti jew għat-tħejjija ta’ proposta għall-att li jorbot tal-Kunsill jew l-adozzjoni ta’ att li jorbot mill-Kummissjoni; billi l-limiti taż-żmien stabbiliti fil-Ftehim tal-laqgħa tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri fil-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 1969 li jipprovdi għal waqfa u għal notifika lill-Kummissjoni [5], kif emendat bil-Ftehim tal-5 ta’ Marzu 12973 [6], instabu li mhumiex adegwati fil-każijiet involuti u għandhom għalhekk jiġu mtawla; (17) Billi l-proċedura li għandha x’taqsam ma’ l-arranġament ta’ waqfien (standstill) u tan-notifika tal-Kummissjoni li tinsab fil-ftehim imsemmi hawn fuq tat-28 ta’ Mejju 1969 tibqa’ tapplika għall-prodotti soġġetti għal dik il-proċedura li mhumiex koperti b’din id-Direttiva; (18) Billi, bil-ħsieb li titħaffef l-adozzjoni ta’ miżuri Komunitarji mill-Kunsill, l-Istati Membri għandhom jieqfu milli jadottaw regolamenti tekniċi jekk il-Kunsill ikun adotta pożizzjoni komuni fuq proposta mill-Kummissjoni dwar dak is-settur; (19) Billi, fil-prattika, l-istandards nazzjonali jista’ jkollhom l-istess effett fuq il-moviment tal-prodotti bħar-regolamenti tekniċi; (20) Billi għalhekk jidher meħtieġ li l-Kummissjoni tiġi mgħarrfa bl-istandards abbozzati f’kondizzjonijiet simili bħal dawk li japplikaw għar-regolamenti tekniċi; billi, skond l-Artikolu 213 tat-Trattat, il-Kummissjoni tista’, fil-limiti u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, tiġbor kull informazzjoni u twettaq kull kontroll meħtieġ għat-twettieq tal-biċċiet tax-xogħol fdati lilha; (21) Billi huwa wkoll meħtieġ għall-Istati Membri u għall-istituzzjonijiet ta’ l-istandards li jiġu mgħarrfa bl-istandards ikkontemplati mill-istituzzjonijiet ta’ l-istandards fl-Istati Membri l-oħra; (22) Billi notifika sistematika hija fil-fatt meħtieġa biss fil-każ ta’ suġġetti ġodda għall-istandardizzazzjoni u safejn u sakemm it-trattament ta’ dawn is-suġġetti fil-livell nazzjonali jista’ joħloq differenzi fl-istandards nazzjonali li, b’riżultat ta’ dan, x’aktarx li jfixklu t-tħaddim tas-suq; billi kull notifika jew komunikazzjoni sussegwenti li jkollha x’taqsam mal-progress ta’ l-attivitajiet nazzjonali trid tiddependi fuq l-interess f’dawn l-attivitajiet espress minn dawk li lilhom ikun diġà ġie kkomunikat dan is-suġġett ġdid; (23) Billi madankollu l-Kummissjoni għandha tkun kapaċi li titlob il-komunikazzjoni ta’ parti mill-programmi nazzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni jew tal-programmi kollha biex tkun tista’ tirrevedi l-iżvilupp ta’ l-attività ta’ l-istandardizzazzjoni b’mod partikolari fis-setturi ekonomiċi; (24) Billi s-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni għandha tiġi organizzata minn u għall-partijiet interessati, fuq il-bażi ta’ koerenza, trasparenza, onestà, kunsens, l-indipendenza ta’ interessi speċjali, effiċjenza u sistema ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażata fuq rappreżentanza nazzjonali; (25) Billi t-tħaddim ta’ l-istandardizzazzjoni fil-Komunità għandu ikun imsejjes fuq id-drittijiet fundamentali tal-korpi nazzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni, bħalma huma l-possibbilità li jiksbu abbozzi ta’ standards, li jiġu mgħarrfa b’azzjoni meħuda bi tweġiba għall-kummenti mressqa, li jkunu assoċjati ma’ attivitajiet nazzjonali ta’ standardizzazzjoni jew fit-talba tat-tħejjija ta’ standards Ewropej minflok l-istandards nazzjonali; billi jiġi min-naħa ta’ l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri xierqa fis-setgħa tagħhom biex jiżguraw li l-korpi ta’ l-istandardizzazjoni josservaw dawn id-drittijiet; (26) Billi d-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-arranġamenti ta’ waqfien (standstill) li japplikaw għall-korpi nazzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni meta jkun qiegħed jiġi mħejji standard Ewropew għandhom jinġiebu konformi mad-dispożizzjonijiet relevanti adottati mill-korpi ta’ l-istandardizzazzjoni fil-qafas tal-korpi Ewropej ta’ l-istandardizzazzjoni; (27) Billi huwa meħtieġ li jiġi stabbilit Kumitat Permanenti, li l-membri tiegħu jiġu maħtura mill-Istati Membri li xogħlu jkun li jgħin lill-Kummissjoni teżamina l-abbozzi ta’ l-istandards nazzjonali u li jikkopera fl-isforzi tagħha li jitnaqqas kull effett avvers ta’ dawn fuq il-moviment liberu ta’ l-oġġetti; (28) Billi l-Kumitat Permanenti għandu jiġi kkonsultat dwar it-talbiet għall-abbozzi ta’ l-istandardizzazzjonijiet li hemm referenza għalihom f’din id-Direttiva; (29) Billi din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-obbligi ta’ l-Istati Membri fejn għandhom x’jaqsmu d-dati ta’ għeluq għat-traspożizzjoni tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness III, il-Parti B, ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin: 1. “prodott”, kull prodott fabbrikat b’mod industrijali u kull prodott agrikolu, inklużi prodotti mill-ħut; 2. “speċifikazzjoni teknika”, speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi ta’ l-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità. It-terminu “speċifikazzjoni teknika” jkopri wkoll il-metodi u l-proċessi tal-produzzjoni użati rigward il-prodotti agrikoli li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 38(1) tat-Trattat, il-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali, u l-prodotti mediċinali ddefiniti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 65/65/KEE [7], kif ukoll il-metodi u l-proċessi tal-produzzjoni li għandhom x’jaqsmu ma’ prodotti oħra, fejn dawn ikolhom effett fuq il-karatteristiċi tagħhom; 3. “ħtiġiet oħra”, ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq; 4. “standard”, speċifikazzjoni teknika approvata minn korp rikonoxxut ta’ l-istandardizzazzjoni għal applikazzjoni mtennija jew kontinwa, li l-konformità magħha mhijiex obbligatorja u li hija waħda minn dawn li ġejjin: - standard internazzjonali: standard adottat minn organizzazzjoni internazzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni u magħmul disponibbli għall-pubbliku, - standard Ewropew: standard adottat minn organizzazzjoni Ewropea ta’ l-istandardizzazzjoni u magħmul disponibbli għall-pubbliku, - standard nazzjonali: standard adottat minn organizzazzjoni nazzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni u magħmul disponibbli għall-pubbliku; 5. “programm ta’ l-istandards”, programm tax-xogħol ta’ korp rikonoxxut ta’ l-istandardizzazzjoni li jelenka s-suġġetti li fuqhom ikun qiegħed isir xogħol ta’ standardizzazzjoni; 6. “abbozz ta’ standard”, dokument li jkun fih speċifikazzjonijiet tekniċi li jkollhom x’jaqsmu ma’ suġġett partikolari, li jkun qiegħed jiġi kkunsidrat sabiex jiġi adottat b’mod konformi mal-proċedura ta’ l-istandards nazzjonali, kif dan id-dokument ikun jinsab wara x-xogħol ta’ tħejjija u kif ikun ċirkolat għall-kummenti jew skrutinju mill-pubbliku; 7. “korp Ewropew ta’ l-istandardizzazzjoni”, korp li hemm referenza għalih fl-Anness I; 8. “korp nazzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni”, korp li hemm referenza għalih fl-Anness II; 9. “regolament tekniku”, speċifikazzjonijiet u ħtiġiet oħra tekniċi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi relevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tal-bejgħ fis-suq jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk li għalihom hemm provdut fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-manifattura, l-importazzjoni, il-bejgħ fis-suq jew l-użu ta’ prodott. Ir-regolamenti tekniċi de facto jinkludu: - il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru li jirreferu jew għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għal ħtiġiet oħra jew għal kodiċijiet professjonali jew għal kodiċijiet ta’ prattika li, min-naħa tagħhom, jirreferu għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra u li l-konformità magħhom tagħti presunzjoni ta’ konformità ma’ l-obbligi imposti mil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija iktar ’il fuq, - ftehim volontarju li għalih, awtorità pubblika, tkun parti kontraenti u li jipprovdi, fl-interess pubbliku, konformità ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ma’ ħtiġiet oħra, għajr l-ispeċifikazzjonijiet dwar l-offerti tal-ksib pubbliku, - speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra li huma marbutin ma’ miżuri fiskali jew finanzjarji li jaffettwaw il-konsum tal-prodotti billi jinkoraġġixxu l-konformità ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra; speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra marbutin mas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali mhumiex inklużi. Dan jinkludi r-regoli tekniċi imposti mill-awtoritajiet maħtura mill-Istati Membri u li jidhru f’lista li għad trid titfassal mill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Lulju 1995, fil-qafas tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 5. Għandha tintuża l-istess proċedura biex tiġi emendata din il-lista; 10. “abozz ta’ regolament tekniku”, it-test ta’ speċifikazzjoni teknika jew ħtieġa oħra, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi fformulati bil-għan li jsiru liġi jew li fl-aħħar isiru liġi bħala regolament tekniku, meta t-test ikun għadu fi stadju ta’ tħejjija fejn ikun għad jistgħu jsiru emendi sostanzjali. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal dawk il-miżuri li l-Istati Membri jqisu meħtieġa skond it-Trattat għall-protezzjoni tal-persuni, b’mod partikolari il-ħaddiema, meta jiġu użati prodotti, sakemm dawn il-miżuri ma jaffettwawx il-prodotti. L-Artikolu 2 1. Il-Kummissjoni u l-korpi ta’ l-istandardizzazzjoni li hemm referenza għalihom fl-Annessi I u II għandhom jiġu mgħarrfa bis-suġġetti l-ġodda li għalihom, il-korpi nazzjonali li hemm referenza għalihom fl-Anness II ikunu ddeċidew, billi jinkluduhom fil-programmi tagħhom ta’ l-istandardizzazzjoni, li jħejju jew li jemendaw standard, għajr jekk tkun transpożizzjoni identika jew ekwivalenti għal standard internazzjonali jew Ewropew. 2. L-informazzjoni li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha b’mod partikolari tindika jekk l-istandard konċernat: - jittrasponix standard internazzjonali mingħajr ma jkun l-ekwivalenti tiegħu, - ikunx standard nazzjoni ġdid, jew - jemendax standard nazzjonali. Wara li tikkonsulta lill-Kumitat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 5, il-Kummissjoni tista’ tfassal regoli għall-preżentazzjoni kkonsolidata ta’ din l-informazzjoni u l-pjan u l-kriterji li jirregolaw il-preżentazzjoni ta’ din l-informazzjoni biex jiffaċilitaw l-evalwazzjoni tagħha. 3. Il-Kummissjoni tista’ titlob li l-programmi kollha ta’ l-istandards jew parti minnhom jiġu kkomunikati lilha. Għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri fil-għamla li tippermetti li programmi differenti jiġi stmati u mqabbla. 4. Fejn xieraq, il-Kummisjoni għandha temenda l-Anness II fuq il-bażi tal-komunikazzjonijiet mill-Istati Membri. 5. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, dwar kull emenda għall-Anness I. L-Artikolu 3 Il-korpi ta’ l-istandardizzazzjoni li hemm referenza għalihom fl-Annessi I u II, u l-Kummissjoni, għandhom jirċievu l-abbozzi kollha ta’ l-istandards fuq talba tagħhom; għandhom jinżammu mgħarrfa mill-korp interessat bl-azzjoni meħuda jew b’kull kumment li jkunu għamlu dwar l-abbozzi. L-Artikolu 4 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-korpi tagħhom ta’ l-istandardizzazzjoni: - jikkomunikaw l-informazzjoni b’mod konformi ma’ l-Artikoli 2 u 3, - jippubblikaw l-istandards abbozzati b’tali mod illi jistgħu wkoll jinkisbu kummenti minn partijiet stabbiliti fl-Istati Membri oħra, - jikkonċedu lill-korpi l-oħra li hemm referenza għalihom fl-Anness II id-dritt li jinvolvu ruħhom b’mod passiv jew attiv (billi jibagħtu osservatur) fl-attivitajiet maħsuba, - ma joġġezzjonawx għal suġġett ta’ standardizzazzjoni fil-programm tagħhom tax-xogħol milli jiġi diskuss fil-livell Ewropew b’mod konformi mar-regoli stabbiliti mill-korpi Ewropej ta’ standardizzazzjoni u jimpenjaw ruħhom li ma jieħdu l-ebda azzjoni li tista’ tippreġudika deċiżjoni f’dan ir-rigward. 2. L-Istati Membri għandhom iżommu lura b’mod partikolari minn kull att ta’ għarfien, approvazzjoni jew użu b’referenza għal standard nazzjonali milli jiġi adottat b’kontravenzjoni għall-Artikoli 2 u 3 u għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. L-Artikolu 5 Għandu jitwaqqaf Kumitat Permanenti li jkun magħmul minn rappreżentanti maħtura mill-Istati Membri li jistgħu jitolbu l-għajnuna ta’ esperti jew konsulenti; il-President tiegħu għandu jkun rappeżentant tal-Kummissjoni. Il-Kumitat għandu jfassal ir-regoli ta’ proċedura tiegħu. L-Artikolu 6 1. Il-Kumitat għandu jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena mar-rappreżentanti ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-istandardizzazzjoni li hemm referenza għalihom fl-Annessi I u II. 2. Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kumitat rapport dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-proċeduri stabbiliti f’din id-Direttiva, u għandha tressaq proposti mmirati għall-eliminazzjoni ta’ ostakoli eżistenti jew previsti għall-kummerċ. 3. Il-Kumitat għandu jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar il-komunikazzjonijiet u l-proposti li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2 u jista’ f’konnessjoni ma’ dawn, b’mod partikolari, jipproponi illi l-Kummissjoni: - titlob lill-istituzzjonijiet Ewropej ta’ l-istandardizzazzjoni biex ifasslu standard Ewropew f’limitu taż-żmien partikolari, - tiżgura fejn meħtieġ, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ ostakoli għall-kummerċ, illi fil-bidu, l-Istati Membri interessati jiddeċiedu bejniethom dwar miżuri xierqa, - tieħu l-miżuri xierqa kollha, - tidentifika l-oqsma fejn tidher meħtieġa l-armonizzazzjoni, u, jekk jinqala’ l-każ, tindaħal għall-armonizzazzjoni xierqa f’settur partikolari. 4. Il-Kumitat għandu jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni: (a) qabel issir kull emenda għal-listi fl-Annessi I u II (l-Artikolu 2(1)); (b) meta tkun qed tfassal ir-regoli għall-preżentazzjoni kkonsolidata ta’ l-informazzjoni u tal-pjan u tal-kriterji għall-preżentazzjoni ta’ programmi ta’ standardizzazzjoni (l-Artikolu 2(2)); (c) meta tkun qed tiddeċiedi dwar is-sistema attwali li biha jrid jiġi effetwat l-iskambju ta’ informazzjoni li għalih hemm provvdut f’din id-Direttiva u dwar kull bdil għalih; (d) meta tkun qed tirrevedi kif taħdem is-sistema stabbilita b’din id-Direttiva; (e) fuq it-talbiet ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-istandardizzazzjoni li hemm referenza għalihom fl-ewwel inċiż tal-paragrafu 3. 5. Il-Kumitat jista’ jiġi kkonsultat mill-Kummisjoni dwar kull abbozz preliminari ta’ regolament tekniku rċevut minn din ta’ l-aħħar. 6. Kull kwistjoni li tirrigwarda l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva tista’ tiġi sottomessa lill-Kumitat fuq it-talba tal-President tiegħu jew ta’ l-Istat Membru. 7. Il-proċeduri tal-Kumitat u l-informazzjoni li trid tiġi sottomessa għandhom ikunu kunfidenzjali. Madankollu, il-Kumitat u l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, sakemm jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa, jikkonsultaw, għal opinjoni esperta, lil persuni naturali jew legali, inklużi persuni fis-settur privat. L-Artikolu 7 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw li, matul it-tħejjija ta’ standard Ewropew li hemm referenza għalih fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 6(3) jew wara l-approvazzjoni tiegħu, il-korpi tagħhom ta’ standardizzazzjoni ma jieħdu l-ebda azzjoni li tista’ tippreġudika l-armonizzazzjoni maħsuba u, b’mod partikolari, li ma jippubblikaw, fil-qasam involut fil-kwistjoni, l-ebda standard nazzjonali ġdid jew rivedut li ma jkunx konformi ma’ standard Ewropew eżistenti. 2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għax-xogħol ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-istandardizzazzjoni midħul għalih fuq it-talba ta’ l-awtoritajiet pubbliċi biex ifasslu speċifikazzjonijiet tekniċi jew standard tekniku għal prodotti speċifiċi bil-għan li jilleġiżlaw regolament tekniku għal dawn il-prodotti. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-talbiet kollha tal-kwalità li hemm referenza għalihom fis-subparagrafu preċedenti lill-Kummissjoni bħala regolamenti tekniċi abbozzati, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 8(1), u għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet għal-leġislazzjoni tagħhom. L-Artikolu 8 1. Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz. Fejn ikun xieraq, u għajr jekk ma jkunux diġà bagħtuh b’komunika minn qabel, l-Istati Membri għandhom simultanjament jikkomunikaw it-test tad-dispożizzjonijiet bażiċi leġislattivi jew regolatorji interessati prinċipalment u direttament, jekk it-tagħrif ta’ dan it-test ikun meħtieġ biex jistma l-implikazzjonijiet ta’ l-abozz ta’ regolament tekniku. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-abbozz mill-ġdid skond il-kondizzjonijiet ta’ hawn fuq jekk jagħmlu tibdil lill-abbozz li jkollu l-effett li jibdel b’mod sinifikanti l-iskop tiegħu, iqassru l-iskeda imfassla oriġinarjament għall-implimentazzjoni, iżidu l-ispeċifikazzjonijiet jew il-ħtiġiet jew jagħmlu lil dawn ta’ l-aħħar iktar stretti. Fejn, b’mod partikolari, l-abbozz ifittex li jillimita l-bejgħ fis-suq jew l-użu ta’ sustanza kimika, it-tħejjija jew il-prodott għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jew għall-protezzjoni tal-konsumaturi jew ta’ l-ambjent, l-Istati Membri għandhom jibagħtu wkoll jew sommarju jew ir-referenzi tad-data kollha relevanti li għandhom x’jaqsmu mas-sustanza, mat-tħejjija jew mal-prodott involut u dwar sostituti magħrufa u disponibbli, fejn din l-informazzjoni tkun disponibbli, u jikkomunikaw l-effetti antiċipati tal-miżura dwar is-saħħa pubblika u l-protezzjoni tal-konsumatur u ta’ l-ambjent, flimkien ma’ analiżi dwar ir-riskju imwettaq kif xieraq b’mod konformi mal-prinċipji għall-evalwazzjoni tar-riskju minn sustanzi kimiċi kif hemm referenza għalih fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament (KEE) Nru 793/93 [8] fil-każ ta’ sustanza eżistenti jew fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 67/548/KEE [9], fil-każ ta’ sustanza ġdida. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika mill-ewwel lill-Istati Membri l-oħra bl-abbozz u d-dokumenti kollha li jkunu ntbagħtulha; tista’ wkoll tirreferi dan l-abbozz, għal opinjoni, lill-Kumitat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 5 u, fejn xieraq, lill-kumitat responsabbli mill-qasam involut inkwistjoni. Rigward l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew il-ħtiġiet l-oħra li hemm referenza għalihom fit-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(9), il-kummenti jew l-opinjonijiet dettaljati tal-Kummissjoni jew ta’ l-Istati Membri interessati jistgħu ikollhom x’jaqsmu biss ma’ l-aspett li jista’ jostakola l-kummerċ u mhux l-aspett fiskali jew finanzjarju tal-miżura. 2. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kummenti lill-Istat Membru li jkun bagħat l-abbozz tar-regolament tekniku; dan l-Istat Membru għandu jqis dawn il-kummenti kemm jista’ jkun possibbli fit-tħejjija sussegwenti tar-regolament tekniku. 3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test definittiv tar-regolament tekniku lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. 4. L-informazzjoni fornuta skond dan l-Artikolu ma għandhiex tkun kunfidenzjali għajr fuq it-talba espressa ta’ l-Istat Membru li jinnotifika. Kull talba bħal din għandha tiġi appoġġjata b’raġunijiet. F’każijiet ta’ din ix-xorta, jekk jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa, il-Kumitat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 5 u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ifittxu l-parir espert mingħand persuni naturali jew legali fis-settur privat. 5. Meta r-regolamenti tekniċi abbozzati jagħmlu parti minn miżuri li jkunu meħtieġa li jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni fl-istadju ta’ abbozz skond att Komunitarju ieħor, l-Istati Membri jistgħu jibagħtu komunika fit-tifsira tal-paragrafu 1 skond dan l-att l-ieħor, sakemm jindikaw formalment illi l-komunika msemmija tikkostitwixxi wkoll komunika skond il-għanijiet ta’ din id-Direttiva. In-nuqqas ta’ reazzjoni mill-Kummissjoni skond din id-Direttiva għall-abbozz ta’ regolament tekniku ma għandux jippreġudika xi deċiżjoni li tista’ tittieħed skond atti oħra tal-Komunità. L-Artikolu 9 1. L-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta’ abozz ta’ regolament tekniku għal tliet xhur mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tirċievi l-komunika li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(1). 2. L-Istati Membri għandhom jipposponu: - għal erba’ xhur l-adozzjoni ta’ abozz ta’ regolament tekniku fil-għamla ta’ ftehim volontarju fit-tifsira tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 1(9), - mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 3, 4 u 5, għal sitt xhur l-adozzjoni ta’ kull abbozz ta’ regolament tekniku, mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunika li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(1) jekk il-Kummissjoni jew Stat Membru ieħor jagħtu opinjoni dettaljata, fi żmien tliet xhur minn din id-data, jekk il-miżura prevista tista’ toħloq ostakolu għall-moviment liberu ta’ l-oġġetti fis-suq intern. L-Istat Membru interessat għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni li jipproponi sabiex jadotta dawn l-opinjonijiet dettaljati. Il-Kummissjoni għandha tikkummenta fuq din ir-reazzjoni. 3. L-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta’ abozz ta’ regolament tekniku għal 12-il xahar mid-data meta l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunika li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(1) jekk, fi żmien tliet xhur wara din id-data, il-Kummissjoni tħabbar l-intenzjoni tagħha li tipproponi jew tadotta direttiva, regolament jew deċiżjoni dwar il-materja b’mod konformi ma’ l-Artikolu 189 tat-Trattat. 4. L-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta’ abozz ta’ regolament tekniku għal 12-il xahar mid-data meta l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunika li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(1) jekk, fi żmien tliet xhur wara din id-data, il-Kummissjoni tħabbar l-intenzjoni tagħha li tipproponi jew tadotta direttiva, regolament jew deċiżjoni dwar il-materja b’mod konformi ma’ l-Artikolu 189 tat-Trattat. 5. Jekk il-Kunsill jadotta pożizzjoni komuni matul il-perjodu taż-żmien tal-waqfien (standstill) li hemm referenza għalih fil-paragrafi 3 u 4, dan il-perjodu taż-żmien għandu, soġġett għall-paragrafu 6, jittawwal għal 18-il xahar. 6. L-obbligi li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 3, 4 u 5 għandhom jaqgħu: - meta l-Kummissjoni tgħarraf lill-Istati Membri li ma jkunx iktar bi ħsiebha tipproponi jew tadotta att tal-Komunità li jorbot, - meta l-Kummissjoni tgħarraf lill-Istati Membri bl-irtirar ta’ l-abbozz jew tal-proposta tagħha, - meta l-Kummissjoni jew il-Kunsill ikunu adottaw att tal-Komunità li jorbot. 7. Il-paragrafi 1 sa 5 ma għandhomx japplikaw f’dawk il-każi fejn, għal raġunijiet urġenti, mqajma minn ċirkostanzi serji u imprevisti li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tas-saħħa jew sigurtà pubblika, mal-protezzjoni ta’ l-annimali jew mal-preservazzjoni tal-pjanti, Stat Membru jkun obbligat li jħejji regolament tekniku fi żmien qasir sabiex jilleġiżla fuqhom u jdaħħalhom fil-pront mingħajr ma jkunu possibbli konsultazzjonijiet. L-Istat Membru għandu jagħti, fil-komunika li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8, ir-raġunijiet li jitolbu l-urġenza tal-miżuri meħuda. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-komunika malajr kemm jista’ jkun. Għandha tieħu azzjoni xierqa fil-każijiet fejn isir użu mhux xieraq ta’ din il-proċedura. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm mgħarraf mill-Kummissjoni. L-Artikolu 10 1. L-Artikoli 8 u 9 ma għandhomx japplikaw għal dawk il-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri jew għal ftehim volontarju li permezz tiegħu l-Istati Membri: - jikkonformaw ma’ atti tal-Komunità li jorbtu li jirriżultaw fl-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi, - iwettqu l-obbligi li joħorġu minn ftehim internazzjonali li jirriżultaw fl-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi komuni fil-Komunità, - jagħmlu użu mill-klawsoli ta’ salvagwardja li jipprovdu għalihom atti tal-Komunità li jorbtu, - japplikaw l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 92/59/KEE [10], - jillimitaw lilhom infushom għal li jimplimentaw sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, - jillimitaw lilhom infushom għal li jemendaw regolament tekniku fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(9) ta’ din id-Direttiva, bil-ħsieb li jneħħu ostakolu għall-kummerċ. 2. L-Artikolu 9 ma għandux japplika għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jipprojbixxu l-manifattura sakemm u safejn dawn ma jostakolawx il-moviment liberu tal-prodotti. 3. L-Artikolu 9(3) sa (6) ma għandux japplika għall-ftehim volontarji li hemm referenza għalihom fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 1(9). 4. L-Artikolu 9 ma għandux japplika għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra li hemm referenza għalihom fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 1(9). L-Artikolu 11 Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sentejn lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar ir-riżultati ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Il-listi tax-xogħol ta’ l-istandardizzazzjoni fdat f’idejn l-organizzazzjonijiet Ewropej ta’ l-istandardizzazzjoni skond din id-Direttiva, kif ukoll l-istatistika dwar in-notifiki rċevuti, għandhom jiġu ppubblikati fuq bażi annwali fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. L-Artikolu 12 Meta Stat Membru jadotta regolament tekniku, dan għandu jkun fih referenza għal din id-Direttiva jew għandu jkun akkumpanjat b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tiegħu. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. L-Artikolu 13 1. Id-Direttivi u d-Deċiżjonijiet elenkati fil-lista fil-Parti A ta’ l-Anness III huma hawnhekk irrevokati mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri dwar id-dati ta’ għeluq għat-traspożizzjoni tad-Direttivi msemmija, stabbiliti fl-Anness III, il-Parti B. 2. Ir-referenzi għad-direttivi u d-deċiżjonijiet irrevokati għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw b’mod konformi mat-tabella tal-korrelazzjoni ddikjarata fl-Anness IV. L-Artikolu 14 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. L-Artikolu 15 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Ġunju 1998. Għall-Parlament Ewropew Il-President J. M. Gil-Robles Għall-Kunsill Il-President J. Cunningham [1] ĠU C 78, tat-12.3.1997, p. 4. [2] ĠU C 133, tat-28.4.1997, p. 5. [3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Settembru 1997 (ĠU C 304, tas-6.10.1997, p. 79), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 1998 (ĠU C 110, tat-8.4.1998, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ April 1998 (ĠU C 152, tat-18.5.1998). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 1998. [4] ĠU L 109, tas-26.4.1983, p. 8. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/139/KE (ĠU L 32, tal-10.2.1996, p. 31). [5] ĠU L 76, tas-17.6.1969, p. 9. [6] ĠU C 9, tal-15.3.1973, p. 3. [7] Id-Direttiva tal-Kunsill 65/65/KEE tas-26 ta’ Jannar 1965 dwar it-taqrib tad-dispożizzjonijiet stabbiliti b’liġi, regolament jew b’azzjoni amministrattiva li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti mediċinali (ĠU 22, tad- 9.2.1965, p. 369/65), id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 93/39/KEE (ĠU L 214, ta’ l-24.8.1993, p. 22). [8] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat-23 ta’ Marzu 1993 dwar l-evalwazzjoni u l-kontroll tar-riskji f’sustanzi eżistenti (ĠU L 84, tal-5.4.1993, p.1). [9] Id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1967 dwar it-taqrib tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu mal-klassifika, l-ippakkjar u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi (ĠU L 196, tas-16.8.1967, p. 1). Id-Direttiva, kif emendata bid-Direttiva 92/32/KEE, (ĠU L 154, tal-5.6.1992, p. 1). [10] Direttiva tal-Kunsill 92/59/KEE tad-29 ta’ Ġunju 1992 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodott (ĠU L 228, tal-11.8.1992, p.24). -------------------------------------------------- L-ANNESS I IL-KORPI EWROPEJ TA’ L-ISTANDARDIZZAZZJONI CEN Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Cenelec Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni ta’ l-Elettroteknika L-ETSI L-Istitut Ewropew ta’ l-Istandards tat-Telekomunikazzjonijiet -------------------------------------------------- L-ANNESS II IL-KORPI NAZZJONALI TA’ L-ISTANDARDIZZAZZJONI 1. Il-BELĠJU IBN/BIN Institut belge de normalisation Belgisch Instituut voor Normalisatie CEB/BEC Comité électrotechnique belge Belgisch Elektrotechnisch Comité 2. ID-DANIMARKA DS Dansk Standard NTA Telestyrelsen, National Telecom Agency 3. IL-ĠERMANJA DIN Deutsches Institut für Normung e.V. DKE Deutsche Elektrotechnische Kommission im DIN und VDE 4. IL-GREĊJA ΕΛΟΤ Ελληνιχός Οργανισμός Τυποποίηοης 5. SPANJA AENOR Asociación Española de Normalización y Certificación 6. FRANZA AFNOR Association française de normalisation UTE Union technique de l’électricité - Bureau de normalisation auprès de l’AFNOR 7. L-IRLANDA NSAI National Standards Authority of Ireland ETCI Electrotechnical Council of Ireland 8. L-ITALJA UNI [1] Ente nazionale italiano di unificazione CEI [2] Comitato elettrotecnico italiano 9. IL-LUSSEMBURGU ITM Inspection du travail et des mines SEE Service de l’énergie de l’État 10. L-OLANDA NNI Nederlands Normalisatie Instituut NEC Nederlands Elektrotechnisch Comité 11. L-AWSTRIJA ON Österreichisches Normungsinstitut ÖVE Österreichischer Verband für Elektrotechnik 12. IL-PORTUGALL IPQ Instituto Português da Qualidade 13. IR-RENJU UNIT BSI British Standards Institution BEC British Electrotechnical Committee 14. IL-FINLANDJA SFS Suomen Standardisoimisliitto SFS ry Finlands Standardiseringsförbund SFS rf THK/TFC Telehallintokeskus Teleförvaltningscentralen SESKO Suomen Sähköteknillinen Standardisoimisyhdistys SESKO ry Finlands Elektrotekniska Standardiseringsförening SESKO rf 15. L-ISVEZJA SIS Standardiseringen i Sverige SEK Svenska elektriska kommissionen ITS Informationstekniska standardiseringen [1] L-UNI u s-CEI, f’kooperazzjoni ma’ l-Istituto superiore delle Poste e Telecommunicazioni u l-ministero dell’Industria, allokaw ix-xogħol fi ħdan l-ETSI lill-CONCIT, Comitato nazionale di coordinamento per le tecnologie dell’informazione. [2] L-UNI u s-CEI, f’kooperazzjoni ma’ l-Istituto superiore delle Poste e Telecommunicazioni u l-ministero dell’Industria, allokaw ix-xogħol fi ħdan l-ETSI lill-CONCIT, Comitato nazionale di coordinamento per le tecnologie dell’informazione. -------------------------------------------------- L-ANNESS III IL-PARTI A Direttivi u Deċiżjonijiet revokati (li hemm referenza għalihom bl-Artikolu 13) Id-Direttiva 83/189/KEE u l-emendi sussegwenti tagħha Id-Direttiva tal-Kunsill 88/l82/KEE Id-Direttiva tal-Kummissjoni 90/230/KEE Id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/400/KEE Id-Direttiva 94/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/139/KEE IL-PARTI B Il-lista tad-dati ta’ l-għeluq għat-traspożizzjoni fil-liġijiet nazzjonali (li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 130) Id-Direttiva | Dati ta’ għeluq għat-traspożizzjoni | 83/189/KEE (ĠU L 109, tas-26.4.1983, p. 8) | il- 31.3.1984 | 88/182/KEE (ĠU L 81, tas-26.3.1988, p. 75) | l-l- 1.1.1989 | 94/10/KE (ĠU 100, tad- 19.4.1994, p. 30) | l- 1.7.1995 | -------------------------------------------------- L-ANNESS IV TABELLA TAL-KORRELAZZJONI Id-Direttiva tal-Kunsill 83/l89/KEE | Din id-Direttiva | L-Artikolu 1 | L-Artikolu 1 | L-Artikolu 2 | L-Artikolu 2 | L-Artikolu 3 | L-Artikolu 3 | L-Artikolu 4 | L-Artikolu 4 | L-Artikolu 5 | L-Artikolu 5 | L-Artikolu 6 | L-Artikolu 6 | L-Artikolu 7 | L-Artikolu 7 | L-Artikolu 8 | L-Artikolu 8 | L-Artikolu 9 | L-Artikolu 9 | L-Artikolu 10 | L-Artikolu 10 | L-Artikolu 11 | L-Artikolu 11 | L-Artikolu 12 | L-Artikolu 12 | — | L-Artikolu 13 | — | L-Artikolu 14 | — | L-Artikolu 15 | L-Anness I | L-Anness I | L-Anness II | L-Anness II | — | L-Anness III | — | L-Anness IV | --------------------------------------------------