Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1638

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1638 tal-20 ta’ Settembru 2022 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana f’dak li għandu x’jaqsam mas-subintestatura 950510 (Oġġetti għall-festi tal-Milied)

    C/2022/6828

    ĠU L 247, 23.9.2022, p. 67–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1638/oj

    23.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 247/67


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1638

    tal-20 ta’ Settembru 2022

    li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana f’dak li għandu x’jaqsam mas-subintestatura 9505 10 (Oġġetti għall-festi tal-Milied)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(e) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 jistabbilixxi nomenklatura għall-merkanzija (“in-Nomenklatura Magħquda”), li hija riprodotta fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament.

    (2)

    Is-subintestatura 9505 10 tan-Nomenklatura Magħquda tkopri l-oġġetti għall-festi tal-Milied.

    (3)

    In-nota Addizzjonali 1(b) tal-Kapitolu 95 tiddefinixxi l-ambitu tal-oġġetti tat-tiżjin għas-siġar tal-Milied li huma kklassifikati taħt is-subintestatura 9505 10.

    (4)

    In-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 9505, (A)(1) u n-Noti ta’ Spjegazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea (2) għall-intestatura 9505 jispjegaw kif għandhom jiġu kklassifikati l-oġġetti tat-tiżjin għas-siġar tal-Milied.

    (5)

    Jeżistu fehmiet diverġenti dwar l-interpretazzjoni tal-kliem tal-aħħar frażi tan-Nota Addizzjonali 1(b) tal-Kapitolu 95, li tgħid li l-oġġetti taħt dik l-intestatura għandu jkollhom konnessjoni mal-Milied.

    (6)

    Fl-interess taċ-ċertezza legali, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li l-oġġetti tat-tiżjin għas-siġar tal-Milied ma għandhomx għalfejn ikollhom tema marbuta mal-Milied iżda jeħtieġu biss disinn li jagħmilhom rikonoxxibbli bħala oġġetti tat-tiżjin għas-siġar tal-Milied.

    (7)

    Huwa għalhekk meħtieġ li titħassar l-aħħar frażi tan-Nota Addizzjonali 1(b) tal-Kapitolu 95 tan-Nomenklatura Magħquda biex tiġi żgurata l-interpretazzjoni uniformi tas-subintestatura 9505 10 fl-Unjoni kollha.

    (8)

    Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 jiġi emendat skont dan.

    (9)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fit-tieni Parti, il-Kapitolu 95, tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, in-Nota addizzjonali 1(b) hija sostitwita b’dan li ġej:

    “(b)

    l-oġġetti tat-tiżjin għas-siġar tal-Milied.

    Dawn huma oġġetti maħsubin biex jiddendlu fuq is-siġra tal-Milied (jiġifieri oġġetti ħfief li ġeneralment ikunu magħmulin minn materjal li ma jdumx iservi maħsubin għat-tiżjin tas-siġra tal-Milied).”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Settembru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    F’isem il-President,

    Gerassimos THOMAS

    Direttur Ġenerali

    Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

    (2)  ĠU C 119, 29.3.2019, p. 1.


    Top