Pasirinkite eksperimentines funkcijas, kurias norite išbandyti

Šis dokumentas gautas iš interneto svetainės „EUR-Lex“

Dokumentas 32022D0541

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/541 tal-1 ta’ April 2022 li tistabbilixxi lista ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jridu jiġu rreġistrati bħala applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    C/2022/1930

    ĠU L 106, 5.4.2022, p. 18—20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dokumento teisinis statusas Galioja

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/541/oj

    5.4.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 106/18


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/541

    tal-1 ta’ April 2022

    li tistabbilixxi lista ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jridu jiġu rreġistrati bħala applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (2) (“l-Att ta’ Ġinevra”) huwa ftehim internazzjonali li permezz tiegħu l-Partijiet Kontraenti jimplimentaw sistema ta’ protezzjoni reċiproka tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

    (2)

    Wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1754 (3) dwar l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Att ta’ Ġinevra, l-Unjoni ddepożitat l-istrument tal-adeżjoni mal-Att ta’ Ġinevra fis-26 ta’ Novembru 2019. L-adeżjoni tal-Unjoni mal-Att ta’ Ġinevra daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Frar 2020. Peress li l-Unjoni kienet il-ħames Parti Kontraenti li aderiet mal-Att ta’ Ġinevra, l-Att ta’ Ġinevra daħal fis-seħħ fl-istess data, f’konformità mal-Artikolu 29(2) tal-Att ta’ Ġinevra.

    (3)

    F’konformità mal-Artikolu 5(1) u (2) tal-Att ta’ Ġinevra, l-Awtoritajiet Kompetenti ta’ kull Parti Kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjosnali ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini jew ta’ Indikazzjoni Ġeografika mal-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, li jirreġistraha fir-Reġistru Internazzjonali. F’konformità mal-Artikolu 9 tal-Att ta’ Ġinevra, il-Partijiet Kontraenti l-oħra jistgħu jiddeċiedu jekk jipproteġux dik id-Denominazzjoni ta’ Oriġini jew l-Indikazzjoni Ġeografika fit-territorji tagħhom fl-aħħar u fid-dawl ta’ proċedura speċifika ta’ skrinjar.

    (4)

    F’konformità mal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2019/1753, għall-fini ta’ dak ir-Regolament u tal-atti adottati skontu, it-terminu “Indikazzjonijiet Ġeografiċi” jkopri d-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    (5)

    F’konformità mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2019/1753, bħala l-Awtorità Kompetenti tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li, mal-adeżjoni tal-Unjoni mal-Att ta’ Ġinevra u minn hemm ’il quddiem fuq bażi regolari, tirreġistra applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Unjoni mal-Bureau Internazzjonali.

    (6)

    Bejn Novembru u Diċembru 2021, l-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2019/1753, bagħtu erba’ talbiet lill-Kummissjoni biex jirreġistraw fir-Reġistru Internazzjonali Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti li joriġinaw fit-territorju tagħhom u li huma protetti f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    (7)

    Jenħtieġ li l-ismijiet protetti f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 bħala Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti (DOP) u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (IĠP) jiġu ppreżentati bħala applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni fir-Reġistru Internazzjonali bħala Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u Indikazzjonijiet Ġeografiċi rispettivament.

    (8)

    Għalhekk jenħtieġ li tiġi stabbilita lista ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti (DOP) u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (IĠP), ibbażata fuq dawk it-talbiet tal-Istati Membri lill-Kummissjoni biex jiġu ppreżentati applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi li joriġinaw fit-territorju tagħhom u li huma protetti fl-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    (9)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli (Inbid),

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu Uniku

    Fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni hija stabbilita lista ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li jridu jiġu rreġistrati bħala applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni internazzjonali mill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ April 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Janusz WOJCIECHOWSKI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)   ĠU L 271, 24.10.2019, p. 1.

    (2)   ĠU L 271, 24.10.2019, p. 15.

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1754 tas-7 ta’ Ottubru 2019 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU L 271, 24.10.2019, p. 12).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).


    ANNESS

    Lista ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti fl-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (Denominazzjonijiet tal-Oriġini Protetti u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti) għandhom jiġu ppreżentati bħala applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1753

    Il-Greċja

    Σαντορίνη (DOP)

    Franza

    Val de Loire (IĠP)

    Pays d’Oc (IĠP)

    L-Italja

    Bolgheri (DOP)


    Į viršų