Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1939

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1939 tad-9 ta’ Novembru 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit bil-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja, il-Perù, u l-Ekwador, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ modifiki fl-Appendiċijiet 2, 2 A u 5 tal-Anness II tal-Ftehim

    ST/11372/2021/INIT

    ĠU L 396, 10.11.2021, p. 56–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1939/oj

    10.11.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 396/56


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1939

    tad-9 ta’ Novembru 2021

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit bil-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja, il-Perù, u l-Ekwador, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ modifiki fl-Appendiċijiet 2, 2 A u 5 tal-Anness II tal-Ftehim

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il- Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja, il-Perù u l-Ekwador, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie ffirmat mill-Unjoni fis-26 ta’ Ġunju 2012 f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/735/UE (1) fir-rigward tal-Kolombja u l-Perù, u fil-11 ta’ Novembru 2016 f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2369 (2) fir-rigward tal-Ekwador. Il-Ftehim, skont l-Artikolu 330(3) tiegħu, ilu jiġi applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Marzu 2013 bejn l-Unjoni u l-Perù, mill-1 ta’ Awwissu 2013 bejn l-Unjoni u l-Kolombja, u mill-1 ta’ Jannar 2017 bejn l-Unjoni u l-Ekwador.

    (2)

    Skont l-Artikolu 13(2), il-punt (g)(iii), tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ jista’ jimmodifika r-regoli ta’ oriġini speċifiċi stabbiliti fl-Anness II (Dwar id-Definizzjoni tal-Kunċett ta’ “Prodotti oriġinarji” u l-Metodi ta’ Kooperazzjoni Amministrattiva) tal-Ftehim.

    (3)

    Il-Kumitat għall-Kummerċ, permezz ta’ proċedura bil-miktub li hija mistennija li ssir qabel tmiem l-2021, għandu jadotta Deċiżjoni li timmodifika l-Appendiċi 2 (Lista ta’ xogħol jew ipproċessar meħtieġ li jsir fuq materjali mhux oriġinarji sabiex il-prodott manifatturat ikun jista’ jikseb status oriġinarju), l-Appendiċi 2 A (Addendum għal-lista ta’ ħidma jew ipproċessar meħtieġ li jsir fuq materjali mhux oriġinarji sabiex il-prodott manifatturat ikun jista’ jikseb status oriġinarju) u l-Appendiċi 5 (Prodotti li għalihom japplika s-subparagrafu (b) tad-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-Artikolu 5 fir-rigward ta’ prodotti oriġinarji mill-Kolombja, l-Ekwador u l-Perù) tal-Anness II. Dawk l-Appendiċi huma bbażati fuq is-Sistema Armonizzata (SA) 2007. Ir-regoli tal-oriġini speċifiċi għall-prodott li jinsabu f’dawk l-Appendiċi jridu jiġu allinjati mas-SA aġġornata kif applikabbli mill-2017. Dan l-allinjament jinkludi l-bidliet introdotti mis-SA 2012 u mis-SA 2017, għar-regoli speċifiċi għall-prodotti tal-Appendiċi 2, 2 A u 5. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, filwaqt li jitqies l-għadd ta’ emendi li jeħtieġ li jsiru fl-Appendiċijiet, l-Appendiċijiet għandhom jiġu sostitwiti fl-intier tagħhom.

    (4)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat għall-Kummerċ fir-rigward tal-modifiki tal-Appendiċijiet 2, 2 A u 5 tal-Anness II tal-Ftehim, peress li d-Deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ ser ikollha effett legali fl-Unjoni.

    (5)

    Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat għall-Kummerċ għalhekk tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit bil-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja, il-Perù, u l-Ekwador, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) fir-rigward tal-modifiki tal-Appendiċijiet 2, 2 A u 5 tal-Anness II tal-Ftehim għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ (3).

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2021.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. ŠIRCELJ


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/735/UE tal-31 ta’ Mejju 2012 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja, tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (ĠU L 354, 21.12.2012, p. 1).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2369 tal-11 ta’ Novembru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll tal-Adeżjoni mal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Ekwador (ĠU L 356, 24.12.2016, p. 1).

    (3)  Ara id-dokument ST 11373/21


    Top