Wählen Sie die experimentellen Funktionen, die Sie testen möchten.

Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.

Dokument 32020R1530

Regolament (UE) 2020/1530 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2020 li jemenda d-Direttiva (UE) 2016/798, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar is-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabbiltà ferrovjarja fiċ-Channel Fixed Link

ĠU L 352, 22.10.2020, S. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Rechtlicher Status des Dokuments In Kraft

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1530/oj

22.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 352/1


REGOLAMENT (UE) 2020/1530 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2020

li jemenda d-Direttiva (UE) 2016/798, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar is-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabbiltà ferrovjarja fiċ-Channel Fixed Link

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tirrikjedi li kull Stat Membru jistabbilixxi awtorità nazzjonali tas-sikurezza li tkun fdata bil-kompiti speċifikati fir-rigward tas-sikurezza ferrovjarja. F’konformità ma’ dik id-Direttiva, awtorità nazzjonali tas-sikurezza tista’ tkun korp stabbilit b’mod unilaterali mill-Istat Membru kkonċernat jew, alternattivament, korp fdat minn diversi Stati Membri b’dawk il-kompiti sabiex jiġi żgurat reġim unifikat tas-sikurezza.

(2)

It-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-Bini u t-Tħaddim minn Konċessjonarji Privati ta’ Channel Fixed Link, iffirmat f’Canterbury fit-12 ta’ Frar 1986 (“it-Trattat ta’ Canterbury”), stabbilixxa Kummissjoni Intergovernattiva biex tissorvelja l-kwistjonijiet kollha dwar il-bini u t-tħaddim taċ-Channel Fixed Link (“il-Kummissjoni Intergovernattiva”).

(3)

Sat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (4) (“il-perjodu ta’ tranżizzjoni”), il-Kummissjoni Intergovernattiva hija l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza fis-sens tad-Direttiva (UE) 2016/798 responsabbli għaċ-Channel Fixed Link.

(4)

Fit-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-Kummissjoni Intergovernattiva se ssir korp stabbilit permezz ta’ ftehim internazzjonali bejn Stat Membru, jiġifieri Franza, u pajjiż terz, jiġifieri r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”). Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fi ftehim internazzjonali li jorbot lir-Renju Unit, hija mhijiex se tibqa’ awtorità nazzjonali tas-sikurezza taħt id-dritt tal-Unjoni u d-dritt tal-Unjoni mhuwiex se jibqa’ japplika għall-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Renju Unit.

(5)

Sabiex jiġi żgurat it-tħaddim sikur u effiċjenti taċ-Channel Fixed Link, huwa adatt li l-Kummissjoni Intergovernattiva tinżamm bħala l-awtorità unika tas-sikurezza responsabbli għal dik l-infrastruttura kollha kemm hi.

(6)

Għal dak l-għan, id-Deċiżjoni (UE) 2020/1531 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tagħti s-setgħa lil Franza, taħt ċerti kundizzjonijiet, biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali, li jissupplimenta t-Trattat ta’ Canterbury, li taħtu l-Kummissjoni Intergovernattiva tinżamm bħala l-unika awtorità tas-sikurezza kompetenti għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fiċ-Channel Fixed Link.

(7)

Għal dan l-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi fir-rigward tal-awtoritajiet speċifiċi tas-sikurezza, kif ukoll fir-rigward tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura li d-dritt tal-Unjoni jiġi applikat f’kull ħin mill-awtorità speċifika tas-sikurezza jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tiegħu.

(8)

Ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-pajjiż terz fl-oqsma tas-sikurezza ferrovjarja tista’ tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, jenħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tingħata l-kompetenza biex tieħu deċiżjonijiet preliminari dwar tali kwistjonijiet.

(9)

Jenħtieġ għalhekk li d-Direttiva (UE) 2016/798 tiġi emendata skont dan.

(10)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi żgurat it-tħaddim sikur u effiċjenti taċ-Channel Fixed Link wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(11)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva (UE) 2016/798

Id-Direttiva (UE) 2016/798 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, il-punt (7) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.

‘awtorità nazzjonali tas-sikurezza’ tfisser:

(a)

il-korp nazzjonali fdat bil-kompiti rigward is-sikurezza ferrovjarja f’konformità ma’ din id-Direttiva;

(b)

kwalunkwe korp fdat minn diversi Stati Membri bil-kompiti msemmija fil-punt (a) sabiex jiġi żgurat reġim unifikat ta’ sikurezza;

(c)

kwalunkwe korp fdat minn Stat Membru u pajjiż terz bil-kompiti msemmija fil-punt (a) sabiex jiġi żgurat reġim unifikat ta’ sikurezza, diment li l-Unjoni tkun ikkonkludiet ftehim għal dan l-għan mal-pajjiż terz ikkonċernat jew li dak l-Istat Membru jkun kkonkluda tali ftehim f’konformità ma’ setgħa mogħtija mill-Unjoni għal dak l-għan;”;

(2)

fl-Artikolu 16, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.

Fejn biċċa unika ta’ struttura tal-inġinerija tkun tinsab parzjalment f’pajjiż terz u parzjalment fi Stat Membru, dak l-Istat Membru jista’ jaħtar, minbarra l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza kompetenti mod ieħor għat-territorju tiegħu, u f’konformità mal-Artikolu 3, punt (7), punt (c), u ma’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni jew li l-konklużjoni tiegħu tkun awtorizzata mill-Unjoni, awtorità tas-sikurezza kompetenti speċifikament għal dik l-istruttura tal-inġinerija u l-elementi l-oħra kollha tal-infrastruttura ferrovjarja marbuta magħha (‘l-awtorità speċifika tas-sikurezza’). F’konformità ma’ dak il-ftehim internazzjonali, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tista’ tassumi temporanjament il-kompetenza għall-parti tal-istruttura tal-inġinerija li tinsab f’dak l-Istat Membru.

Fil-kuntest ta’ kwalunkwe ftehim internazzjonali imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha għad-dispożizzjoni tiegħu taħt dak il-ftehim internazzjonali biex jiżgura li l-awtorità speċifika tas-sikurezza tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni. Għal dan l-għan u fejn ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ sikurezza ferrovjarja, l-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien, juża d-dritt mogħti minn dak il-ftehim internazzjonali, li permezz tiegħu l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tkun intitolata tassumi kompetenza esklużiva għall-parti tal-istruttura tal-inġinerija li tinsab f’dak l-Istat Membru.

5.

Fejn tilwima mressqa għall-arbitraġġ f’konformità ma’ ftehim internazzjonali tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (‘il-Qorti tal-Ġustizzja’) għandu jkollha l-ġuriżdizzjoni li tagħti deċiżjoni preliminari dwar il-kwistjoni fuq talba tat-tribunal arbitrali stabbilit biex jirrisolvi tilwim taħt dak il-ftehim internazzjonali.

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’konformità mal-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom japplikaw mutatis mutandis għal talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja li jsiru taħt l-ewwel subparagrafu.

Fejn it-tribunal arbitrali jonqos milli jikkonforma ma’ kwalunkwe deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija f’konformità mal-ewwel subparagrafu, l-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien, juża d-dritt mogħti mill-ftehim internazzjonali, li permezz tiegħu l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tkun intitolata tassumi kompetenza esklużiva għall-parti tal-istruttura tal-inġinerija li tinsab f’dak l-Istat Membru.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Opinjoni tas-16 ta’ Settembru 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ottubru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ottubru 2020.

(3)  Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102).

(4)   ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(5)  Deċiżjoni (UE) 2020/1531 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2020 li tagħti s-setgħa lil Franza biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali li jissupplimenta t-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-Bini u t-Tħaddim minn Konċessjonarji Privati ta’ Channel Fixed Link (ara paġna 4 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


nach oben