Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019L2177

    Direttiva (UE) 2019/2177 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2019 li temenda d-Direttiva 2009/138/KE dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II), id-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    PE/76/2019/REV/1

    ĠU L 334, 27.12.2019, p. 155–163 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/2177/oj

    27.12.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 334/155


    DIRETTIVA (UE) 2019/2177 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-18 ta’ Diċembru 2019

    li temenda d-Direttiva 2009/138/KE dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II), id-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1) u 62 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) toħloq qafas regolatorju għal fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data (DRSPs, data reporting services providers) u tirrikjedi li fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ data wara l-kummerċ ikun awtorizzat bħala arranġament ta’ pubblikazzjoni approvat (APA, approved publication arrangement). Barra minn hekk, fornitur ta’ tape konsolidat (CTP, consolidated tape provider) huwa meħtieġ joffri data konsolidata ta’ kummerċ li tkopri l-kummerċ kollu f’kemm l-istrumenti ta’ ekwità kif ukoll f’dawk mhux ta’ ekwità fl-Unjoni kollha, f’konformità mad-Direttiva 2014/65/UE. Id-Direttiva 2014/65/UE tifformalizza wkoll kanali ta’ rapportar ta’ tranżazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti billi tirrikjedi li parti terza li tirrapporta f’isem ditti tal-investiment tkun awtorizzata bħala mekkaniżmu ta’ rapportar approvat (ARM, approved reporting mechanism).

    (2)

    Il-kwalità tad-data ta’ negozjar u tal-ipproċessar u l-forniment ta’ tali data, inklużi l-ipproċessar u l-forniment ta’ data transfruntiera, hija ta’ importanza kbira biex jinkiseb l-objettiv ewlieni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li huwa li tissaħħaħ it-trasparenza tas-swieq finanzjarji. Id-data preċiża ta’ negozjar tipprovdi lill-utenti veduta ġenerali tal-attività ta’ negozjar madwar is-swieq finanzjarji tal-Unjoni u tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti informazzjoni preċiża u komprensiva dwar it-tranżazzjonijiet relevanti. Minħabba d-dimensjoni transfruntiera tat-trattament tad-data, il-benefiċċji tal-ġbir ta’ kompetenzi relatati mad-data, inklużi l-ekonomiji potenzjali ta’ skala, u l-impatt negattiv ta’ diverġenzi potenzjali fil-prattiċi superviżorji kemm fuq il-kwalità tad-data ta’ negozjar kif ukoll fuq il-kompiti ta’ DRSPs, huwa għalhekk adatt li l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta’ DRSPs, kif ukoll setgħat ta’ ġbir ta’ data, jiġu trasferiti mill-awtoritajiet kompetenti lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (ESMA, European Securities and Markets Authority), ħlief fir-rigward ta’ ARMs jew APAs li jibbenefikaw minn deroga taħt ir-Regolament (UE) Nru 600/2014.

    (3)

    Sabiex jinkiseb trasferiment konsistenti ta’ tali setgħat, huwa adatt li jitħassru dispożizzjonijiet relatati mar-rekwiżiti operazzjonali għal DRSPs u mal-kompetenzi ta’ awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ DRSPs stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE, u li dawk id-dispożizzjonijiet jiġu introdotti fir-Regolament (UE) Nru 600/2014.

    (4)

    It-trasferiment tal-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta’ DRSPs, ħlief fir-rigward ta’ ARMs jew APAs li jibbenefikaw minn deroga taħt ir-Regolament (UE) Nru 600/2014, lill-ESMA huwa kompatibbli mal-kompiti tal-ESMA. B’mod aktar speċifiku, l-għoti ta’ setgħat tal-ġbir ta’ data, tal-awtorizzazzjoni u tas-superviżjoni minn awtoritajiet kompetenti lill-ESMA huwa strumentali għal kompiti oħra li l-ESMA twettaq taħt ir-Regolament (UE) Nru 600/2014, bħall-monitoraġġ tas-suq, setgħat ta’ intervenzjoni temporanja u setgħat ta’ ġestjoni ta’ pożizzjoni, u jiżgura konformità konsistenti ma’ rekwiżiti ta’ trasparenza ta’ qabel u ta’ wara l-kummerċ.

    (5)

    Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) tipprevedi li, f’konformità mal-approċċ orjentat lejn ir-riskji għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, ikun possibbli f’ċirkostanzi speċifiċi li impriżi u gruppi ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni jużaw mudelli interni għall-kalkolu ta’ dak ir-rekwiżit minflok ma’ jużaw il-formula l-istandard.

    (6)

    Id-Direttiva 2009/138/KE tipprevedi komponent tal-pajjiż fl-aġġustament tal-volatilità. Sabiex jiġi żgurat li dan il-komponent tal-pajjiż inaqqas effettivament l-esaġerazzjonijiet ta’ ‘spreads’ tal-bonds fil-pajjiż rilevanti, jenħtieġ li livell limitu adatt għall-’ispread’ tal-pajjiż b’riskju kkorreġut jiġi stabbilit għall-attivazzjoni tal-komponent tal-pajjiż.

    (7)

    Fid-dawl taż-żieda fl-attivitajiet transfruntieri ta’ assigurazzjoni huwa neċessarju li titjieb l-applikazzjoni konverġenti tal-liġi tal-Unjoni f’każijiet ta’ attività transfruntiera ta’ assigurazzjoni, speċjalment fi stadju bikri. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jissaħħu l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8)(EIOPA). B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġu previsti r-rekwiżiti ta’ notifika fil-każ ta’ attività transfruntiera ta’ assigurazzjoni sinifikanti jew sitwazzjoni ta’ kriżi, kif ukoll il-kondizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ pjattaformi ta’ kooperazzjoni, fejn tkun sinifikanti l-attività transfruntiera ta’ assigurazzjoni prevista. Jenħtieġ li din is-sinifikanza tal-attività transfruntiera ta’ assigurazzjoni tiġi valutata f’termini tal-’premium’ gross miktub annwali sottoskritt fl-Istat Membru ospitanti meta mqabbel mal-’premiums’ gross miktuba annwali totali tal-kumpannija ta’ assigurazzjoni, f’termini tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-detentur ta’ polza fl-Istat Membru ospitanti u fir-rigward tal-impatt tal-fergħa jew l-attività tal-kumpannija ta’ assigurazzjoni rispettiva fuq is-suq tal-Istat Membru ospitanti f’termini ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi. Il-pjattaformi ta’ kooperazzjoni huma għodda effettiva biex tinkiseb kooperazzjoni aktar b’saħħitha u f’waqtha bejn l-awtoritajiet superviżorji u għalhekk biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur. Madankollu, id-deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni, is-superviżjoni u l-infurzar huma u jibqgħu fil-kompetenza tal-awtorità superviżorja tal-Istat Membru tad-domiċilju.

    (8)

    Fejn l-attivitajiet transfruntieri ta’ assigurazzjoni jkunu sinifikanti fir-rigward tas-suq tal-Istat Membru ospitanti u jirrikjedu kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru tad-domiċilju u tal-Istat Membru ospitanti, speċjalment fejn assiguratur jista’ jkun f’riskju li jispiċċa f’diffikultajiet finanzjarji għad-detriment ta’ detenturi ta’ polza u partijiet terzi, jenħtieġ li l-EIOPA tistabbilixxi u torganizza pjattaformi ta’ kollaborazzjoni.

    (9)

    Sabiex jittieħed kont tas-sostituzzjoni tal-Kumitat tas-Sorveljanti tal-Assigurazzjonijiet u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol Ewropej (CEIOPS) mill-EIOPA, jenħtieġ li jitħassru r-referenzi għas-CEIOPS fid-Direttiva 2009/138/KE.

    (10)

    Wara bidliet fir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), stabbilita minn dak ir-Regolament (EBA), ikollha rwol ġdid fil-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu, u jkun meħtieġ isiru bidliet sussegwenti fid-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

    (11)

    Għalhekk jenħtieġ li d-Direttivi 2009/138/KE, 2014/65/UE u (UE) 2015/849 jiġu emendati kif meħtieġ,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Emendi għad-Direttiva 2014/65/UE

    Id-Direttiva 2014/65/UE hija emendata kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għad-ditti tal-investiment, l-operaturi tas-swieq, u d-ditti ta’ pajjiżi terzi li jipprovdu servizzi ta’ investiment jew li jwettqu attivitajiet ta’ investiment permezz tal-istabbiliment ta’ fergħa fl-Unjoni.”;

    (b)

    fil-paragrafu 2, jitħassar il-punt (d);

    (2)

    fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punti (36) u (37) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(36)

    ‘korp maniġerjali’ tfisser il-korp jew il-korpi ta’ ditta tal-investiment, operatur tas-suq, jew fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ data kif definit fil-punt (36a) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, li jinħatru f’konformità mal-liġi nazzjonali, li jingħataw is-setgħa li jistabbilixxu l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni ġenerali tal-entità, u li jissorveljaw u jimmonitorjaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ ġestjoni u jinkludu persuni li effettivament imexxu n-negozju tal-entità.

    Fejn din id-Direttiva tirreferi għall-korp maniġerjali u, skont il-liġi nazzjonali, il-funzjonijiet ta’ ġestjoni u superviżorji tal-korp maniġerjali jkunu assenjati lil korpi differenti jew membri differenti fi ħdan korp wieħed, l-Istat Membru għandu jidentifika l-korpi jew il-membri tal-korp maniġerjali responsabbli f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor minn din id-Direttiva;

    (37)

    ‘maniġment superjuri’ tfisser persuni fiżiċi li jeżerċitaw funzjonijiet eżekuttivi f’ditta tal-investiment, operatur tas-suq, jew fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ data kif definit fil-punt (36a) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, u li jkunu responsabbli u jwieġbu lill-korp maniġerjali għall-ġestjoni ta’ kuljum tal-entità, inkluż għall-implimentazzjoni tal-politiki dwar id-distribuzzjoni ta’ servizzi u prodotti lil klijenti mid-ditta u l-persunal tagħha;”;

    (b)

    jitħassru l-punti (52), (53), (54), (55)(c) u (63);

    (3)

    fl-Artikolu 22, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, fejn ikunu inkarigati mill-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-attivitajiet ta’ arranġament approvat ta’ pubblikazzjoni (APA), kif definit fil-punt (34) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, b’deroga skont l-Artikolu 2(3) ta’ dak ir-Regolament, jew mekkaniżmu ta’ rapportar approvat (ARM), kif definit fil-punt (36) tal-Artikolu 2(1) ta’ dak ir-Regolament, b’deroga skont l-Artikolu 2(3) ta’ dak ir-Regolament, jimmonitorjaw l-attivitajiet ta’ dak l-APA jew ARM sabiex jivvalutaw il-konformità mal-kondizzjonijiet operattivi previsti f’dak ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ il-miżuri adatti biex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jiksbu l-informazzjoni meħtieġa biex jivvalutaw il-konformità ta’ APAs jew ARMs ma’ dawk l-obbligi.”;

    (4)

    jitħassar it-Titolu V;

    (5)

    l-Artikolu 70 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    fil-punt (a), jitħassru l-punti (xxxvii) sa (xxxx);

    (ii)

    fil-punt (b), jiddaħħal il-punt li ġej:

    “(xxa)

    l-Artikolu 27f(1), (2) u (3), l-Artikolu 27g(1) sa (5) u l-Artikolu 27i(1) sa (4), fejn xi APA jew ARM ikollhom deroga taħt l-Artikolu 2(3); ”;

    (b)

    fil-paragrafu 4, il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(a)

    l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 6(2) jew l-Artikoli 34, 35, 39 jew 44 ta’ din id-Direttiva; jew

    (b)

    it-tielet sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jew l-Artikolu 11(1) ta’ dak ir-Regolament, u, fejn xi APA jew ARM ikollhom deroga taħt l-Artikolu 2(3) ta’ dak ir-Regolament, l-Artikolu 27b ta’ dak ir-Regolament.”;

    (c)

    fil-paragrafu 6, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    fil-każ ta’ ditta tal-investiment, operatur tas-suq awtorizzat li jopera MTF jew OTF, jew suq regolat, l-irtirar jew is-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni f’konformità mal-Artikoli 8 u 43 ta’ din id-Direttiva u, fejn xi APA jew ARM ikollhom deroga taħt l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, l-irtirar jew is-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 27e ta’ dak ir-Regolament;”;

    (6)

    fl-Artikolu 71, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “6.   Fejn sanzjoni kriminali jew amministrattiva ppubblikata tirrigwarda ditta tal-investiment, operatur tas-suq, istituzzjoni ta’ kreditu fir-rigward ta’ servizzi jew attivitajiet ta’ investiment jew servizzi anċillari, jew fergħa ta’ ditti minn pajjiżi terzi awtorizzati f’konformità ma’ din id-Direttiva, jew xi APA jew ARM awtorizzat f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 600/2014 li jkollu deroga taħt l-Artikolu 2(3) ta’ dak ir-Regolament, l-ESMA għandha żżid referenza għas-sanzjoni ppubblikata fir-reġistru rilevanti.”;

    (7)

    fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 77(1), is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jipprevedu, mill-anqas, li kwalunkwe persuna awtorizzata fis-sens tad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), li twettaq f’ditta tal-investiment, f’suq regolat, jew f’xi APA jew ARM awtorizzat f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 600/2014 li jkollu deroga taħt l-Artikolu 2(3) ta’ dak ir-Regolament, il-kompitu deskritt fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2013/34/UE jew l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2009/65/KE jew kwalunkwe kompitu ieħor preskritt mil-liġi, għandu jkollha dmir li tirrapporta minnufih lill-awtoritajiet kompetenti kwalunkwe fatt jew deċiżjoni li jikkonċernaw lil dik l-impriża li dwarhom dik il-persuna tkun saret konxja waqt li wettqet dak il-kompitu u li jistgħu:

    (*1)  Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).”;"

    (8)

    l-Artikolu 89 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “2.   Id-delegi ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 2(3), it-tieni subparagrafu tal-punt (2) tal-Artikolu 4(1), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 16(12), l-Artikolu 23(4), l-Artikolu 24(13), l-Artikolu 25(8), l-Artikolu 27(9), l-Artikolu 28(3), l-Artikolu 30(5), l-Artikolu 31(4), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(8), l-Artikolu 52(4) l-Artikolu 54(4), l-Artikolu 58(6), u l-Artikolu 79(8) huma mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat mit-2 ta’ Lulju 2014.

    3.   Id-delegi ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 2(3), it-tieni subparagrafu tal-punt (2) tal-Artikolu 4(1), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 16(12), l-Artikolu 23(4), l-Artikolu 24(13), l-Artikolu 25(8), l-Artikolu 27(9), l-Artikolu 28(3), l-Artikolu 30(5), l-Artikolu 31(4), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(8), l-Artikolu 52(4) l-Artikolu 54(4), l-Artikolu 58(6) u l-Artikolu 79(8) jistgħu jiġu revokati fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.”;

    (b)

    il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 2(3), it-tieni subparagrafu tal-punt (2) tal-Artikolu 4(1), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 16(12), l-Artikolu 23(4), l-Artikolu 24(13), l-Artikolu 25(8), l-Artikolu 27(9), l-Artikolu 28(3), l-Artikolu 30(5), l-Artikolu 31(4), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(8), l-Artikolu 52(4), l-Artikolu 54(4), l-Artikolu 58(6) jew l-Artikolu 79(8) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

    (9)

    fl-Artikolu 90, jitħassru l-paragrafi 2 u 3;

    (10)

    fl-Artikolu 93(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk il-miżuri mit-3 ta’ Jannar 2018.”;

    (11)

    fl-Anness I, it-Taqsima D titħassar.

    Artikolu 2

    Emendi għad-Direttiva 2009/138/KE

    Id-Direttiva 2009/138/KE hija emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 77d(4), l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Għal kull pajjiż rilevanti, l-aġġustament ta’ volatilità għar-rati tal-imgħax mingħajr riskju msemmi fil-paragrafu 3 għall-munita ta’ dak il-pajjiż għandu, qabel l-applikazzjoni tal-fattur ta’ 65 % jiżdied bid-differenza bejn il-firxa tal-pajjiż b’riskju kkorreġut u darbtejn il-firxa tal-munita kkorreġuta għar-riskju kull meta dik id-differenza tkun pożittiva u l-firxa tal-pajjiż b’riskju kkorreġut tkun ogħla minn 85 punt bażiku.”;

    (2)

    fl-Artikolu 112, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “3a.   L-awtoritajiet superviżorji għandhom jinfurmaw lill-EIOPA f’konformità mal-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 dwar kwalunkwe applikazzjoni biex jintuża jew jinbidel mudell intern. Fuq it-talba ta’ awtorità superviżorja kkonċernata waħda jew aktar, l-EIOPA tista’ tipprovdi assistenza teknika, f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, lill-awtorità jew l-awtoritajiet superviżorji li talbu l-assistenza, fir-rigward tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni.”;

    (3)

    fit-Titolu I, il-Kapitolu VIII, tiddaħħal it-Taqsima li ġejja:

    “Taqsima 2A

    Notifika u pjattaformi ta’ kollaborazzjoni

    Artikolu 152a

    Notifika

    1.   Fejn l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju tkun beħsiebha tawtorizza impriża tal-assigurazzjoni jew impriża tar-riassigurazzjoni li l-iskema ta’ operazzjonijiet tagħha tindika li parti mill-attivitajiet tagħha ser tkun ibbażata fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew il-libertà ta’ stabbiliment fi Stat Membru ieħor, u dik l-iskema ta’ operazzjonijiet tindika wkoll li dawk l-attivitajiet x’aktarx ikunu ta’ rilevanza fir-rigward tas-suq tal-Istat Membru ospitanti, l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tinnotifika b’dan lill-EIOPA u lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti rilevanti.

    2.   L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha, flimkien man-notifika prevista fil-paragrafu 1, tinnotifika wkoll lill-EIOPA u lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti rilevanti meta tidentifika kondizzjonijiet finanzjarji li qed jiddeterjoraw jew riskji oħra emerġenti minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li twettaq attivitajiet li jkunu bbażati fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew il-libertà tal-istabbiliment u li jistgħu jkollhom effett transfruntier. L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti tista’ wkoll tinnotifika lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju rilevanti fejn ikollha tħassib serju u motivat fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi. L-awtoritajiet superviżorji jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-EIOPA u jitolbu l-assistenza tagħha f’każijiet fejn ma tista’ tinstab l-ebda soluzzjoni bilaterali.

    3.   In-notifiki msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu valutazzjoni adatta.

    4.   In-notifiki msemmija fil-paragrafi 1 u 2 huma mingħajr preġudizzju għall-mandat superviżorju tal-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ta’ domiċilju u tal-Istat Membru ospitanti previst f’din id-Direttiva.

    Artikolu 152b

    Pjattaformi ta’ kollaborazzjoni

    1.   L-EIOPA tista’, fil-każ ta’ tħassib ġustifikat dwar effetti negattivi fuq detenturi ta’ polza, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta’ waħda jew aktar mill-awtoritajiet superviżorji rilevanti, tistabbilixxi u tikkoordina pjattaforma ta’ kollaborazzjoni biex issaħħaħ l-iskambju ta’ informazzjoni u żżid il-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji rilevanti fejn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni twettaq, jew tkun beħsiebha twettaq, attivitajiet li huma bbażati fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew il-libertà tal-istabbiliment u fejn:

    (a)

    tali attivitajiet ikunu ta’ rilevanza fir-rigward tas-suq ta’ Stat Membru ospitanti;

    (b)

    tkun saret notifika mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju taħt l-Artikolu 152a(2) ta’ kondizzjonijiet finanzjarji li qed jiddeterjoraw jew riskji emerġenti oħra; jew

    (c)

    il-kwistjoni tkun ġiet riferuta lill-EIOPA taħt l-Artikolu 152a(2).

    2.   Il-paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-awtoritajiet superviżorji rilevanti li jistabbilixxu pjattaforma ta’ kollaborazzjoni fejn dawn kollha jaqblu li jagħmlu hekk.

    3.   L-istabbiliment ta’ pjattaforma ta’ kollaborazzjoni skont il-paragrafi 1 u 2 huwa mingħajr preġudizzju għall-mandat superviżorju tal-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ta’ domiċilju u tal-Istat Membru ospitanti previst f’din id-Direttiva.

    4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, fuq talba mill-EIOPA, l-awtoritajiet superviżorji rilevanti għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa b’mod f’waqtu biex il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tiffunzjona b’mod adatt.”;

    (4)

    l-Artikolu 231 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Is-superviżur tal-grupp għandu jinforma lill-membri oħra tal-kulleġġ ta’ superviżuri, inkluża l-EIOPA, dwar il-wasla tal-applikazzjoni u għandu jibgħat l-applikazzjoni sħiħa, inkluża d-dokumentazzjoni ppreżentata mill-impriża, lil dawk il-membri, mingħajr dewmien. Fuq it-talba ta’ awtorità superviżorja kkonċernata waħda jew aktar, l-EIOPA tista’ tipprovdi assistenza teknika, skont il-punt (b) tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, lill-awtorità jew l-awtoritajiet superviżorji li talbu l-assistenza, fir-rigward tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni.”;

    (b)

    fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 3 l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Fejn l-EIOPA ma tiħux deċiżjoni kif imsemmi fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, is-superviżur tal-grupp għandu jieħu d-deċiżjoni finali.”;

    (5)

    fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 237(3), l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Fejn l-EIOPA ma tiħux deċiżjoni kif imsemmi fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, is-superviżur tal-grupp għandu jieħu d-deċiżjoni finali.”;

    (6)

    fl-Artikolu 248(4), jitħassar it-tielet subparagrafu.

    Artikolu 3

    Emendi għad-Direttiva (UE) 2015/849

    Id-Direttiva (UE) 2015/849 hija emendata kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Il-Kummissjoni għandha tqiegħed ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u tal-entitajiet marbutin b’obbligu biex tassistihom jidentifikaw, jifhmu, jiġġestixxu u jimmitigaw ir-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u sabiex partijiet ikkonċernati oħra, inklużi l-leġislaturi nazzjonali, il-Parlament Ewropew, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) (EBA), u r-rappreżentanti mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) tal-UE jkunu jistgħu jifhmu aħjar dawk ir-riskji. Ir-rapport għandu jiġi ppubblikat mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jkun tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, ħlief għal dawk l-elementi tar-rapport li jkun fihom informazzjoni klassifikata.

    (*2)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d- Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).”;"

    (b)

    fil-paragrafu 5, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Sussegwentement, l-EBA għandha toħroġ opinjoni kull sentejn.”;

    (2)

    l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 2, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

    “L-identità ta’ dik l-awtorità jew id-deskrizzjoni tal-mekkaniżmu għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, lill-EBA u lil Stati Membri oħra.”;

    (b)

    fil-paragrafu 5, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

    “5.   L-Istati Membri għandhom iqiegħdu r-riżultati tal-valutazzjonijiet tagħhom tar-riskju, inklużi l-aġġornamenti tagħhom, għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, tal-EBA u tal-Istati Membri l-oħra.”;

    (3)

    fl-Artikolu 17, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Sas-26 ta’ Ġunju 2017, l-ASE għandhom joħorġu linji gwida, indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti u lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji, f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 dwar il-fatturi ta’ riskju li jridu jitqiesu u l-miżuri li għandhom jittieħdu f’sitwazzjonijiet li fihom ikunu adatti miżuri simplifikati ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti. Mill-1 ta’ Jannar 2020, l-EBA għandha, fejn adatt, toħroġ tali linji gwida.”;

    (4)

    fl-Artikolu 18(4), l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

    “4.   Sas-26 ta’ Ġunju 2017, l-ASE għandhom joħorġu linji gwida, indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti u lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji, f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 dwar il-fatturi ta’ riskju li għandhom jitqiesu u l-miżuri li għandhom jittieħdu f’sitwazzjonijiet li fihom ikunu adatti miżuri msaħħa ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti. Mill-1 ta’ Jannar 2020, l-EBA għandha, fejn adatt, toħroġ tali linji gwida.”;

    (5)

    fl-Artikolu 41, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-ipproċessar ta’ data personali taħt din id-Direttiva huwa soġġett għar-Regolamenti (UE) 2016/679 (*3) u (UE) 2018/1725 (*4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    (*3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1)."

    (*4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).”;"

    (6)

    l-Artikolu 45 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   L-Istati Membri u l-EBA għandhom jgħarrfu lil xulxin dwar istanzi li fihom il-liġi ta’ pajjiż terz ma tippermettix l-implimentazzjoni tal-politiki u proċeduri meħtieġa taħt il-paragrafu 1. F’tali każijiet, tista’ tittieħed azzjoni kkoordinata biex tinstab soluzzjoni. Fil-valutazzjoni liema pajjiżi terzi ma jippermettux l-implimentazzjoni tal-politiki u tal-proċeduri meħtieġa taħt il-paragrafu 1, l-Istati Membri u l-EBA għandhom iqisu kwalunkwe restrizzjoni legali li tista’ xxekkel l-implimentazzjoni adatta ta’ dawk il-politiki u l-proċeduri, inklużi s-segretezza, il-protezzjoni tad-data u restrizzjonijiet oħrajn li jillimitaw l-iskambju ta’ informazzjoni li tista’ tkun relevanti għal dak il-għan.”;

    (b)

    il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “6.   L-EBA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw it-tip ta’ miżuri addizzjonali msemmija fil-paragrafu 5 u l-azzjoni minima li għandha tittieħed mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji fejn il-liġi ta’ pajjiż terz ma tippermettix l-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa taħt il-paragrafi 1 u 3.

    L-EBA għandha tippreżenta l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji msemmi fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sas-26 ta’ Diċembru 2016.”;

    (c)

    il-paragrafu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “10.   L-EBA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji għad-determinazzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom tkun adatta l-ħatra ta’ punt ta’ kuntatt ċentrali skont il-paragrafu 9, u dwar x’jenħtieġ li jkunu l-funzjonijiet tal-punti ta’ kuntatt ċentrali.

    L-EBA għandha tippreżenta l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji msemmi fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sas-26 ta’ Ġunju 2017.”;

    (7)

    l-Artikolu 48 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1a, it-tielet sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

    “L-awtoritajiet superviżorji finanzjarji tal-Istati Membri għandhom iservu wkoll bħala punt ta’ kuntatt għall-EBA.”;

    (b)

    fil-paragrafu 10, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

    “10.   Sas-26 ta’ Ġunju 2017, l-ASE għandhom joħorġu linji gwida, indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti, f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, dwar il-karatteristiċi ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskji għas-superviżjoni u l-passi li jridu jittieħdu meta ssir superviżjoni bbażata fuq ir-riskji. Mill-1 ta’ Jannar 2020, l-EBA għandha, fejn adatt, toħroġ tali linji gwida.”;

    (8)

    fil-Kapitolu VI, fit-Taqsima 3, fis-Subtaqsima II, it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    Kooperazzjoni mal-EBA”;

    (9)

    l-Artikolu 50 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 50

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa kollha lill-EBA biex tkun tista’ twettaq dmirijietha taħt din id-Direttiva.”;

    (10)

    l-Artikolu 62 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jinformaw lill-EBA dwar is-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi kollha imposti f’konformità mal-Artikoli 58 u 59 fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji, inkluż kwalunkwe appell fir-rigward tagħhom u l-eżitu tiegħu.”;

    (b)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   L-EBA għandha żżomm sit elettroniku b’links għall-pubblikazzjoni minn kull awtorità kompetenti ta’ sanzjonijiet u miżuri amministrattivi imposti f’konformità mal-Artikolu 60 fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji, u għandha turi l-perijodu ta’ żmien li matulu kull Stat Membru jippubblika sanzjonijiet u miżuri amministrattivi.”.

    Artikolu 4

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-30 ta’ Ġunju 2021, il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    2.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-30 ta’ Ġunju 2020, il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-punt (1) tal-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    3.   L-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri fir-rigward tal-Artikolu 1 mill-1 ta’ Jannar 2022, u fir-rigward tal-Artikoli 2 u 3 sat-30 ta’ Ġunju 2021. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri fir-rigward tal-punt (1) tal-Artikolu 2 sal-1 ta’ Lulju 2020.

    4.   Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 6

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strasburgu, it-18 ta’ Diċembru 2019.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    D. M. SASSOLI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    T. TUPPURAINEN


    (1)  ĠU C 251, 18.7.2018, p. 2.

    (2)  ĠU C 227, 28.6.2018, p. 63.

    (3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2019.

    (4)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

    (6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

    (7)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

    (8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

    (9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

    (10)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).


    Top