Choisissez les fonctionnalités expérimentales que vous souhaitez essayer

Ce document est extrait du site web EUR-Lex

Document 32018D1790

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1790 tas-16 ta' Novembru 2018 li tħassar id-Deċiżjoni 2002/623/KE li tistabbilixxi noti ta' gwida dwar l-istudju tar-riskju ambjentali tal-organiżmi ġenetikament modifikati (notifikata bid-dokument C(2018) 7513) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2018/7513

    ĠU L 293, 20.11.2018, p. 32–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Statut juridique du document Plus en vigueur, Date de fin de validité: 19/11/2018

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1790/oj

    20.11.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 293/32


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1790

    tas-16 ta' Novembru 2018

    li tħassar id-Deċiżjoni 2002/623/KE li tistabbilixxi noti ta' gwida dwar l-istudju tar-riskju ambjentali tal-organiżmi ġenetikament modifikati

    (notifikata bid-dokument C(2018) 7513)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (1), u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Anness II tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/623/KE (2) stabbilixxiet noti ta' gwida dwar l-objettivi, l-elementi, il-prinċipji ġenerali u l-metodoloġija tal-istudju tar-riskju ambjentali msemmija fl-Anness II tad-Direttiva 2001/18/KE.

    (2)

    Ingħataw spjegazzjonijiet addizzjonali estensivi dwar l-implimentazzjoni tal-Anness II tad-Direttiva 2001/18/KE f'dokumenti ta' gwida aktar reċenti u aktar dettaljati dwar l-istudju tar-riskju ambjentali tal-organiżmi ġenetikament modifikati (“OĠM”) adottati mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) u mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (“l-Aġenzija”). Wara l-adozzjoni ta' dawk id-dokumenti aktar dettaljati, id-Deċiżjoni 2002/623/KE progressivament tilfet il-valur miżjud tagħha.

    (3)

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2018/350 (3), li emendat id-Direttiva 2001/18/KE, aġġornat l-Anness II tad-Direttiva 2001/18/KE billi inkorporat u bbażat ruħha fuq il-gwida msaħħa tal-Awtorità dwar l-istudju tar-riskju ambjentali tal-pjanti ġenetikament modifikati, adottat f'Ottubru 2010 (4), filwaqt li qieset li l-Anness II japplika għall-OĠM kollha u mhux biss għall-pjanti ġenetikament modifikati. Id-Deċiżjoni 2002/623/KE innifisha serviet bħala bażi għall-elaborazzjoni tal-gwida tal-Awtorità. Bħala riżultat, id-dispożizzjonijiet tal-Anness II tad-Direttiva 2001/18/KE issa huma aktar dettaljati u n-noti ta' gwida stabbiliti bid-Deċiżjoni 2002/623/KE ma għadhomx meħtieġa.

    (4)

    Għaldaqstant id-Deċiżjoni 2002/623/KE jenħtieġ li titħassar.

    (5)

    Id-Deċiżjoni 2002/623/KE jenħtieġ ukoll li titħassar fl-interess tas-simplifikazzjoni sabiex jitnaqqas in-numru ta' dokumenti ta' gwida li jridu jitqiesu mill-operaturi u mill-awtoritajiet kompetenti meta jitwettaq studju tar-riskju ambjentali skont l-Anness II tad-Direttiva 2001/18/KE

    (6)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/18/KE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2002/623/KE hija mħassra.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Novembru 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/623/KE tal-24 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi noti ta' gwida biex jissupplimentaw l-Anness II tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi ġenetikament modifikati u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 200, 30.7.2002, p. 22).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2018/350 tat-8 ta' Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istima tar-riskju ambjentali ta' organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 67, 9.3.2018, p. 30).

    (4)  Il-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM); Gwida dwar l-istudju tar-riskju ambjentali tal-pjanti ġenetikament modifikati. EFSA Journal 2010;8(11):1879. [111 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2010.1879


    Haut