Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R2158

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2158 tal-20 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi miżuri ta' mitigazzjoni u livelli ta' parametri referenzjarji għat-tnaqqis tal-preżenza tal-akrilammid fl-ikel (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/7658

    ĠU L 304, 21.11.2017, p. 24–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2158/oj

    21.11.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 304/24


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2158

    tal-20 ta' Novembru 2017

    li jistabbilixxi miżuri ta' mitigazzjoni u livelli ta' parametri referenzjarji għat-tnaqqis tal-preżenza tal-akrilammid fl-ikel

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 għandu l-għan li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel. Jiddefinixxi l-“iġjene tal-ikel” bħala sett ta' miżuri u ta' kondizzjonijiet meħtieġa għall-kontroll tal-perikli u sabiex jassiguraw il-bontà għall-konsum uman tal-oġġetti tal-ikel billi jkun meqjus l-użu ntiż tagħhom. Il-perikli għas-sigurtà tal-ikel iseħħu meta l-ikel jiġi espost għal aġenti perikolużi li jirriżultaw fil-kontaminazzjoni ta' dak l-ikel. Il-perikli għall-ikel jistgħu jkunu bijoloġiċi, kimiċi jew fiżiċi.

    (2)

    L-akrilammid huwa kontaminant kif iddefinit fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 (2) u, b'hekk, huwa periklu kimiku fil-katina alimentari.

    (3)

    L-akrilammid huwa kompost organiku b'piż molekulari baxx u ferm solubbli fl-ilma li jifforma mill-asparaġina u miz-zokkor li huma kostitwenti li jseħħu b'mod naturali f'ċertu ikel meta jitħejja f'temperaturi tipikament ogħla minn 120 °C u b'livell baxx ta' umdità. Dan jifforma primarjament f'ikel li jkun rikk fil-karboidrati moħmi jew moqli fejn il-materja prima jkun fiha l-prekursuri tiegħu, bħaċ-ċereali, il-patata u l-kafena.

    (4)

    Peress li l-livelli tal-akrilammid f'ċerti oġġetti tal-ikel jidhru li huma ferm ogħla mil-livelli fi prodotti komparabbli tal-istess kategorija ta' prodotti, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/647/UE (3) stiednet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex iwettqu investigazzjonijiet fil-metodi ta' produzzjoni u ta' pproċessar użati mill-operaturi ta' negozju tal-ikel jekk il-livell tal-akrilammid misjub f'oġġett tal-ikel speċifiku jkun jaqbeż il-valuri indikattivi stabbiliti fl-Anness ta' dik ir-Rakkomandazzjoni.

    (5)

    Fl-2015, il-Bord Xjentifiku dwar Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel (CONTAM) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adotta opinjoni dwar l-akrilammid fl-ikel (4). Abbażi ta' studji magħmula fuq l-annimali, l-Awtorità tikkonferma l-evalwazzjonijiet preċedenti li l-akrilammid fl-ikel jista' jżid ir-riskju tal-kanċer għall-konsumaturi fi gruppi ta' kull età. Peress li l-akrilammid huwa preżenti f'firxa wiesgħa ta' ikel ta' kuljum, dan it-tħassib japplika għall-konsumaturi kollha iżda t-tfal huma l-aktar grupp ta' età espost minħabba l-piż tal-ġisem. L-effetti dannużi possibbli tal-akrilammid fuq is-sistema nervuża, fuq l-iżvilupp qabel u wara t-twelid u fuq ir-riproduzzjoni fl-irġiel ma ġewx meqjusa li huma ta' tħassib, fuq il-bażi tal-livelli attwali ta' esponiment djetetiku. Il-livelli attwali ta' esponiment djetetiku għall-akrilammid bejn il-gruppi ta' età jindikaw tħassib fir-rigward tal-effetti karċinoġeniċi tiegħu.

    (6)

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Awtorità fir-rigward tal-effetti karċinoġeni tal-akrilammid u fin-nuqqas ta' kwalunkwe miżura konsistenti u obbligatorja li għandha tiġi applikata min-negozji tal-ikel biex jitnaqqsu l-livelli tal-akrilammid, hemm bżonn li tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel u li titnaqqas il-preżenza tal-akrilammid fl-oġġetti tal-ikel fejn il-materja prima jkun fiha l-prekursuri tiegħu billi jiġu stabbiliti miżuri ta' mitigazzjoni xierqa. Il-livelli tal-akrilammid jistgħu jitnaqqsu permezz ta' approċċ ta' mitigazzjoni, bħall-implimentazzjoni ta' prattika tajba tal-iġjene u bl-applikazzjoni ta' proċeduri bbażati fuq il-prinċipji tal-analiżi tal-perikli u punti kritiċi ta' kontroll (HACCP)

    (7)

    F'konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004, l-operaturi fin-negozju tal-ikel għandhom isegwu l-proċeduri meħtieġa biex jilħqu l-miri stabbiliti biex jiksbu l-objettivi ta' dak ir-Regolament u jużaw b'mod xieraq il-kampjunar u l-analiżi biex iżommu l-prestazzjoni tagħhom stess. F'dak ir-rigward, l-istabbiliment ta' miri, bħal-livelli tal-parametri referenzjarji, jista' jiggwida l-implimentazzjoni ta' regoli dwar l-iġjene, filwaqt li jiġi żgurat it-tnaqqis tal-livell ta' esponiment għal ċerti perikli. Il-miżuri ta' mitigazzjoni jbaxxu l-preżenza tal-akrilammid fl-ikel. Biex tiġi vverifikata l-konformità mal-livelli tal-parametri referenzjarji, jenħtieġ li tiġi vverifikata l-effikaċja tal-miżuri ta' mitigazzjoni permezz tal-kampjunar u tal-analiżi.

    (8)

    Għaldaqstant huwa xieraq li jiġu stabbiliti miżuri ta' mitigazzjoni li jidentifikaw l-istadji tal-ipproċessar tal-ikel li huma suxxettibbli għall-formazzjoni tal-akrilammid fl-ikel u jiġu stabbiliti attivitajiet li jnaqqsu l-livelli tal-akrilammid f'dawk l-oġġetti tal-ikel.

    (9)

    Il-miżuri ta' mitigazzjoni stabbiliti f'dan ir-Regolament huma bbażati fuq l-għarfien xjentifiku u tekniku attwali u wrew li jnaqqsu l-livelli tal-akrilammid mingħajr ma jaffettwaw b'mod negattiv il-kwalità u s-sikurezza mikrobjali tal-prodott. Dawk il-miżuri ta' mitigazzjoni ġew stabbiliti wara konsultazzjoni estensiva tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-operaturi ta' negozji tal-ikel, lill-konsumaturi u lill-esperti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Meta l-miżuri ta' mitigazzjoni jinkludu l-użu ta' addittivi tal-ikel u ta' sustanzi oħrajn, jenħtieġ li l-addittivi tal-ikel u s-sustanzi l-oħrajn jintużaw skont l-awtorizzazzjoni tal-użu tagħhom.

    (10)

    Il-livelli tal-parametri referenzjarji huma indikaturi tal-prestazzjoni li għandhom jintużaw għall-verifika tal-effikaċja tal-miżuri ta' mitigazzjoni u huma bbażati fuq l-esperjenza u l-okkorrenza għall-kategoriji wesgħin tal-ikel. Jenħtieġ li dawn jiġu stabbiliti fl-inqas livell li jista' raġonevolment jintlaħaq bl-applikazzjoni tal-miżuri ta' mitigazzjoni kollha rilevanti. Jenħtieġ li l-livelli tal-parametri referenzjarji jiġu determinati fid-dawl tal-aktar dejta reċenti dwar l-okkorrenzi mill-bażi tad-dejta tal-Awtorità, filwaqt li jiġi preżunt li fi ħdan kategorija wiesgħa tal-ikel, il-livell tal-akrilammid f'10 % sa 15 % tal-produzzjoni bl-ogħla livelli normalment jista' jitbaxxa billi jiġu applikati prattiki tajbin. Huwa rikonoxxut li f'ċerti każijiet il-kategoriji speċifikati tal-ikel ikunu wiesgħa u li għal ikel speċifiku fi ħdan kategorija wiesgħa tal-ikel bħal din jista' jkun hemm kundizzjonijiet tal-produzzjoni, ġeografiċi jew staġjonali speċifiċi jew karatteristiċi tal-prodott li għalihom ma jkunx possibbli li jinkisbu l-livelli tal-parametri referenzjarji minkejja l-applikazzjoni tal-miżuri ta' mitigazzjoni kollha. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-operatur ta' negozju tal-ikel ikun jista' juri l-evidenza li huwa applika l-miżuri ta' mitigazzjoni rilevanti.

    (11)

    Jenħtieġ li l-livelli tal-parametri referenzjarji jiġu rieżaminati b'mod regolari mill-Kummissjoni bl-għan li din tistabbilixxi livelli aktar baxxi, li jirriflettu t-tnaqqis kontinwu tal-preżenza tal-akrilammid fl-ikel.

    (12)

    L-operaturi ta' negozji tal-ikel, li jipproduċu l-oġġetti tal-ikel fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u li jwettqu attivitajiet ta' bejgħ bl-imnut u/jew li jfornu biss direttament lil stabbilimenti lokali tal-bejgħ bl-imnut tipikament ikunu operaturi fuq skala żgħira. Għaldaqstant, il-miżuri ta' mitigazzjoni jiġu adattati għan-natura tal-operazzjoni tagħhom. Madankollu, l-operaturi ta' negozju tal-ikel li jkunu parti jew inkella joperaw fi franchising ta' operazzjoni interkonnessa ikbar, u li jiġu fornuti ċentralment jenħtieġ li japplikaw miżuri ta' mitigazzjoni addizzjonali prattikabbli għal negozji fuq skala ikbar peress li dawk il-miżuri jkomplu jnaqqsu l-preżenza tal-akrilammid fl-ikel u jistgħu jiġu applikati minn impriżi bħal dawk.

    (13)

    Jenħtieġ li l-effikaċja tal-miżuri ta' mitigazzjoni biex jitnaqqas il-kontenut ta' akrilammid tiġi vverifikata permezz tal-kampjunar u tal-analiżi. Huwa xieraq li jiġu determinati r-rekwiżiti għall-kampjunar u għall-analiżi li jridu jitwettqu mill-operaturi ta' negozju tal-ikel. Fir-rigward tal-kampjunar, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti analitiċi u l-frekwenza tal-kampjunar sabiex jiġi żgurat li r-riżultati analitiċi miksuba jkunu rappreżentattivi għall-produzzjoni tagħhom. L-operaturi ta' negozju tal-ikel, li jipproduċu oġġetti tal-ikel li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u li jwettqu attivitajiet ta' bejgħ bl-imnut u/jew li jfornu biss direttament lil stabbilimenti lokali tal-bejgħ bl-imnut huma eżentati mill-obbligu li jieħdu kampjunar tal-produzzjoni tagħhom u li janalizzawh għall-preżenza tal-akrilammid peress li rekwiżit bħal dan joħloq piż sproporzjonat fuq in-negozju tagħhom.

    (14)

    Minbarra l-kampjunar u l-analiżi mill-operaturi tan-negozji, ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jeżiġi li l-Istati Membri jwettqu b'mod regolari kontrolli uffiċjali biex jiżguraw il-konformità mal-liġi dwar l-għalf u l-ikel. Jenħtieġ li l-kampjunar u l-analiżi mwettqa mill-Istati Membri fil-kuntest tal-kontrolli uffiċjali jikkonformaw mal-proċeduri ta' kampjunar u mal-kriterji analitiċi stabbiliti bl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

    (15)

    B'mod komplimentari għall-miżuri previsti f'dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-istabbiliment ta' livelli massimi għall-akrilammid f'ċertu ikel jitqies f'konformità mar-Regolament (KEE) Nru 315/93 wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    (16)

    L-implimentazzjoni tal-miżuri ta' mitigazzjoni mill-operaturi ta' negozju tal-ikel tista' tinvolvi tibdiliet fil-proċess tal-produzzjoni attwali tagħhom u, għalhekk, xieraq li jiġi previst perjodu tranżitorju qabel ma jibdew japplikaw il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament.

    (17)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Kamp ta' Applikazzjoni

    1.   Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ikel, l-operaturi ta' negozju tal-ikel li jipproduċu u jqiegħdu fis-suq oġġetti tal-ikel elenkati fil-paragrafu 2 għandhom, f'konformità mal-Artikolu 2, japplikaw il-miżuri ta' mitigazzjoni stabbiliti fl-Annessi I u II, bl-għan li jiksbu l-livelli tal-parametri referenzjarji stabbiliti fl-Anness IV.

    2.   L-oġġetti tal-ikel imsemmija fil-paragrafu 1 huma dawn li ġejjin:

    (a)

    Ċipps, prodotti oħra mqattgħin (moqlija kompletament fiż-żejt) u krisps tal-patata magħmulin mill-patata friska;

    (b)

    krisps tal-patata, snacks, krekers u prodotti oħra tal-patata magħmulin mill-għaġina tal-patata;

    (c)

    ħobż;

    (d)

    ċereali tal-kolazzjon (ħlief il-poriġ);

    (e)

    prodotti fini tal-forn: cookies, gallettini, ħobż mixwi (rusks), bars taċ-ċereali, scones, kornets, wejfers, crumpets u gingerbread, kif ukoll krekers, ħobż iqarmeċ u sostituti tal-ħobż. F'din il-kategorija, kreker hija galletta niexfa (prodott moħmi bbażat fuq id-dqiq taċ-ċereali);

    (f)

    kafè:

    (i)

    kafè inkaljat;

    (ii)

    kafè instant (solubbli);

    (g)

    sostituti tal-kafè;

    (h)

    ikel tat-trabi u, ikel ipproċessat biċ-ċereali maħsub għat-trabi u għat-tfal żgħar kif definiti fir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

    Artikolu 2

    Miżuri ta' mitigazzjoni

    1.   L-operaturi ta' negozju tal-ikel, li jipproduċu u jqiegħdu fis-suq l-oġġetti tal-ikel elenkati fl-Artikolu 1(2) għandhom japplikaw il-miżuri ta' mitigazzjoni previsti fl-Anness I.

    2.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, l-operaturi ta' negozju tal-ikel li jipproduċu l-oġġetti tal-ikel elenkati fl-Artikolu 1(2), li jwettqu attivitajiet ta' bejgħ bl-imnut, u/jew li jfornu biss direttament lil stabbilimenti lokali tal-bejgħ bl-imnut għandhom japplikaw il-miżuri ta' mitigazzjoni previsti fil-Parti A tal-Anness II.

    3.   L-operaturi tan-negozju tal-ikel imsemmija fil-paragrafu 2 li joperaw f'faċilitajiet li jkunu taħt kontroll dirett u li jkunu qed joperaw taħt trademark jew liċenzja kummerċjali waħda, bħala parti minn operazzjoni interkonnessa ikbar, jew li huma franchising ta' operazzjoni interkonnessa ikbar, u taħt l-istruzzjonijiet tal-operatur tan-negozju tal-ikel li jforni b'mod ċentralizzat l-oġġetti tal-ikel msemmija fl-Artikolu 1(2), għandhom japplikaw il-miżuri addizzjonali ta' mitigazzjoni stabbiliti fil-Parti B tal-Anness II.

    4.   Meta l-livelli tal-parametri referenzjarji jinqabżu, l-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom jirrieżaminaw il-miżuri ta' mitigazzjoni applikati u jaġġustaw il-proċessi u l-kontrolli bl-għan li jinkisbu livelli tal-akrilammid li jkunu l-inqas li jistgħu raġonevolment jintlaħqu, taħt il-livelli tal-parametri referenzjarji stabbiliti fl-Anness IV. Għalhekk, l-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom iqisu s-sikurezza tal-oġġetti tal-ikel, il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-produzzjoni u ġeografiċi jew il-karatteristiċi tal-prodotti.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1.

    id-definizzjonijiet ta' “ikel”, “operatur ta' negozju tal-ikel”, “bejjiegħ bl-imnut”, “tqegħid fis-suq” u “konsumatur finali” stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

    2.

    “livelli tal-parametri referenzjarji” tfisser indikaturi tal-prestazzjoni użati għall-verifika tal-effikaċja tal-miżuri ta' mitigazzjoni u huma bbażati fuq l-esperjenza u l-okkorrenza għall-kategoriji wesgħin tal-ikel.

    Artikolu 4

    Kampjunar u analiżi

    1.   L-operaturi ta' negozju tal-ikel imsemmija fl-Artikolu 2(1) għandhom jistabbilixxu programm għall-kampjunar u għall-analiżi tagħhom stess tal-livelli tal-akrilammid fl-oġġetti tal-ikel elenkati fl-Artikolu 1(2).

    2.   L-operaturi ta' negozju tal-ikel imsemmija fl-Artikolu 2(1) għandhom iżommu rekord tal-miżuri ta' mitigazzjoni applikati stabbiliti fl-Anness I.

    3.   L-operaturi ta' negozju tal-ikel imsemmija fl-Artikolu 2(3) għandhom iżommu rekord tal-miżuri ta' mitigazzjoni applikati stabbiliti fil-Partijiet A u B tal-Anness II.

    4.   L-operaturi ta' negozju tal-ikel imsemmija fl-Artikolu 2(1) u 2(3) għandhom iwettqu kampjunar u analiżi biex jiddeterminaw il-livell tal-akrilammid fl-oġġetti tal-ikel f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III u għandhom iżommu rekord tar-riżultati tal-kampjunar u tal-analiżi.

    5.   Jekk ir-riżultati tal-kampjunar u tal-analiżi jindikaw li l-livelli mhumiex inqas mill-livelli tal-parametri referenzjarji tal-akrilammid stabbiliti fl-Anness IV, l-operaturi tan-negozju tal-ikel imsemmija fl-Artikolu 2(1) u 2(3) għandhom jirrieżaminaw mingħajr dewmien il-miżuri ta' mitigazzjoni f'konformità mal-Artikolu 2(4).

    6.   Permezz ta' deroga, dan l-Artikolu ma japplikax għal operaturi ta' negozju tal-ikel imsemmija fl-Artikolu 2(2). Dawk l-operaturi ta' negozju tal-ikel għandhom ikunu jistgħu jipprovdu evidenza tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' mitigazzjoni stabbiliti fil-parti A tal-Anness II.

    Artikolu 5

    Rieżami tal-livelli tal-akrilammid

    Il-livelli tal-parametri referenzjarji tal-preżenza tal-akrilammid fl-oġġetti tal-ikel previsti fl-Anness IV għandhom jiġu rieżaminati mill-Kummissjoni kull tliet snin u l-ewwel darba fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    Ir-rieżami tal-livelli tal-parametri referenzjarji għandu jkun ibbażat fuq id-dejta dwar l-okkorrenza tal-akrilammid li tinsab fil-bażi tad-dejta tal-Awtorità, relatata mal-perjodu ta' rieżami u pprovduta lill-bażi tad-dejta tal-Awtorità mill-awtoritajiet kompetenti u mill-operaturi ta' negozju tal-ikel.

    Artikolu 6

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-11 ta' April 2018.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Novembru 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta' Frar 1993 li jistabblixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1).

    (3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/647/UE tat-8 ta' Novembru 2013 dwar investigazzjonijiet tal-livelli tal-akrilammid fl-ikel (ĠU L 301, 12.11.2013, p. 15).

    (4)  The EFSA Journal 2015;13(6):4104.

    (5)  Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35).

    (7)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).


    ANNESS I

    IL-MIŻURI TA' MITIGAZZJONI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2(1)

    Meta l-miżuri ta' mitigazzjoni f'dan l-Anness jinkludu l-użu tal-addittivi tal-ikel u ta' sustanzi oħrajn, l-addittivi tal-ikel u s-sustanzi l-oħrajn għandhom jintużaw f'konformità mad-dispożizzjonijiet previsti fir-Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1332/2008 (1) u (KE) Nru 1333/2008 (2) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (3).

    I.   PRODOTTI BBAŻATI FUQ PATATA MHUX IPPROĊESSATA

    Għażla ta' varjetajiet xierqa ta' patata

    1.

    L-operaturi ta' negozji tal-ikel (minn hawn 'il quddiem imsejħa “FBOs”) għandhom jidentifikaw u jużaw il-varjetajiet ta' patata li huma xierqa għat-tip ta' prodott u li l-kontenut tagħhom ta' prekursuri tal-akrilammid, bħaz-zokkor riduċenti (il-fruttożju u l-glukożju) u l-asparaġina jkun l-aktar baxx għall-kundizzjonijiet reġjonali.

    2.

    L-FBOs għandhom jużaw il-varjetajiet ta' patata li nħażnu fil-kundizzjonijiet li huma applikabbli għal varjetà speċifika ta' patata u għall-perjodu tal-ħżin determinat għal varjetà speċifika. Il-patata maħżuna għandha tintuża fi ħdan il-perjodu ta' ħżin ottimali tagħha.

    3.

    L-FBOs għandhom jidentifikaw il-varjetajiet ta' patata b'inqas potenzjal li jifformaw l-akrilammid fil-kultivazzjoni, fil-ħażna u matul l-ipproċessar tal-ikel. Ir-riżultati għandhom jiġu ddokumentati.

    Kriterji ta' aċċettazzjoni

    1.

    L-FBOs għandhom jispeċifikaw fl-arranġamenti tagħhom rigward il-provvista tal-patata l-kontenut massimu ta' zokkor riduċenti fil-patata kif ukoll l-ammont massimu ta' patata li tkun bid-daqqiet, ittikkjata jew imħassra.

    2.

    Jekk jinqabeż il-kontenut speċifikat taz-zokkor riduċenti fil-patata u l-ammont ta' patata li tkun bid-daqqiet, ittikkjata jew imħassra, l-FBOs jistgħu jaċċettaw il-provvista tal-patata billi jispeċifikaw il-miżuri ta' mitigazzjoni addizzjonali disponibbli li għandhom jittieħdu biex jiżguraw li l-preżenza tal-akrilammid fil-prodott finali tkun l-inqas li tista' raġonevolment tintlaħaq taħt il-livell tal-parametru referenzjarju stabbilit fl-Anness IV.

    Ħżin u trasport tal-patata

    1.

    Meta l-FBOs joperaw il-faċilitajiet ta' ħżin tagħhom stess:

    it-temperatura għandha tkun xierqa għall-varjetà ta' patata maħżuna u għandha tkun ta' iktar minn 6 °C;

    il-livell ta' umdità għandu jkun tali li jnaqqas it-taħlil minħabba l-maturazzjoni;

    it-tnibbit għandu jiġi mrażżan meta l-patata tkun maħżuna fit-tul, fejn ikun permess, billi jintużaw aġenti xierqa;

    matul il-ħżin, għandu jiġi ttestjat il-livell ta' zokkor riduċenti fil-patata.

    2.

    Il-lottijiet tal-patata għandhom jiġu kkontrollati għaz-zokkor riduċenti waqt il-mument tal-ħsad.

    3.

    L-FBOs għandhom jispeċifikaw il-kundizzjonijiet tat-trasport tal-patata f'termini tat-temperatura u tad-durata, speċjalment jekk it-temperaturi ta' barra jkunu ferm aktar baxxi mit-temperatura applikata matul il-ħażna, biex ikun żgurat li t-temperatura matul it-trasport tal-patata ma tkunx inqas mit-temperatura applikata matul il-ħażna. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet għandhom jiġu dokumentati.

    (a)   KRISPS TAL-PATATA

    Tfassil tar-riċetta u tal-proċess

    1.

    Għal kull tfassil tal-prodott, l-FBOs għandhom jispeċifikaw it-temperaturi taż-żejt tal-qali mal-ħruġ mill-apparat tal-qali. Dawk it-temperaturi għandhom ikunu l-inqas possibbli fuq linja speċifika u għall-prodott speċifiku, f'konformità mal-istandards dwar il-kwalità u s-sigurtà tal-ikel u fid-dawl tal-fatturi rilevanti bħall-manifattur tal-apparat tal-qali, it-tip tal-apparat tal-qali, il-varjetà ta' patata, is-solidi totali, id-daqs tal-patata, il-kundizzjonijiet tal-kultivazzjoni, il-kontenut ta' zokkor, l-istaġjonalità u l-kontenut ta' ndewwa previst tal-prodott.

    2.

    Meta t-temperatura taż-żejt tal-qali mal-ħruġ mill-apparat tal-qali tkun ogħla minn 168 °C minħabba prodott, tfassil jew teknoloġija speċifiċi, l-FBOs għandhom jipprovdu dejta li turi li l-livell tal-akrilammid fil-prodott finali jkun l-inqas li jista' raġonevolment jinkiseb u li jintlaħaq il-livell tal-parametru referenzjarju stabbilit fl-Anness IV.

    3.

    Għal kull tfassil tal-prodott, l-FBOs għandhom jispeċifikaw il-kontenut ta' ndewwa wara l-qali li għandu jkun l-ogħla possibbli għal linja ta' produzzjoni speċifika u għal prodott speċifiku, f'konformità mal-istandards mistennija dwar il-kwalità u s-sigurtà tal-ikel u fid-dawl tal-fatturi rilevanti bħall-varjetà tal-patata, l-istaġjonalità, id-daqs tat-tuberi, u t-temperatura mal-ħruġ mill-apparat tal-qali. Il-kontenut minimu ta' ndewwa m'għandux ikun inqas minn 1,0 %.

    4.

    L-FBOs għandhom jużaw tqassim skont il-kulur (manwali u/jew ottiku-elettroniku) fil-linja tal-produzzjoni tal-krisps tal-patata wara l-qali.

    (b)   ĊIPPS U PRODOTTI OĦRA MAGĦMULIN MILL-PATATA MQATTGĦA LI JINQLEW KOMPLETAMENT FIŻ-ŻEJT JEW FIL-FORN

    Tfassil tar-riċetta u tal-proċess

    1.

    Il-patata għandha tiġi ttestjata għaz-zokkor riduċenti qabel l-użu. Dan jista' jsir b'ittestjar tal-qali bl-użu ta' kuluri bħala indikaturi tal-kontenut potenzjali għoli ta' zokkor riduċenti: ittestjar tal-qali indikattiv ta' madwar 20-25 strixxa miksubin mill-qalba tal-patata, li jinqlew biex jiġu evalwati l-kuluri tal-istrixxi tal-patata moqlijin meta mqabbla mal-ispeċifikazzjoni tal-kulur bl-użu ta' ċart tal-kuluri USDA Munsell jew bl-użu ta' ċart ikkalibrata speċifika tal-kumpanija għall-operaturi ż-żgħar. Inkella, il-kulur kumplessiv lest tal-qali jista' jitkejjel b'apparat speċifiku (eż. Agtron).

    2.

    L-FBOs għandhom ineħħu t-tuberi immaturi li jkollhom piż baxx taħt l-ilma u livelli għoljin ta' zokkor riduċenti. It-tneħħija tista' ssir billi t-tuberi jingħaddew minn ġo salmura tal-melħ jew minn sistemi simili li fihom it-tuberi immaturi jżommu fil-wiċċ jew billi l-patata tinħasel minn qabel biex jiġu individwati t-tuberi l-ħżiena.

    3.

    L-FBOs għandhom ineħħu l-biċċiet iż-żgħar eżatt wara t-tqattigħ biex ma jkunx hemm biċċiet maħruqa fil-prodott finali msajjar.

    4.

    L-FBOs għandhom jisomtu l-istrixxi tal-patata biex ineħħu xi ftit miz-zokkor riduċenti min-naħa ta' barra tal-istrixxi.

    5.

    L-FBOs għandhom jadattaw ir-reġimi tas-smit għall-attributi speċifiċi tal-kwalità tal-materja prima li tasal u għandhom jibqgħu fi ħdan il-limiti tal-ispeċifikazzjoni għall-kulur tal-prodott finali.

    6.

    L-FBOs għandhom jipprevjenu t-tibdil fil-kulur (enzimatiku) u l-iskurar wara t-tisjir tal-prodotti tal-patata. Dan jista' jsir billi jiġi applikat id-difosfat tad-disodju (E450), li wkoll ibaxxi l-livell tal-pH tal-ilma tal-ħasil u jinibixxi r-reazzjoni li tiskura l-kulur.

    7.

    L-użu taz-zokkor riduċenti bħala aġent li jiskura l-kulur għandu jiġi evitat. Dawn jistgħu jintużaw biss jekk ikun hemm bżonn, biex wieħed jibqa' b'mod konsistenti fi ħdan il-limiti tal-ispeċifikazzjoni. L-FBOs għandhom jikkontrollaw il-kulur tal-prodott finali billi jwettqu kontrolli tal-kulur fuq il-prodott finali msajjar. Jekk ikun meħtieġ wara s-smit, iż-żieda kontrollata tad-destrożju tippermetti li tintlaħaq l-ispeċifikazzjoni tal-kulur tal-prodott lest. Iż-żieda kkontrollata tad-destrożju wara s-smit tirriżulta f'livelli aktar baxxi ta' akrilammid fil-prodott finali msajjar li jkollu l-istess kulur bħal dak osservat fil-prodotti mhux soġġetti għas-smit li jkun fihom biss zokkor riduċenti akkumulat b'mod naturali.

    Informazzjoni għall-utenti finali

    1.

    Għall-utenti finali, l-FBOs għandhom jindikaw fuq l-imballaġġ u/jew permezz ta' kanali ta' komunikazzjoni oħra l-metodi tat-tisjir rakkomandati billi jispeċifikaw il-ħin, it-temperatura, il-kwantità għal forn/apparat tal-qali fiż-żejt/taġen. Għall-konsumaturi, l-istruzzjonijiet rakkomandati għat-tisjir għandhom jintwerew biċ-ċar fuq l-imballaġġ tal-prodotti kollha f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi.

    Il-metodi tat-tisjir rakkomandati għandhom ikunu jaqblu mal-ispeċifikazzjonijiet għall-klijenti u mar-rekwiżiti għall-utenti finali professjonali u jridu jkunu vvalidati għal kull tip ta' prodott biex jiġi żgurat li l-prodotti jkollhom kwalità sensorjali ottimali bl-iktar kulur ċar aċċettabbli, għal kull metodu ta' tisjir speċifikat (eż. apparat tal-qali, forn) u jkollhom livelli ta' akrilammid inqas mil-livell tal-parametru referenzjarju ddeterminat fl-Anness IV.

    L-FBOs għandhom jirrakkomandaw lill-utenti finali li mhumiex konsumaturi li jenħtieġ li dawn ikollhom għodod disponibbli għall-operaturi (eż. koki) biex jiżguraw metodi ta' tisjir tajbin u jipprovdu wkoll tagħmir kalibrat (eż. timers, kurvi tal-qali, charts ta' gradazzjoni tal-kuluri (eż. USDA/Munsell) u, tal-inqas, stampi ċari b'kuluri fil-mira tal-prodott finali ppreparat.

    2.

    L-FBOs għandhom jirrakkomandaw lill-utenti finali b'mod partikolari biex:

    iżommu t-temperatura bejn 160 u 175 °C meta jaqlu, u 180-220 °C meta jużaw forn. Tista' tintuża temperatura aktar baxxa meta jinxtegħel il-fann;

    It-tisħin minn qabel l-apparat tat-tisjir (eż. forn, apparat tal-qali bl-arja sħuna) għat-temperatura korretta bejn 180-220 °C f'konformità mal-istruzzjonijiet tat-tisjir fuq il-pakkett, skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti u r-rekwiżiti lokali;

    isajru l-patata sakemm tieħu kulur safrani dehbi;

    ma jsajruhiex iżżejjed;

    idawru l-prodotti wara 10 minuti jew meta jasal nofs il-ħin totali tat-tisjir;

    isegwu l-istruzzjonijiet rakkomandati tat-tisjir, kif ipprovduti mill-manifattur;

    meta jippreparaw kwantitajiet ta' patata li jkunu inqas minn dawk indikati fuq il-pakkett għandhom inaqqsu l-ħin tat-tisjir biex jevitaw li l-prodott jiskura b'mod eċċessiv;

    ma jimlewx wisq il-kontenitur tal-qali; imla l-kontenitur tal-qali sal-marka tan-nofs biex tevita l-assorbiment eċċessiv ta' żejt minħabba ħinijiet twal ta' qali.

    II.   KRISPS TAL-PATATA, SNACKS, KREKERS U PRODOTTI OĦRA BBAŻATI FUQ L-GĦAĠINA TAL-PATATA

    Materja Prima

    1.

    Għal kull prodott, l-FBOs għandhom jispeċifikaw il-valuri mmirati għaz-zokkor riduċenti fl-ingredjenti tal-patata deidratata tagħhom.

    2.

    Il-valur immirat taz-zokkor riduċenti fil-prodotti kkonċernati għandu jiġi stabbilit għall-inqas livell possibbli, filwaqt li jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha fit-tfassil u fil-produzzjoni tal-prodott finali bħall-ammont ta' ingredjenti tal-patata fir-riċetta tal-prodott, il-miżuri ta' mitigazzjoni ulterjuri possibbli, l-ipproċessar ulterjuri tal-għaġina, l-istaġjonalità u l-kontenut ta' ndewwa fil-prodott finali.

    3.

    Meta l-kontenut taz-zokkor riduċenti jkun ogħla minn 1,5 % l-FBOs għandhom jipprovdu dejta li turi li l-livell tal-akrilammid fil-prodott finali jkun l-inqas li jista' raġonevolment jinkiseb taħt il-livell tal-parametru referenzjarju stabbilit fl-Anness IV.

    Tfassil tar-riċetta u tal-proċess

    1.

    L-ingredjenti tal-patata deidratata għandhom jiġu analizzati qabel l-użu tagħhom jew mill-fornitur jew mill-utent biex ikun ikkonfermat li l-kontenut taz-zokkor ma jaqbiżx il-livell speċifikat.

    2.

    Meta l-ingredjenti tal-patata deidratata jaqbżu l-livell speċifikat ta' zokkor, l-FBOs għandhom jispeċifikaw il-miżuri ta' mitigazzjoni addizzjonali li għandhom jittieħdu biex jiġi żgurat li l-livell tal-akrilammid fil-prodott finali jkun l-inqas li jista' raġonevolment jinkiseb taħt il-livell tal-parametru referenzjarju stabbilit fl-Anness IV.

    3.

    Għal kull prodott, l-FBOs għandhom jirrieżaminaw jekk hux possibbli li ssir sostituzzjoni parzjali tal-ingredjenti tal-patata ma' ingredjenti b'potenzjal inferjuri li jifformaw l-akrilammid.

    4.

    F'sistemi bbażati fuq għaġina mxarrba, l-FBOs għandhom kemm jista' jkun possibbli jikkunsidraw l-użu tas-sustanzi li ġejjin, filwaqt li jqisu li dawn is-sustanzi jistgħu ma jkunux sinerġistiċi fl-effett ta' mitigazzjoni tagħhom, jiġifieri japplikaw b'mod speċifiku għall-użu tal-asparaġinażi u għat-tnaqqis tal-livelli tal-pH:

    Asparaġinażi

    Aċidi jew il-melħ tagħhom (għat-tnaqqis tal-livell tal-pH tal-għaġina)

    Melħ tal-kalċju.

    5.

    Meta l-krisps tal-patata, is-snacks jew il-krekers ibbażati fuq l-għaġina tal-patata jinqlew, l-FBOs għandhom jispeċifikaw it-temperaturi taż-żejt tal-qali għal kull prodott mal-ħruġ mill-apparat tal-qali, jikkontrollaw dawn it-temperaturi u jżommu rekords biex juru l-kontrolli.

    6.

    It-temperatura taż-żejt mal-ħruġ mill-apparat tal-qali għandha tkun l-inqas possibbli fuq linja speċifika u għall-prodott speċifiku, f'konformità mal-istandards stabbiliti dwar il-kwalità u s-sigurtà tal-ikel u fid-dawl tal-fatturi rilevanti bħall-manifattur tal-apparat tal-qali, it-tip tal-apparat tal-qali, il-kontenut ta' zokkor u l-kontenut ta' ndewwa fil-mira għall-prodott.

    Meta t-temperatura tkun ogħla minn 175 °C mal-ħruġ mill-apparat tal-qali, l-FBOs għandhom jipprovdu dejta li turi li l-livell tal-akrilammid fil-prodott lest ikun inqas mil-livell tal-parametru referenzjarju speċifikat fl-Anness IV.

    (Nota: Ħafna mill-prodotti f'pellet jinqlew f'temperatura ogħla minn 175 °C minħabba l-ħin tal-qali qasir ħafna tagħhom u t-temperaturi neċessarji biex jinkisbu l-espansjoni u s-sawra meħtieġa ta' dawn il-prodotti).

    7.

    Meta l-krisps tal-patata, is-snacks jew il-krekers ibbażati fuq l-għaġina tal-patata jiġu moħmija, l-FBOs għandhom jispeċifikaw għal kull prodott it-temperatura tal-ħami mal-ħruġ mill-forn tal-ħami u jżommu rekords biex juru l-kontrolli.

    8.

    It-temperatura mal-ħruġ mill-forn tal-ħami/mill-proċess tat-tnixxif għandha tkun l-inqas possibbli fuq linja speċifika u għall-prodott speċifiku, f'konformità mal-istandards mistennija dwar il-kwalità u s-sigurtà tal-ikel u fid-dawl tal-fatturi rilevanti bħat-tip ta' makkinarju, il-kontenut ta' zokkor riduċenti tal-materja prima u l-kontenut ta' ndewwa tal-prodott.

    9.

    Meta t-temperatura tal-prodott tkun ogħla minn 175 °C fi tmiem il-proċess tal-ħami/tat-tnixxif, l-FBOs għandhom jipprovdu dejta li turi li l-livell tal-akrilammid fil-prodott lest ikun inqas mil-livell tal-parametru referenzjarju speċifikat fl-Anness IV.

    10.

    Għal kull prodott, l-FBOs għandhom jispeċifikaw il-kontenut ta' ndewwa wara l-qali jew il-ħami li għandu jkun l-ogħla possibbli f'linja ta' produzzjoni speċifika u għal prodott speċifiku, f'konformità mar-rekwiżiti dwar il-kwalità tal-prodott u s-sigurtà tal-ikel, u b'kunsiderazzjoni tat-temperatura mal-ħruġ mill-apparat tal-qali kif ukoll tat-temperatura tal-ħami u tat-temperatura tat-tnixxif. Il-kontenut ta' ndewwa fil-prodott finali m'għandux ikun ta' inqas minn 1,0 %.

    III.   PRODOTTI FINI MOĦMIJIN

    Il-miżuri ta' mitigazzjoni f'dan il-Kapitolu huma applikabbli għall-prodotti fini moħmijin bħal cookies, gallettini, ħobż mixwi (rusks), bars taċ-ċereali, scones, kornets, wejfers, crumpets u gingerbread, kif ukoll prodotti mhux ħelwin bħal krekers, ħobżiet iqarmċu u sostituti tal-ħobż. F'din il-kategorija, kreker hija galletta niexfa (prodott moħmi bbażat fuq id-dqiq taċ-ċereali), eż. krekers tas-soda, ħobżiet iqarmċu tas-segala u matzot.

    Agronomija

    Fil-każ ta' biedja b'kuntratt, meta l-prodotti agrikoli jiġu fornuti lill-FBOs direttament mill-produtturi tagħhom, l-FBOs għandhom jiżguraw li japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin biex jipprevjenu livelli għoljin ta' asparaġina fiċ-ċereali:

    li jiġu segwiti Prattiki Agrikoli Tajbin dwar il-fertilizzazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward taż-żamma ta' livelli bbilanċjati ta' kubrit fil-ħamrija u biex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tan-nitroġenu;

    li jiġu segwiti Prattiki Fitosanitarji Tajbin biex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta' prattiki tajbin fuq miżuri ta' protezzjoni tal-għelejjel għall-prevenzjoni ta' infezzjonijiet fungali.

    L-FBOs għandhom iwettqu kontrolli biex jivverifikaw l-applikazzjoni effettiva tar-rekwiżiti msemmija hawn fuq.

    Tfassil tar-riċetta u tal-prodott

    Fil-proċess tal-manifattura l-FBOs għandhom japplikaw il-miżuri ta' mitigazzjoni li ġejjin:

    1.

    Għall-prodotti rilevanti, l-FBOs għandhom iqisu t-tnaqqis jew is-sostituzzjoni għalkollox jew parzjali tal-bikarbonat tal-ammonju ma' aġenti li jgħollu alternattivi bħal

    (a)

    il-bikarbonat tas-sodju u l-aċidulanti; jew

    (b)

    il-bikarbonat tas-sodju u d-difosfati tad-disodju b'aċidi organiċi jew varjanti tal-potassju tagħhom.

    Bħala parti minn din il-kunsiderazzjoni, l-FBOs għandhom jiżguraw li l-użu tal-aġenti alternattivi li jgħollu msemmija ma jirriżultax f'tibdiliet organolettiċi (togħma, dehra, sawra, eċċ.) jew f'żieda fil-kontenut kumplessiv ta' sodju li jinfluwenzaw l-identità tal-prodott u l-aċċettazzjoni mill-konsumaturi.

    2.

    Għall-prodotti li għalihom it-tfassil tal-prodott ikun jippermetti, l-FBOs għandhom jissostitwixxu l-fruttożju jew l-ingredjenti li fihom il-fruttożju, bħall-ġuleppi u l-għasel, mal-glukożju jew maz-zokkor mhux riduċenti bħas-sukrożju, b'mod partikolari f'riċetti li jkun fihom il-bikarbonat tal-ammonju meta dan ikun possibbli u b'kunsiderazzjoni li s-sostituzzjoni tal-fruttożju jew ta' zokkor riduċenti ieħor tista' tirriżulta f'modifikazzjoni tal-identità tal-prodott minħabba telfien tat-togħma u l-formazzjoni ta' kulur.

    3.

    L-FBOs għandhom jużaw l-asparaġinażi fejn din tkun effettiva u possibbli biex inaqqsu l-asparaġina kif ukoll il-potenzjal għall-formazzjoni tal-akrilammid. L-FBOs għandhom iqisu li hemm effett limitat jew ebda effett fuq il-livelli tal-akrilammid mill-użu tal-asparaġinażi f'riċetti b'kontenut għoli ta' xaħam, bi ndewwa baxxa jew b'valur għoli tal-pH.

    4.

    Meta karatteristika tal-prodott tkun tippermetti, l-FBOs għandhom jirrieżaminaw jekk hux possibbli li tintuża s-sostituzzjoni parzjali tad-dqiq ma' dqiq tal-qamħ alternattiv, bħar-ross, filwaqt li jqisu li kwalunkwe tibdil se jkollu impatt fuq il-proċess tal-ħami u fuq il-proprjetajiet organolettiċi tal-prodotti. Tipi differenti ta' ħbub urew livelli differenti ta' asparaġina (il-livelli tipiċi ta' asparaġina huma l-ogħla fis-segala u f'ordni dekrexxenti inqas fil-ħafur, fil-qamħ, fil-qamħirrum u bl-inqas livelli fir-ross).

    5.

    L-FBOs għandhom jieħdu f'kunsiderazzjoni fil-valutazzjoni tar-riskju l-impatt tal-ingredjenti fil-prodotti fini moħmijin li jistgħu jżidu l-livelli tal-akrilammid fil-prodott finali, u jużaw ingredjenti li m'għandhomx effetti bħal dawn iżda jżommu l-karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi (bħal lewż inkaljat f'temperaturi aktar baxxi milli f'temperaturi ogħla u frott xott bħala sors ta' fruttożju).

    6.

    L-FBOs għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' ingredjenti ttrattati bis-sħana li huma suxxettibbli għall-formazzjoni tal-akrilammid iwettqu valutazzjoni tar-riskju tal-akrilammid u jimplimentaw il-miżuri ta' mitigazzjoni xierqa.

    7.

    L-FBOs għandhom jiżguraw li tibdil fil-prodotti miksuba mill-fornituri ma jirriżultax f'żieda fil-livelli tal-akrilammid f'dawn il-każijiet.

    8.

    L-FBOs għandhom iqisu li, kemm ikun possibbli u raġonevoli, iżidu l-aċidi organiċi mal-proċess tal-produzzjoni jew inaqqsu l-livelli tal-pH, flimkien ma' miżuri ta' mitigazzjoni oħra u jqisu li dawn jistgħu jirriżultaw f'tibdiliet organolettiċi (prodotti jiskuraw inqas, modifika tat-togħma).

    Ipproċessar

    L-FBOs għandhom jieħdu l-miżuri ta' mitigazzjoni li ġejjin fil-manifattura tal-prodotti fini moħmijin u għandhom jiżguraw li l-miżuri meħudin ikunu kompatibbli mal-karatteristiċi tal-prodotti u mar-rekwiżiti dwar is-sigurtà tal-ikel:

    1.

    L-FBO għandu japplika l-input tas-sħana, jiġifieri l-kombinament ta' ħin u ta' temperatura, li huwa l-aktar effettiv biex inaqqas il-formazzjoni tal-akrilammid filwaqt li jinkisbu l-karatteristiċi tal-prodott fil-mira.

    2.

    L-FBOs għandhom iżidu l-kontenut ta' ndewwa fil-prodott finali bl-għan li jiksbu l-kwalità tal-prodott fil-mira, il-ħajja tal-prodott fuq l-ixkaffa meħtieġa u l-istandards dwar is-sigurtà tal-ikel.

    3.

    Il-prodotti għandhom jiġu moħmija sakemm il-prodott finali jikseb kulur aktar ċar bl-għan li jinkisbu l-kwalità tal-prodott stabbilita, il-ħajja tal-prodott fuq l-ixkaffa meħtieġa u l-istandards dwar is-sigurtà tal-ikel.

    4.

    Meta jiżviluppaw prodotti ġodda, l-FBOs għandhom jikkunsidraw fil-valutazzjoni tar-riskju tagħhom id-daqs u l-erja tas-superfiċje ta' biċċa partikolari ta' prodott filwaqt li jqisu li prodott ta' daqs żgħir potenzjalment iwassal għal livelli ogħla ta' akrilammid minħabba l-impatt tas-sħana.

    5.

    Peress li ċerti ingredjenti użati fil-manifattura tal-prodotti fini moħmijin jistgħu jiġu ttrattati bis-sħana diversi drabi (eż. biċċiet taċ-ċereali, ġewż, żrieragħ, frott imnixxef ipproċessati minn qabel, eċċ.), li jirriżulta f'żieda fil-livelli tal-akrilammid fil-prodotti finali, l-FBOs għandhom jaġġustaw it-tfassil tal-prodott u tal-proċess kif xieraq biex iżommu mal-livelli tal-parametri referenzjarji tal-akrilammid stipulati fl-Anness IV. B'mod partikolari, l-FBOs ma għandhomx jerġgħu jużaw prodotti maħruqa.

    6.

    Għal taħlitiet minn qabel tal-prodott li jitqiegħdu fis-suq biex jiġu moħmija d-dar jew fi stabbilimenti tal-forniment tal-ikel, l-FBOs għandhom jipprovdu lill-klijenti tagħhom bi struzzjonijiet dwar il-preperazzjoni biex jiżguraw li l-livelli tal-akrilammid fil-prodotti finali jkunu l-inqas li jistgħu raġonevolment jinkisbu taħt il-livelli tal-parametri referenzjarji.

    IV.   ĊEREALI GĦALL-KOLAZZJON

    Agronomija

    Fil-każ ta' biedja b'kuntratt, meta l-prodotti agrikoli jiġu fornuti lill-FBOs direttament mill-produtturi tagħhom, l-FBOs għandhom jiżguraw li japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin biex jipprevjenu livelli għoljin ta' asparaġina fiċ-ċereali:

    li jiġu segwiti Prattiki Agrikoli Tajbin dwar il-fertilizzazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward taż-żamma ta' livelli bbilanċjati ta' kubrit fil-ħamrija u biex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tan-nitroġenu;

    li jiġu segwiti Prattiki Fitosanitarji Tajbin biex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta' prattiki tajbin fuq miżuri ta' protezzjoni tal-għelejjel għall-prevenzjoni ta' infezzjonijiet fungali.

    L-FBOs għandhom iwettqu kontrolli biex jivverifikaw l-applikazzjoni effettiva tar-rekwiżiti msemmija hawn fuq.

    Riċetta

    1.

    Peress li l-prodotti bbażati fuq il-qamħirrum u r-ross għandhom it-tendenza li jkollhom inqas akrilammid minn dawk magħmula bil-qamħ, bis-segala, bil-ħafur u bix-xgħir, l-FBOs għandhom jikkunsidraw l-użu tal-qamħirrum u tar-ross fl-iżvilupp ta' prodotti ġodda meta dan ikun applikabbli u filwaqt li jqisu li kwalunkwe tibdil se jkollu impatt fuq il-proċess tal-manifattura u fuq il-proprjetajiet organolettiċi tal-prodotti.

    2.

    L-FBOs għandhom jikkontrollaw ir-rati ta' żieda meta jiġu miżjuda z-zokkor riduċenti (eż. l-fruttożju u l-glukożju) u l-ingredjenti li fihom iz-zokkor riduċenti (eż. l-għasel) filwaqt li jqisu l-impatt tagħhom fuq il-karatteristiċi organolettiċi u fuq il-funzjonalitajiet tal-proċess (formazzjoni ta' biċċiet minħabba tagħqid) u li jistgħu jaġixxu bħala prekursuri għall-formazzjoni tal-akrilammid meta jiżdiedu qabel l-istadji tat-trattament bis-sħana.

    3.

    Fil-valutazzjoni tar-riskju l-FBOs għandhom iqisu l-kontribuzzjoni għall-akrilammid minn ingredjenti mnixxfa u ttrattati bis-sħana, bħal ġewż inkaljat u mixwi u frott mnixxef fil-forn, u jużaw ingredjenti alternattivi jekk il-kontribuzzjoni aktarx li twassal biex il-prodott lest ikollu livell ogħla mil-livell tal-parametru referenzjarju speċifikat fl-Anness IV.

    4.

    Għal ingredjenti ttrattati bis-sħana li fihom 150 mikrogramma ta' akrilammid għal kull kilogramma (μg/kg) jew iktar, l-FBOs għandhom jieħdu l-azzjonijiet li ġejjin:

    jistabbilixxu reġistru ta' dawn l-ingredjenti;

    iwettqu awditjar tal-fornituri u/jew tal-analiżijiet;

    jiżguraw li ma jsir ebda tibdil mill-fornitur fit-tali ingredjenti li jżid il-livelli tal-akrilammid.

    5.

    Meta ċ-ċereal ikun fil-forma ta' għaġina tad-dqiq u l-proċeduri tal-manifattura jipprovdu biżżejjed żmien, temperatura u kontenut ta' ndewwa biex l-asparaġinażi tnaqqas il-livelli ta' asparaġina, l-FBOs għandhom jużaw l-asparaġinażi meta jkun hemm bżonn diment li ma jkun hemm ebda effett avvers fuq it-togħma jew riskju ta' attività enzimatika residwa.

    Ipproċessar

    Fil-manifattura taċ-ċereali tal-kolazzjon, l-FBOs għandhom japplikaw il-miżuri ta' mitigazzjoni li ġejjin u għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda jkunu kompatibbli mal-karatteristiċi tal-prodott u mar-rekwiżiti dwar s-sigurtà tal-ikel:

    1.

    L-FBOs għandhom jidentifikaw, permezz ta' valutazzjoni tar-riskju, l-istadji kritiċi tat-trattament bis-sħana fil-proċess tal-manifattura li jiġġeneraw l-akrilammid.

    2.

    Peress li t-temperaturi tat-tisħin u l-ħinijiet tat-tisħin itwal iwasslu għal livelli ogħla ta' akrilammid, l-FBOs għandhom jidentifikaw taħlita effettiva ta' temperatura u ta' ħinijiet ta' tisħin biex titnaqqas il-formazzjoni tal-akrilammid mingħajr ma jiġu kompromessi t-togħma, is-sawra, il-kulur, is-sikurezza u l-ħajja tal-prodott fuq l-ixkaffa.

    3.

    Biex jevitaw żieda fil-formazzjoni tal-akrilammid, l-FBOs għandhom jikkontrollaw it-temperaturi, il-ħinijiet u r-rati ta'alimentazzjoni fil-fażi tat-tisħin biex jiksbu dan il-kontenut minimu ta' ndewwa li ġej fil-prodott finali wara t-trattament bis-sħana finali, bl-għan li jinkisbu l-kwalità tal-prodott stabbilita, il-ħajja tal-prodott fuq l-ixkaffa meħtieġa u l-istandards dwar is-sigurtà tal-ikel:

    prodotti mixwijin: 1 g/100 g għal prodotti estrużi, 1 g/100 g għal prodotti msajrin f'lott, 2 g/100 g għal prodotti rrumblati bil-fwar;

    prodotti li jiġu espanduti direttament: 0,8 g/100 g għal prodotti estrużi;

    prodotti moħmija: 2 g/100 g għal prodotti msajrin kontinwament;

    prodotti mimlija: 2 g/100 g għal prodotti estrużi;

    tnixxif ieħor: 1 g/100 g għal prodotti msajrin f'lott, 0,8 g/100 g għal prodotti minfuħin (gun puffed).

    L-FBOs għandhom ikejlu l-kontenut ta' ndewwa u jesprimu l-konċentrazzjoni tal-akrilammid f'massa xotta biex jeliminaw l-effett ta' konfużjoni tat-tibdiliet fl-indewwa.

    4.

    L-użu mill-ġdid ta' prodott fil-proċess kollu jista' jiġġenera livelli ogħla tal-akrilammid permezz tal-esponiment ripetut fl-istadji tat-trattament bis-sħana. Għaldaqstant, l-FBOs għandhom jivvalutaw l-impatt tal-użu mill-ġdid fuq il-livelli tal-akrilammid u jnaqqsu jew jeliminaw l-użu mill-ġdid.

    5.

    L-FBOs għandu jkollhom proċeduri fis-seħħ, bħal kontrolli u monitoraġġ tat-temperatura, biex jipprevjenu l-inċidenza ta' prodotti maħruqin.

    V.   KAFÈ

    Riċetta

    Meta jikkunsidraw il-kompożizzjoni tat-taħlit tal-kafè, l-FBOs għandhom iqisu fil-valutazzjoni tar-riskju li l-prodotti bbażati fuq kafè tat-tip Robusta għandhom it-tendenza li jkollhom livelli ogħla ta' akrilammid minn prodotti bbażati fuq kafè tat-tip Arabica.

    Ipproċessar

    1.

    L-FBOs għandhom jidentifikaw il-kundizzjonijiet kritiċi tal-inkaljar biex jiżguraw il-formazzjoni minima ta' akrilammid fi ħdan il-profil tat-togħma fil-mira.

    2.

    Il-kontroll tal-kundizzjonijiet tal-inkaljar għandu jkun inkorporat fi Programm ta' Prerekwiżiti (PRP) bħala parti mill-Prassi Tajba ta' Manifattura (PTM).

    3.

    L-FBOs għandhom jikkunsidraw l-użu tat-trattament bl-asparaġinażi, meta jkun possibbli u meta jkun effettiv biex titnaqqas il-preżenza tal-akrilammid.

    VI.   SOSTITUTI TAL-KAFÈ LI FIHOM AKTAR MINN 50 % ĊEREALI

    Agronomija

    Fil-każ ta' biedja b'kuntratt, meta l-prodotti agrikoli jiġu fornuti lill-FBOs direttament mill-produtturi tagħhom, l-FBOs għandhom jiżguraw li japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin biex jipprevjenu livelli għoljin ta' asparaġina fiċ-ċereali:

    li jiġu segwiti Prattiki Agrikoli Tajbin dwar il-fertilizzazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward taż-żamma ta' livelli bbilanċjati ta' kubrit fil-ħamrija u biex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tan-nitroġenu;

    li jiġu segwiti Prattiki Fitosanitarji Tajbin biex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta' prattiki tajbin fuq miżuri ta' protezzjoni tal-għelejjel għall-prevenzjoni ta' infezzjonijiet fungali.

    L-FBOs għandhom iwettqu kontrolli biex jivverifikaw l-applikazzjoni effettiva tar-rekwiżiti msemmija hawn fuq.

    Riċetta

    1.

    Peress li l-prodotti bbażati fuq il-qamħirrum u r-ross għandhom tendenza li jkollhom inqas akrilammid minn dawk magħmula bil-qamħ, bis-segala, bil-ħafur u bix-xgħir, l-FBOs għandhom jikkunsidraw l-użu tal-qamħirrum u tar-ross fl-iżvilupp ta' prodotti ġodda meta dan ikun applikabbli, filwaqt li jqisu li kwalunkwe tibdil se jkollu impatt fuq il-proċess tal-manifattura u fuq il-proprjetajiet organolettiċi tal-prodott.

    2.

    L-FBOs għandhom jikkontrollaw ir-rati ta' żieda meta jiġu miżjuda iz-zokkor riduċenti (eż. l-fruttożju u l-glukożju) u l-ingredjenti li fihom iz-zokkor riduċenti (eż. l-għasel) filwaqt li jqisu l-impatt fuq il-karatteristiċi organolettiċi u fuq il-funzjonalitajiet tal-proċess (tagħqid ta' biċċiet) u li jistgħu jaġixxu bħala prekursuri għall-formazzjoni tal-akrilammid meta jiżdiedu qabel l-istadji tat-trattament bis-sħana.

    3.

    Jekk is-sostituti tal-kafè ma jkunux magħmula esklużivament miċ-ċereali, l-FBOs għandhom jużaw ingredjenti oħra li jirriżultaw f'livelli inqas ta' akrilammid wara l-ipproċessar f'temperatura għolja, fejn applikabbli.

    Ipproċessar

    1.

    L-FBOs għandhom jidentifikaw il-kundizzjonijiet kritiċi tal-inkaljar biex jiżguraw il-formazzjoni minima ta' akrilammid fi ħdan il-profil tat-togħma fil-mira.

    2.

    Il-kontroll tal-kundizzjonijiet tal-inkaljar għandu jkun inkorporat fi Programm ta' Prerekwiżiti (PRP) bħala parti mill-Prassi Tajba ta' Manifattura (PTM).

    VII.   SOSTITUTI TAL-KAFÈ LI FIHOM AKTAR MINN 50 % ĊIKWEJRA

    L-FBOs għandhom jixtru biss kultivari b'livelli baxxi ta' asparaġina u l-FBOs għandhom jiżguraw li ma sseħħ ebda applikazzjoni tardiva u eċċessiva tan-nitroġenu matul it-tkabbir taċ-ċikwejra.

    Riċetta

    Jekk is-sostituti tal-kafè ma jsirux esklużivament miċ-ċikwejra, jiġifieri l-kontenut ta' ċikwejra jkun inqas minn 100 % u iktar minn 50 %, l-FBOs għandhom iżidu ingredjenti oħra, bħal fibri taċ-ċikwejra, ċereali inkaljati, peress li dawn urew li huma effettivi biex inaqqsu l-kontenut tal-akrilammid fil-prodott finali.

    Ipproċessar

    1.

    L-FBOs għandhom jidentifikaw il-kundizzjonijiet kritiċi tal-inkaljar biex jiżguraw il-formazzjoni minima ta' akrilammid fi ħdan il-profil tat-togħma fil-mira. Il-konklużjonijiet għandhom jiġu ddokumentati.

    2.

    Il-kontroll tal-kundizzjonijiet tal-inkaljar għandu jkun inkorporat fis-sistema ta' ġestjoni tas-sigurtà tal-ikel tal-manifattur.

    VIII.   GALLETTINI TAT-TRABI U ĊEREALI GĦAT-TFAL ŻGĦAR (5)

    Fil-każ ta' biedja b'kuntratt, meta l-prodotti agrikoli jiġu fornuti lill-FBOs direttament mill-produtturi tagħhom, l-FBOs għandhom jiżguraw li japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin biex jipprevjenu livelli għoljin ta' asparaġina fiċ-ċereali:

    li jiġu segwiti Prattiki Agrikoli Tajbin dwar il-fertilizzazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward taż-żamma ta' livelli bbilanċjati ta' kubrit fil-ħamrija u biex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tan-nitroġenu;

    li jiġu segwiti Prattiki Fitosanitarji Tajbin biex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta' prattiki tajbin fuq miżuri ta' protezzjoni tal-għelejjel għall-prevenzjoni ta' infezzjonijiet fungali.

    L-FBOs għandhom iwettqu kontrolli biex jivverifikaw l-applikazzjoni effettiva tar-rekwiżiti msemmija hawn fuq.

    Tfassil, Ipproċessar u Tisħin tal-Prodott

    1.

    L-FBOs għandhom kemm jista' jkun possibbli jużaw l-asparaġinażi biex inaqqsu l-livelli ta' asparaġina fil-materja prima tad-dqiq. L-FBOs li ma jistgħux jużaw l-asparaġinażi minħabba, pereżempju, ir-rekwiżiti ta' pproċessar jew it-tfassil tal-prodott, għandhom jużaw materja prima tad-dqiq b'livelli baxxi ta' prekursuri tal-akrilammid, bħal-fruttożju u l-glukożju u l-asparaġina.

    2.

    Matul l-iżvilupp tar-riċetta l-FBOs għandhom jagħmlu valutazzjoni li tipprovdi informazzjoni dwar iz-zokkor riduċenti u l-asparaġina, u tinkludi għażliet dwar kif jista' jinkiseb livell baxx ta' zokkor riduċenti fir-riċetta finali. Din il-ħtieġa għal din il-valutazzjoni se tkun tiddependi fuq l-użu tal-asparaġinażi fir-riċetta.

    3.

    L-FBOs għandhom jiżguraw li l-ingredjenti ttrattati bis-sħana li huma suxxettibbli għall-formazzjoni tal-akrilammid jinkisbu mingħand fornituri li kapaċi juru li ħadu l-miżuri ta' mitigazzjoni xierqa biex inaqqsu l-preżenza tal-akrilammid f'dawk l-ingredjenti.

    4.

    L-FBOs għandu jkollhom fis-seħħ proċedura ta' kontroll tat-tibdil li tiżgura li ma jagħmlu ebda tibdil fil-fornitur li jirriżulta f'żieda tal-akrilammid.

    5.

    Jekk l-użu ta' materja prima u ta' ingredjenti ttrattati bis-sħana jwassal biex fil-prodott finali jinqabeż il-livell tal-parametru referenzjarju tal-akrilammid speċifikat fl-Anness IV, l-FBOs għandhom jirrieżaminaw l-użu ta' dawk il-prodotti bil-għan li jinkisbu livelli ta' akrilammid li jkunu l-inqas li jisgħu raġonevolment jinkisbu taħt il-livell tal-parametru referenzjarju stabbilit fl-Anness IV.

    Riċetta

    1.

    Peress li l-prodotti bbażati fuq il-qamħirrum u r-ross għandhom tendenza li jkollhom inqas akrilammid minn dawk magħmula bil-qamħ, bis-segala, bil-ħafur u bix-xgħir, l-FBOs għandhom jikkunsidraw l-użu tal-qamħirrum u tar-ross fl-iżvilupp ta' prodotti ġodda meta dan ikun applikabbli filwaqt li jqisu li kwalunkwe tibdil se jkollu impatt fuq il-proċess tal-manifattura u fuq il-proprjetajiet organolettiċi tal-prodott.

    2.

    B'mod partikolari fil-valutazzjoni tar-riskju tagħhom, l-FBOs għandhom jikkunsidraw li l-prodotti bbażati fuq iċ-ċereali integrali u/jew b'livelli għoljin ta' nuħħala taċ-ċereali għandhom livelli ogħla ta' akrilammid.

    3.

    L-FBOs għandhom jikkontrollaw ir-rati ta' żieda meta jiġu miżjuda iz-zokkor riduċenti (eż. l-fruttożju u l-glukożju) u l-ingredjenti li fihom iz-zokkor riduċenti (eż. l-għasel) filwaqt li jqisu l-impatt fuq il-karatteristiċi organolettiċi u fuq il-funzjonalitajiet tal-proċess (tagħqid ta' biċċiet) u li jistgħu jaġixxu bħala prekursuri għall-formazzjoni tal-akrilammid meta jiżdiedu qabel l-istadji tat-trattament bis-sħana.

    4.

    L-FBO għandu jiddetermina l-kontribuzzjoni għall-akrilammid minn ingredjenti mnixxfa u ttrattati bis-sħana, bħal ġewż inkaljat u mixwi u frott imnixxef fil-forn, u jużaw ingredjenti alternattivi jekk l-użu ta' dawk l-ingredjenti jwassal biex il-prodott lest ikollu livell ogħla mil-livell tal-parametru referenzjarju speċifikat fl-Anness IV.

    Ipproċessar

    1.

    L-FBOs għandhom jidentifikaw, permezz ta' valutazzjoni tar-riskju, l-istadji kritiċi tat-trattament bis-sħana fil-proċess tal-manifattura li jiġġeneraw l-akrilammid.

    2.

    L-FBOs għandhom ikejlu l-kontenut ta' ndewwa u jesprimu l-konċentrazzjoni tal-akrilammid f'massa xotta biex jeliminaw l-effett ta' konfużjoni tat-tibdiliet fl-indewwa.

    3.

    L-FBOs għandhom jidentifikaw u japplikaw taħlita effettiva ta' temperatura u ta' ħinijiet ta' tisħin biex titnaqqas il-formazzjoni tal-akrilammid mingħajr ma jiġu kompromessi t-togħma, is-sawra, il-kulur, is-sikurezza u l-ħajja tal-prodott fuq l-ixkaffa.

    4.

    L-FBOs għandhom jikkontrollaw it-temperaturi tat-tisħin, il-ħinijiet u r-rati ta' alimentazzjoni. Jenħtieġ li s-sistemi ta' ġestjoni tar-rati ta' alimentazzjoni u ta' kontroll tat-temperatura jiġu kkalibrati b'mod regolari u li dawn il-kundizzjonijiet operatorji jiġu kkontrollati fi ħdan il-limiti stabbiliti. Dawn il-kompiti għandhom jiġu inkorporati fil-proċeduri tal-HACCP.

    5.

    Il-monitoraġġ u l-kontroll tal-kontenut ta' ndewwa tal-prodott wara li l-istadji kritiċi tat-trattament bis-sħana wrew li huma effettivi fil-kontroll tal-livelli tal-akrilammid f'ċerti proċessi u, għalhekk, f'dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-proċess jista' jkun alternattiva adegwata għall-kontroll tat-temperaturi u tal-ħinijiet tat-tisħin, u għalhekk għandu jintuża.

    IX.   IKEL TAT-TRABI FIL-VAŻETT (IKEL B'LIVELL BAXX TA' AĊIDITÀ U BBAŻAT FUQ IL-PRUNA) (6)

    1.

    Għall-produzzjoni tal-ikel tat-trabi fil-vażetti, l-FBOs għandhom jagħżlu materja prima b'kontenut baxx ta' prekursur tal-akrilammid, eż. zokkor riduċenti bħall-fruttożju u l-glukożju u l-asparaġina.

    2.

    Fil-każ ta' biedja b'kuntratt, meta l-prodotti agrikoli jiġu fornuti lill-FBOs direttament mill-produtturi tagħhom, l-FBOs għandhom jiżguraw li japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin biex jipprevjenu livelli għoljin ta' asparaġina fiċ-ċereali:

    li jiġu segwiti Prattiki Agrikoli Tajbin dwar il-fertilizzazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward taż-żamma ta' livelli bbilanċjati ta' kubrit fil-ħamrija u biex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tan-nitroġenu;

    li jiġu segwiti Prattiki Fitosanitarji Tajbin biex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta' prattiki tajbin fuq miżuri ta' protezzjoni tal-għelejjel għall-prevenzjoni ta' infezzjonijiet fungali.

    L-FBOs għandhom iwettqu kontrolli biex jivverifikaw l-applikazzjoni effettiva tar-rekwiżiti msemmija hawn fuq.

    3.

    F'kuntratti ta' xiri ta' puré tal-pruna, l-FBOs għandhom jinkludu r-rekwiżiti li jiżguraw li fil-proċess tal-manifattura tal-puré tal-pruna jiġu applikati reġimi ta' trattament bis-sħana li għandhom l-għan li jnaqqsu l-okkorrenza tal-akrilammid f'dak il-prodott.

    4.

    L-FBOs għandhom jiżguraw li l-ingredjenti ttrattati bis-sħana li huma suxxettibbli għall-formazzjoni tal-akrilammid jinkisbu mingħand fornituri li jistgħu juru li ħadu l-miżuri ta' mitigazzjoni biex inaqqsu l-preżenza tal-akrilammid f'dawk l-ingredjenti.

    5.

    Jekk l-użu ta' materja prima u ta' ingredjenti ttrattati bis-sħana jwassal biex fil-prodott finali jinqabeż il-livell tal-parametru referenzjarju tal-akrilammid speċifikat fl-Anness IV, l-FBOs għandhom jirrieżaminaw l-użu ta' dawk il-materjali u l-ingredjenti bil-għan li jinkisbu livelli ta' akrilammid li jkunu l-inqas li jistgħu raġonevolment jinkisbu taħt il-livell tal-parametru referenzjarju stabbilit fl-Anness IV.

    Riċetta

    1.

    Fil-valutazzjoni tar-riskju tal-akrilammid fl-oġġetti tal-ikel ikkonċernati, l-FBOs għandhom jikkunsidraw li l-prodotti bbażati fuq iċ-ċereali integrali u/jew b'livelli għoljin ta' nuħħala taċ-ċereali għandhom livelli ogħla ta' akrilammid.

    2.

    L-FBOs għandhom jagħżlu varjetajiet ta' patata ħelwa u ta' pruni li għandhom l-inqas livelli possibbli ta' prekursuri tal-akrilammid, bħaz-zokkor riduċenti (eż. l-fruttożju u l-glukożju) u l-asparaġina.

    3.

    L-FBOs għandhom jikkontrollaw ir-rati ta' żieda meta jiġu miżjuda iz-zokkor riduċenti (eż. l-fruttożju u l-glukożju) u l-ingredjenti li fihom iz-zokkor riduċenti (eż. l-għasel) filwaqt li jqisu l-impatt fuq il-karatteristiċi organolettiċi u fuq il-funzjonalitajiet tal-proċess (tagħqid ta' biċċiet) u li jistgħu jaġixxu bħala prekursuri għall-formazzjoni tal-akrilammid meta jiżdiedu qabel l-istadji tat-trattament bis-sħana.

    Ipproċessar

    1.

    L-FBOs għandhom jidentifikaw l-istadji ewlenin tat-trattament bis-sħana fil-proċess li jiġġeneraw l-iktar akrilammid biex jiffokaw iktar l-isforzi ta' tnaqqis/kontroll tal-akrilammid bl-iktar mod effettiv. Dan irid jinkiseb permezz ta' valutazzjoni tar-riskju jew bil-kejl dirett tal-livelli tal-akrilammid fil-prodott qabel u wara kull stadju tat-trattament bis-sħana.

    2.

    Biex tiġi evitata żieda fil-formazzjoni tal-akrilammid, l-FBO għandu jikkontrolla t-temperaturi tat-tisħin, il-ħinijiet u r-rati ta' alimentazzjoni. Jenħtieġ li s-sistemi ta' ġestjoni tar-rati ta' alimentazzjoni u ta' kontroll tat-temperatura jiġu kkalibrati b'mod regolari u li dawn il-kundizzjonijiet operatorji jiġu kkontrollati fi ħdan il-limiti stabbiliti. Dawn il-kompiti għandhom jiġu inkorporati fil-proċeduri tal-HACCP.

    3.

    L-FBOs għandhom jiżguraw li t-tnaqqis tal-input termali maħsub biex inaqqas l-akrilammid fl-ikel b'livell baxx ta' aċidità u bbażat fuq il-pruna ma jaffettwax is-sikurezza mikrobijoloġika tal-oġġetti tal-ikel ikkonċernati.

    X.   ĦOBŻ

    Agronomija

    Fil-każ ta' biedja b'kuntratt, meta l-prodotti agrikoli jiġu fornuti lill-FBOs direttament mill-produtturi tagħhom, l-FBOs għandhom jiżguraw li japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin biex jipprevjenu livelli għoljin ta' asparaġina fiċ-ċereali:

    li jiġu segwiti Prattiki Agrikoli Tajbin dwar il-fertilizzazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward taż-żamma ta' livelli bbilanċjati ta' kubrit fil-ħamrija u biex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tan-nitroġenu;

    li jiġu segwiti Prattiki Fitosanitarji Tajbin biex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta' prattiki tajbin fuq miżuri ta' protezzjoni tal-għelejjel għall-prevenzjoni ta' infezzjonijiet fungali.

    L-FBOs għandhom iwettqu kontrolli biex jivverifikaw l-applikazzjoni effettiva tar-rekwiżiti msemmija hawn fuq.

    Tfassil, ipproċessar u tisħin tal-prodott

    1.

    L-FBOs għandhom jiżguraw li l-ħobż jiġi moħmi sakemm jikseb kulur aktar ċar sabiex titnaqqas il-formazzjoni tal-akrilammid filwaqt li jitqiesu t-tfassil u l-possibbiltajiet tekniċi tal-prodott individwali.

    2.

    L-FBOs għandhom jestendu l-ħin tal-fermentazzjoni tal-ħmira filwaqt li jqisu t-tfassil tal-prodott u l-possibbiltajiet tekniċi.

    3.

    L-FBOs għandhom ibaxxu l-input termali billi jottimizzaw it-temperatura u l-ħin tal-ħami sa fejn possibbli.

    4.

    L-FBOs għandhom jipprovdu struzzjonijiet dwar il-ħami għall-ħobż li għandu jitlesta d-dar, f'żoni fejn isir il-ħami, fi ħwienet tal-bejgħ bl-imnut jew fi stabbilimenti tal-forniment tal-ikel.

    5.

    L-FBOs għandhom jissostitwixxu l-ingredjenti li għandhom il-potenzjal li jżidu l-livelli tal-akrilammid fil-prodott finali meta dan ikun kompatibbli mat-tfassil tal-prodott u mal-possibiltajiet tekniċi, li jinkludu pereżempju l-użu ta' ġewż u ta' żrieragħ inkaljati f'temperaturi aktar baxxi milli f'temperaturi ogħla.

    6.

    L-FBOs għandhom jissostitwixxu l-fruttożju mal-glukożju b'mod partikolari f'riċetti li fihom il-bikarbonat tal-ammonju (E503) meta t-tfassil tal-prodott ikun jippermetti u sa fejn ikun possibbli. Dan jinkludi, pereżempju, is-sostituzzjoni tal-ġulepp taz-zokkor invertit u l-għasel, li fihom livelli ogħla ta' fruttożju, mal-ġulepp tal-glukożju.

    7.

    Fi prodotti b'kontenut baxx ta' ndewwa, l-FBOs għandhom jużaw l-asparaġinażi biex sa fejn possibbli jnaqqsu l-asparaġina u jqisu r-riċetta tal-prodott, l-ingredjenti, il-kontenut ta' ndewwa u l-proċess.


    (1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-enżimi tal-ikel u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, id-Direttiva 2000/13/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE u r-Regolament (KE) Nru 258/97 (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 7).

    (2)  Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi ta' l-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta' Marzu 2012 |li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).

    (5)  Kif iddefinit fir-Regolament (UE) Nru 609/2013.

    (6)  Kif iddefinit fir-Regolament (UE) Nru 609/2013.


    ANNESS II

    PARTI A

    MIŻURI TA' MITIGAZZJONI LI GĦANDHOM JIĠU APPLIKATI MILL-OPERATURI TA' NEGOZJI TAL-IKEL (FBOs) IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2(2)

    1.

    L-FBOs li jipproduċu l-prodotti tal-patata għandhom japplikaw il-miżuri ta' mitigazzjoni li ġejjin:

    Ċipps u prodotti oħra (li jinqlew kompletament fiż-żejt) magħmulin mill-patata mqattgħa:

    Meta disponibbli u sakemm ikun kompatibbli mal-prodott tal-ikel li jrid jinkiseb għandhom jintużaw varjetajiet tal-patata b'kontenut baxx ħafna ta' zokkor. F'dan ir-rigward, il-fornitur għandu jiġi kkonsultat għall-aktar varjetajiet xierqa ta' patata.

    Il-patata għandha tinħażen f'temperatura ogħla minn 6 °C.

    Qabel il-proċess tal-qali:

    Fejn possibbli u sakemm ikun kompatibbli mal-prodott tal-ikel mixtieq, għaċ-ċipps nejja għandha tittieħed waħda minn dawn il-miżuri li ġejjin sabiex jitnaqqas il-kontenut ta' zokkor, ħlief għal prodotti tal-patata ffriżati li għalihom għandhom jiġu segwiti l-istruzzjonijiet tat-tisjir:

    Aħsel u ħalli fl-ilma għal preferibbilment minn 30 minuta sa sagħtejn f'ilma kiesaħ. Laħlaħ l-istrixxi f'ilma nadif qabel il-qali.

    Ħalli fl-ilma għal ftit minuti fl-ilma sħun. Laħlaħ l-istrixxi f'ilma nadif qabel il-qali.

    Is-smit tal-patata jirriżulta f'livelli aktar baxxi ta' akrilammid u għalhekk, fejn possibbli, huwa xieraq li l-patata tiġi mismuta.

    Meta tinqela ċ-ċipps jew prodotti oħra tal-patata:

    Għandhom jintużaw żejt u xaħam tal-qali li jippermettu qali aktar veloċi u/jew f'temperaturi aktar baxxi. Il-fornituri taż-żejt tat-tisjir għandhom jiġu kkonsultati għall-aktar żejt u xaħam adattat.

    It-temperaturi tal-qali għandhom ikunu inqas minn 175 °C u fi kwalunkwe każ l-inqas possibbli b'kunsiderazzjoni tar-rekwiżiti dwar is-sigurtà tal-ikel.

    Il-kwalità taż-żejt u tax-xaħam tal-qali għandha tinżamm permezz ta' xkumar frekwenti biex jitneħħew il-biċċiet fini u l-frak.

    Għat-tisjir taċ-ċipps, huwa xieraq li l-FBOs jużaw il-gwidi tal-kuluri disponibbli li jipprovdu gwida dwar it-taħlita ottimali ta' kulur u livelli baxxi ta' akrilammid.

    Fil-bini fejn ikun hemm il-persunal li jipprepara l-ikel huwa xieraq li jkun hemm imwaħħla fejn tidher gwida tal-kulur li tipprovdi gwida dwar it-taħlita ottimali ta' kulur u livelli baxxi ta' akrilammid.

    2.

    L-FBOs li jipproduċu ħobż u prodotti fini moħmijin għandhom jużaw il-miżuri ta' mitigazzjoni li ġejjin fil-proċess tal-ħami:

    Sa fejn possibbli u kompatibbli mal-proċess tal-produzzjoni u mar-rekwiżiti dwar l-iġjene:

    l-estensjoni taż-żmien tal-fermentazzjoni tal-ħmira;

    il-kontenut ta' ndewwa tal-għaġina għall-produzzjoni ta' prodott b'kontenut baxx ta' ndewwa, għandu jiġi ottimizzat;

    it-tnaqqis tat-temperatura tal-forn u l-estensjoni tal-ħin tat-tisjir.

    Il-prodotti għandhom jiġu moħmija sakemm jiksbu kulur aktar ċar u għandu jiġi evitat l-iskurament eċċessiv tal-qoxra f'każ fejn il-qoxra tkun skura minħabba xiwi qawwi u mhux relatata mal-kompożizzjoni jew man-natura speċifika tal-ħobż li jwasslu għal qoxra skura.

    3.

    Meta jiġu ppreparati sandwiches, l-FBOs għandhom jiżguraw li s-sandwiches jiġu mixwija sal-kulur ottimali. Għall-produzzjoni ta' dawn il-prodotti speċifiċi huwa xieraq li jintużaw il-gwidi tal-kulur disponibbli maħsuba għal tipi ta' prodotti speċifiċi, fejn disponibbli, li jipprovdu gwida dwar it-taħlita ottimali ta' kulur u livelli baxxi ta' akrilammid. Meta jintuża ħobż ippakkjat minn qabel jew meta jintużaw prodotti tal-furnara li ma jkunux kompletament imsajra, iridu jiġu segwiti l-istruzzjonijiet dwar it-tisjir.

    Fil-bini fejn ikun hemm il-persunal li jipprepara l-ikel speċifiku għandu jkun hemm imwaħħla fejn tidher il-gwida tal-kulur msemmija hawn fuq li tipprovdi gwida dwar it-taħlita ottimali ta' kulur u livelli baxxi ta' akrilammid.

    PARTI B

    MIŻURI TA' MITIGAZZJONI LI JRIDU JIĠU APPLIKATI MILL-OPERATURI TAN-NEGOZJI TAL-IKEL IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2(3) MINBARRA L-MIŻURI TA' MITIGAZZJONI MSEMMIJA FIL-PARTI A

    1.   Rekwiżit ġenerali

    L-FBOs għandhom jaċċettaw biss il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2) mingħand l-FBOs li implimentaw il-miżuri ta' mitigazzjoni kollha stipulati fl-Anness I.

    2.   Ċipps u prodotti oħra (li jinqlew kompletament fiż-żejt) magħmulin mill-patata mqattgħa

    L-FBOs għandhom:

    isegwu l-istruzzjonijiet dwar il-ħżin ipprovduti mill-FBOs jew mill-fornituri jew ipprovduti fil-miżuri ta' mitigazzjoni rilevanti fl-Anness I;

    jaħdmu bil-Proċeduri Operazzjonali Standard u b'apparati tal-qali kkalibrati mgħammra b'timers kompjuterizzati u pprogrammati b'issettjar standard (ħin-temperatura);

    jissorveljaw il-livell tal-akrilammid fil-prodotti finali biex jivverifikaw li l-miżuri ta' mitigazzjoni huma effettivi fiż-żamma tal-livelli tal-akrilammid taħt il-livell tal-parametru referenzjarju.

    3.   Prodotti tal-furnara

    L-FBOs għandhom jissorveljaw il-livell tal-akrilammid fil-prodotti finali biex jivverifikaw li l-miżuri ta' mitigazzjoni huma effettivi fiż-żamma tal-livelli tal-akrilammid taħt il-livell tal-parametru referenzjarju.

    4.   Kafè

    L-FBOs għandhom jiżguraw li l-livell tal-akrilammid fil-kafè fornut ikun inqas mil-livell tal-parametru referenzjarju speċifikat fl-Anness IV filwaqt li, madankollu, għandu jitqies li dan jista' ma jkunx possibbli għat-tipi kollha ta' kafè skont it-taħlita u l-karatteristiċi tal-inkaljar. F'dawn il-każijiet, il-fornitur għandu jipprovdi ġustifikazzjoni.


    ANNESS III

    IR-REKWIŻITI TA' KAMPJUNAR U TA' ANALIŻI GĦALL-MONITORAĠĠ IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4

    I.   Kampjunar

    1.

    Il-kampjun għandu jkun rappreżentattiv għal-lott tal-kampjunar.

    2.

    L-FBOs għandhom jiżguraw li jwettqu l-kampjunar rappreżentattiv u l-analiżi tal-prodotti tagħhom għall-preżenza tal-akrilammid biex jivverifikaw l-effikaċja tal-miżuri ta' mitigazzjoni, jiġifieri li l-livelli tal-akrilammid ikunu konsistentement inqas mil-livelli tal-parametri referenzjarji.

    3.

    L-FBOs għandhom jiżguraw li jittieħed kampjun rappreżentattiv ta' kull tip ta' prodott għall-analiżi tal-konċentrazzjoni tal-akrilammid. “Tip ta' prodott” jinkludi gruppi ta' prodotti li jkollhom l-istess ingredjenti, tfassil tar-riċetta, tfassil tal-proċess u/jew kontrolli tal-proċess jew inkella jkunu simili għalihom meta dawn ikollhom potenzjal li jinfluwenzaw il-livelli tal-akrilammid fil-prodott finali. Il-programmi ta' monitoraġġ għandhom jagħtu prijorità lit-tipi ta' prodotti li wrew il-potenzjal li jaqbżu l-livell tal-parametru referenzjarju u għandhom ikunu bbażati fuq ir-riskju meta miżuri ta' mitigazzjoni ulterjuri jkunu fattibbli.

    II.   Analiżi

    1.

    L-FBOs għandhom jipprovdu biżżejjed dejta biex jippermettu li ssir valutazzjoni tal-livell tal-akrilammid u tal-probabilità li t-tip ta' prodott jista' jaqbeż il-livell tal-parametru referenzjarju.

    2.

    Il-kampjun għandu jiġi analizzat f'laboratorju li jieħu sehem fi skemi xierqa ta' ttestjar tal-profiċjenza (li jikkonformaw mal-“International Harmonised Protocol for the Proficiency Testing of (Chemical) Analytical Laboratories” (1) żviluppati taħt l-awspiċji tal-IUPAC/ISO/AOAC) u juża metodi analitiċi approvati għad-detezzjoni u għall-kwantifikazzjoni. Il-laboratorji għandhom ikunu kapaċi juru li jħaddmu proċeduri għall-kontroll intern tal-kwalità. Eżempju ta' dawn huma l-“ISO/AOAC/IUPAC Guidelines on Internal Quality Control in Analytical Chemistry Laboratories” (2).

    Meta jkun possibbli, għandha ssir stima tal-awtentiċità tal-analiżi billi fl-analiżi jiddaħħlu materjali xierqa ta' referenza ċċertifikati.

    3.

    Il-metodu ta' analiżi użat għall-analiżi tal-akrilammid irid jikkonforma mal-kriterji tal-prestazzjoni li ġejjin

    Parametru

    Kriterju

    Applikabbiltà

    L-ikel speċifikat f'dan ir-Regolament

    Speċifiċità

    Mingħajr interferenzi matriċi jew spettrali

    Kamp vojt

    Inqas mil-Limitu ta' Detezzjoni (LOD)

    Ripetibbiltà (RSDr)

    0,66 drabi tal-RSDR kif derivata mill-ekwazzjoni Horwitz (modifikata)

    Riproduċibbiltà (RSDR)

    kif derivata mill-ekwazzjoni Horwitz (modifikata)

    Irkupru

    75–110 %

    Limitu ta' Detezzjoni (LOD)

    Tliet għexieren ta' LOQ

    Limitu tal-Kwantifikazzjoni (LOQ)

    Għal-livell tal-parametru referenzjarju < 125 μg/kg: ≤ tnejn minn ħamsa tal-livell tal-parametru referenzjarju (madankollu mhux meħtieġ li jkun inqas minn 20 μg/kg)

    Għal-livell tal-parametru referenzjarju ≥ 125 μg/kg: ≤ 50 μg/kg

    4.

    L-analiżi tal-akrilammid tista' tiġi sostitwita mill-kejl tal-attributi tal-prodott (eż. il-kulur) jew tal-parametri tal-proċess diment li tkun tista' tintwera korrelazzjoni statistika bejn l-attributi tal-prodott jew il-parametri tal-proċess u l-livell tal-akrilammid.

    III.   Frekwenza tal-kampjunar

    1.

    L-FBOs għandhom iwettqu l-kampjunar u l-analiżi tal-inqas darba fis-sena għal prodotti li għandhom livell magħruf u kkontrollat sew ta' akrilammid. L-FBOs għandhom iwettqu l-kampjunar u l-analiżi bi frekwenza ikbar għal prodotti li jkollhom il-potenzjal li jaqbżu l-livell tal-parametru referenzjarju u għandhom ikunu bbażati fuq ir-riskju meta miżuri ta' mitigazzjoni ulterjuri jkunu fattibbli.

    2.

    Abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-punt II.1 l-FBOs għandhom jispeċifikaw il-frekwenzi xierqa għall-analiżi għal kull tip ta' prodott. Il-valutazzjoni għandha tiġi ripetuta jekk prodott jew proċess jiġi mmodifikat b'tali mod li jista' jwassal għal tibdil fil-livelli tal-akrilammid fil-prodott finali.

    IV.   Mitigazzjoni

    Jekk ir-riżultat analitiku, ikkoreġut għall-irkupru iżda mingħajr il-kunsiderazzjoni tal-inċertezza tal-kejl, jindika li prodott qabeż il-livell tal-parametru referenzjarju, jew fih l-akrilammid f'livell ogħla minn dak previst (b'kunsiderazzjoni tal-analiżijiet preċedenti, iżda inqas mil-livell tal-parametru referenzjarju), l-FBOs għandhom iwettqu rieżami tal-miżuri ta' mitigazzjoni applikati u għandhom jieħdu l-miżuri ta' mitigazzjoni addizzjonali disponibbli biex jiżguraw li l-livelli tal-akrilammid fil-prodott finali jkunu inqas mil-livell tal-parametru referenzjarju. Dan irid jintwera bit-twettiq ta' kampjunar rappreżentattiv u ta' analiżi ġodda, wara l-introduzzjoni tal-miżuri ta' mitigazzjoni addizzjonali.

    V.   Informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti

    L-FBOs għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżultati analitiċi miksuba mill-analiżi ta' kull sena jekk l-awtorità kompetenti titlobhom, flimkien ma' deskrizzjonijiet tal-prodotti analizzati. Għal dawk il-prodotti li jaqbżu l-livell tal-parametru referenzjarju għandhom jiġu pprovduti d-dettalji dwar il-miżuri ta' mitigazzjoni meħuda għat-tnaqqis tal-livelli tal-akrilammid taħt il-livell tal-parametru referenzjarju.


    (1)  M. Thompson et al, Pure and Applied Chemistry, 2006, 78, pp. 145-196.

    (2)  Edijat minn M. Thompson u R. Wood, Pure and Applied Chemistry, 1995, 67, pp. 649-666.


    ANNESS IV

    IL-LIVELLI TAL-PARAMETRI REFERENZJARJI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1(1)

    Il-livelli tal-parametri referenzjarji għall-preżenza tal-akrilammid fl-oġġetti tal-ikel imsemmija fl-Artikolu 1(1) huma kif ġej:

    Ikel

    Livell tal-parametru referenzjarju

    [μg/kg]

    Ċipps (lesta biex tittiekel)

    500

    Il-krisps tal-patata magħmulin minn patata friska u minn għaġina tal-patata

    Krekers ibbażati fuq il-patata

    Prodotti oħra tal-patata bbażati fuq l-għaġina tal-patata

    750

    Ħobż artab

     

    (a)

    Ħobż ibbażat fuq il-qamħ

    50

    (b)

    Ħobż artab li mhux ħobż ibbażat fuq il-qamħ

    100

    Ċereali tal-kolazzjon (ħlief il-poriġ)

     

    prodotti bbażati fuq in-nuħħala u ċ-ċereali integrali, ċereali minfuħin (gun puffed)

    300

    prodotti bbażati fuq il-qamħ u s-segala (1)

    300

    prodotti bbażati fuq il-qamħirrun, il-ħafur, l-ispelt, ix-xgħir u r-ross (1)

    150

    Gallettini u wejfers

    350

    Krekers ħlief il-krekers ibbażati fuq il-patata

    400

    Ħobż iqarmeċ

    350

    Ginger bread

    800

    Prodotti simili għall-prodotti l-oħra f'din il-kategorija

    300

    Kafè inkaljat

    400

    Kafè instant (solubbli)

    850

    Sostituti tal-kafè

     

    (a)

    sostituti tal-kafè esklużivament miċ-ċereali

    500

    (b)

    sostituti tal-kafè minn taħlita ta' ċereali u ta' ċikwejra

     (2)

    (c)

    sostituti tal-kafè esklużivament miċ-ċikwejra

    4 000

    Ikel tat-trabi, ikel proċessat biċ-ċereali għat-trabi u t-tfal żgħar ħlief il-gallettini u l-ħobż mixwi (3)

    40

    Gallettini u ħobż mixwi għat-trabi u għat-tfal żgħar (3)

    150


    (1)  Ċereali mhux integrali u/jew mhux ibbażati fuq in-nuħħala. Iċ-ċereali preżenti fl-akbar kwantità jiddeterminaw il-kategorija.

    (2)  Il-livell tal-parametru referenzjarju li jrid jiġi applikat għas-sostituti tal-kafè minn taħlita ta' ċereali u ta' ċikwejra jqis il-proporzjon relattiv ta' dawn l-ingredjenti fil-prodott finali.

    (3)  Kif iddefinit fir-Regolament (UE) Nru 609/2013.


    Top