Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017L0952

    Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/952 tad-29 ta' Mejju 2017 li temenda d-Direttiva (UE) 2016/1164 fir-rigward ta' diskrepanzi ibridi ma' pajjiżi terzi

    ĠU L 144, 7.6.2017, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/952/oj

    7.6.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 144/1


    DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2017/952

    tad-29 ta' Mejju 2017

    li temenda d-Direttiva (UE) 2016/1164 fir-rigward ta' diskrepanzi ibridi ma' pajjiżi terzi

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 115 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġislattiva speċjali,

    Billi:

    (1)

    Huwa imperattiv li terġa' tinkiseb il-fiduċja fil-ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa u li l-gvernijiet jitħallew jeżerċitaw b'mod effettiv is-sovranità tat-taxxa tagħhom. Għaldaqstant, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) ħarġet rakkomandazzjonijiet ta' azzjoni konkreta fil-kuntest tal-inizjattiva kontra l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt (BEPS).

    (2)

    Ir-rapporti finali dwar il-15-il Punt ta' Azzjoni tal-OECD kontra l-BEPS ġew ippubblikati fil-5 ta' Ottubru 2015. Dan il-kontribut intlaqa' tajjeb mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta' Diċembru 2015. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill enfasizzaw il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet fil-livell tal-Unjoni li jkunu komuni iżda fl-istess ħin flessibbli, u li jkunu konsistenti mal-konklużjonijiet tal-OECD dwar il-BEPS.

    (3)

    Bi tweġiba għall-ħtieġa ta' tassazzjoni aktar ġusta b'mod partikolari b'segwitu għall-konklużjonijiet tal-OECD dwar il-BEPS, il-Kummissjoni ppreżentat il-Pakkett Kontra l-Evitar tat-Taxxa tagħha fit-28 ta' Jannar 2016. Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 (3), dwar regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa, ġiet adottata fil-qafas ta' dak il-pakkett.

    (4)

    Id-Direttiva (UE) 2016/1164 tipprevedi qafas biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi ibridi.

    (5)

    Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jinnewtralizzaw id-diskrepanzi ibridi b'mod kemm jista' jkun komprensiv. B'konsiderazzjoni tal-fatt li d-Direttiva (UE) 2016/1164 tkopri biss d-diskrepanzi ibridi li jirriżultaw fl-interazzjoni bejn is-sistemi għat-taxxa korporattiva tal-Istati Membri, fit-12 ta' Lulju 2016 il-Kunsill ECOFIN ħareġ dikjarazzjoni fejn jitlob lill-Kummissjoni biex sa Ottubru 2016 tressaq proposta dwar id-diskrepanzi ibridi li jinvolvu pajjiżi terzi biex ikunu previsti regoli konsistenti mar-regoli rakkomandati mir-rapport tal-OECD dwar in-Newtralizzar tal-Effetti tal-Arranġamenti tad-Diskrepanzi Ibridi, Azzjoni 2 — Rapport Finali 2015 (“rapport tal-OECD dwar il-BEPS dwar l-Azzjoni 2”) u mhux inqas effettivi minnhom, bil-għan li jintlaħaq ftehim sa tmiem l-2016.

    (6)

    Id-Direttiva (UE) 2016/1164, tirrikonoxxi, fost oħrajn, li huwa kritiku li ssir ħidma ulterjuri dwar diskrepanzi ibridi oħra bħal dawk li jinvolvu stabbilimenti permanenti. Fid-dawl ta' dak, huwa essenzjali li d-diskrepanzi ta' stabbilimenti permanenti ibridi jiġu indirizzati f'dik id-Direttiva wkoll.

    (7)

    Biex ikun previst qafas li huwa konsistenti mar-rapport tal-OECD dwar il-BEPS dwar l-Azzjoni 2 u mhux inqas effettiv minnu, huwa essenzjali li d-Direttiva (UE) 2016/1164 tinkludi wkoll regoli dwar trasferimenti ibridi, diskrepanzi importati u tindirizza l-firxa wiesgħa ta' eżiti ta' tnaqqis doppju, sabiex il-kontribwenti ma jitħallewx jisfruttaw il-lakuni li fadal.

    (8)

    Id-Direttiva (UE) 2016/1164 tinkludi regoli dwar diskrepanzi ibridi bejn l-Istati Membri u għalhekk huwa adatt li tinkludi wkoll regoli dwar diskrepanzi ibridi ma' pajjiżi terzi fejn mill-inqas waħda mill-partijiet involuti hija kontribwent korporattiv jew fil-każ ta' ibridi bil-maqlub, entità fi Stat Membru, kif ukoll regoli dwar diskrepanzi importati. B'konsegwenza ta' dan, ir-regoli dwar diskrepanzi ibridi u diskrepanzi tar-residenza tat-taxxa jenħtieġ li japplikaw għall-kontribwenti kollha li huma soġġetti għal taxxa korporattiva fi Stat Membru inkluż għal stabbilimenti permanenti, jew għal arranġamenti trattati bħala stabbilimenti permanenti, ta' entitajiet residenti f'pajjiżi terzi. Ir-regoli dwar diskrepanzi ibridi bil-maqlub jenħtieġ li japplikaw għal dawk l-entitajiet kollha li huma ttrattati bħala trasparenti għall-finijiet tat-taxxa minn Stat Membru.

    (9)

    Jenħtieġ li r-regoli dwar id-diskrepanzi ibridi jindirizzaw sitwazzjonijiet ta' diskrepanza li jirriżultaw minn tnaqqis doppju, minn konflitt fil-karatterizzazzjoni ta' strumenti finanzjarji, pagamenti u entitajiet, jew mill-allokazzjoni ta' pagamenti. Peress li d-diskrepanzi ibridi jistgħu jwasslu għal tnaqqis doppju jew għal tnaqqis mingħajr inklużjoni, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li permezz tagħhom l-Istat Membru kkonċernat jew jiċħad it-tnaqqis ta' pagament, spiża jew telf jew jirrikjedi li l-kontribwent jinkludi l-pagament fl-introjtu taxxabbli tiegħu, kif xieraq. Madankollu, dawk ir-regoli japplikaw biss għal pagamenti li jistgħu jitnaqqsu u m'għandhomx jaffettwaw il-karatteristiċi ġenerali ta' sistema tat-taxxa, kemm jekk hija sistema klassika jew ta' imputazzjoni.

    (10)

    Id-diskrepanzi ta' stabbiliment permanenti ibridi jseħħu meta d-differenzi bejn ir-regoli ta' ġurisdizzjoni tal-istabbiliment permanenti u ta' residenza għall-allokazzjoni tal-introjtu u n-nefqa bejn partijiet differenti tal-istess entità jagħtu lok għal diskrepanza fl-eżiti tat-taxxa u jinkludu dawk il-każijiet fejn eżitu ta' diskrepanza jirriżulta minħabba l-fatt li stabbiliment permanenti jiġi injorat taħt il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-fergħa. Dawk l-eżiti ta' diskrepanza jistgħu jwasslu għal tnaqqis doppju jew tnaqqis mingħajr inklużjoni, u jenħtieġ għalhekk li jiġu eliminati. Fil-każ ta' stabbilimenti permanenti injorati, l-Istat Membru fejn il-kontribwent huwa residenti jenħtieġ li jinkludi l-introjtu li kieku altrimenti jiġi attribwit lill-istabbiliment permanenti.

    (11)

    Kwalunkwe aġġustament li jkun meħtieġ isir taħt din id-Direttiva, bħala prinċipju, ma għandux jaffettwa l-allokazzjoni ta' drittijiet ta' tassazzjoni bejn il-ġurisdizzjonijiet stipulati taħt trattat dwar tassazzjoni doppja.

    (12)

    Sabiex tkun żgurata l-proporzjonalità, huwa neċessarju li jkunu indirizzati biss il-każijiet fejn hemm riskju sostanzjali ta' evitar ta' taxxa bl-użu ta' diskrepanzi ibridi. Għaldaqstant, huwa xieraq li jkunu koperti d-diskrepanzi ibridi li jirriżultaw bejn l-uffiċċju prinċipali u l-istabbiliment permanenti jew bejn żewġ stabbilimenti permanenti jew aktar tal-istess entità, diskrepanzi ibridi li jinħolqu bejn il-kontribwent u l-impriżi assoċjati tiegħu jew bejn l-impriżi assoċjati, u dawk li jirriżultaw minn arranġament strutturat li jinvolvi lil kontribwent.

    (13)

    Diskrepanzi li, b'mod partikolari, jirriżultaw min-natura ibridità tal-entitajiet jenħtieġ li jiġu indirizzati biss meta waħda mill-impriżi assoċjati għandha, bħala minimu, kontroll effettiv fuq l-impriża assoċjata l-oħra. B'konsegwenza, f'dawk il-każijiet, jenħtieġ jintalab li impriża assoċjata tkun fil-pussess tal-kontribwent jew ta' impriża assoċjata oħra, jew għandha l-pussess tagħhom, b'parteċipazzjoni f'termini ta' drittijiet tal-vot, sjieda ta' kapital jew dritt għall-profitti riċevuti ta' 50 fil-mija jew aktar. Is-sjieda, jew id-drittijiet ta' persuni li jaġixxu flimkien, jenħtieġ li jiġu aggregati għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' dan ir-rekwiżit.

    (14)

    Biex tkun prevista definizzjoni suffiċjentement komprensiva ta' “impriża assoċjata” għall-finijiet tar-regoli dwar id-diskrepanzi ibridi, dik id-definizzjoni jenħtieġ li tinkludi wkoll entità li hija parti mill-istess grupp konsolidat għall-finijiet ta' kontabbiltà, impriża li fiha l-kontribwent għandu influwenza sinifikanti fil-ġestjoni u, bil-maqlub, impriża li għandha influwenza sinifikanti fil-ġestjoni tal-kontribwent.

    (15)

    Huwa neċessarju li jiġu indirizzati erba' kategoriji ta' diskrepanzi ibridi: l-ewwel, diskrepanzi ibridi li jirriżultaw minn pagamenti taħt strument finanzjarju; it-tieni, diskrepanzi ibridi li huma l-konsegwenza ta' differenzi fl-allokazzjoni ta' pagamenti magħmula lil entità ibrida jew stabbiliment permanenti, inkluż bħala riżultat ta' pagamenti lil stabbiliment permanenti injorat; it-tielet, diskrepanzi ibridi li jirriżultaw minn pagamenti magħmula minn entità ibrida lil sidha, jew pagamenti meqjusa bejn l-uffiċċju prinċipali u l-istabbiliment permanenti jew bejn żewġ stabbilimenti permanenti jew aktar; fl-aħħar nett, eżiti ta' tnaqqis doppju li jirriżultaw minn pagamenti magħmula minn entità ibrida jew stabbiliment permanenti.

    (16)

    Fir-rigward ta' pagamenti taħt strument finanzjarju, diskrepanza ibrida tista' tirriżulta fejn it-tnaqqis mingħajr l-eżitu tal-inklużjoni hija attribwibbli għad-differenzi fil-karatterizzazzjoni tal-istrument jew il-pagamenti magħmula taħtu. Jekk in-natura tal-pagament tikkwalifikah għal ħelsien minn taxxa doppja taħt il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju, bħal eżenzjoni mit-taxxa, tnaqqis fir-rata ta' taxxa jew kwalunkwe kreditu jew pagament lura tat-taxxa, il-pagament jenħtieġ li jiġi ttrattat bħala li jagħti lok għal diskrepanza ibrida sal-livell tal-ammont intaxxat anqas li jirriżulta. Madankollu, pagament taħt strument finanzjarju ma għandux jiġi trattat bħala li jagħti lok għal diskrepanza ibrida meta l-ħelsien mit-taxxa mogħti fil-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju ikun unikament dovut minħabba l-istatus fiskali tal-benefiċjarju jew il-fatt li l-istrument ikun miżmum soġġett għat-termini ta' reġim speċjali.

    (17)

    Sabiex jiġu evitati eżiti mhux mixtieqa fl-interazzjoni bejn ir-regola tal-istrument finanzjarju ibridu u r-rekwiżiti tal-kapaċità tal-assorbiment tat-telf imposti fuq il-banek, u mingħajr preġudizzju għal regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva strumenti intragrupp li nħarġu bl-uniku skop li jintlaħqu r-rekwiżiti tal-kapaċità tal-assorbiment tat-telf tal-emittent u mhux bl-iskop li tiġi evitata t-taxxa.

    (18)

    Fir-rigward ta' pagamenti magħmula lil entità ibrida jew stabbiliment permanenti, diskrepanza ibrida tista' tirriżulta fejn it-tnaqqis mingħajr l-eżitu tal-inklużjoni jirriżulta minn differenzi fir-regoli li jirregolaw l-allokazzjoni ta' dak il-pagament bejn l-entità ibrida u sidha fil-każ ta' pagament li jsir lil entità ibrida, jew bejn l-uffiċċju prinċipali u l-istabbiliment permanenti, jew bejn żewġ stabbilimenti permanenti jew aktar fil-każ ta' pagament meqjus lil stabbiliment permanenti. Jenħtieġ li d-definizzjoni ta' diskrepanza ibrida tapplika biss fejn l-eżitu ta' diskrepanza hija riżultat ta' differenzi fir-regoli li jirregolaw l-allokazzjoni ta' pagamenti taħt il-liġijiet taż-żewġ ġurisdizzjonijiet u pagament m'għandux jagħti lok għal diskrepanza ibrida li kienet tirriżulta fi kwalunkwe każ minħabba l-istatus ta' eżenzjoni mit-taxxa tal-benefiċjarju skont il-liġijiet ta' kwalunkwe ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju.

    (19)

    Id-definizzjoni ta' diskrepanza ibrida jenħtieġ li tkopri wkoll tnaqqis mingħajr l-eżiti ta' inklużjoni li huma r-riżultat ta' pagamenti magħmula għal stabbiliment permanenti injorat. Stabbiliment permanenti injorat huwa kwalunkwe arranġament li jiġi ttrattat bħala li jagħti lok għal stabbiliment permanenti skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-uffiċċju prinċipali iżda li mhuwiex ittrattat bħala stabbiliment permanenti skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni l-oħra. Ir-regola dwar id-diskrepanza ibrida m'għandhiex tapplika, madankollu, fejn id-diskrepanza tkun irriżultat fi kwalunkwe każ minħabba l-istatus ta' eżenzjoni mit-taxxa tal-benefiċjarju skont il-liġijiet ta' kwalunkwe ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju.

    (20)

    Fir-rigward ta' pagamenti magħmula minn entità ibrida lil sidha, jew pagamenti meqjusa li saru bejn l-uffiċċju prinċipali u l-istabbiliment permanenti jew bejn żewġ stabbilimenti permanenti jew aktar, diskrepanza ibrida tista' tirriżulta fejn it-tnaqqis mingħajr l-inklużjoni tal-eżitu tar-riżultati mill-pagament jew il-pagament meqjus ma jkunx rikonoxxut fil-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju. F'dak il-każ, fejn l-eżitu tal-diskrepanza huwa konsegwenza tan-nuqqas ta' allokazzjoni tal-pagament jew tal-pagament meqjus, il-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju hija l-ġurisdizzjoni fejn il-pagament jew il-pagament meqjus jiġi trattat bħala riċevut skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-pagatur. Bħal fil-każ ta' diskrepanzi ibridi oħra ta' entitajiet u fergħat li jagħtu lok għal tnaqqis mingħajr l-inklużjoni tal-eżiti, l-ebda diskrepanza ibrida m'għandha tirriżulta fejn il-benefiċjarju huwa eżenti mit-taxxa skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju. Fir-rigward ta' din il-kategorija ta' diskrepanzi ibridi, madankollu, eżitu ta' diskrepanza jirriżulta biss sa fejn il-ġurisdizzjoni tal-pagatur tippermetti t-tnaqqis fir-rigward tal-pagament jew il-pagament meqjus ikun ikkumpensat b'ammont li mhuwiex introjtu b'inklużjoni doppja. Jekk il-ġurisdizzjoni tal-pagatur tippermetti li t-tnaqqis jiġi riportat għal perijodu tat-taxxa sussegwenti, ir-rekwiżit li jsir kwalunkwe aġġustament skont din id-Direttiva jista' jiġi differit sakemm it-tnaqqis ikun fil-fatt ikkumpensat bl-introjtu li mhuwiex b'inklużjoni doppja fil-ġurisdizzjoni tal-pagatur.

    (21)

    Id-definizzjoni ta' diskrepanza ibrida jenħtieġ li tinkludi wkoll l-eżiti ta' tnaqqis doppju irrispettivament minn jekk dawn jirriżultawx bħala riżultat ta' pagamenti, spejjeż li mhumiex meqjusa bħala pagamenti skont il-liġi domestika jew bħala riżultat ta' telf minn amortizzament jew deprezzament. Bħal fil-każ ta' pagamenti meqjusa u pagamenti magħmula minn entità ibrida li jiġu injorati mill-benefiċjarju, diskrepanza ibrida jenħtieġ li tirriżulta biss, madankollu, sakemm il-ġurisdizzjoni tal-pagatur tippermetti li t-tnaqqis ikun ikkumpensat b'ammont li mhuwiex introjtu b'inklużjoni doppja. Dan ifisser li jekk il-ġurisdizzjoni tal-pagatur tippermetti li t-tnaqqis jiġi riportat għal perijodu tat-taxxa sussegwenti, ir-rekwiżit li jsir aġġustament skont din id-Direttiva jista' jiġi differit sakemm it-tnaqqis ikun fil-fatt ikkumpensat bl-introjtu li mhuwiex b'inklużjoni doppja fil-ġurisdizzjoni tal-pagatur.

    (22)

    Id-differenzi fl-eżiti tat-taxxa li huma attribwibbli biss għal differenzi fil-valur attribwit għal pagament, inkluż permezz tal-applikazzjoni ta' prezzijiet ta' trasferiment, m'għandhomx jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' diskrepanza ibrida. Barra minn hekk, minħabba li l-ġurisdizzjonijiet jużaw perijodi differenti tat-taxxa u għandhom regoli differenti biex jiġi rikonoxxut meta entrati ta' introjtu jew nefqa jkunu ġew derivati jew imġarrba, b'mod ġenerali dawk id-differenzi fl-għażla taż-żmien m'għandhomx jitqiesu bħala li jagħtu lok għal differenzi fl-eżiti tat-taxxa. Madankollu, pagament li jista' jitnaqqas skont strument finanzjarju li ma jkunx raġonevolment mistenni li jiġi inkluż fl-introjtu f'perijodu ta' żmien raġonevoli jenħtieġ li jiġi ttrattat bħala li jagħti lok għal diskrepanza ibrida jekk dak it-tnaqqis mingħajr l-inklużjoni tal-eżiti huwa attribwibbli għal differenzi fil-karatterizzazzjoni tal-istrument finanzjarju jew pagamenti magħmula taħtu. Jenħtieġ li jiġi mifhum li eżitu ta' diskrepanza jista' jirriżulta jekk pagament li jsir taħt strument finanzjarju ma jkunx inkluż fl-introjtu f'perijodu ta' żmien raġonevoli. Tali pagament jenħtieġ li jiġi ttrattat bħala inkluż fl-introjtu f'perijodu ta' żmien raġonevoli, jekk ikun inkluż mill-benefiċjarju fi żmien 12-il xahar minn tmiem il-perijodu tat-taxxa tal-pagatur jew kif determinat skont il-prinċipju ta' kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li pagament jiġi inkluż f'perijodu ta' żmien fiss sabiex jiġi evitat li jkun hemm diskrepanza fl-eżitu u jiżguraw kontroll tat-taxxa.

    (23)

    Trasferimenti ibridi jistgħu jagħtu lok għal differenza fit-trattament tat-taxxa jekk, bħala riżultat ta' arranġament għal trasferiment ta' strument finanzjarju, ir-redditu sottostanti fuq dak l-istrument kien trattat bħala derivat minn aktar minn waħda mill-partijiet għall-arranġament. F'dawk il-każijiet, il-pagament taħt it-trasferiment ibridu jista' jagħti lok għal tnaqqis għall-pagatur filwaqt li jkun trattat bħala redditu fuq l-istrument sottostanti mill-benefiċjarju. Din id-differenza fit-trattament tat-taxxa tista' twassal għal tnaqqis mingħajr eżitu tal-inklużjoni jew għall-ġenerazzjoni ta' kreditu tat-taxxa eċċessiv għat-taxxa miżmuma fis-sors fuq l-istrument sottostanti. Għalhekk jenħtieġ li diskrepanzi bħal dawn jiġu eliminati. Fil-każ ta' tnaqqis mingħajr l-inklużjoni, jenħtieġ li japplikaw l-istess regoli bħal fil-każ tad-diskrepanzi newtralizzanti minn pagamenti permezz ta' strument finanzjarju ibridu. Fil-każ ta' trasferimenti ibridi li ġew strutturati biex jipproduċu krediti tat-taxxa eċċessivi, jenħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat jevita li l-pagatur juża l-kreditu tat-taxxa eċċessiv biex jikseb vantaġġ fiskali, inkluż permezz tal-applikazzjoni ta' regola ġenerali kontra l-abbuż konsistenti mal-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/1164.

    (24)

    Huwa neċessarju li tiġi prevista regola li tippermetti lill-Istati Membri jindirizzaw id-diskrepanzi fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva li jirriżultaw f'diskrepanza ibrida minkejja l-fatt li l-Istati Membri jaġixxu f'konformità ma' din id-Direttiva. Fejn tirriżulta sitwazzjoni bħal din u r-regola primarja prevista f'din id-Direttiva ma tapplikax, jenħtieġ li tapplika regola sekondarja. Madankollu, l-applikazzjoni kemm tar-regoli primarji u kif ukoll sekondarji japplikaw biss għal diskrepanzi ibridi kif definit minn din id-Direttiva u m'għandhomx jaffettwaw il-karatteristiċi ġenerali tas-sistema tat-taxxa ta' Stat Membru.

    (25)

    Diskrepanzi importati jċaqilqu l-effett ta' diskrepanza ibrida bejn partijiet f'pajjiżi terzi lejn il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru bl-użu ta' strument mhux ibridu u b'hekk tiddgħajjef l-effettività tar-regoli li jinnewtralizzaw diskrepanzi ibridi. Pagament li jista' jitnaqqas fi Stat Membru jista' jintuża għall-finanzjament ta' spiża li tinvolvi diskrepanza ibrida. Biex jiġu indirizzati dawn id-diskrepanzi importati, huwa neċessarju li jiġu inklużi regoli li ma jħallux it-tnaqqis ta' pagament jekk l-introjtu korrispondenti minn dak il-pagament ikun kumpensat, direttament jew indirettament, bi tnaqqis li jirriżulta taħt diskrepanza ibrida li jagħti lok għal tnaqqis doppju jew għal tnaqqis mingħajr inklużjoni bejn pajjiżi terzi.

    (26)

    Diskrepanza ta' residenza doppja tista' twassal għal tnaqqis doppju jekk pagament magħmul minn kontribwent ta' residenza doppja jitnaqqas taħt il-liġijiet taż-żewġ ġurisdizzjonijiet fejn il-kontribwent huwa residenti. Peress li diskrepanzi ta' residenza doppja jistgħu jwasslu għal eżiti ta' tnaqqis doppju, jenħtieġ li dawn jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Stat Membru għandu jirrifjuta t-tnaqqis duplikat li jirriżulta fir-rigward ta' kumpannija ta' residenza doppja sal-punt li dan il-pagament huwa kkumpensat b'ammont li mhuwiex trattat bħala introjtu skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni l-oħra.

    (27)

    L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tittejjeb ir-reżiljenza tas-suq intern globali kontra d-diskrepanzi ibridi. Dan ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri li jaġixxu individwalment, peress li s-sistemi għat-taxxa korporattiva nazzjonali huma differenti u azzjoni indipendenti mill-Istati Membri sempliċiment tirreplika biss il-frammentazzjoni eżistenti tas-suq intern fit-tassazzjoni diretta. B'hekk din tkun tippermetti li jippersistu l-ineffiċjenzi u d-distorsjonijiet fl-interazzjoni ta' miżuri nazzjonali distinti. Dan jirriżulta f'nuqqas ta' koordinazzjoni. Dak l-objettiv jista' minflok jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, minħabba n-natura transfruntiera tad-diskrepanzi ibridi u l-ħtieġa li jiġu adottati soluzzjonijiet li jiffunzjonaw għas-suq intern globali. L-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan. Bl-istabbiliment tal-livell meħtieġ ta' protezzjoni għas-suq intern, din id-Direttiva timmira biss li tikseb il-livell essenzjali ta' koordinazzjoni fi ħdan l-Unjoni li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tagħha.

    (28)

    Fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw l-ispjegazzjonijiet applikabbli u l-eżempji fir-rapport tal-OECD dwar il-BEPS dwar l-Azzjoni 2bħala sors ta' deskrizzjoni jew interpretazzjoni sakemm huma konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u mad-dritt tal-Unjoni.

    (29)

    Ir-regoli dwar id-diskrepanzi ibridi fl-Artikolu 9(1) u 9(2) japplikaw biss sakemm is-sitwazzjoni li tinvolvi kontribwent tagħti lok għal eżitu ta' diskrepanza. Ma għandu jirriżulta l-ebda eżitu ta' diskrepanza meta arranġament huwa soġġett għal aġġustament skont l-Artikolu 9(5) jew 9a u, għaldaqstant, l-arranġamenti li huma soġġetti għal aġġustament skont dawk il-partijiet ta' din id-Direttiva m'għandhom ikunu soġġetti għall-ebda aġġustament ulterjuri skont ir-regoli dwar id-diskrepanzi ibridi.

    (30)

    Meta d-dispożizzjonijiet ta' direttiva oħra, bħal dawk fid-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE (4), iwasslu għan-newtralizzazzjoni tad-diskrepanza f'riżultati fiskali, ma għandux ikun hemm lok għall-applikazzjoni tar-regoli dwar id-diskrepanzi ibridi previsti f'din id-Direttiva.

    (31)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha u tirrapporta lill-Kunsill dwarha. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa għal din l-evalwazzjoni.

    (32)

    Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2016/1164 tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva (UE) 2016/1164 hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 1

    Kamp ta' applikazzjoni

    1.   Din id-Direttiva tapplika għall-kontribwenti kollha li huma soġġetti għat-taxxa korporattiva fi Stat Membru wieħed jew aktar, inklużi stabbilimenti permanenti fi Stat Membru wieħed jew aktar ta' entitajiet residenti f'pajjiż terz għall-finijiet tat-taxxa.

    2.   L-Artikolu 9a japplika wkoll għall-entitajiet kollha li huma ttrattati bħala trasparenti għall-finijiet ta' taxxa minn Stat Membru.”.

    (2)

    L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-punt (4), l-aħħar subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Għall-finijiet tal-Artikoli 9 u 9a:

    (a)

    Fejn l-eżitu tad-diskrepanza jirriżulta skont il-punti (b), (c), (d), (e) jew (g) tal-ewwel subparagrafu tal-punt (9) ta' dan l-Artikolu jew fejn huwa meħtieġ aġġustament skont l-Artikolu 9(3) jew l-Artikolu 9a, id-definizzjoni ta' impriża assoċjata hija modifikata biex ir-rekwiżit tal-25 fil-mija jiġi sostitwit b'rekwiżit ta' 50 fil-mija;

    (b)

    persuna li taġixxi flimkien ma' persuna oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-vot jew tas-sjieda tal-kapital ta' entità għandha tkun trattata bħala li għandha parteċipazzjoni fid-drittijiet tal-vot jew fis-sjieda tal-kapital kollha ta' dik l-entità li huma miżmuma mill-persuna l-oħra;

    (c)

    impriża assoċjata tfisser ukoll entità li hija parti mill-istess grupp konsolidat għal finijiet ta' kontabbiltà finanzjarja bħall-kontribwent, impriża li fiha l-kontribwent għandu influwenza sinifikattiva fil-ġestjoni jew impriża li għandha influwenza sinifikanti fil-ġestjoni tal-kontribwent.”;

    (b)

    il-punt (9) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(9)

    “diskrepanza ibrida” tfisser sitwazzjoni li tinvolvi kontribwent jew, fir-rigward tal-Artikolu 9(3), entità fejn:

    (a)

    pagament taħt strument finanzjarju jwassal għal eżitu ta' tnaqqis mingħajr inklużjoni u:

    (i)

    pagament bħal dan mhuwiex inkluż f'perijodu ta' żmien raġonevoli; u

    (ii)

    l-eżitu ta' diskrepanza huwa attribwibbli għad-differenzi fil-karatterizzazzjoni tal-istrument jew il-pagament magħmul taħtu.

    Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, pagament taħt strument finanzjarju għandu jiġi ttrattat bħala inkluż fl-introjtu f'perijodu raġonevoli ta' żmien meta:

    (i)

    il-pagament huwa inkluż mill-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju f'perijodu ta' taxxa li jibda fi żmien 12-il xahar minn tmiem il-perijodu tat-taxxa tal-pagatur; jew

    (ii)

    huwa raġonevoli li wieħed jistenna li l-pagament ser jiġi inkluż mill-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju f'perijodu tat-taxxa futur u t-termini tal-pagament huma dawk li jkunu mistennija li jiġu miftiehma bejn impriżi indipendenti;

    (b)

    pagament lil entità ibrida jwassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni u dak l-eżitu ta' diskrepanza huwa r-riżultat ta' differenzi fl-allokazzjoni ta' pagamenti li saru lill-entità ibrida skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni fejn tkun stabbilita jew irreġistrata l-entità ibrida u l-ġurisdizzjoni ta' kwalunkwe persuna li jkollha parteċipazzjoni f'dik l-entità ibrida;

    (c)

    pagament lil entità bi stabbiliment permanenti wieħed jew aktar iwassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni u dak l-eżitu ta' diskrepanza huwa r-riżultat ta' differenzi fl-allokazzjoni ta' pagamenti bejn l-uffiċċju prinċipali u stabbiliment permanenti jew bejn żewġ stabbilimenti permanenti jew aktar tal-istess entità skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjonijiet fejn topera l-entità;

    (d)

    pagament iwassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni bħala riżultat ta' pagament lil stabbiliment permanenti injorat;

    (e)

    pagament minn entità ibrida jwassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni u dik id-diskrepanza hija r-riżultat tal-fatt li l-pagament jiġi injorat skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju;

    (f)

    pagament meqjus bejn l-uffiċċju prinċipali u stabbiliment permanenti jew bejn żewġ stabbilimenti permanenti jew aktar li jwassal għal tnaqqis mingħajr inklużjoni fejn dik id-diskrepanza hija r-riżultat tal-fatt li l-pagament jiġi injorat skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju; jew

    (g)

    isir eżitu ta' tnaqqis doppju.

    Għall-finijiet ta' dan il-punt (9):

    (a)

    pagament li jirrappreżenta r-redditu sottostanti fuq strument finanzjarju trasferit ma għandux jagħti lok għal diskrepanza ibrida skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu meta l-pagament isir minn kummerċjant finanzjarju fil-kuntest ta' trasferiment ibridu fis-suq dment li l-ġuriżdizzjoni tal-pagatur titlob lill-kummerċjant finanzjarju jinkludi bħala introjtu l-ammonti kollha rċevuti b'rabta mal-istrument finanzjarju trasferit;

    (b)

    diskrepanza ibrida għandha tirriżulta biss skont il-punti (e), (f) jew (g) tal-ewwel subparagrafu sal-punt li l-ġurisdizzjoni tal-pagatur tippermetti li t-tnaqqis ikun ikkumpensat b'ammont li mhuwiex introjtu b'inklużjoni doppja;

    (c)

    eżitu ta' diskrepanza m'għandux jiġu trattat bħala diskrepanza ibrida sakemm ma tirriżultax bejn impriżi assoċjati, bejn kontribwent u impriża assoċjata, bejn l-uffiċċju prinċipali u stabbiliment permanenti, bejn żewġ stabbilimenti permanenti jew aktar tal-istess entità jew taħt arranġament strutturat.

    Għall-finijiet ta' dan il-punt (9) u l-Artikoli 9, 9a u 9b:

    (a)

    “eżitu ta' diskrepanza” tfisser tnaqqis doppju jew tnaqqis mingħajr inklużjoni;

    (b)

    “tnaqqis doppju” tfisser tnaqqis tal-istess pagament, spejjeż jew telf fil-ġurisdizzjoni li fiha l-pagament għandu s-sors tiegħu, l-ispejjeż ikunu saru jew it-telf ikun iġġarrab (ġurisdizzjoni tal-pagatur) u f'ġurisdizzjoni oħra (ġurisdizzjoni tal-investitur). Fil-każ ta' pagament minn entità ibrida jew stabbiliment permanenti, il-ġurisdizzjoni tal-pagatur hija l-ġurisdizzjoni fejn l-entità ibrida jew l-istabbiliment permanenti jkun stabbilit jew sitwat;

    (c)

    “tnaqqis mingħajr inklużjoni” tfisser it-tnaqqis ta' pagament jew pagament meqjus bejn l-uffiċċju prinċipali u l-istabbiliment permanenti jew bejn żewġ stabbilimenti permanenti jew aktar fi kwalunkwe ġurisdizzjoni li fiha dak il-pagament jew pagament meqjus huwa ttrattat li sar (ġurisdizzjoni tal-pagatur) mingħajr inklużjoni korrispondenti għall-finijiet ta' taxxa ta' dak il-pagament jew pagament meqjus fil-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju. Il-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju hija kwalunkwe ġurisdizzjoni fejn dak il-pagament jew pagament meqjus ikun ġie riċevut, jew jiġi ttrattat bħala riċevut skont il-liġijiet ta' kwalunkwe ġurisdizzjoni oħra;

    (d)

    “tnaqqis” tfisser l-ammont li jiġi ttrattat bħala deduċibbli mill-introjtu taxxabbli taħt il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-pagatur jew tal-investitur. It-terminu “deduċibbli” għandu jiġi interpretat skont dan;

    (e)

    “inklużjoni” tfisser l-ammont li jitqies fl-introjtu taxxabbli skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju. Pagament skont strument finanzjarju m'għandux jiġi ttrattat bħala inkluż sal-punt li l-pagament jikkwalifika għal kwalunkwe ħelsien mit-taxxa biss minħabba l-mod li bih il-pagament huwa kkaratterizzat skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju. It-terminu “inkluż” għandu jiġi interpretat skont dan;

    (f)

    “ħelsien mit-taxxa” tfisser eżenzjoni mit-taxxa, tnaqqis fir-rata tat-taxxa jew kwalunkwe kreditu jew rifużjoni tat-taxxa (għajr kreditu għal taxxi miżmuma fis-sors);

    (g)

    “introjtu ta' inklużjoni doppja” tfisser kull entrata ta' introjtu li huwa inkluż skont il-liġijiet taż-żewġ ġurisdizzjonijiet fejn ikun irriżulta l-eżitu ta' diskrepanza;

    (h)

    “persuna” tfisser individwu jew entità;

    (i)

    “entità ibrida” tfisser kwalunkwe entità jew arranġament li titqies bħala entità taxxabbli skont il-liġijiet ta' ġurisdizzjoni waħda u li l-introjtu jew in-nefqa tagħha titqies bħala introjtu jew nefqa ta' persuna waħda oħra jew aktar skont il-liġijiet ta' ġurisdizzjoni oħra;

    (j)

    “strument finanzjarju” tfisser kwalunkwe strument sal-punt li dan jagħti lok għal redditu ta' ekwità jew ta' finanzjament li huwa intaxxat skont ir-regoli tat-tassazzjoni fuq dejn, ekwità jew derivati skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjonijiet tal-benefiċjarju jew tal-pagatur u jinkludi trasferiment ibridu;

    (k)

    “kummerċjant finanzjarju” tfisser persuna jew entità involuta fin-negozju fejn isir xiri u bejgħ b'mod regolari ta' strumenti finanzjarji f'isimha għal skopijiet ta' qligħ;

    (l)

    “trasferiment ibridu” tfisser kwalunkwe arranġament biex isir trasferiment ta' strument finanzjarju fejn ir-redditu sottostanti fuq l-istrument finanzjarju trasferit huwa trattat għal finijiet ta' taxxa bħala derivat simultanjament minn iktar minn waħda mill-partijiet għal dak l-arranġament;

    (m)

    “trasferiment ibridu fis-suq” tfisser kwalunkwe trasferiment ibridu li kummerċjant finanzjarju jkun daħal fih matul il-perkors normali tan-negozju, u mhux bħala parti minn arranġament strutturat;

    (n)

    “stabbiliment permanenti injorat” tfisser kwalunkwe arranġament li jiġi ttrattat bħala li jwassal għal stabbiliment permanenti skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni tal-uffiċċju prinċipali u li mhuwiex ittrattat bħala li jwassal għal stabbiliment permanenti skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni l-oħra.”;

    (c)

    jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “(10)

    “grupp konsolidat għal finijiet ta' kontabbiltà finanzjarja” tfisser grupp li jikkonsisti mill-entitajiet kollha li huma kompletament inklużi f'rapporti finanzjarji kkonsolidati mfassla skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju jew is-sistema nazzjonali ta' rappurtar finanzjarju ta' Stat Membru;

    (11)

    “arranġament strutturat” tfisser arranġament li jinvolvi diskrepanza ibrida fejn l-eżitu ta' diskrepanza huwa pprezzat fit-termini tal-arranġament jew arranġament li tfassal biex jipproduċi eżitu ta' diskrepanza ibrida, ħlief jekk il-kontribwent jew impriża assoċjata ma setax ikun raġonevolment mistenni minnhom li jkunu konxji tad-diskrepanza ibrida u ma kkondividewx fil-valur tal-benefiċċju tat-taxxa li jirriżulta mid-diskrepanza ibrida.”.

    (3)

    L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-punt (a) tal-paragrafu 5, il-punt (ii) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(ii)

    l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha huma vvalutati bl-istess metodu bħal fir-rapporti finanzjarji konsolidati mfassla skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju jew is-sistema nazzjonali ta' rappurtar finanzjarju ta' Stat Membru;”;

    (b)

    il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “8.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 sa 7, il-kontribwent jista' jingħata d-dritt li juża rapporti finanzjarji konsolidati mħejjija taħt standards tal-kontabbiltà oħrajn minbarra l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju jew is-sistema nazzjonali ta' rappurtar finanzjarju ta' Stat Membru.”.

    (4)

    L-Artikolu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 9

    Diskrepanzi ibridi

    1.   Sal-punt li diskrepanza ibrida tirriżulta fi tnaqqis doppju:

    (a)

    it-tnaqqis għandu jiġi miċħud fl-Istat Membru li huwa l-ġurisdizzjoni tal-investitur; u

    (b)

    fejn it-tnaqqis ma jiġix miċħud fil-ġurisdizzjoni tal-investitur, it-tnaqqis għandu jiġi miċħud fl-Istat Membru li huwa l-ġurisdizzjoni tal-pagatur.

    Madankollu, kwalunkwe tnaqqis bħal dan għandu jkun eliġibbli li jkun ikkumpensat b'introjtu b'inklużjoni doppja jekk l-introjtu jirriżulta f'perijodu tat-taxxa kurrenti jew f'wieħed sussegwenti.

    2.   Sal-punt li diskrepanza ibrida tirriżulta fi tnaqqis mingħajr inklużjoni:

    (a)

    it-tnaqqis għandu jiġi miċħud fl-Istat Membru li huwa l-ġurisdizzjoni tal-pagatur; u

    (b)

    meta t-tnaqqis ma jiġix miċħud fil-ġurisdizzjoni tal-pagatur, l-ammont tal-pagament li altrimenti jwassal għal eżitu ta' diskrepanza għandu jiġu inkluż fl-introjtu fl-Istat Membru li huwa l-ġurisdizzjoni tal-benefiċjarju.

    3.   Stat Membru għandu jiċħad tnaqqis għal kwalunkwe pagament minn kontribwent sal-punt li pagament bħal dak jiffinanzja direttament jew indirettament spejjeż deduċibbli li jwasslu għal diskrepanza ibrida permezz ta' tranżazzjoni jew serje ta' tranżazzjonijiet bejn impriżi assoċjati jew li sar bħala parti minn arranġament strutturat ħlief sal-punt li waħda mill-ġurisdizzjonijiet involuta fit-transazzjoni jew fis-serje ta' transazzjonijiet ma tkunx għamlet aġġustament ekwivalenti fir-rigward ta' diskrepanza ibrida bħal dik.

    4.   Stat Membru jista' jeskludi mill-kamp ta' applikazzjoni:

    (a)

    tal-punt (b) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu diskrepanzi ibridi kif definiti fil-punti (b), (c), (d) jew (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(9);

    (b)

    tal-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu diskrepanzi ibridi li jirriżultaw minn pagament ta' imgħax permezz ta' strument finanzjarju lil intrapriża assoċjata fejn:

    (i)

    l-istrument finanzjarju jkollu karatteristiċi ta' konverżjoni, rikapitalizzazzjoni interna jew valwazzjoni negattiva;

    (ii)

    l-istrument finanzjarju jkun inħareġ bl-iskop waħdieni li jissodisfa r-rekwiżiti tal-kapaċità tal-assorbiment tat-telf applikabbli għas-settur bankarju u l-istrument finanzjarju jkun rikonoxxut bħala tali fir-rekwiżiti tal-kapaċità tal-assorbiment tat-telf tal-kontribwent;

    (iii)

    l-istrument finanzjarju jkun inħareġ

    b'rabta ma' strumenti finanzjarji b'karatteristiċi ta' konverżjoni, rikapitalizzazzjoni interna jew valwazzjoni negattiva fil-livell ta' impriża prinċipali;

    fil-livell meħtieġ biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-kapaċità tal-assorbiment tat-telf applikabbli;

    mhux bħala parti minn arranġament strutturat; u

    (iv)

    it-tnaqqis nett ġenerali għall-grupp konsolidat taħt l-arranġament ma jaqbiżx l-ammont li kien ikun li kieku l-kontribwent ħareġ tali strument finanzjarju direttament fis-suq.

    Il-punt (b) għandu japplika sal-31 ta' Diċembru 2022.

    5.   Sal-punt li diskrepanza ibrida tinvolvi introjtu ta' stabbiliment permanenti injorat li mhuwiex soġġett għal tassazzjoni fl-Istat Membru li fih huwa residenti l-kontribwent għall-finijiet ta' taxxa, dak l-Istat Membru għandu jitlob lill-kontribwent jinkludi l-introjtu li altrimenti jkun attribwit lill-istabbiliment permanenti injorat. Dan japplika sakemm l-Istat Membru ma jkunx obbligat jeżenta l-introjtu taħt trattat dwar it-taxxa doppja li l-Istat Membru jkun daħal fih ma' pajjiż terz.

    6.   Sal-punt li trasferiment ibridu huwa maħsub biex jipproduċi ħelsien mit-taxxa mis-sors fuq pagament derivat minn strument finanzjarju trasferit lil aktar minn waħda mill-partijiet involuti, l-Istat Membru tal-kontribwent għandu jillimita l-benefiċċju ta' tali ħelsien fi proporzjon mal-introjtu taxxabbli nett fir-rigward ta' tali pagament.”.

    (5)

    Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 9a

    Diskrepanzi ibridi bil-maqlub

    1.   Fejn entità waħda jew aktar mhux residenti li jkollhom f'aggregat interess dirett jew indirett f'50 fil-mija jew aktar tad-drittijiet tal-vot, interessi tal-kapital jew drittijiet għal sehem tal-profitt f'entità ibrida li hija inkorporata jew stabbilita fi Stat Membru, ikunu jinsabu f'ġurisdizzjoni jew ġurisdizzjonijiet li jqisu l-entità ibrida bħala persuna taxxabbli, l-entità ibrida għandha titqies bħala resident ta' dak l-Istat Membru u tiġi intaxxata fuq l-introjtu tagħha sa fejn dak l-introjtu mhuwiex intaxxat b'mod ieħor skont il-liġijiet tal-Istat Membru jew kwalunkwe ġurisdizzjoni oħra.

    2.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika għal veikolu ta' investiment kollettiv. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, “veikolu ta' investiment kollettiv” tfisser fond jew veikoli ta' investiment li huwa miżmum b'mod wiesa', għandu portafoll diversifikat ta' titoli u huwa soġġett għal regolamentazzjoni għall-protezzjoni tal-investitur fil-pajjiż fejn huwa stabbilit.

    Artikolu 9b

    Diskrepanzi tar-residenza tat-taxxa

    Sal-punt li tnaqqis għal pagament, spiża jew telf ta' kontribwent li huwa residenti għal finijiet ta' taxxa f'żewġ ġurisdizzjonijiet jew aktar huwa deduċibbli mill-bażi tat-taxxa fiż-żewġ ġurisdizzjonijiet, l-Istat Membru tal-kontribwent għandu jiċħad it-tnaqqis sal-punt li dik il-ġurisdizzjoni l-oħra tippermetti li t-tnaqqis doppju jkun ikkumpensat b'introjtu li mhuwiex introjtu b'inklużjoni doppja. Jekk iż-żewġ ġurisdizzjonijiet huma Stati Membri, l-Istat Membru fejn il-kontribwent ma jitqiesx bħala residenti skont it-trattat dwar tassazzjoni doppja bejn iż-żewġ Stati Membri kkonċernati għandu jiċħad it-tnaqqis.”.

    (6)

    Fl-Artikolu 10(1) jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “B'deroga mill-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni tal-Artikoli 9 u 9b, u b'mod partikolari l-konsegwenzi tal-eżenzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-Artikolu 9(4), sal-1 ta' Jannar 2022 u tirrapporta lill-Kunsill dwarha.”.

    (7)

    Fl-Artikolu 11 jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “5a.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, sal-31 ta' Diċembru 2019, jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 9. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

    Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2020.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-mument tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.”.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta' Diċembru 2019, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet.

    Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2020.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-mument tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    3.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, sal-31 ta' Diċembru 2021, jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 9a tad-Direttiva (UE) 2016/1164. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

    Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2022.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-mument tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Mejju 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. CARDONA


    (1)  Opinjoni tas-27 ta' April 2017 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Opinjoni tal-14 ta' Diċembru 2016 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta' Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU L 193, 19.7.2016, p. 1).

    (4)  Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat-30 ta' Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal- kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti (ĠU L 345, 29.12.2011, p. 8).


    Top