EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1751

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1751 tal-20 ta' Settembru 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra li jistabbilixxi miżuri ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' dħul minn tfaddil fil-forma ta' pagamenti ta' imgħaxx

ĠU L 268, 1.10.2016, p. 38–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1751/oj

Related international agreement

1.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 268/38


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1751

tal-20 ta' Settembru 2016

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra li jistabbilixxi miżuri ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' dħul minn tfaddil fil-forma ta' pagamenti ta' imgħaxx

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 115, flimkien mal-punt (b) tal-Artikolu 218(6), u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/242 (2), il-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra li jistabbilixxi miżuri ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' dħul minn tfaddil fil-forma ta' pagamenti ta' imgħaxx ġie ffirmat fit-12 ta' Frar 2016, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(2)

It-test tal-Protokoll Emendatorju, li huwa r-riżultat tan-negozjati, jirrifletti b'mod korrett id-direttivi tan-negozjati maħruġin mill-Kunsill, billi jallinja l-Ftehim mal-aktar żviluppi reċenti fil-livell internazzjonali rigward l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni, jiġifieri mal-Istandard Globali għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji fi kwistjonijiet tat-taxxa żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). L-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Prinċipat ta' Andorra pparteċipaw b'mod attiv fil-ħidma tal-Forum Globali tal-OECD immirata lejn l-għoti ta' appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' dak l-Istandard Globali. It-test tal-Ftehim, kif emendat bil-Protokoll Emendatorju, huwa l-bażi ġuridika għall-implimentazzjoni tal-Istandard Globali fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra.

(3)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 (3).

(4)

Il-Protokoll Emendatorju għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra li jistabbilixxi miżuri ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' dħul minn tfaddil fil-forma ta' pagamenti ta' imgħaxx huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni Ewropea.

It-test tal-Protokoll Emendatorju huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 2(1) tal-Protokoll Emendatorju (4).

2.   Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Prinċipat ta' Andorra u lill-Istati Membri dwar in-notifiki mogħtija skont l-Artikolu 1(l)(d) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali kif tirriżulta mill-Protokoll Emendatorju.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Settembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

I. KORČOK


(1)  L-Opinjoni tad-9 ta' Marzu 2016 (għada mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/242 tat-12 ta' Frar 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra li jistabbilixxi miżuri ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' dħul minn tfaddil fil-forma ta' pagamenti ta' imgħaxx (ĠU L 45, 20.2.2016, p. 10).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(4)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Emendatorju ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


Top