1.10.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 268/38 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1751
tal-20 ta' Settembru 2016
dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra li jistabbilixxi miżuri ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' dħul minn tfaddil fil-forma ta' pagamenti ta' imgħaxx
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 115, flimkien mal-punt (b) tal-Artikolu 218(6), u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/242 (2), il-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra li jistabbilixxi miżuri ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' dħul minn tfaddil fil-forma ta' pagamenti ta' imgħaxx ġie ffirmat fit-12 ta' Frar 2016, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard. |
(2) |
It-test tal-Protokoll Emendatorju, li huwa r-riżultat tan-negozjati, jirrifletti b'mod korrett id-direttivi tan-negozjati maħruġin mill-Kunsill, billi jallinja l-Ftehim mal-aktar żviluppi reċenti fil-livell internazzjonali rigward l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni, jiġifieri mal-Istandard Globali għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji fi kwistjonijiet tat-taxxa żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). L-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Prinċipat ta' Andorra pparteċipaw b'mod attiv fil-ħidma tal-Forum Globali tal-OECD immirata lejn l-għoti ta' appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' dak l-Istandard Globali. It-test tal-Ftehim, kif emendat bil-Protokoll Emendatorju, huwa l-bażi ġuridika għall-implimentazzjoni tal-Istandard Globali fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra. |
(3) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 (3). |
(4) |
Il-Protokoll Emendatorju għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra li jistabbilixxi miżuri ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' dħul minn tfaddil fil-forma ta' pagamenti ta' imgħaxx huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni Ewropea.
It-test tal-Protokoll Emendatorju huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
1. Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 2(1) tal-Protokoll Emendatorju (4).
2. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Prinċipat ta' Andorra u lill-Istati Membri dwar in-notifiki mogħtija skont l-Artikolu 1(l)(d) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali kif tirriżulta mill-Protokoll Emendatorju.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Settembru 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
I. KORČOK
(1) L-Opinjoni tad-9 ta' Marzu 2016 (għada mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/242 tat-12 ta' Frar 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Prinċipat ta' Andorra li jistabbilixxi miżuri ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' dħul minn tfaddil fil-forma ta' pagamenti ta' imgħaxx (ĠU L 45, 20.2.2016, p. 10).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
(4) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Emendatorju ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.