Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1010

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1010 tal-21 ta' Ġunju 2016 dwar l-adegwatezza tal-awtoritajiet kompetenti ta' ċerti pajjiżi terzi u territorji skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2016) 3727) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2016/3727

    ĠU L 165, 23.6.2016, p. 17–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/1010/oj

    23.6.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 165/17


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1010

    tal-21 ta' Ġunju 2016

    dwar l-adegwatezza tal-awtoritajiet kompetenti ta' ċerti pajjiżi terzi u territorji skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (notifikata bid-dokument C(2016) 3727)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (1), u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 47(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri jistgħu jippermettu t-trasferiment ta' dokumenti ta' ħidma tal-awditjar jew ta' dokumenti oħrajn li jinżammu mill-awdituri statutorji jew mid-ditti tal-awditjar approvati minnhom, kif ukoll ta' rapporti dwar spezzjonijiet jew investigazzjonijiet li jirrigwardaw l-awditi inkwistjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiż terz, dment li dawn l-awtoritajiet ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti li jkunu ġew ddikjarati adegwati mill-Kummissjoni u jkunu jeżistu arranġamenti reċiproċi ta' ħidma bejniethom u bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati. Għalhekk jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-awtoritajiet kompetenti ta' ċerti pajjiżi terzi jissodisfawx ir-rekwiżiti li huma adegwati sabiex id-dokumenti ta' ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra miżmuma mill-awdituri statutorji jew mid-ditti tal-awditjar kif ukoll ir-rapporti dwar spezzjonijiet jew investigazzjonijiet jiġu ttrasferiti lilhom.

    (2)

    Id-Deċiżjoni dwar l-adegwatezza skont l-Artikolu 47(3) tad-Direttiva 2006/43/KE ma tindirizzax rekwiżiti speċifiċi oħra għat-trasferiment ta' dokumenti ta' ħidma tal-awditjar jew ta' dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar kif ukoll tar-rapporti dwar spezzjonijiet jew investigazzjonijiet, bħalma huma l-ftehimiet dwar arranġamenti reċiproki għal ħidma bejn l-awtoritajiet kompetenti stabbiliti fl-Artikolu 47(1)(d) ta' din id-Direttiva, jew ir-rekwiżiti għat-trasferiment ta' dejta personali stabbiliti fl-Artikolu 47(1)(e) ta' din id-Direttiva.

    (3)

    Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, l-awtoritajiet kompetenti ta' ċerti territorji li huma maħturin bil-liġi u responsabbli mir-regolamentazzjoni u/jew mis-sorveljanza tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar jew ta' aspetti speċifiċi tagħhom f'dawn it-territorji għandhom ikunu ttrattati bħala awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi.

    (4)

    It-trasferiment ta' dokumenti ta' ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar kif ukoll tar-rapporti dwar spezzjonijiet jew investigazzjonijiet lill-awtorità kompetenti ta' pajjiż terz jew territorju huwa ta' interess pubbliku sostanzjali li huwa relatat mat-twettiq ta' kontroll pubbliku indipendenti. Għaldaqstant, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom, fil-qafas tal-arranġamenti ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 47(2) tad-Direttiva 2006/43/KE, jiżguraw li l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju kkonċernat tuża kull dokument ttrasferit lilha skont l-Artikolu 47(1) ta' din id-Direttiva sabiex teżerċita il-funzjonijiet tagħha għas-sorveljanza pubblika, għall-garanzija tal-kwalità u għall-investigazzjonijiet fuq l-awdituri u d-ditti tal-awditjar biss.

    (5)

    It-trasferiment, ta' dokumenti ta' ħidma tal-awditjar jew ta' dokumenti oħra miżmumin minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar, lil awtorità kompetenti ta' pajjiż terz jew territorju jinkludi l-għoti ta' aċċess għal dawn id-dokumenti jew it-trażmissjoni tagħhom lil tali awtorità mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-awditjar li jkollhom id-dokument li jsir bi ftehim minn qabel tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jew ta' din l-awtorità stess.

    (6)

    Meta jitwettqu spezzjonijiet jew investigazzjonijiet, l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar ma għandhomx jitħallew jagħtu aċċess, jew jittrażmettu dokumenti ta' ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi jew ta' territorji taħt xi kundizzjoni oħra li mhix stipulata fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE u f'din id-Deċiżjoni.

    (7)

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 47(4) tad-Direttiva 2006/43/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-iskop ta' sorveljanza pubblika, għall-garanzija tal-kwalità u għall-investigazzjonijiet fuq l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar, il-kuntatti bejn l-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar approvati minnhom u mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju kkonċernat iseħħu permezz tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

    (8)

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti ta' ħidma stabbiliti mid-Direttiva 2006/43/KE li jiġu ttrasferiti d-dokumenti ta' ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra miżmumin mill-awdituri statutorji jew mid-ditti tal-awditjar kif ukoll ir-rapporti dwar spezzjonijiet jew investigazzjonijiet bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiż terz jew territorju li jkunu suġġetti għal din id-Deċiżjoni jiġu miftiehma abbażi ta' reċiproċità, u jinkludu l-protezzjoni ta' kull sigriet professjonali u informazzjoni kummerċjali sensittiva li tinsab f'dawn id-dokumenti li jikkonċernaw lill-entitajiet awditjati, inkluża l-proprjetà industrijali u intellettwali, jew tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar li jkunu awditjaw dawk l-entitajiet.

    (9)

    Meta t-trasferiment ta' dokumenti ta' ħidma tal-awditjar jew ta' dokumenti oħra miżmumin minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar, u ta' rapporti dwar spezzjonijiet jew investigazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiż terz jew tat-territorju kkonċernat, jinvolvi d-divulgazzjoni ta' dejta personali, din id-divulgazzjoni tkun skont il-liġi biss jekk tikkonforma wkoll mar-rekwiżiti għat-trasferiment internazzjonali tad-dejta stabbilit fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). L-Artikolu 47(1)(e) tad-Direttiva 2006/43/KE għalhekk jimponi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trasferiment tad-dejta personali bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju kkonċernat hija konformi mal-Kapitolu IV tad-Direttiva 95/46/KE. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm is-salvagwardji adegwati għall-protezzjoni tad-dejta personali ttrasferita, jekk ikun meħtieġ permezz ta' ftehimiet vinkolanti, u li l-awtorità kompetenti ta' pajjiż terz jew territorju ma tkomplix tiżvela d-dejta personali li tinsab fid-dokumenti ttrasferiti mingħajr ftehim minn qabel mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.

    (10)

    L-adegwatezza tar-rekwiżiti li tkun suġġetta għaliha l-awtorità kompetenti ta' pajjiż terz jew territorju tiġi vvalutata abbażi tar-rekwiżiti tal-kooperazzjoni regolatorja stabbiliti fl-Artikolu 36 tad-Direttiva 2006/43/KE jew tar-riżultati funzjonali essenzjalment ekwivalenti. B'mod partikolari, l-adegwatezza għandha tiġi vvalutata fid-dawl tal-kompetenzi eżerċitati mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju konċernat, tas-salvagwardji applikabbli kontra l-ksur tar-regoli ta' segretezza u l-kunfidenzjalità professjonali, u tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju konċernat, li taħthom dawn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

    (11)

    Il-persuni impjegati jew li kienu impjegati mill-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi jew territorji li jirċievu dokumenti ta' ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra f'konformità mal-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE għandhom ikunu suġġetti għall-obbligu tas-segretezza professjonali.

    (12)

    L-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar approvati minn Stat Membru li jawditjaw kumpaniji li ħarġu titoli fil-Brażil, fiċ-Ċentru Finanzjarju Internazzjonali ta' Dubai, f'Guernsey, fl-Indoneżja, fl-Isle of Man, f'Jersey, fil-Malasja, fl-Afrika t'Isfel, fil-Korea t'Isfel, fit-Tajwan u fit-Tajlandja, jew li jiffurmaw parti minn grupp li joħroġ kontijiet ikkonsolidati statutorji f'wieħed minn dawn il-pajjiżi terzi jew territorji, huma rregolati skont il-liġijiet nazzjonali tal-pajjiż terz jew tat-territorju rispettiv. Għaldaqstant, irid jiġi deċiż jekk l-awtoritajiet kompetenti ta' dawn il-pajjiżi terzi u territorji jissodisfawx ir-rekwiżiti li jistgħu jitqiesu adegwati abbażi tar-rekwiżiti tal-kooperazzjoni regolatorja stabbiliti fl-Artikolu 36 tad-Direttiva 2006/43/KE jew essenzjalment l-ekwivalenti fil-funzjoni tagħhom.

    (13)

    Il-valutazzjonijiet tal-adegwatezza għall-għanijiet tal-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE ġew imwettqa fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti tal-Brażil, taċ-Ċentru Finanzjarju Internazzjonali ta' Dubai, ta' Guernsey, tal-Indoneżja, tal-Isle of Man, ta' Jersey, tal-Malasja, tal-Afrika t'Isfel, tal-Korea t'Isfel, tat-Tajwan u tat-Tajlandja. Id-deċiżjonijiet dwar l-adegwatezza ta' dawn l-awtoritajiet għandhom ikunu bbażati fuq dawn il-valutazzjonijiet.

    (14)

    Il-Comissão de Valores Mobiliários tal-Brażil għandha taħt il-kompetenza tagħha is-sorveljanza pubblika, il-garanzija tal-kwalità esterna u l-investigazzjonijiet fuq l-awdituri u d-ditti tal-awditjar. Timplimenta salvagwardji adegwati li jipprojbixxu u jissanzjonaw id-divulgazzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali mill-impjegati attwali jew ta' qabel lil kull persuna terza jew awtorità. Skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Brażil, hija tista' tittrasferixxi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dokumenti ekwivalenti għal dawk imsemmijin fl-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE. Fuq din il-bażi, il-Comissão de Valores Mobiliários tal-Brażil tissodisfa r-rekwiżiti li għandhom jiġu ddikjarati adegwati għall-finijiet tal-Artikolu 47(1)(c) tad-Direttiva 2006/43/KE.

    (15)

    Id-Dubai Financial Service Authority taċ-Ċentru Finanzjarju Internazzjonali ta' Dubai għandha taħt il-kompetenza tagħha is-sorveljanza pubblika, il-garanzija tal-kwalità esterna u l-investigazzjonijiet fuq l-awdituri u d-ditti tal-awditjar. Timplimenta salvagwardji adegwati li jipprojbixxu u jissanzjonaw id-divulgazzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali mill-impjegati attwali jew ta' qabel lil kull persuna terza jew awtorità. Skont il-liġijiet u r-regolamenti ta' Dubai u taċ-Ċentru Finanzjarju Internazzjonali ta' Dubai, id-Dubai Financial Service Authority tista' tittrasferixxi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dokumenti ekwivalenti għal dawk imsemmijin fl-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE. Fuq din il-bażi, id-Dubai Financial Service Authority taċ-Ċentru Finanzjarju Internazzjonali ta' Dubai tissodisfa r-rekwiżiti li għandhom jiġu ddikjarati adegwati għall-finijiet tal-Artikolu 47(1)(c) tad-Direttiva 2006/43/KE.

    (16)

    Ir-Registrar of Companies ta' Guernsey għandu taħt il-kompetenza tiegħu is-sorveljanza pubblika, il-garanzija tal-kwalità esterna u l-investigazzjonijiet fuq l-awdituri u d-ditti tal-awditjar. Jimplimenta salvagwardji adegwati li jipprojbixxu u jissanzjonaw id-divulgazzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali mill-impjegati attwali jew ta' qabel lil kull persuna terza jew awtorità. Skont il-liġijiet u r-regolamenti ta' Guernsey, huwa jista' jittrasferixxi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dokumenti ekwivalenti għal dawk imsemmijin fl-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE. Fuq din il-bażi, ir-Registrar of Companies ta' Guernsey jissodisfa r-rekwiżiti li għandhom jiġu ddikjarati adegwati għall-finijiet tal-Artikolu 47(1)(c) tad-Direttiva 2006/43/KE.

    (17)

    Il-Finance Professions Supervisory Centre tal-Indoneżja għandu taħt il-kompetenza tiegħu is-sorveljanza pubblika, il-garanzija tal-kwalità esterna u l-investigazzjonijiet fuq l-awdituri u d-ditti tal-awditjar. Il-Finance Professions Supervisory Centre tal-Indoneżja jwettaq dmirijietu flimkien jew parallelement mal-Financial Services Authority, iżda huwa r-regolatur nazzjonali tal-professjoni tal-awdituri fl-Indoneżja. Fuq din il-bażi, il-Finance Professions Supervisory Centre tal-Indoneżja huwa l-awtorità kompetenti għall-finijiet tal-Artikolu 47(1)(c) tad-Direttiva 2006/43/KE. Huwa jimplimenta salvagwardji adegwati li jipprojbixxu u jissanzjonaw id-divulgazzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali mill-impjegati attwali jew ta' qabel lil kull persuna terza jew awtorità. Attwalment, il-konklużjoni li l-Finance Professions Supervisory Centre tal-Indoneżja jista' jittrażmetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dokumenti ekwivalenti għal dawk imsemmijin fl-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE hija bbażata fuq l-interpretazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti tal-Indoneżja. Il-kooperazzjoni regolatorja bejn il-Finance Professions Supervisory Centre tal-Indoneżja u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandha għalhekk tkun suġġetta għal monitoraġġ mill-qrib u għal rieżami mill-Kummissjoni. Fuq din il-bażi, il-Finance Professions Supervisory Centre tal-Indoneżja jissodisfa r-rekwiżiti li għandhom jiġu ddikjarati adegwati għall-finijiet tal-Artikolu 47(1)(c) tad-Direttiva 2006/43/KE għal perjodu limitat ta' żmien.

    (18)

    Il-Financial Supervision Commission tal-Isle of Man għandha taħt il-kompetenza tagħha is-sorveljanza pubblika, il-garanzija tal-kwalità esterna u l-investigazzjonijiet fuq l-awdituri u d-ditti tal-awditjar. Hija timplimenta salvagwardji adegwati li jipprojbixxu u jissanzjonaw id-divulgazzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali mill-impjegati attwali jew ta' qabel lil kull persuna terza jew awtorità. Skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Isle of Man, hija tista' tittrasferixxi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dokumenti ekwivalenti għal dawk imsemmijin fl-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE. Fuq din il-bażi, il-Financial Supervision Commission tal-Isle of Man tissodisfa r-rekwiżiti li għandhom jiġu ddikjarati adegwati għall-finijiet tal-Artikolu 47(1)(c) tad-Direttiva 2006/43/KE.

    (19)

    Il-Jersey Financial Services Commission għandha taħt il-kompetenza tagħha is-sorveljanza pubblika, il-garanzija tal-kwalità esterna u l-investigazzjonijiet fuq l-awdituri u d-ditti tal-awditjar. Hija timplimenta salvagwardji adegwati li jipprojbixxu u jissanzjonaw id-divulgazzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali mill-impjegati attwali jew ta' qabel lil kull persuna terza jew awtorità. Skont il-liġijiet u r-regolamenti ta' Jersey, hija tista' tittrasferixxi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dokumenti ekwivalenti għal dawk imsemmijin fl-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE. Fuq din il-bażi, il-Jersey Financial Services Commission tissodisfa r-rekwiżiti li għandhom jiġu ddikjarati adegwati għall-finijiet tal-Artikolu 47(1)(c) tad-Direttiva 2006/43/KE.

    (20)

    L-Audit Oversight Board tal-Malasja għandu taħt il-kompetenza tiegħu s-sorveljanza pubblika, il-garanzija tal-kwalità esterna u l-investigazzjonijiet fuq l-awdituri u d-ditti tal-awditjar, inklużi kwistjonijiet rigward il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet barranin rilevanti għall-iskambju u t-trasferiment tal-informazzjoni bl-iskop li ssir sorveljanza tal-awditjar, u din id-Deċiżjoni għandha tkopri biss dawn il-kompetenzi. L-Audit Oversight Board iwettaq dmirijietu f'isem is-Securities Commission tal-Malasja, iżda jopera b'mod indipendenti minnha. Fuq din il-bażi, l-Audit Oversight Board tal-Malasja huwa l-awtorità kompetenti għall-finijiet tal-Artikolu 47(1)(c) tad-Direttiva 2006/43/KE. Huwa jimplimenta salvagwardji adegwati li jipprojbixxu u jissanzjonaw id-divulgazzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali mill-impjegati attwali jew ta' qabel lil kull persuna terza jew awtorità. Skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Malasja, huwa jista' jittrasferixxi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dokumenti ekwivalenti għal dawk imsemmijin fl-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE. Fuq din il-bażi, l-Audit Oversight Board tal-Malasja jissodisfa r-rekwiżiti li għandhom jiġu ddikjarati adegwati għall-finijiet tal-Artikolu 47(1)(c) tad-Direttiva 2006/43/KE.

    (21)

    L-Independent Regulatory Board for Auditors tal-Afrika t'Isfel għandu taħt il-kompetenza tiegħu is-sorveljanza pubblika, il-garanzija tal-kwalità esterna u l-investigazzjonijiet fuq l-awdituri u d-ditti tal-awditjar. Huwa jimplimenta salvagwardji adegwati li jipprojbixxu u jissanzjonaw id-divulgazzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali mill-impjegati attwali jew ta' qabel lil kull persuna terza jew awtorità. Skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Afrika t'Isfel, huwa jista' jittrasferixxi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dokumenti ekwivalenti għal dawk imsemmijin fl-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE. Id-dokumenti li jinkisbu waqt it-twettiq ta' spezzjonijiet u r-rapporti tal-ispezzjonijiet jistgħu madankollu jiġu kondiviżi biss bil-kunsens tal-awditur jew tad-ditta tal-awditjar irreġistrati mal-Independent Regulatory Board for Auditors tal-Afrika t'Isfel. Dan ir-rekwiżit jista' jippreżenta diffikultajiet fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti għall-kooperazzjoni regolatorja stipulati fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE. Għaldaqstant, il-kooperazzjoni regolatorja bejn l-Independent Regulatory Board for Auditors tal-Afrika t'Isfel u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandha tkun suġġetta għal monitoraġġ mill-qrib u għal rieżami mill-Kummissjoni sabiex jiġi vvalutat jekk ir-rekwiżit tal-kunsens jippreżentax fil-prattika ostakolu għall-iskambju tal-informazzjoni. Fuq din il-bażi, ir-rekwiżiti milħuqa mill-Independent Regulatory Board for Auditors tal-Afrika t'Isfel għandhom jiġu ddikjarati adegwati għall-finijiet tal-Artikolu 47(1)(c) tad-Direttiva 2006/43/KE għal perjodu limitat ta' żmien.

    (22)

    Il-Financial Services Commission tal-Korea t'Isfel u l-Financial Supervisory Service tal-Korea t'Isfel fi ħdan il-Financial Services Commission għandhom taħt il-kompetenza tagħhom is-sorveljanza pubblika, il-garanzija tal-kwalità esterna u l-investigazzjonijiet fuq l-awdituri u d-ditti tal-awditjar. Il-Financial Services Commission hija responsabbi għalkollox mill-politika dwar il-kwistjonijiet ta' awditjar, filwaqt li l-Financial Supervisory Service huwa responsabbli għat-twettiq ta' spezzjonijiet u ta' investigazzjonijiet għall-Financial Services Commission. Din id-Deċiżjoni għandha tkopri lill-Financial Supervisory Service fi ħdan il-Financial Services Commission u lill-kompetenzi tal-Financial Services Commission għas-sorveljanza tal-awditjar. Il-Financial Services Commission u l-Financial Supervisory Service jimplimentaw salvagwardji adegwati li jipprojbixxu u jissanzjonaw id-divulgazzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali mill-impjegati attwali jew ta' qabel lil kull persuna terza jew awtorità. Skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Korea t'Isfel, huma jistgħu jittrasferixxu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dokumenti ekwivalenti għal dawk imsemmijin fl-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE. Fuq din il-bażi, il-Financial Services Commission tal-Korea t'Isfel u l-Financial Supervisory Service tal-Korea t'Isfel jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ddikjarati adegwati għall-finijiet tal-Artikolu 47(1)(c) tad-Direttiva 2006/43/KE.

    (23)

    Il-Financial Supervisory Commission tat-Tajwan għandha taħt il-kompetenza tagħha s-sorveljanza pubblika, il-garanzija tal-kwalità esterna u l-investigazzjonijiet fuq l-awdituri u d-ditti tal-awditjar. Hija timplimenta salvagwardji adegwati li jipprojbixxu u jissanzjonaw id-divulgazzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali mill-impjegati attwali jew ta' qabel lil kull persuna terza jew awtorità. Skont il-liġijiet u r-regolamenti tat-Tajwan, hija tista' tittrasferixxi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dokumenti ekwivalenti għal dawk imsemmijin fl-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE. Fuq din il-bażi, il-Financial Supervisory Commission tat-Tajwan tissodisfa r-rekwiżiti li għandhom jiġu ddikjarati adegwati għall-finijiet tal-Artikolu 47(1)(c) tad-Direttiva 2006/43/KE.

    (24)

    Is-Securities and Exchange Commission tat-Tajlandja għandha taħt il-kompetenza tagħha s-sorveljanza pubblika, il-garanzija tal-kwalità esterna u l-investigazzjonijiet fuq l-awdituri u d-ditti tal-awditjar. Hija timplimenta salvagwardji adegwati li jipprojbixxu u jissanzjonaw id-divulgazzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali mill-impjegati attwali jew ta' qabel lil kull persuna terza jew awtorità. Skont il-liġijiet u r-regolamenti tat-Tajlandja, hija tista' tittrasferixxi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dokumenti ekwivalenti għal dawk imsemmijin fl-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE. Fuq din il-bażi, is-Securities and Exchange Commission tat-Tajlandja tissodisfa r-rekwiżiti li għandhom jiġu ddikjarati adegwati għall-finijiet tal-Artikolu 47(1)(c) tad-Direttiva 2006/43/KE.

    (25)

    Din id-Deċiżjoni ma taffettwax l-arranġamenti ta' kooperazzjoni msemmijin fl-Artikolu 25(4) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

    (26)

    Din id-Deċiżjoni għandha l-għan li tiffaċilita l-kooperazzjoni b'mod effikaċi bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u dawk tal-Brażil, taċ-Ċentru Finanzjarju Internazzjonali ta' Dubai, ta' Guernsey, tal-Indoneżja, tal-Isle of Man, ta' Jersey, tal-Malasja, tal-Afrika t'Isfel, tal-Korea t'Isfel, tat-Tajwan u t-Tajlandja. L-għan tagħha huwa li tippermetti lil dawn l-awtoritajiet biex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom għas-sorveljanza pubblika, għall-garanzija tal-kwalità u għall-investigazzjonijiet, u fl-istess waqt, sabiex tħares id-drittijiet tal-partijiet konċernati. L-Istati Membri huma taħt l-obbligu li jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-arranġamenti ta' ħidma reċiproċi konklużi ma' dawn l-awtoritajiet, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tivvaluta jekk il-kooperazzjoni sseħħx f'konformità mal-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE.

    (27)

    L-għan aħħari tal-kooperazzjoni għas-sorveljanza tal-awditjar mal-Brażil, maċ-Ċentru Finanzjarju Internazzjonali ta' Dubai, ma' Guernsey, mal-Indoneżja, mal-Isle of Man, ma' Jersey, mal-Malasja, mal-Afrika t'Isfel, mal-Korea t'Isfel, mat-Tajwan u mat-Tajlandja huwa sabiex ikun hemm fiduċja reċiproka fis-sistemi ta' sorveljanza ta' xulxin. B'dan il-mod, it-trasferimenti tad-dokumenti ta' ħidma tal-awditjar jew ta' dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar kif ukoll ta' rapporti dwar spezzjonijiet jew investigazzjonijiet għandhom ikunu eċċezzjoni. Il-fiduċja reċiproka tkun ibbażata fuq l-ekwivalenza tas-sistemi ta' sorveljanza tal-awdituri tal-Unjoni u tal-pajjiż terz jew tat-territtorju kkonċernat.

    (28)

    Il-Kummissjoni se żżomm taħt monitoraġġ l-iżviluppi fil-qafas superviżorju u regolatorju tal-pajjiżi terzi u tat-territorji konċernati fuq bażi regolari. Din id-Deċiżjoni se tiġi rieżaminata kif meħtieġ fid-dawl tal-bidliet superviżorji u regolatorji fl-Unjoni u fil-pajjiżi terzi u t-territorji kkonċernati, filwaqt li jittieħdu inkonsiderazzjoni s-sorsi disponibbli ta' informazzjoni rilevanti. B'mod partikolari, il-Kummissjoni, assistita mis-CEAOB kif imsemmi fl-Artikolu 30(7)(c) u fl-Artikolu 30(12) tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), tista' f'kull waqt tivvaluta mill-ġdid l-adegwatezza, b'mod partikolari fejn ikun hemm bidla fil-liġi jew fil-fatti rilevanti. Din il-valutazzjoni mill-ġdid tista' twassal għall-irtirar tad-dikjarazzjoni ta' adegwatezza tagħha.

    (29)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta ta l-opinjoni tiegħu fis-17 ta' Diċembru 2015.

    (30)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2006/43/KE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-awtoritajiet kompetenti li ġejjin minn pajjiżi terzi jew territorji jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom jiġu kkunsidrati bħala adegwati skont l-Artikolu 47(1)(c) tad-Direttiva 2006/43/KE għall-finijiet ta' trasferiment ta' dokumenti ta' ħidma tal-awditjar jew ta' dokumenti oħrajn kif ukoll tar-rapporti dwar spezzjonijiet jew investigazzjonijiet skont l-Artikolu 47(1) ta' din id-Direttiva:

    (1)

    il-Comissão de Valores Mobiliários tal-Brażil;

    (2)

    id-Dubai Financial Service Authority taċ-Ċentru Finanzjarju Internazzjonali ta' Dubai;

    (3)

    ir-Registrar of Companies ta' Guernsey;

    (4)

    il-Finance Professions Supervisory Centre tal-Indoneżja;

    (5)

    il-Financial Supervision Commission tal-Isle of Man;

    (6)

    il-Jersey Financial Services Commission;

    (7)

    l-Audit Oversight Board tal-Malasja;

    (8)

    l-Independent Regulatory Board for Auditors tal-Afrika t'Isfel;

    (9)

    il-Financial Services Commission tal-Korea t'Isfel u l-Financial Supervisory Service tal-Korea t'Isfel;

    (10)

    il-Financial Supervisory Commission tat-Tajwan;

    (11)

    is-Securities and Exchange Commission tat-Tajlandja.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta d-dokumenti ta' ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar jinżammu esklussivament minn awditur statutorju jew ditta tal-awdituri rreġistrata fi Stat Membru ieħor barra l-Istat Membru fejn huwa rreġistrat l-awditur tal-grupp u li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun irċeviet talba mingħand kwalunkwe awtorità msemmija fl-Artikolu 1, dawn il-karti jew id-dokumenti għandhom jiġu ttrasferiti lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew tat-territorju kkonċernat f'każ biss li l-awtorità kompetenti tal-ewwel Stat Membru tkun qablet espliċitament mat-trasferiment.

    Artikolu 3

    Fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti msemmijin fl-Artikolu 1(4) u (8), din id-Deċiżjoni tapplika sal-31 ta' Lulju 2019.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Ġunju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Jonathan HILL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.

    (2)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

    (3)  Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 77)


    Top