Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0851

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/851 tas-26 ta' Mejju 2016 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni 2009/719/KE fir-rigward tal-awtorizzazzjoni biex il-Kroazja tirrevedi l-programm ta' monitoraġġ annwali tagħha tal-BSE (notifikata bid-dokument C(2016) 3097) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/3097

ĠU L 141, 28.5.2016, p. 131–132 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/851/oj

28.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/131


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/851

tas-26 ta' Mejju 2016

li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni 2009/719/KE fir-rigward tal-awtorizzazzjoni biex il-Kroazja tirrevedi l-programm ta' monitoraġġ annwali tagħha tal-BSE

(notifikata bid-dokument C(2016) 3097)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni tal-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (TSEs) fl-annimali. Jeħtieġ li kull Stat Membru jwettaq programm ta' monitoraġġ annwali tat-TSEs fuq il-bażi ta' sorveljanza attiva u passiva, f'konformità mal-Anness III tiegħu. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(1b) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li tista' ssir reviżjoni tal-programm ta' monitoraġġ annwali għal dawk l-Istati Membri li jistgħu juru titjib fis-sitwazzjoni epidjemoloġika ta' pajjiżhom, skont ċerti kriterji stabbiliti fil-punt 7 tal-Parti I tal-Kapitolu A tal-Anness III ta' dak ir-Regolament.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/719/KE (2) tawtorizza lill-Istati Membri elenkati fl-Anness tagħha biex jirrevedu l-programm ta' monitoraġġ annwali tagħhom tal-Enċifalopatija Sponġiformi Bovina (BSE) f'konformità mal-Artikolu 6(1b) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001. Bħalissa hemm 25 Stat Membru elenkat f'dak l-Anness, jiġifieri l-Istati Membri kollha minbarra l-Bulgarija, il-Kroazja u r-Rumanija.

(3)

Fit-22 ta' Jannar 2015, il-Kroazja ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-programm ta' monitoraġġ annwali tagħha tal-BSE.

(4)

Fit-8 ta' Frar 2016, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ippubblikat rapport xjentifiku dwar l-evalwazzjoni tar-reviżjoni tal-iskema tal-monitoraġġ tal-BSE fil-Kroazja (3) (iktar 'il quddiem “ir-rapport tal-EFSA”). Ir-rapport tal-EFSA jindika li ż-żieda tal-Kroazja fl-unità epidemjoloġika li tinkludi 25 Stat Membru li bħalissa huma elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni 2009/719/KE, jekk wieħed jassumi l-implimentazzjoni tal-iskema ta' sorveljanza attwali kif awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni 2009/719/KE għall-25 Stat Membru, kieku tirriżulta fil-possibbiltà, f'unità epidemjoloġika magħmula minn dawk il-25 Stat Membru flimkien mal-Kroazja, li tiġi identifikata l-BSE bi prevalenza tad-disinn ta' mill-anqas 1 għal kull 3 789 838 tal-popolazzjoni bovina adulta b'livell ta' fiduċja ta' 95 %. Dik il-prevalenza tad-disinn hija aktar sensittiva mill-prevalenza tad-disinn minima meħtieġa għas-sorveljanza tat-Tip A, li hija definita fil-punt 1(a) tal-Kapitolu D tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 bħala każ 1 għal kull 100 000 fil-popolazzjoni adulta tal-annimali bovini tal-pajjiż jew reġjun, b'livell ta' fiduċja ta' 95 %.

(5)

Mill-14 sat-23 ta' Ġunju 2010 u mis-26 ta' Novembru sas-6 ta' Diċembru 2012, il-Kummissjoni wettqet verifiki fil-Kroazja sabiex jiġu evalwati l-miżuri dwar il-BSE (“il-verifiki tal-Kummissjoni”). Il-verifiki tal-Kummissjoni koprew l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà tal-annimali bovini u l-implimentazzjoni tal-projbizzjoni fuq l-għalf fil-Kroazja. Għalhekk, l-eżitu tal-verifiki tal-Kummissjoni kien użat bħala element sabiex tiġi evalwata l-konformità tal-applikazzjoni ppreżentata mill-Kroazja mal-kriterji stabbiliti fil-punti 7.1(b) u (c) tal-Parti I tal-Kapitolu A tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001.

(6)

Abbażi tal-informazzjoni inkluża fl-applikazzjoni ppreżentata mill-Kroazja biex tirrevedi l-programm ta' monitoraġġ annwali tagħha tal-BSE, tal-informazzjoni pprovduta mir-rapport tal-EFSA, u tal-informazzjoni li tirriżulta mill-verifiki tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni ppreżentata mill-Kroazja ġiet ivvalutata b'mod favorevoli. Huwa għalhekk xieraq li l-Kroazja tiġi awtorizzata tirrevedi l-programm ta' monitoraġġ annwali tagħha tal-BSE taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk mogħtija lill-25 Stat Membru li bħalissa huma elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni 2009/719/KE.

(7)

Għalhekk, l-Anness tad-Deċiżjoni 2009/719/KE għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Anness tad-Deċiżjoni 2009/719/KE, l-entrata “— il-Kroazja” tiddaħħal wara l-entrata “— Franza” u qabel l-entrata “— l-Italja”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Mejju 2016.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/719/KE tat-28 ta' Settembru 2009 li tawtorizza ċerti Stati Membri jirrevedu l-programm ta' monitoraġġ annwali tagħhom tal-BSE (ĠU L 256, 29.9.2009, p. 35).

(3)  EFSA Journal 2016;14(2):4399.


Top