Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1603

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1603 tat-13 ta' Awwissu 2015 dwar miżura meħuda minn Spanja f'konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE li tirtira mis-suq tip ta' mezzi li jgħinu lil dak li jkun iżomm f'wiċċ l-ilma waqt l-għawm

    ĠU L 248, 24.9.2015, p. 99–100 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1603/oj

    24.9.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 248/99


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1603

    tat-13 ta' Awwissu 2015

    dwar miżura meħuda minn Spanja f'konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE li tirtira mis-suq tip ta' mezzi li jgħinu lil dak li jkun iżomm f'wiċċ l-ilma waqt l-għawm

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-awtoritajiet Spanjoli nnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'miżura ta' rtirar mis-suq li għandha x'taqsam ma' mezzi li jgħinu lil dak li jkun iżomm f'wiċċ l-ilma waqt l-għawm tat-tip Delphin schwimmscheiben- Typ Super, immanifatturati minn Delphin Vertriebs- und Service GmbH, D-61192 Niddatal, il-Ġermanja. Il-prodott kellu l-marka KE f'konformità mad-Direttiva 89/686/KEE, wara li ġie ttestjat u eżaminat skont it-tip f'konformità mal-istandard armonizzat EN 13138-1:2008 Mezzi li jgħinu lil dak li jkun iżomm f'wiċċ l-ilma waqt l-għawmParti 1: Rekwiżiti ta' sikurezza u metodi ta' ttestjar ta' mezzi li jgħinu lil dak li jkun iżomm f'wiċċ l-ilma waqt l-għawm li jintlibsu, maħruġa mill-Korp Notifikat Ġermaniz TÜV Rheinland LGA Products GmbH (NB 0197). Il-prodott huwa meqjus li huwa tagħmir protettiv personali u huwa kklassifikat fil-kategorija II.

    (2)

    In-notifika saret wara li ġie rrapportat aċċident: wara sessjoni tal-għawm, meta l-ġenituri kienu qed jiġbru l-affarijiet personali tagħhom qabel jitilqu lejn id-dar, tifel gidem waħda mid-diski, u nqalgħet biċċa żgħira minnha u belagħha bil-konsegwenza li kellu bżonn l-għajnuna medika u li jittieħed l-isptar.

    (3)

    L-awtoritajiet Spanjoli ordnaw l-irtirar tal-prodott mis-suq. Il-miżura kienet motivata bl-applikazzjoni mhux sodisfaċenti tal-istandards imsemmija fl-Artikolu 5 tad Direttiva 89/686/KEE, b'mod partikolari l-istandard armonizzat EN 13138-1:2008 Mezzi li jgħinu lil dak li jkun iżomm f'wiċċ l-ilma waqt l-għawmParti 1: Rekwiżiti ta' sikurezza u metodi ta' ttestjar ta' mezzi li jgħinu lil dak li jkun iżomm f'wiċċ l-ilma waqt l-għawm li jintlibsu, il-klawżola 5.4.2, Partijiet żgħar, relatati ma' rekwiżiti bażiċi ta' saħħa u sikurezza tal-punt 1.2.1 tal-Anness II tad-Direttiva 89/686/KEE, Nuqqas ta' riskji u fatturi oħra 'inerenti' li joħolqu l-problemi. Il-klawżola 5.4.2 tal-istandard EN 13138-1 teħtieġ li l-partijiet iż-żgħar imwaħħla jkunu jifilħu għal tiġbid ta' (90 ± 2) N fid-direzzjoni li x'aktarx tkun l-aktar waħda li ċċedi malajr mingħajr ma jinqalgħu mill-oġġett. Il-partijiet li jistgħu jinqalgħu m'għandhomx jiffittjaw kompletament fiċ-ċilindru għall-ittestjar tal-partijiet iż-żgħar, li l-ittestjar tagħhom irid ikun skont l-istandard EN 71-1.

    (4)

    L-awtoritajiet Spanjoli indikaw li, wara li twettqu t-testijiet tat-tensjoni skont l-istandard armonizzat EN 13138-1: 2008, ġie żvelat li l-partijiet iż-żgħar jistgħu jinqalgħu minn mal-prodott, u jinbelgħu minn tfal żgħar li għalihom huwa maħsub il-prodott. Il-livell tal-ġibda fejn partijiet żgħar ta' dan it-tip inqalgħu irriżulta dejjem inqas minn 90 N u dawn kienu jiffittjaw kompletament fiċ-ċilindru għall-ittestjar tal-partijiet iż-żgħar. L-awtoritajiet Spanjoli kkunsidraw li l-klawżola 5.4.2 ta' dak l-istandard mhijiex limitata biss għal partijiet żgħar imwaħħla, iżda għall-partijiet żgħar b'mod ġenerali. Huma użaw “tagħmir għall-ittestjar b'gidma” skont it-testijiet definiti fl-istandards EN 12227:2010 Playpens għall-użu domestikuRekwiżiti tas-sikurezza u metodi għall-ittestjar u EN 716-2:2008 GħamaraSodod żgħar u sodod żgħar li jintwew għat-tfal għall-użu domestikuParti 2: Metodi ta' ttestjar.

    (5)

    L-awtoritajiet Ġermaniżi ma jaqblux mal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-awtoritajiet Spanjoli, peress li l-metodu ta' ittestjar użat ma kienx kompatibbli mal-użu prattiku tat-tagħmir. Fl-opinjoni tagħhom, il-klawżola 5.4.2 tal-istandard EN 13138-1 tkopri biss il-partijiet żgħar imwaħħla. L-awtoritajiet Ġermaniżi sostnew li l-prodott ma jippreżenta l-ebda riskju serju, peress li mhuwiex ġugarell u x-xenarju ta' riskju, kif deskritt mill-awtoritajiet Spanjoli, mhuwiex realistiku.

    (6)

    Il-manifattur ukoll ikkuntesta l-metodu tat-test użat mill-awtoritajiet Spanjoli. Waqt l-eżami tat-tip KE tal-prodott, il-korp notifikat ma wettaqx test minnhom skont il-klawżola 5.4.2 tal-istandard EN 13138-1 bir-rimarka li l-prodott ma kellux partijiet żgħar imwaħħla.

    (7)

    Wara n-notifika, il-manifattur talab lill-korp notifikat biex iwettaq test addizzjonali tat-tensjoni skont il-klawżola 8.5.2.2 tal-istandard EN 1888:2012 Oġġetti ta' kura tat-tfalTrasport bir-roti għat-tfalRekwiżiti ta' sigurtà u metodi ta' ttestjar, bl-użu ta' “tagħmir għall-ittestjar b'gidma” deskritt fil-klawżola 5.7 ta' dak l-istandard, li huwa identiku għat-“tagħmir għall-ittestjar b'gidma” deskritt fl-istandards EN 716-2 u EN 12227. L-ebda parti żgħira ma setgħet tinqala' minn mal-prodott. Barra minn hekk, il-Korp Notifikat wettaq test ta' segwitu li wera li l-ebda partijiet ma nqalgħu meta l-apparat ġie soġġett għal forza ta' tensjoni ta' 90N, test li jixbah il-metodu ta' ttestjar għal partijiet żgħar fl-istandard EN 71-1 Is-sikurezza tal-ġugarelliParti 1: Kwalitajiet mekkaniċi u fiżiċi.

    (8)

    Il-Kummissjoni talbet l-assistenza teknika ta' esperti sabiex jevalwaw il-kwistjonijiet ewlenin involuti fil-każ. Studju estern imwettaq minn esperti tekniċi li kkonkluda li ittestjar b'partijiet żgħar imwaħħla biss huwa biżżejjed biex juri konformità mar-rekwiżit bażiku tas-saħħa u s-sigurtà stabbilit fil-punt 1.2.1 tal-Anness II tad-Direttiva 89/686/KEE.

    (9)

    L-istandard EN 13138-1 ma jipprevedix metodu ċar ta' ttestjar għall-ittestjar ta' partijiet żgħar imwaħħla. Fid-dawl ta' din l-ambigwità, kellha ssir għażla minn fost il-metodi ta' ttestjar xierqa disponibbli, filwaqt li titqies in-natura tal-prodott. L-awtoritajiet Spanjoli applikaw il-metodu ta' ttestjar li dehrilhom li kien l-aktar xieraq biex jivvalutaw ir-riskji li jista' jippreżenta l-prodott. L-esperti tekniċi, madankollu, ikkonkludew li l-metodu ta' ttestjar applikat mill-awtoritajiet Spanjoli ma kienx xieraq.

    (10)

    It-test tat-tensjoni mwettaq mill-korp notifikat Ġermaniż jista' jitqies bħala l-uniku metodu ta' ttestjar rilevanti f'dan il-każ. Għalhekk, it-test tal-eżami tat-tip KE huwa validu u l-analiżi tal-eżami tat-tip KE mogħtija mill-korp notifikat saret b'mod korrett.

    (11)

    Skont l-istatistika disponibbli dwar għajnuniet għall-għawm magħmula minn materjal li jżomm f'wiċċ l-ilma minnu nnifsu fis-suq u aċċidenti, tista' tinġibed konklużjoni li għajnuniet għall-għawm magħmula minn materjal li jżomm f'wiċċ l-ilma minnu nnifsu ma joħolqux xi riskju partikolari ta' fgar meta użati skont l-iskop maħsub tagħhom u skont il-kundizzjonijiet previsti tal-użu tagħhom. Dawn il-prodotti huma maħsuba biex jintużaw biss fl-ilma,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-miżura meħuda mill-awtoritajiet Spanjoli li jirtiraw mis-suq mezzi li jgħinu lil dak li jkun iżomm f'wiċċ l-ilma waqt l-għawm tat-tip Delphin schwimmscheiben- Typ Super, immanifatturati minn Delphin Vertriebs- und Service GmbH, D-61192 Niddatal, il-Ġermanja, mhijiex ġustifikata.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, it-13 ta' Awwissu 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Elżbieta BIEŃKOWSKA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 399, 30.12.1989, p. 18.


    Top