Vyberte pokusně zaváděné prvky, které byste chtěli vyzkoušet

Tento dokument je výňatkem z internetových stránek EUR-Lex

Dokument 32015R1327

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1327 tal-31 ta' Lulju 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

    ĠU L 206, 1.8.2015, s. 18—19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Právní stav dokumentu platné

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1327/oj

    1.8.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 206/18


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2015/1327

    tal-31 ta' Lulju 2015

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta' Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 (2) jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2010/413/PESK.

    (2)

    Fil-31 ta' Lulju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1336 (3) li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK li tipprovdi għal ċerti miżuri skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2231 (2015) li tapprova l-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) dwar il-kwistjoni nukleari tal-Iran u li jipprovdu għal azzjonijiet li jseħħu skont il-PAKK.

    (3)

    Il-UNSCR 2231 (2015) tipprevedi b'mod partikolari li l-miżuri imposti fir-Riżoluzzjonijiet 1696 (2006), 1737 (2006), 1747 (2007), 1803 (2008), 1835 (2008) u 1929 (2010) ma japplikawx, taħt ċerti kundizzjonijiet, għal attivitajiet mill-Istati parteċipanti fil-PAKK, jew mill-Istati Membri tan-NU li jaġixxu f'koordinazzjoni magħhom, relatati direttament mal-modifika ta' żewġ kaskati fil-faċilità ta' Fordow għall-produzzjoni tal-isotopi stabbli, l-esportazzjoni ta' uranju arrikit tal-Iran 'il fuq minn 300 kilogramm bi skambju għal uranju naturali, jew l-immodernizzar tar-reattur ta' Arak abbażi tad-disinn kunċettwali miftiehem u, sussegwentement, abbażi tad-disinn finali miftiehem ta' reattur bħal dan.

    (4)

    Il-UNSCR 2231(2015) tistabbilixxi ulterjorment li l-miżuri imposti fir-Riżoluzzjonijiet 1696 (2006), 1737 (2006), 1747 (2007), 1803 (2008), 1835 (2008) u 1929 (2010) ma japplikawx sal-punt meħtieġ biex jitwettqu, taħt ċerti kundizzjonijiet, it-trasferimenti u l-attivitajiet relatati mal-implimentazzjoni ta' ċerti impenji relatati man-nukleari speċifikati fil-PAKK, meħtieġa għat-tħejjija għall-implimentazzjoni tal-PAKK, jew determinati mill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU stabbilit skont il-UNSCR) 1737 (2006) li jkunu konsistenti mal-objettivi tal-UNSCR 2231 (2015).

    (5)

    Hemm bżonn ta' azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex il-miżuri jiġu implimentati, partikolarment bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

    (6)

    Ir-Regolament (UE) Nru 267/2012 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fir-Regolament (UE) Nru 267/2012, jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 43b

    1.   Minkejja kull dispożizzjoni oħra f'dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-provvista, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' oġġetti, materjali, apparat, prodotti u teknoloġija, u l-provvista ta' kull servizz ta' assistenza teknika, taħriġ, assistenza finanzjarja, investiment, senserija, jew kwalunkwe servizz ieħor, meta jqisuhom bħala direttament relatati ma':

    (a)

    il-modifika ta' żewġ kaskati fil-faċilità ta' Fordow għall-produzzjoni tal-isotopi stabbli;

    (b)

    l-esportazzjoni tal-uranju arrikkit tal-Iran 'il fuq minn 300 kilogramm bi skambju għal uranju naturali; jew

    (c)

    l-immodernizzar tar-reattur ta' Arak abbażi tad-disinn kunċettwali miftiehem u, sussegwentement, abbażi tad-disinn finali miftiehem ta' reattur bħal dan.

    2.   L-awtorità kompetenti li tagħti awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1 għandha tiżgura li:

    (a)

    kull attività ssir b'mod strett skont il-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt tal-14 ta' Lulju 2015 (‘PAKK’);

    (b)

    ir-rekwiżiti, skont il-każ, speċifikati fis-subparagrafu 22(c) tal-UNSCR 2231 (2015) ikunu ġew issodisfati; u

    (c)

    tkun akkwistat, u tkun fil-pożizzjoni li teżerċitaw b'mod effettiv id-dritt għall-verifika tal-użu aħħari u tal-post tal-użu aħħari ta' kull oġġett fornut.

    3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika:

    (a)

    lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u, meta tkun kostitwita, lill-Kummissjoni Konġunta, kif adatt, għaxart ijiem qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni;

    (b)

    lill-IAEA fi żmien għaxart ijiem mill-provvista, il-bejgħ jew trasferiment, fil-każ ta' oġġetti, materjali, apparat, prodotti u teknoloġija pprovduti speċifikati fis-subparagrafu 22(e) ta' UNSCR 2231 (2015).

    4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni skont dan l-Artikolu minn tal-inqas għaxart ijiem qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni.

    Artikolu 43c

    1.   Minkejja kull dispożizzjoni oħra f'dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, każ b'każ, trasferimenti u attivitajiet, sa fejn ikun neċessarju għall-eżekuzzjoni tagħhom, li jkunu:

    (a)

    direttament marbuta mal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet relatati man-nukleari speċifikati fil-paragrafi 15.1 sa 15.11 tal-Anness V tal-PAKK;

    (b)

    meħtieġa għall-preparazzjoni għall-implimentazzjoni tal-PAKK; jew

    (c)

    stabbiliti mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, kif adatt, bħala li huma konsistenti mal-għanijiet tal-UNSCR 2231 (2015).

    2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu, kif adatt, jippreżenta l-awtorizzazzjonijiet proposti lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet għall-approvazzjoni.

    3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni skont dan l-Artikolu minn tal-inqas għaxart ijiem qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Lulju 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ASSELBORN


    (1)  ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39.

    (2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat-23 ta' Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, 24.3.2012, p. 1).

    (3)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1336 tal-31 ta' Lulju 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ara l-paġna 66 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Nahoru