EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1085

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1085 tat-2 ta' Lulju 2015 dwar miżura meħuda mill-Iżvezja, skont id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, biex tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-magni tal-injam għan-nar Hammars vedklipp 5,5 hk u Hammars vedklipp 7,5 hk immanifatturati minn Hammars Verkstad AB (notifikata bid-dokument C(2015) 4428) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 175, 4.7.2015, p. 124–125 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/1085/oj

4.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/124


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1085

tat-2 ta' Lulju 2015

dwar miżura meħuda mill-Iżvezja, skont id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, biex tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-magni tal-injam għan-nar Hammars vedklipp 5,5 hk u Hammars vedklipp 7,5 hk immanifatturati minn Hammars Verkstad AB

(notifikata bid-dokument C(2015) 4428)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-Iżvezja infurmat lill-Kummissjoni dwar miżura li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-magni tal-injam għan-nar Hammars vedklipp 5,5 hk u Hammars vedklipp 7,5 hk immanifatturati minn Hammars Verkstad AB, Lustebo 40, SE-790 20 Grycksbo, l-Iżvezja.

(2)

Il-magni tal-injam għan-nar kellhom il-marka CE, skont id-Direttiva 2006/42/KE.

(3)

Ir-raġuni li tat l-Iżvezja għat-teħid tal-miżura kienet in-nuqqas ta' konformità tal-magni tal-injam għan-nar mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stipulati fil-punti 1.1.2 (Prinċipji ta' integrazzjoni ta' sigurtà) u 1.3.7 (Riskji li għandhom x'jaqsmu mal-partijiet li jiċċaqilqu) tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE billi l-magni m'għandhomx tagħmir ta' lqugħ jew ta' protezzjoni kontra r-riskji minn partijiet li jiċċaqilqu.

(4)

Il-Kummissjoni stiednet lil Hammars Verkstad AB biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-miżura meħuda mill-Iżvezja.

(5)

Hammars Verkstad wieġbet lill-Kummissjoni li t-tagħmir għall-qtugħ taz-zkuk, li jissostitwixxi kemm serrieq u kif ukoll tagħmir għall-qsim taz-zkuk, kellu livell ta' riskju ferm aktar baxx għall-korriment tal-operatur jekk jitqies bħala sistema. Il-Kummissjoni talbet lill-manifattur għal dokumenti ta' appoġġ li jissostanzjaw l-argument dwar il-klassifikazzjoni tar-riskji bħala parti mill-valutazzjoni tal-konformità li wettqet. Ma waslet l-ebda risposta.

(6)

Il-verifika tal-evidenza mogħtija mill-Iżvezja turi li l-magni tal-injam għan-nar Hammars Vedklipp 5,5 hk u Hammars Vedklipp 7,5 hk immanifatturati minn Hammars Verkstad AB, Lustebo 40, SE- 790 20 Grycksbo, l-Iżvezja, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stipulati fid-Direttiva 2006/42/KE, u li dan in-nuqqas ta' konformità jwassal għal riskji serji ta' korriment tal-utenti. Għaldaqstant, huwa xieraq li l-miżura meħuda mill-Iżvezja titqies bħala ġġustifikata,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura li ħadet l-Iżvezja li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-magni tal-injam għan-nar Hammars vedklipp 5,5 hk u Hammars vedklipp 7,5 hk immanifatturati minn Hammars Verkstad AB, Lustebo 40, SE-790 20 Grycksbo, l-Iżvezja, hija ġġustifikata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Elżbieta BIEŃKOWSKA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.


Top