Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0906

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/906/PESK tal- 15 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2013/726/PESK b'appoġġ għal UNSCR 2118 (2013) u l-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW EC-M-33/Dec 1, fil-qafas tal- implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva

    ĠU L 359, 16.12.2014, p. 151–152 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/906/oj

    16.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 359/151


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/906/PESK

    tal-15 ta' Diċembru 2014

    li temenda d-Deċiżjoni 2013/726/PESK b'appoġġ għal UNSCR 2118 (2013) u l-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW EC-M-33/Dec 1, fil-qafas tal- implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-9 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/726/PESK (1).

    (2)

    Id-Deċiżjoni 2013/726/PESK tipprovdi għal perijodu ta' implimentazzjoni ta' 12-il xahar tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2) tagħha wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3) tagħha.

    (3)

    Fis-6 ta' Novembru 2014, is-Segretarjat Tekniku tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armamenti Kimiċi (OPCW, Organisation for the Prohibition of Chemical Weapons) talab l-awtorizzazzjoni tal-Unjoni biex jestendi l-perijodu ta' implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/726/PESK sat-30 ta' Settembru 2015 sabiex tkun tista' titkompla l-implimentazzjoni tal-proġett lil hinn mill-iskadenza msemmija fl-Artikolu 5(2) tagħha.

    (4)

    L-emenda mitluba tad-Deċiżjoni 2013/726/PESK tikkonċerna l-Artikolu 5(2) tagħha u l-ewwel paragrafu tat-Taqsima “Attivitajiet” fl-Anness fejn id-durata tal-implimentazzjoni tal-proġett għandha tiġi modifikata.

    (5)

    Il-kontinwazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2013/726/PESK, kif ikkwotat b'mod speċifiku fit-talba li saret mill-OPCW fis-6 ta' Novembru 2014, setgħet issir mingħajr l-ebda implikazzjoni fuq ir-riżorsi.

    (6)

    Id-Deċiżjoni 2013/726/PESK għandha, għalhekk, tiġi emendata sabiex ikun jista' jiġi implimentat b'mod sħiħ il-proġett imsemmi fiha, billi tiġi estiża d-durata tal-implimentazzjoni kif meħtieġ,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2013/726/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 5(2) jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   Hija għandha tiskadi fit-30 ta' Settembru 2015.”

    .

    (2)

    Fit-Taqsima “Attivitajiet” fl-Anness, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “L-appoġġ lill-OPCW ser jiġi pprovdut permezz tal-provvista ta' massimu ta' 5 prodotti ta' immaġni bis-satellita taċ-Centru Satellitari tal-UE (ĊENSAT UE) kull ġimgħa għal perijodu totali li jibda mill-iffirmar tal-kuntratt sat-30 ta' Settembru 2015.”

    .

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. MOGHERINI


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/726/PESK tad-9 ta' Diċembru 2013 b'appoġġ għal UNSCR 2118 (2013) u l-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW EC-M-33/Dec 1, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 329, 10.12.2013, p. 41).


    Top