EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0889

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 889/2014 tal- 14 ta' Awwissu 2014 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93, fir-rigward tar-rikonoxximent ta' rekwiziti komuni ta' sigurtà fil-programm tal-aġenti rregolati u l-ispeditur magħruf u l-Programm tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 243, 15.8.2014, p. 39–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2016; Impliċitament imħassar minn 32016R0481

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/889/oj

15.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 243/39


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 889/2014

tal-14 ta' Awwissu 2014

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93, fir-rigward tar-rikonoxximent ta' rekwiziti komuni ta' sigurtà fil-programm tal-aġenti rregolati u l-ispeditur magħruf u l-Programm tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 247 tiegħu,

Billi:

(1)

Kemm fil-qasam tad-dwana u fis-sigurtà tal-avjazzjoni, il-leġiżlazzjoni rispettiva, b'mod partikolari r-Regolament (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità u r-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, tippermetti li l-entitajiet li jikkonformaw ma' ċerti kondizzjonijiet u rekwiżiti jistgħu jiġu ċċertifikati li jiżguraw u jikkontribwixxu għal katina ta' provvista sikura.

(2)

Il-leġiżlazzjoni doganali u tal-avjazzjoni eżistenti tipprovdi għal ċertu għarfien taċ-ċertifikazzjonijiet skont il-programmi rispettivi, b'mod partikulari fir-rigward tal-eżamijiet tas-sigurtà magħmula għal kull wieħed minnhom. L-Artikolu 14k(2)(b) u (3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (3) jipprovdi li jekk l-applikant għall-istatus tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat (AEO) huwa diġà aġent irregolat il-kriterju dwar “standards xierqa ta' sigurtà u sikurezza” jitqiesu li ġew sodisfatti fir-rigward tal-post li għalih l-operatur ekonomiku jkun kiseb l-istatus ta' aġent irregolat. Il-punti 6.3.1.2 u 6.4.1.2 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 185/2010 (4) jipprovdu li l-awtorità xierqa, jew validatur indipendenti li jaġixxi f'isimha, għandhom iqisu jekk l-applikant għal aġent irregolat jew speditur magħruf huwiex detentur ta' Ċertifikat AEO.

(3)

L-implimentazzjoni prattika kemm tal-leġiżlazzjoni doganali li tirregolaw l-istatus ta' AEO u tal-leġiżlazzjoni tal-avjazzjoni li tirregola l-aġent irregolat u l-ispeditur magħruf wriet li r-rikonoxximent eżistenti bejn il-programmi mhuwiex biżżejjed biex jiżgura l-ogħla livell possibbli ta' sinerġiji bejn il-programmi rispettivi ta' sigurtà. Ir-rekwiżiti ta' sigurtà kemm tal-programm tal-aġenti rregolati u l-ispedituri magħrufa tas-sigurta tal-avjazzjoni kif ukoll tal-programm doganali tal-AEO huma ekwivalenti sal-punt li ż-żewġ programmi jistgħu jkunu aktar allinjati.

(4)

Aktar allinjament taż-żewġ programmi f'termini ta' livell ta' rikonoxximent ugwali, inkluż l-iskambju ta' informazzjoni rikjest huwa neċessarju biex inaqqas il-piż amministrattiv fuq is-settur ekonomiku kkonċernat u l-awtoritajiet tal-gvern (kemm doganali u wkoll tal-avjazzjoni ċivili) filwaqt li jsaħħu iktar il-livell attwali ta' sigurtà.

(5)

L-emenda tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 hija meħtieġa sabiex taġġorna r-referenzi għal-leġiżlazzjoni tal-avjazzjoni fis-seħħ, tinkludi r-rikonoxximent tal-istatus tal-ispeditur magħruf bir-rilevanza tiegħu għall-AEO, kif ukoll tinkwadra l-ambitu tar-rikonoxximent tar-rekwiżiti komuni bejn il-programmi rispettivi u tippermetti l-iskambju meħtieġ tal-informazzjoni bejn id-dwana u awtoritajiet tal-avjazzjoni.

(6)

Għalhekk ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 għandu jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 14k huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-punt (b) tal-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

ikun aġent irregolat kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) (‘aġent irregolat’) u jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 185/2010 (**);

(*)  ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72."

(**)  ĠU L 55, 5.3.2010, p. 1.”"

(b)

fil-paragrafu 2 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Jekk il-kumpanija tal-ajru hija aġent irregolat, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jitqiesu bħala milħuqa fir-rigward tas-siti u l-operazzjonijiet li għalihom l-applikant kiseb l-istatus ta' aġent irregolat sal-punt li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-istatus ta' aġent irregolat huma identiċi jew komparabbli għal dawk stipulati fil-paragrafu 1”;

(c)

Il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.   Fejn l-applikant huwa stabbilit fit-territorju doganali tal-Komunità u huwa aġent irregolat jew speditur magħruf kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 u jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir- Regolament (UE) Nru 185/2010, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jitqiesu bħala milħuqa fir-rigward tas-siti u l-operazzjonijiet li għalihom l-applikant kiseb l-istatus ta' aġent irregolat jew speditur magħruf sal-punt li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-istatus ta' aġent irregolat jew speditur magħruf huma identiċi jew komparabbli għal dawk stipulati fil-paragrafu 1”.

(2)

Fl-Artikolu 14w, jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   L-awtorità doganali li toħroġ iċ-ċertifikat minnufih tagħmel disponibbli lill-awtorità xierqa nazzjonali responsabbli għas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili l-informazzjoni minima segwenti relatata mal-istatus ta' operatur ekonomiku awtorizzat li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha:

(a)

ic-ċertifikat AEO — sigurtà u sikurezza (AEOS) u ċertifikat AEO — simplifikazzjonijiet doganali/sigurtà u sikurezza (AEOF) inkluż isem id-detentur taċ-ċertifikat u, fejn ikun applikabbli, l-emenda jew ir-revoka jew is-sospensjoni tal-istatus ta' operatur ekonomiku awtorizzat u r-raġunijiet għal dan;

(b)

informazzjoni dwar jekk is-sit speċifiku kkonċernata kiex miżjur mill-awtoritajiet doganali, id-data tal-aħħar żjara u l-iskop taż-żjara (proċess ta' awtorizzazzjoni, rivalutazzjoni, monitoraġġ);

(c)

kull rivalutazzjoni taċ-ċertifikati AEOS u AEOF u r-riżultati tagħhom.

L-awtoritajiet doganali nazzjonali, bi ftehim mal-awtorità xierqa nazzjonali responsabbli għas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, jistabbilixxi l-modalitajiet dettaljati għall-iskambju ta' informazzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu li mhux kopert permezz tas-sistema elettronika ta' informazzjoni u komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 14x, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu 2015.

L-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili li jiġġestixxu l-informazzjoni kkonċernata jużawha biss għall-finijiet tal-programmi rilevanti għal aġent irregolat jew speditur magħruf u jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa biex jiżguraw is-sigurtà ta' din l-informazzjoni”.

(3)

Fl-Artikolu 14x jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a.   Fejn applikabbli, b'mod partikolari meta l-istatus ta' operatur ekonomiku awtorizzat huwa meqjus bħala bażi għall-għoti ta' approvazzjoni jew awtorizzazzjonijiet jew ta' faċilitazzjonijiet skont leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni għal aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 14w(4) jista' jingħata wkoll lill-awtorità xierqa nazzjonali responsabbli għas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili.”.

(4)

L-Anness 1C huwa emendat kif ġej:

(a)

It-titolu tal-kaxxa 15 għandu jinbidel b'dan li ġej:

Image Test ta 'immaġni

(b)

It-titolu tan-noti esplikattivi għall-kaxxa 15 jinbidel b'li ġej:

“15.

Simplifikazzjonijiet jew faċilitazzjonijiet li ngħataw diġà, ċertifikati msemmija fl-Artikolu 14k(4), u/jew l-istatus ta' aġent irregolat jew speditur magħruf miksuba kif imsemmi fl- Artikolu 14k(2) u (3):”.

(c)

in-noti esplikattivi għall-kaxxa 15 jinbidlu b'li ġej:

“F'każ ta' semplifikazzjonijiet li ngħataw diġà, indika t-tip ta' simplifikazzjoni, il-proċedura doganali rilevanti u n-numru ta' awtorizzazzjoni.Il-proċedura doganali rilevanti għandha tinkiteb fil-forma tal-ittri użati bħala l-intestaturi tal-kolonni (minn A sa K) biex jidentifikaw proċeduri doganali fil-matriċi fl-Anness 37, Titolu I, punt B.

Fil-każijiet tal- Artikolu 14k(2) u (3), indika l-istatus miksub:aġent irregolat jew speditur magħruf u n-numru taċ-ċertifikat.

Fil-każ ta' applikant li hu d-detentur ta' ċertifikat wieħed jew iktar msemmija fl-Artikolu 14k(4), indika t-tip u n-numru taċ-ċertifikat(i).”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Awwissu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 185/2010 tal-4 ta' Marzu 2010 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 55, 5.3.2010, p. 1).


Top