EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0291

2013/291/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 14 ta’ Ġunju 2013 li tistipula miżuri tranżitorji għal ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali koperti mir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill introdotti fil-Kroazja minn pajjiżi terzi qabel l- 1 ta’ Lulju 2013 (notifikata bid-dokument C(2013) 3475) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 164, 18.6.2013, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/291/oj

18.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 164/25


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-14 ta’ Ġunju 2013

li tistipula miżuri tranżitorji għal ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali koperti mir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill introdotti fil-Kroazja minn pajjiżi terzi qabel l-1 ta’ Lulju 2013

(notifikata bid-dokument C(2013) 3475)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/291/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat ta’ Adeżjoni mal-Kroazja u partikolarment l-Artikolu 3(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att ta’ Adeżjoni tal-Kroazja, u partikolarment l-Artikolu 42 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kroazja hija mistennija li tissieħeb fl-Unjoni fl-1 ta’ Lulju 2013. Il-prodotti li joriġinaw mill-annimali se jkunu soġġetti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1). Madankollu, ċerti prodotti introdotti fil-Kroazja li joriġinaw mill-annimali qabel dik id-data ma jikkonformawx mar-regoli rilevanti stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(2)

Xi wħud minn dawn il-prodotti ġew rilaxxati f’ċirkolazzjoni ħielsa fil-Kroazja filwaqt li oħrajn għadhom ma tqegħdux taħt il-proċedura doganali u għadhom taħt superviżjoni doganali.

(3)

Sabiex tkun iffaċilitata t-tranżizzjoni mir-reġim eżistenti fil-Kroazja għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jixraq li jiġu stipulati miżuri tranżitorji għat-tqegħid fis-suq ta’ dawk il-prodotti.

(4)

Dawk il-prodotti għandhom jitqiegħdu fis-suq domestiku tal-Kroazja taħt kundizzjonijiet xierqa biss. Partikolarment, meta wieħed iqis li s-sistema ta’ traċċabilità mhijiex biżżejjed, dawk il-prodotti li mhumiex konformi ma għandhomx jiġu pproċessati mill-istabbilimenti awtorizzati li jibagħtu l-prodotti tagħhom lill-Stati Membri oħra.

(5)

Il-prodotti li ma jikkonformawx mar-Regolament (KE) Nru 853/2004 ma għandhomx jiġu introdotti fi Stati Membri oħrajn. Sabiex jiġi żgurat li l-prodotti kkonċernati ma jiġux soġġetti għall-kummerċ fl-Unjoni, l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli xierqa skont id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2).

(6)

L-esportazzjoni ta’ tali prodotti lill-pajjiżi terzi għandha tikkonforma mal-arranġamenti xierqa u titwettaq skont ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (3).

(7)

Wara sena mid-data tal-adeżjoni, prodotti li jkunu għadhom ma ġewx rilaxxati f’ċirkolazzjoni ħielsa u tqegħdu fis-suq fil-Kroazja jew esportati, u jkunu għandhom maħżuna taħt superviżjoni doganali għandhom jinqerdu.

(8)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal prodotti li joriġinaw mill-annimali u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jaqgħu fi ħdan l-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(b)

ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(b)

ġew introdotti fil-Kroazja minn pajjiżi terzi qabel l-1 ta’ Lulju 2013.

Artikolu 2

Prodotti li joriġinaw mill-annimali rilaxxati f’ċirkolazzjoni ħielsa fil-Kroazja qabel l-1 ta’ Lulju 2013

Prodotti msemmija fl-Artikolu 1 li jkunu ġew rilaxxati f’ċirkolazzjoni ħielsa fil-Kroazja qabel l-1 ta’ Lulju 2013 jistgħu jkomplu jitqiegħdu fis-suq fit-territorju tal-Kroazja għal perjodu ta’ sena minn dik id-data, bil-kundizzjoni li dawn ikunu konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ma għandhomx jiġu pproċessati minn stabbilimenti awtorizzati li jibagħtu l-prodotti tagħhom lil Stati Membri oħra;

(b)

għandu jkollhom marka nazzjonali pprovduta mir-regoli nazzjonali tal-Kroazja fis-seħħ fid-data tar-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa u li hija differenti mit-timbru tas-saħħa msemmija fil-Kapitolu III tat-Taqsima I tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jew mill-marka ta’ identifikazzjoni msemmija fit-Taqsima I tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

Artikolu 3

Prodotti li joriġinaw mill-annimali introdotti fil-Kroazja iżda mhux rilaxxati f’ċirkolazzjoni ħielsa qabel l-1 ta’ Lulju 2013

Prodotti msemmija fl-Artikolu 1 u li ddaħħlu fil-Kroazja qabel l-1 ta’ Lulju 2013 iżda li ma ġewx rilaxxati f’ċirkolazzjoni ħielsa qabel dik id-data, jistgħu jiġu rilaxxati għal ċirkolazzjoni ħielsa fil-Kroazja u jistgħu jitqiegħdu fis-suq fit-territorju tal-Kroazja biss sat-30 ta’ Ġunju 2014, dejjem jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2.

Artikolu 4

Projbizzjoni ta’ dispaċċ ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali mill-Kroazja lejn Stati Membri oħra

1.   Il-prodotti msemmijin fl-Artikolu 1 ma għandhomx jintbagħtu mill-Kroazja lil Stati Membri oħra.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, skont id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE u partikolarment l-Artikolu 3 tagħha, li prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ma jiġux negozjati bejn l-Istati Membri.

Artikolu 5

Esportazzjoni lejn pajjiżi terzi

Għal perjodu tranżitorju sal-1 ta’ Lulju 2014, il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jibqgħu jiġu esportati mill-Kroazja lejn pajjiżi terzi sakemm il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu mħarsa:

(a)

l-esportazzjoni għandha ssir skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;

(b)

kull kunsinna għandha toħroġ mit-territorju tal-Kroazja direttament taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti mingħajr ma tgħaddi mit-territorju tal-Istati Membri oħra;

(c)

kull kunsinna għandha tiġi ttrasportata f’mezz ta’ trasport issiġillat mill-awtorità kompetenti, u s-siġilli għandhom jiġu ċċekkjati fil-punt tal-ħruġ tal-Kroazja.

Artikolu 6

Qerda ta’ kunsinni taħt is-sorveljanza doganali fl-1 ta’ Lulju 2014

Il-kunsinni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 li għadhom taħt superviżjoni doganali fl-1 ta’ Lulju 2014, se jinqerdu taħt il-kontroll tal-awtorità kompetenti.

L-ispejjeż kollha mġarrba bil-qerda ta’ dawk il-kunsinni għandhom jitħallsu minn sid il-kunsinna.

Artikolu 7

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Adeżjoni mal-Kroazja u soġġetta għal din id-data.

Artikolu 8

Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(2)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(3)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.


Top