EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0832

2011/832/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 7 ta' Diċembru 2011 dwar Gwida għal Reġistrazzjoni Korporattiva tal-UE, Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi u Reġistrazzjoni Globali skont ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali [ta’ Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi] (EMAS) (notifikata bid-dokument numru C(2011) 8896) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 330, 14.12.2011, p. 25–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/832/oj

14.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 330/25


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta' Diċembru 2011

dwar Gwida għal Reġistrazzjoni Korporattiva tal-UE, Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi u Reġistrazzjoni Globali skont ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali [ta’ Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi] (EMAS)

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 8896)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/832/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali [mmaniġġjar u awditjar ekoloġiċi] (EMAS) (1), u partikolarment l-Artikoli 3 u 46(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 jistabbilixxi l-possibbiltà għal organizzazzjonijiet b’bosta siti li jkunu jinsabu fi Stat Membru wieħed jew aktar jew f’pajjiżi terzi biex jirreġistraw fl-EMAS.

(2)

Kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra b’siti li jkunu jinsabu fi Stati Membri differenti jew f’pajjiżi terzi għandhom jirċievu informazzjoni u gwida addizzjonali dwar il-possibbiltajiet li jirreġistraw lilhom infushom fl-EMAS.

(3)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-fini tal-Artikolu 46.4 u għall-fini li tkun ipprovduta informazzjoni addizzjonali ta’ kjarifika dwar l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009, il-Kummissjoni qiegħda tadotta din il-gwida għal Reġistrazzjoni Korporattiva tal-UE, Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi u Reġistrazzjoni Globali fl-EMAS.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1.


ANNESS

Gwida għal reġistrazzjoni korporattiva tal-UE, reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi u Reġistrazzjoni Globali fl-EMAS (Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009)

1.   DAĦLA

L-għan ta’ dan id-dokument huwa li tingħata gwida dwar kif l-Iskema Ewropea ta’ Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS) taħdem għal organizzazzjonijiet li joperaw ma’ sussidjarji u f’siti li jkunu jinsabu f’diversi Stati Membri tal-UE u/jew f’pajjiżi terzi, u li tkun ipprovduta gwida speċifika lill-Istati Membri, verifikaturi u organizzazzjonijiet li jkunu jistgħu jużawha għal finijiet ta’ reġistrazzjoni. Din il-gwida hija l-konsegwenza tal-Artikolu 46(4) tar-Regolament EMAS (1) li jgħid li “B’kooperazzjoni mal-Forum tal-Korpi Kostitwiti, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa gwida dwar ir-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet barra [mil]l-Komunità” u tal-Artikolu 16(3), li jgħid li “Il-Forum tal-Korpi Kompetenti għandu jiżviluppa gwida sabiex jiżgura l-konsistenza tal-proċeduri relatati mar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet skont dan ir-Regolament, inklużi t-tiġdid tar-reġistrazzjoni u s-sospensjoni u t-tħassir tal-organizzazzjonijiet mir-reġistru kemm fil-Komunità kif ukoll barra minnha”.

Meta l-EMAS kienet introdotta fl-1993 kienet maħsuba li tkopri kull sit individwali ta’ organizzazzjonijiet mis-setturi tal-industrija u l-manifattura. Wara l-ewwel reviżjoni fl-2001, infetħet l-EMAS II għall-organizzazzjonijiet kollha b’bosta siti (li jkunu jinsabu fi Stat Membru tal-UE u taż-ŻEE bħal qabel). L-EMAS III nfetħet aktar, u llum hija applikabbli għal organizzazzjonijiet fl-UE u organizzazjonijiet li mhumiex fl-UE.

Il-ftuħ tal-EMAS għal pajjiżi terzi jipprovdi lill-organizzazzjonijiet mis-setturi kollha b’mezz għall-ksib ta’ livelli għolja ta’ prestazzjoni ambjentali li jistgħu jkunu rikonoxxuti pubblikament minn partijiet interessati tal-Komunità Ewropea.

L-Istati Membri jkunu ħielsa jieħdu deċiżjoni dwar jekk il-Korp/Korpi Kompetenti nazzjonali tagħhom għandux/homx jipprovdi/u għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet f’pajjiżi terzi skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament EMAS.

Reġistrazzjoni

Minħabba l-interrelazzjoni bejn ir-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet b’bosta siti fl-UE u r-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet li mhumiex fl-UE, hemm diversi sitwazzjonijiet differenti li jistgħu jseħħu fir-realtà. Dan id-dokument jipprovdi gwida ġenerali għal każijiet li Korpi Kompetenti, verifikaturi ambjentali u organizzazzjonijiet li japplikaw għall-EMAS ikollhom jaffrontaw. Qed jiġu analizzati t-tliet tipi ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi li ġejjin:

Sitwazzjoni 1: Reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet b’siti li jkunu jinsabu f’aktar minn Stat Membru wieħed tal-UE (Reġistrazzjoni Korporattiva tal-UE);

Sitwazzjoni 2: Reġistrazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet uniċi jew korporattivi b’siti li jkunu jinsabu f’pajjiżi terzi (Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi) u

Sitwazzjoni 3: Reġistrazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet b’siti li jkunu jinsabu kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll f’pajjiżi terzi (Reġistrazzjoni Globali).

Fit-tliet proċeduri kollha, l-organizzazzjoni tista’ tapplika għal reġistrazzjoni korporattiva waħda għal dawk is-siti kollha jew għal xi wħud minnhom. L-għażla tas-siti li jkunu se jiġu inklużi fir-reġistrazzjoni tkun f’idejn l-organizzazzjoni li tapplika.

Nota:

Il-każ sempliċi ta’ reġistrazzjoni korporattiva nazzjonali tal-UE mhux ittrattat f’din il-gwida.

Din il-gwida tittratta kwistjonijiet bħal:

l-identifikazzjoni tal-Korp Kompetenti;

l-akkreditazzjoni jew il-liċenzja ta’ verifikaturi ambjentali li joperaw barra mill-UE;

il-koordinazzjoni fost l-Istati Membri għal dawn il-proċeduri;

il-konformità legali f’pajjiżi terzi;

it-tiġdid, it-tħassir u s-sospensjoni ta’ reġistrazzjonijiet korporattivi.

Ir-rekwiżiti għat-tliet sitwazzjonijiet sikwit ikunu simili ħafna; madankollu l-użu ta’ kontroreferenzi minn kapitolu għall-ieħor huwa ristrett għal minimu assolut sabiex it-test ikun jista’ jinqara aħjar. Għalhekk jista’ jkun hemm ripetizzjonijiet.

Għall-kredibbiltà tal-EMAS huwa importanti li r-Regolament ikun applikat b’mod simili fl-UE u lil hinn minnha. Għal dan l-għan, għandhom jitqiesu d-differenzi u d-diffikultajiet fl-implimentazzjoni ta’ xi elementi speċifiċi tal-EMAS, bħall-konformità legali. Korpi Kompetenti fl-Istati Membri li jippermettu li jsiru reġistrazzjonijiet ta’ Pajjiżi Terzi għandhom jadottaw proċeduri speċifiċi biex jiżguraw li l-EMAS fl-UE u lil hinn mill-UE tirriżulta f’sistemi ekwivalenti. Ir-relazzjonijiet storiċi, ekonomiċi u kulturali fost l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi jistgħu jmexxu l-implimentazzjoni tal-EMAS ta’ Pajjiżi Terzi u Globali u jistgħu jintużaw b’mod li titħaffef l-estensjoni tal-EMAS mad-dinja kollha.

2.   TERMINOLOĠIJA

Għall-fini ta’ dan id-dokument ta’ gwida, għandha tintuża t-terminoloġija li ġejja:

 

Kwartieri ġenerali tfisser entità ta’ mmaniġġjar fl-ogħla post ta’ organizzazzjoni b’bosta siti li tikkontrolla u tikkoordina funzjonijiet ewlenin tal-organizzazzjoni bħall-ippjanar strateġiku, komunikazzjonijiet, taxxa, aspetti legali, tqegħid fis-suq, finanzi, u oħrajn.

 

Ċentru ta’ Mmaniġġjar tfisser sit, minbarra l-kwartieri ġenerali tal-organizzazzjoni b’bosta siti, speċifikament maħsub għall-fini ta’ reġistrazzjoni skont ir-Regolament EMAS, fejn il-kontroll u l-koordinazzjoni tas-sistema ta’ mmaniġġjar ambjentali jkunu żgurati.

 

Korp Kompetenti Ewlieni tfisser Korp Kompetenti responsabbli għall-proċedura ta’ Reġistrazzjoni Korporattiva tal-UE, ta’ Pajjiżi Terzi u Globali.

Nota:

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament EMAS huwa dwar kif ikun stabbilit il-Korp Kompetenti (Ewlieni).

Il-mod li bih jiġi stabbilit il-Korp Kompetenti Ewlieni jista’ jvarja skont “is-Sitwazzjonijiet” deskritti hawn fuq, kif ġej:

F’każ tas-sitwazzjoni 1 (Reġistrazzjoni Korporattiva tal-UE) il-Korp Kompetenti Ewlieni jkun il-Korp Kompetenti mill-Istat Membru li fih jkunu jinsabu l-kwartieri ġenerali jew iċ-ċentru ta’ mmaniġġjar tal-organizzazzjoni li tkun qed tapplika.

F’każ ta’ Pajjiżi Terzi u Reġistrazzjoni Globali, huwa l-Korp Kompetenti mill-Istat Membru li jipprovdi għal reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet minn barra l-Komunità u fejn il-verifikatur ikun akkreditat. Fi kliem ieħor, l-ewwel nett l-Istat Membru għandu jipprovdi għal reġistrazzjoni ta’ pajjiżi terzi u, it-tieni għall-ħtieġa li jkunu disponibbli verifikaturi li jkunu akkreditati jew liċenzjati għal verifiki f’dawk il-pajjiżi terzi fejn jkunu jinsabu s-siti inklużi fil-proċessi tar-reġistrazzjoni.

3.   REĠISTRAZZJONI KORPORATTIVA TAL-UE – REĠISTRAZZJONI TA’ ORGANIZZAZZJONIJIET B’BOSTA SITI F’DIVERSI STATI MEMBRI

3.1.   Leġiżlazzjoni Applikabbli u Konformità legali fl-Istati Membri tal-UE

3.1.1.

L-organizzazzjonijiet għandhom dejjem ikunu f’konformità mar-rekwiżiti legali tal-UE u dawk nazzjonali applikabbli għas-siti inklużi fir-reġistrazzjoni fl-EMAS.

3.1.2.

Skont l-Anness IV.B.(g) tar-Regolament EMAS, id-Dikjarazzjoni Ambjentali ta’ organizzazzjonijiet għandha tinkludi referenza għar-rekwiżiti legali applikabbli relatati mal-ambjent.

3.1.3.

Biex tipprovdi “l-evidenza materjali jew dokumentarja ta’ konformità legali” kif imsemmi fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament EMAS, l-organizzazzjoni tista’ tipprovdi dikjarazzjonijiet mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar biex ikun żgurat li ma jkunx hemm evidenza ta’ nuqqas ta’ konformità u/jew li l-kumpanija ma tkunx involuta fi proċeduri rilevanti ta’ infurzar, f’kawżi ġudizzjarji jew fi proċeduri ta’ lmenti. Il-verifikaturi għandhom – bħala parti mill-proċedura ta’ verifika – jiċċekkjaw il-permessi jew il-liċenzji ambjentali kollha applikabbli għall-organizzazzjoni jew kull xorta oħra ta’ evidenza skont is-sistema legali li topera fl-Istat Membru fejn ikun jinsab is-sit.

3.2.   Inkarigi tal-Korpi Kompetenti

3.2.1.

F’każ ta’ Reġistrazzjoni Korporattiva tal-UE, il-post fejn ikunu jinsabu l-kwartieri ġenerali jew iċ-ċentru ta’ mmaniġġjar (f’dik l-ordni) tal-organizzazzjoni huwa deċiżiv biex ikun iddeterminat liema se jkun il-Korp Kompetenti Ewlieni.

3.2.2.

F’każ ta’ Reġistrazzjoni Korporattiva tal-UE, il-Korp Kompetenti Ewlieni jikkoopera biss mal-Korpi Kompetenti kollha li jkunu jinsabu fl-Istati Membri fejn ikunu jinsabu s-siti li jkunu inklużi fil-proċess ta’ reġistrazzjoni korporattiva.

3.2.3.

Il-Korp Kompetenti Ewlieni huwa responsabbli għar-reġistrazzjoni u se jikkoordina l-proċedura ma’ Korpi Kompetenti rilevanti oħra.

Il-Korp Kompetenti Ewlieni ma għandux jirreġistra, jissospendi, iħassar jew iġedded reġistrazzjoni ta’ organizzazzjoni jekk il-Korp Kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, fejn ikunu jinsabu s-siti tal-organizzazzjoni inklużi fir-reġistrazzjoni, ma jaqbilx mar-reġistrazzjoni, is-sospensjoni, it-tħassir jew it-tiġdid (ara 3.4 u 3.6 ta’ din il-gwida). Kif intqal fit-taqsima 3.4.6, il-Korp Kompetenti Ewlieni jista’ wkoll jiddeċiedi li jipproċedi bi proċedura ta’ Reġistrazzjoni Korporattiva b’kamp ta’ applikazzjoni iżgħar (eż. mingħajr is-sit ikkontestat).

3.2.4.

Il-Korpi Kompetenti għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom mal-Korpi ta’ Akkreditazzjoni u tal-Liċenzji fl-Istati Membri tagħhom, biex ikun żgurat li kemm il-Korp Kompetenti kif ukoll il-Korp ta’ Akkreditazzjoni jew tal-Liċenzji jkunu jistgħu jwettqu l-inkarigi rispettivi tagħhom b’mod koordinat.

3.2.5.

Il-prinċipji ġenerali u l-proċeduri speċifiċi ta’ koordinazzjoni bejn il-Korpi Kompetenti għandhom, fi żmien sitt xhur minn meta jkun adottat dan id-dokument ta’ gwida, jiġu stabbiliti u approvati mill-Forum tal-Korpi Kompetenti. Huma mbagħad għandhom jitressqu għall-adozzjoni skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju kif imsemmi fl-Artikoli 48(2) u 49(3) tar-Regolament EMAS.

3.2.6.

Il-Forum tal-Korpi Kompetenti għandu jiżviluppa formoli standardizzati fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea biex jiġu implimentati “l-proċeduri ta’ koordinazzjoni” msemmijin hawn fuq. Biex ikun jista’ jkun hemm komunikazzjoni effiċjenti filwaqt li jitnaqqas dak li jista’ jinftiehem ħażin minħabba diffikultajiet ta’ lingwa, il-formoli standardizzati se jkunu magħmulin l-aktar minn kaxex fejn wieħed jagħmel marka u biss għadd limitat ħafna ta’ partijiet għall-“kummenti” fejn wieħed jista’ jikteb li jrid. Evidenza bil-miktub ta’ din il-komunikazzjoni, permezz tal-posta regolari, posta elettronika jew faxes, għandha tinżamm fil-każ li jinqala’ tilwim fost il-Korpi Kompetenti.

Il-formoli msemmijin hawn fuq għandhom jinkludu, bħala anness li jkun jista’ jiġi aġġornat, lista tat-tariffi applikabbli għall-Istati Membri kollha.

3.3.   Inkarigi tal-Verifikaturi Akkreditati jew Liċenzjati

3.3.1.

Regoli ġenerali applikabbli għal verifikaturi ambjentali tal-EMAS, għall-akkreditazzjoni jew il-liċenzja tagħhom u għall-proċess ta’ verifika huma stabbiliti fil-Kapitoli V u VI tar-Regolament EMAS

3.3.2.

Il-verifika tas-sistema ta’ mmaniġġjar ambjentali u l-validazzjoni tad-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS għandhom isiru minn verifikatur ambjentali tal-EMAS li jkun akkreditat jew liċenzjat għall-ambitu rilevanti skont il-kodiċijiet tan-NACE (2).

3.3.3.

F’każ ta’ reġistrazzjoni ta’ organizzazzjoni b’bosta siti u attivitajiet, l-akkreditazzjoni tal-verifikatur għandha tkopri l-Kodiċijiet tan-NACE kollha tas-siti u tal-attivitajiet tal-organizzazzjoni. Jekk verifikatur ma jkunx akkreditat jew liċenzjat għall-kodiċijiet tan-NACE rilevanti kollha, għandhom ikunu involuti verifikaturi ambjentali akkreditati oħra kif ikun xieraq permezz ta’ kooperazzjoni fil-każijiet. Hija l-organizzazzjoni li tkun qed titlob għar-reġistrazzjoni li tiddeċiedi jekk tridx tinvolvi diversi verifikaturi akkreditati filwaqt li tqis l-Artikolu 4 tar-Regolament EMAS. Minbarra raġunijiet bħal nuqqas ta’ verifikaturi akkreditati għall-kodiċijiet tan-NACE rilevanti, l-organizzazzjonijiet jista’ jkollhom raġunijiet oħra (eż. esperjenza lokali, għarfien tal-lingwi jew ix-xewqa li l-verifika tal-EMAS tiġi kkombinata maċ-ċertifikazzjoni bl-applikazzjoni ta’ standards oħra) biex jagħmlu użu minn diversi verifikaturi. Il-verifikaturi kollha li jkunu qed jikkooperaw għandhom jiffirmaw id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(9) tar-Regolament EMAS u d-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS. Kull verifikatur involut huwa responsabbli għal dak li jseħħ, b’rabta ma’ dik il-parti/dawk il-partijiet tal-verifika li tirriżulta/jirriżultaw mill-qasam ta’ għarfien espert tiegħu stess (relatati l-aktar ma’ kodiċijiet tan-NACE speċifiċi). Il-prattika li l-verifikaturi kollha għandhom jiffirmaw l-istess dikjarazzjoni tgħin lill-Korp Kompetenti Ewlieni biex jidentifika l-verifikaturi kollha involuti. Konsegwentement il-Korp Kompetenti Ewlieni jista’ jivverifika, permezz tal-Korpi Kompetenti li jkunu qed jikkooperaw (li mbagħad għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom mal-Korpi ta’ Akkreditazzjoni u tal-Liċenzji), jekk il-verifikaturi kollha involuti ħarsux l-obbligu tagħhom ta’ notifika minn qabel kif imsemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament EMAS. Dan jippermetti wkoll li l-Korp Kompetenti Ewlieni jivverifika jekk il-Kodiċijiet tan-NACE tal-verifikaturi involuti jkoprux dawk tal-organizzazzjoni inkwistjoni.

3.3.4.

Verifikaturi akkreditati jew liċenzjati fi Stat Membru wieħed jitħallew joperaw fi Stati Membri oħra. Il-verifikaturi għandhom jibagħtu avviż lill-Korp/Korpi ta’ Akkreditazzjoni jew tal-Liċenzji li jkun jinsab/ikunu jinsabu fl-Istat Membru/fl-Istati Membri fejn ikun biħsiebhom joperaw mill-anqas erba’ ġimgħat qabel ma jibdew l-attivitajiet tagħhom.

3.3.5.

Il-Korp ta’ Akkreditazzjoni jew tal-Liċenzji li jagħmel superviżjoni tal-verifikatur(i) li jkun qed jopera/ikunu qed joperaw fl-Istat Membru tiegħu għandu jibgħat rapport ta’ superviżjoni f’każ ta’ problemi/riżultati negattivi lill-Korp Kompetenti f’dak l-Istat Membru. Dan il-Korp Kompetenti għandu mbagħad jittrasferixxi r-rapport ta’ superviżjoni lill-Korp Kompetenti Ewlieni responsabbli għar-Reġistrazzjoni Korporattiva tal-UE.

3.3.6.

Jekk verifikatur jindividwa sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità meta ssir il-verifika għall-ewwel reġistrazzjoni, huwa ma għandux jiffirma d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(9) tar-Regolament EMAS u d-Dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS.

3.3.7.

Jekk verifikatur jindividwa każ ta’ nuqqas ta’ konformità fil-perjodu ta’ validità tar-reġistrazzjoni jew fiż-żmien ta’ tiġdid, huwa jista’ jirrapporta lill-Korp Kompetenti (Ewlieni) li l-organizzazzjoni inkwistjoni ma tkunx iżjed f’konformità mar-rekwiżiti tal-EMAS. Fiż-żmien ta’ tiġdid tar-reġistrazzjoni fl-EMAS huwa jista’ jiffirma biss id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 25 (9) u d-dikjarazzjoni ambjentali aġġornata tal-EMAS jekk l-organizzazzjoni turi li ħadet miżuri (i.e. b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ infurzar) biex tiżgura li jerġa’ jkun hemm konformità legali. Jekk l-organizzazzjoni ma tipprovdix miżuri suffiċjenti biex issolvi l-problema ta’ konformità, il-verifikatur ma għandux jivvalida d-dikjarazzjoni aġġornata u ma għandux jiffirma d-dikjarazzjoni u d-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS. Fi kliem ieħor il-verifikatur ambjentali tal-EMAS għandu jiffirma d-dikjarazzjoni u għandu jivvalida d-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS biss f’każ ta’ konformità sħiħa.

3.4.   Proċess tar-Reġistrazzjoni

3.4.1.

Regoli ġenerali li japplikaw għar-Reġistrazzjoni huma stabbiliti fil-Kapitoli II, III u IV tar-Regolament EMAS.

3.4.2.

L-organizzazzjoni għandha tikkomunika fi stadju bikri mal-verifikatur(i) u mal-Korp Kompetenti Ewlieni biex ikunu ċċarati kwistjonijiet ta’ lingwa fir-rigward tad-dokumenti meħtieġa għar-reġistrazzjoni, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti tal-Artikolu 5(3) u tal-Anness IV (D) tar-Regolament EMAS.

3.4.3.

Il-Korp Kompetenti Ewlieni għandu jiċċekkja l-informazzjoni li jkun hemm fl-applikazzjoni u għandu jikkomunika dwar dan mal-Korpi Kompetenti l-oħra involuti. Dan ifisser li l-Korp Kompetenti Ewlieni jkun mgħarraf mill-Korpi Kompetenti involuti dwar il-validità tal-informazzjoni tas-siti nazzjonali involuti.

3.4.4.

Il-Korpi Kompetenti involuti għandhom jiċċekkjaw, permezz tal-Korpi ta’ Akkreditazzjoni u tal-Liċenzji tagħhom, għall-Istati Membri tagħhom stess, jekk il-verifikatur(i) involut(i) fil-proċedura tar-reġistrazzjoni jkunx/ikunux akkreditat(i) jew liċenzjat(i) għall-kodiċijiet kollha tan-NACE konċernati fil-proċess tar-reġistrazzjoni. Dan jimplika li l-Korp Kompetenti jiċċekkja jekk il-verifikatur ikunx bagħat (mill-anqas erba’ ġimgħat minn qabel kull verifika fi Stat Membru) notifika xierqa u f’waqtha, skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament EMAS. Għalhekk il-Korp Kompetenti għandu jikkomunika lill-Korp ta’ Akkreditazzjoni jew tal-Liċenzji tal-Istat Membru tiegħu, f’kull każ messaġġ sempliċi li hemm siti li għandhom jiġu rreġistrati abbażi ta’ attivitajiet ta’ verifika/validazzjoni ta’ verifikaturi minn Stati Membri oħra. Jekk il-kompetenza tal-verifikatur ma tkunx approvata mill-Korp ta’ Akkreditazzjoni u tal-Liċenzji, il-Korp ta’ Akkreditazzjoni jew ta’ Liċenzji jista’ jġiegħel lill-verifikatur ikun konformi mar-rekwiżiti rilevanti jew jgħarraf lill-Korp Kompetenti dwar il-problema. Mingħajr dan il-minimu ta’ komunikazzjoni bejn il-Korpi Kompetenti u l-Korpi ta’ Akkreditazzjoni u tal-Liċenzji, kif ukoll bejn il-Korpi Kompetenti u l-Korp Kompetenti Ewlieni, l-attivitajiet ta’ superviżjoni jistgħu jkunu ppreġudikati.

3.4.5.

Il-Korpi Kompetenti kollha involuti fil-proċess tar-reġistrazzjoni għandhom japplikaw il-proċeduri nazzjonali tagħhom biex jaraw, għas-siti li jkunu jinsabu fl-Istat Membru tagħhom, jekk hemmx konformità mar-Regolament EMAS. Huma għandhom jgħarrfu lill-Korp Kompetenti Ewlieni dwar id-deċiżjoni tagħhom (tista’ ssir reġistrazzjoni/ma tistax issir reġistrazzjoni). F’każ ta’ deċiżjoni negattiva l-Korp Kompetenti għandu jgħarraf lill-Korp Kompetenti Ewlieni dwar il-motivazzjoni tagħha f’għamla ta’ dikjarazzjoni. Billi din id-dikjarazzjoni hija vinkolanti, il-Korp Kompetenti Ewlieni jista’ jew jiddeċiedi li jwaqqaf il-proċedura ta’ Reġistrazzjoni Korporattiva sakemm ir-rekwiżiti tar-Regolament jiġu ssodisfati (f’liema każ ebda wieħed mis-siti ma jkun irreġistrat skont l-EMAS), jew jgħarraf lill-organizzazzjoni li tkun tista’ tipproċedi bi proċedura ta’ Reġistrazzjoni Korporattiva mingħajr is-sit kontestat.

3.4.6.

Wara d-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni, il-Korp Kompetenti Ewlieni għandu jgħarraf lill-Korpi Kompetenti nazzjonali involuti kollha, li għandhom jgħarrfu lill-awtoritajiet ta’ infurzar rispettivi tagħhom.

Nota:

Il-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ lill-Korpi Kompetenti involuti jiskambjaw dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet ta’ infurzar rispettivi tagħhom biex jitħaffef l-iskambju ta’ informazzjoni bejn Korpi Kompetenti u awtoritajiet ta’ infurzar meta dawn tal-aħħar ma jkunux jafu b’kull sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità.

3.4.7.

Il-monitoraġġ għall-konformità legali fil-livell nazzjonali jkun żgurat mill-awtoritajiet ta’ infurzar nazzjonali u minn verifikaturi matul il-proċess ta’ verifika. Jekk dawn l-awtoritajiet isibu sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità huma għandhom jgħarrfu lill-Korp Kompetenti nazzjonali, u dan imbagħad għandu jgħarraf lill-Korp Kompetenti Ewlieni.

3.4.8.

Jekk Korp Kompetenti fl-Istat Membru fejn ikun jinsab sit tal-organizzazzjoni li tkun qed tapplika għar-Reġistrazzjoni Korporattiva inkwistjoni jsib evidenza ta’ ksur ta’ rekwiżiti legali applikabbli, lmenti jew kull informazzjoni rilevanti oħra, biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti dwar ir-reġistrazzjoni, tiġdid, sospensjoni u tħassir, huwa għandu jibgħat mingħajr dewmien lill-Korp Kompetenti Ewlieni rapport ta’ superviżjoni li jiddeskrivi fil-qosor il-problema.

3.4.9.

Xi Stati Membri huma obbligati jitolbu ħlas ta’ tariffi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Konsegwentemant, il-Korp Kompetenti Ewlieni ma jkunx f’qagħda li jiddeċiedi dwar tariffi li jkunu ffissati skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stati Membri oħra. Ir-rwol tal-Korp Kompetenti Ewlieni fir-rigward ta’ tariffi jkun jikkonsisti biss fil-fatt li jgħarraf lill-organizzazzjoni bl-ammont totali u bit-tariffi waħda waħda li jkollhom jitħallsu lill-Korpi Kompetenti nazzjonali involuti fil-proċedura tar-reġistrazzjoni. Il-Korp Kompetenti Ewlieni għandu jgħarraf ukoll lill-organizzazzjoni li l-Korpi Kompetenti kollha involuti jitolbu ħlas tat-tariffi li jirriżultaw mir-reġistrazzjoni tas-siti nazzjonali involuti fi proċedura ta’ Reġistrazzjoni Korporattiva direttament mingħand is-siti nazzjonali rispettivi tal-organizzazzjoni li tapplika.

Il-Korpi Kompetenti involuti kollha għandhom jgħarrfu lill-Korp Kompetenti Ewlieni li effettivament ikunu tħallsu tariffi qabel reġistrazzjoni, kif meħtieġ bl-Artikolu 5(2)(d) tar-Regolament EMAS.

Nota:

Il-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri kollha biex jistħarrġu l-possibbiltajiet li jnaqqsu tariffi applikabbli għal organizzazzjonijiet li japplikaw għal Reġistrazzjoni Korporattiva. F’każijiet ta’ Reġistrazzjoni Korporattiva, il-Korp Kompetenti Ewlieni biss ikollu spejjeż amministrattivi li jistgħu jitqabblu ma’ dawk ta’ reġistrazzjoni regolari, waqt li Korpi Kompetenti involuti jkollhom anqas x’jagħmlu u, għalhekk, ikollhom anqas spejjeż. Tariffi aktar baxxi għandhom jagħmlu l-EMAS u r-Reġistrazzjoni Korporattiva aktar attraenti.

3.4.10.

Il-Korpi Kompetenti involuti kollha għandhom jitolbu ħlas tat-tariffi li jirriżultaw meta jkunu rreġistrati s-siti nazzjonali involuti fi proċedura ta’ Reġistrazzjoni Korporattiva direttament mingħand is-siti nazzjonali rispettivi tal-organizzazzjoni li tapplika.

3.5.   Organizzazzjonijiet li diġà huma Rreġistrati

3.5.1.

Jekk organizzazzjoni li diġà tkun irreġistrata tiddeċiedi li jkollha Reġistrazzjoni Korporattiva tal-UE, il-Korp Kompetenti Ewlieni jista’, fuq talba tal-organizzazzjoni, jestendi l-ambitu tar-reġistrazzjoni eżistenti, b’hekk iżomm l-istess numru fir-reġistru nazzjonali. L-entrata għandha wkoll tiġi rreġistrata bin-numru l-ġdid tar-reġistrazzjoni fir-reġistru nazzjonali. F’dawk il-każijiet, il-Korpi Kompetenti l-oħra kollha involuti mill-Istati Membri fejn l-organizzazzjoni diġà jkollha siti rreġistrati għandhom jiżguraw li r-reġistrazzjonijiet eżistenti jkunu rreġistrati bin-numru l-ġdid tar-reġistrazzjoni fir-reġistri rispettivi tagħhom.

3.6.   Tħassir u Sospensjoni tar-Reġistrazzjonijiet

3.6.1.

Regoli ġenerali għal sospensjoni u tħassir stabbiliti fl-Artikolu 15 tar-Regolament EMAS għandhom ikunu applikabbli għal din il-proċedura speċifika.

3.6.2.

Kull lment dwar l-organizzazzjoni rreġistrata għandu jkun innotifikat lill-Korp Kompetenti Ewlieni.

3.6.3.

Kull Korp Kompetenti jkun responsabbli għall-proċeduri relatati mas-siti tal-organizzazzjoni fl-Istat Membru rispettiv. Jekk iseħħ każ li fih organizzazzjoni jkollha tkun sospiża jew imħassra mir-Reġistru tal-EMAS, il-Korp Kompetenti li jkun qed jikkoopera jgħarraf lill-Korp Kompetenti Ewlieni permezz ta’ dikjarazzjoni dwar il-fehma tiegħu. Dan ifisser li l-Korpi Kompetenti nazzjonali biss joħorġu dikjarazzjonijiet dwar is-siti nazzjonali rispettivi tagħhom. Jekk waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet tikkonferma li sit nazzjonali ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat, il-Korp Kompetenti Ewlieni jibda l-proċedura għal tħassir jew sospensjoni, waqt li jħares ir-rekwiżiti tal-Artikolu 15 tar-Regolament EMAS. Qabel ma jieħu kull deċiżjoni finali dwar tħassir jew sospensjoni tal-organizzazzjoni, il-Korp Kompetenti Ewlieni għandu jgħarraf lill-Korpi Kompetenti l-oħra involuti li jkunu qed jikkooperaw, biex b’hekk dawn ikunu jafu r-raġunijiet għal sospensjoni/tħassir minn Korp Kompetenti wieħed jew aktar. Il-Korp Kompetenti Ewlieni għandu wkoll jgħarraf lill-Kwartieri Ġenerali jew liċ-Ċentru ta’ Mmaniġġjar tal-organizzazzjoni dwar id-deċiżjoni meħuda u r-raġunijiet għat-tħassir jew sospensjoni proposti. Wara dan, il-Korp Kompetenti Ewlieni jagħti lill-organizzazzjoni l-opportunità li tiddeċiedi jekk l-organizzazzjoni kollha jkollhiex titħassar mir-Reġistru tal-EMAS jew jekk is-siti kontestati jkollhomx jitneħħew mill-ambitu tar-Reġistrazzjoni Korporattiva.

3.6.4.

Tilwimiet bejn Korpi Kompetenti nazzjonali individwali involuti fil-proċedura ta’ Reġistrazzjoni Korporattiva għandhom ikunu riżolti fil-Forum tal-Korpi Kompetenti. Tilwimiet bejn il-Korp Kompetenti Ewlieni u l-organizzazzjoni għandhom ikunu riżolti skont id-dritt nazzjonali tal-pajjiż fejn il-Korp Kompetenti Ewlieni jkun jinsab. Tilwimiet bejn l-organizzazzjoni u Korpi Kompetenti individwali, eż. dwar is-sitwazzjoni ta’ konformità legali ta’ siti nazzjonali individwali inklużi fil-proċedura ta’ reġistrazzjoni korporattiva, għandhom ikunu riżolti skont id-dritt nazzjonali applikabbli tal-Istat Membru inkwistjoni. Tilwimiet għandhom ikunu riżolti skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 15 tar-Regolament EMAS.

3.6.5.

Jekk ma tkun tista’ tinkiseb ebda riżoluzzjoni bejn il-Korpi Kompetenti involuti fil-Forum ta’ Korpi Kompetenti, il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tista’ eventwalment titkompla mingħajr is-siti kontestati.

3.7.   Kwistjonijiet ta’ Lingwa

3.7.1.

Id-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS u dokumenti rilevanti oħra għandhom ikunu sottomessi fil-lingwa jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-Korp Kompetenti Ewlieni jkun jinsab (Artikolu 5(3)). Jekk organizzazzjoni tippreżenta dikjarazzjoni ambjentali korporattiva b’informazzjoni dwar siti individwali, din l-informazzjoni għandha, addizjonalment, tkun fil-lingwa jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dawk l-Istati Membri fejn is-siti jkunu jinsabu.

4.   REĠISTRAZZJONI TA’ PAJJIŻI TERZI — REĠISTRAZZJONI TA’ ORGANIZZAZZJONIJIET B’SIT WIEĦED JEW B’BOSTA SITI F’PAJJIŻI TERZI (SITWAZZJONI 2)

Reġistrazzjoni fl-EMAS ta’ Pajjiżi Terzi tfisser reġistrazzjoni fl-EMAS ta’ organizzazzjoni li topera f’pajjiż terz wieħed jew aktar. Skont ir-Regolament EMAS, Stati Membri huma ħielsa jieħdu deċiżjoni dwar jekk il-Korp Kompetenti nazzjonali tagħhom għandux jipprovdi għar-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet f’pajjiżi terzi skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament EMAS.

4.1.   Leġiżlazzjoni Applikabbli u Konformità Legali f’Pajjiżi Terzi

4.1.1.

Organizzazzjonijiet għandhom dejjem ikunu konformi mar-rekwiżiti legali nazzjonali rispettivi tal-pajjiżi terzi fejn jkunu jinsabu s-siti inklużi fir-reġistrazzjoni fl-EMAS.

4.1.2.

Biex ikun żgurat li l-iskema EMAS iżżomm il-livell għoli tagħha ta’ ambizzjoni u kredibbiltà, hija xi ħaġa ta’ min jgħir għaliha li l-prestazzjoni ambjentali ta’ organizzazzjoni ta’ pajjiż terz tikseb livell qrib kemm jista’ jkun tal-livell li organizzazzjonijiet tal-UE jeħtiġilhom jilħqu bil-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali rilevanti. Għalhekk huwa mixtieq li organizzazzjonijiet barra mill-Komunità, minbarra r-referenzi magħmulin għar-rekwiżiti ambjentali nazzjonali applikabbli, jagħmlu referenza wkoll fid-dikjarazzjoni ambjentali għar-rekwiżiti legali relatati mal-ambjent applikabbli għal organizzazzjonijiet simili fl-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni tkun biħsiebha tapplika għal reġistrazzjoni (l-Artikolu 4.4 tar-Regolament EMAS). Ir-rekwiżiti ambjentali f‘dik il-lista għandhom jintużaw bħala referenza meta eventwalment ikunu stabbiliti miri addizzjonali ogħla ta’ prestazzjoni, iżda ma jkunux obbligatorji għall-valutazzjoni tal-konformità legali tal-organizzazzjoni.

4.1.3.

Skont l-Anness IV.B.(g) tar-Regolament EMAS, id-Dikjarazzjoni Ambjentali tal-organizzazzjonijiet għandha tinkludi referenza għar-rekwiżiti legali ambjentali nazzjonali applikabbli.

4.1.4.

Għal siti li jkunu jinsabu f’pajjiżi terzi, l-evidenza dokumentarja kif imsemmija fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament EMAS għandha preferibbilment tkun magħmula minn:

Dikjarazzjonijiet minn awtoritajiet ta’ infurzar tal-pajjiż terz, inkluża informazzjoni dwar il-permessi ambjentali applikabbli għall-organizzazzjoni u li jgħidu li ma jkunx hemm evidenza ta’ nuqqas ta’ konformità u/jew li l-kumpanija ma tkunx involuta fi proċeduri ta’ infurzar, f’kawżi ġudizzjarji jew fi proċeduri ta’ lmenti;

Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ambjentali għandu preferibbilment ikollha wkoll tabelli ta’ kontroreferenzi bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż terz u l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn l-organizzazzjoni tapplika għal reġistrazzjoni kif imsemmi fit-taqsima 4.1.2.

4.2.   Akkreditazzjoni u Liċenzjar EMAS f’Pajjiżi Terzi

4.2.1.

L-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjoni dwar jekk jipprovdux għal Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi jew le, skont il-mezzi u l-proċeduri operattivi tagħhom. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jew tal-liċenzji tagħhom jipprovdu għal akkreditazzjoni jew liċenzjar ta’ verifikaturi ambjentali għal Pajjiżi Terzi EMAS. L-Istati Membri biss li jaċċettaw il-prinċipju ta’ ‘Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi’ jkunu intitolati jirreġistraw organizzazzjonijiet li joperaw f’pajjiżi terzi.

4.2.2.

Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jipprovdi għal Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi, skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament EMAS, il-possibbiltà li tinkiseb reġistrazzjoni minn dak l-Istat Membru speċifiku għandha tkun fil-prattika tiddependi minn kemm ikun hemm verifikaturi akkreditati disponibbli. Il-verifikatur potenzjali għandu jkun akkreditat f’dak l-Istat Membru speċifiku li jipprovdi għal reġistrazzjoni ta’ pajjiżi terzi, għal dak il-pajjiż speċifiku u għas-settur ekonomiku speċifiku involut (determinati abbażi ta’ kodiċijiet tan-NACE) fil-proċedura partikolari tar-reġistrazzjoni.

Kumment ta’ kjarifika:

Dan ifisser li l-verifikatur li jkollu jagħmel il-verifika f’pajjiż partikolari għandu jkun akkreditat għal dak il-pajjiż terz speċifiku mill-Korp ta’ Akkreditazzjoni u Liċenzjar ta’ dak l-Istat Membru li jipprovdi għal reġistrazzjonijiet minn pajjiżi terzi u fejn l-organizzazzjoni tkun biħsiebha tirreġistra.

4.2.3.

L-akkreditazzjoni jew liċenzja li verifikaturi jistgħu jiksbu għal pajjiżi terzi għandha tgħid għal liema pajjiżi terzi tkun valida, biex il-provvediment tar-reġistrazzjoni ikun konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament EMAS. Huwa f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk iridux joħorġu ċertifikati separati għal kull pajjiż terz jew jekk joħorġux ċertifikat ta’ akkreditazzjoni ġenerali b’appendiċi ġeografika mehmuża, li telenka l-pajjiżi li fihom il-korpi ta’ verifika jkunu akkreditati biex joperaw fihom.

Kumment ta’ kjarifika:

Meta jitqies l-Artikolu 22, “rekwiżiti addizzjonali għal verifikaturi ambjentali attivi f’pajjiżi terzi”, huwa ċar li akkreditazzjoni/liċenzjar għal pajjiżi terzi jistgħu jkunu biss akkreditazzjoni/liċenzjar addizzjonali għal akkreditazzjoni/liċenzjar bażiċi għall-Ewropa. Dan jimplika li akkreditazzjoni/liċenzjar għal pajjiż terz jingħataw bħala rekwiżit addizzjonali għal akkreditazzjoni/liċenzjar ġenerali f’ċertu ambitu u r-rekwiżiti tiegħu. Konsegwentement akkreditazzjoni/liċenzjar għal pajjiżi terzi jkollhom jinkludu akkreditazzjoni/liċenzjar għal wieħed mill-Istati Membri u fi ħdan ċertu ambitu.

Malli verifikatur ikun akkreditat jew liċenzjat fi Stat Membru wieħed huwa jkun ħieles li jwettaq attivitajiet ta’ verifika fi Stati Membri oħra skont l-Artikolu 24 tar-Regolament.

4.3.   Inkarigi tal-Korp Kompetenti

4.3.1.

Stat Membru li jkollu aktar minn Korp Kompetenti wieħed għandu jiddetermina għand liema Korp Kompetenti jistgħu jsiru applikazzjonijiet għal reġistrazzjonijiet ta’ Pajjiżi Terzi, li għandu jkun l-istess bħal dak indikat skont it-taqsima 5.3.1.

4.3.2.

L-applikazzjoni għal Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi minn organizzazzjonijiet b’siti li jkunu jinsabu esklussivament f’pajjiżi terzi ssir lil kull Korp Kompetenti maħtur għal dan il-għan f’dawk l-Istati Membri fejn jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru jipprovdi għal reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet minn pajjiżi terzi;

(b)

verifikaturi akkreditati jew liċenzjati huma disponibbli għal verifiki fil-pajjiżi terzi fejn is-siti inklużi fir-reġistrazzjoni jkunu jinsabu, u li dawn il-verifikaturi jkopru l-kodiċijiet rilevanti tan-NACE (fi kliem ieħor, id-deċiżjoni għall-għażla ta’ verifikatur tiddetermina l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni u viċeversa).

4.3.3.

Il-Korpi Kompetenti għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom mal-Korpi ta’ Akkreditazzjoni u Liċenzjar fl-Istati Membri tagħhom biex ikun żgurat li kull meta l-Istati Membri jipprovdu għal reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet minn pajjiżi terzi kemm il-Korp Kompetenti kif ukoll il-Korp ta’ Akkreditazzjoni jew Liċenzjar ikunu jistgħu jwettqu l-inkarigi rispettivi tagħhom b’mod koordinat.

4.4.   Inkarigi tal-Verifikaturi Akkreditati jew Liċenzjati

4.4.1.

Regoli ġenerali applikabbli għal verifikaturi ambjentali tal-EMAS, għall-akkreditazzjoni jew liċenzjar tagħhom u għall-proċess ta’ verifika huma stabbiliti fil-Kapitoli V u VI tar-Regolament EMAS.

4.4.2.

Dawk l-Istati Membri li jippermettu r-Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi għandu jkollhom sistema speċifika implimentata biex ikunu akkreditati jew liċenzjati verifikaturi għal pajjiżi terzi. L-akkreditazzjoni jew il-liċenzjar ta’ verifikaturi għandhom jingħataw pajjiż pajjiż bħala żieda għal akkreditazzjoni jew liċenzja ġenerali, skont l-ispeċifikazzjonijiet deskritti f’din it-taqsima.

4.4.3.

Il-verifikatur(i) għandu jkun/għandhom ikunu akkreditat(i) jew liċenzjat(i) għall-kodiċijiet kollha tan-NACE tal-attivitajiet tal-organizzazzjoni relatati mas-siti ta’ din l-organizzazzjoni li għandhom ikunu inklużi fil-proċedura tar-reġistrazzjoni. Minħabba l-ambitu potenzjalment wiesa’ tal-attivitajiet, l-organizzazzjonijiet għandhom il-possibbiltà li jużaw diversi verifikaturi akkreditati kif jidhrilhom xieraq. Fil-fatt jista’ jkun diffiċli jekk mhux impossibbli li jinħatar verifikatur wieħed għall-attivitajiet kollha ta’ organizzazzjonijiet kbar. Jekk il-verifikatur stess ma jkunx akkreditat jew liċenzjat, għall-kodiċijiet rilevanti tan-NACE, verifikaturi ambjentali oħra għandhom ikunu involuti kif ikun xieraq permezz ta’ kooperazzjoni f’każijiet. Huwa f’idejn l-organizzazzjoni li tkun qed titlob reġistrazzjoni li tiddeċiedi jekk tkunx trid li tinvolvi diversi verifikaturi akkreditati/liċenzjati, filwaqt li jitqies l-Artikolu 4 tar-Regolament EMAS. Minbarra raġunijiet bħan-nuqqas ta’ verifikaturi akkreditati għall-kodiċijiet rilevanti tan-NACE, organizzazzjonijiet jista’ wkoll ikollhom raġunijiet oħra (eż. ikollhom esperjenza lokali, ikunu jafu l-lingwi jew ikunu jixtiequ li l-verifika tal-EMAS tiġi kkombinata ma’ ċertifikazzjoni fil-konfront ta’ standards oħra) biex jagħmlu użu minn diversi verifikaturi.

4.4.4.

Il-verifikaturi kollha li jkunu qed jikkooperaw għandhom jiffirmaw id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(9) u d-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS. Kull verifikatur involut huwa responsabbli għal dak li jseħħ, b’rabta ma’ dik il-parti/dawk il-partijiet tal-verifika li tirriżulta/jirriżultaw mill-qasam ta’ għarfien espert tiegħu stess (relatati l-aktar ma’ kodiċijiet tan-NACE speċifiċi). Il-prattika li l-verifikaturi kollha għandhom jiffirmaw l-istess dikjarazzjoni tgħin lill-Korp Kompetenti jkun jista’ jidentifika l-verifikaturi kollha involuti. Konsegwentement il-Korp Kompetenti jkun jista’ jivverifika, permezz tal-Korpi ta’ Akkreditazzjoni u Liċenzjar, jekk il-verifikaturi kollha involuti jkunux ħarsu l-obbligu tagħhom ta’ notifika minn qabel kif imsemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament EMAS. Dan jgħin ukoll lill-Korp Kompetenti biex jivverifika jekk il-kodiċijiet tan-NACE tal-verifikaturi involuti jkoprux dawk tal-organizzazzjoni inkwistjoni.

4.4.5.

Verifikaturi li jkunu jridu joperaw f’pajjiżi terzi għandhom jiksbu akkreditazzjoni jew liċenzja speċifika għall-pajjiż speċifiku inkwistjoni bħala żieda għal akkreditazzjoni jew liċenzja ġenerali, skont l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament EMAS. Dan ifisser li għandu jkollhom:

(a)

akkreditazzjoni jew liċenzja speċifika għall-kodiċijiet tan-NACE applikabbli għall-organizzazzjoni;

(b)

għarfien u fehim tar-rekwiżiti leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi relatati mal-ambjent fil-pajjiż terz li għalih tintalab akkreditazzjoni jew liċenzja;

(c)

għarfien u fehim tal-lingwa uffiċjali tal-pajjiż terz li għalih tintalab akkreditazzjoni jew liċenzja.

4.4.6.

Il-verifikaturi għandhom – bħala parti mill-proċedura ta’ verifika – jiċċekkjaw il-permessi jew il-liċenzji ambjentali kollha applikabbli għall-organizzazzjoni jew kull xorta oħra ta’ evidenza skont is-sistema legali li topera fil-pajjiżi koperti bl-applikazzjoni.

4.4.7.

F’pajjiżi terzi, il-verifikatur għandu, minbarra d-dmirijiet regolari tiegħu, jiċċekkja b’reqqa partikolari l-konformità legali ta’ organizzazzjoni u tas-siti tagħha inklużi fil-proċess tar-reġistrazzjoni. B’hekk, filwaqt li jitqies speċifikatament il-kontenut tal-Artikolu 13(2)(c) tar-Regolament EMAS, il-verifikaturi għandhom jaraw li ma jkunx hemm evidenza ta’ nuqqas ta’ konformità relatata mal-ambjent. Verifikaturi għandhom jużaw is-sejbiet tal-awtoritajiet ta’ infurzar u għandhom, għalhekk, jagħmlu kuntatt ma’ dawk l-awtoritajiet biex jiksbu informazzjoni dettaljata dwar il-konformità legali. Il-verifikatur għandu jara jekk ikunx sodisfatt abbażi ta’ evidenza materjali li jkun irċieva, pereżempju permezz ta’ rapport bil-miktub mill-awtorità kompetenti ta’ infurzar. Jekk ma tinstab ebda evidenza ta’ nuqqas ta’ konformità, dan għandu jkun iddikjarat fid-dikjarazzjoni ambjentali tal-verifikatur dwar attivitajiet ta’ verifika u validazzjoni (l-Anness VII tar-Regolament EMAS). Din id-dikjarazzjoni għandha tkun iffirmata mill-verifikatur. Il-verifikatur għandu d-dmir li jara jekk ir-rekwiżiti tar-Regolament EMAS ikunux ġew issodisfati permezz ta’ tekniki ta’ awditjar regolari li għandhom isiru skont ir-Regolament EMAS. Biex jiżgura livell ugwali ta’ kwalità tar-reġistrazzjoni tas-siti ta’ pajjiż terz imqabblin ma’ siti simili fl-UE, il-verifikatur jista’ jikkunsidra jagħmel evalwazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskji.

4.4.8.

Skont l-Artikolu 13(2)(d) tar-Regolament EMAS, il-verifikatur għandu jara jekk ikunx hemm lmenti rilevanti minn partijiet interessati jew jekk lmenti jkunux ġew solvuti b’mod pożittiv.

4.4.9.

Dawk l-Istati Membri li jipprovdu għal Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi għandhom iqisu li jkollhom miżuri implimentati biex isaħħu l-proċess ta’ akkreditazzjoni biex ikun żgurat li verifikaturi akkreditati għal pajjiżi terzi speċifiċi jkollhom tagħrif biex jaraw jekk l-organizzazzjoni tkunx konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-pajjiż terz.

4.4.10.

L-Istati Membri li jipprovdu għal Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi jistgħu jqisu li jkollhom f’posthom dispożizzjonijiet speċifiċi mhux obbligatorji biex jaraw ikunx hemm konformità legali u jkun żgurat proċess ta’ reġistrazzjoni simili għal dak fl-UE. L-Istati Membri jistgħu partikolarment iqisu l-possibbiltà li jikkonkludu ftehimiet (ftehim bilaterali, memorandum ta’ ftehim, eċċ.). Ftehimiet bħal dawm jistgħu jinkludu proċedura għall-komunikazzjoni tal-konformità legali bejn l-awtorità ta’ infurzar rispettiva fil-pajjiż terz u l-Istat Membru, kif ukoll dwar kif ikun ikkomunikat ksur ta’ rekwiżiti legali applikabbli għall-Korp Kompetenti tal-Istat Membru fiż-żmien bejn ir-reġistrazzjoni inizjali jew it-tiġdid u t-tiġdid li jkun imiss.

4.4.11.

Mill-anqas sitt ġimgħat qabel verifika jew validazzjoni f’pajjiż terz, il-verifikatur ambjentali għandu jinnotifika d-dettalji ta’ akkreditazzjoni jew liċenzja tiegħu u l-ħin u l-post tal-verifika jew validazzjoni lill-Korp ta’ Akkreditazzjoni jew Liċenzjar tal-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni konċernata jkun biħsiebha tapplika għal reġistrazzjoni jew fejn tkun irreġistrata. Il-Korp Kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun maħsub li s-siti jkunu rreġistrati jista’ wkoll ikun notifikat.

4.4.12.

Jekk verifikatur isib sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità fiż-żmien tar-reġistrazzjoni, huwa ma għandux jiffirma d-Dikjarazzjoni Ambjentali tal-EMAS u d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(9) tar-Regolament.

4.4.13.

Jekk verifikatur jindividwa każ ta’ nuqqas ta’ konformità fil-perjodu ta’ validità tar-reġistrazzjonijiet jew fiż-żmien tat-tiġdid, huwa jista’ jirrapporta lill-Korp Kompetenti li l-organizzazzjoni inkwistjoni ma tkunx iżjed f’konformità mar-rekwiżiti tal-EMAS. Fiż-żmien tat-tiġdid huwa jista’ jiffirma biss id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(9) u d-dikjarazzjoni ambjentali aġġornata tal-EMAS, jekk l-organizzazzjoni turi li tkun ħadet miżuri adegwati (i.e. b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ infurzar) biex tiżgura li jerġa’ jkun hemm konformità legali. Jekk l-organizzazzjoni ma tkunx tista’ turi lill-verifikatur li tkun ħadet miżuri suffiċjenti biex iġġib lura l-konformità legali, huwa ma għandux jivvalida d-dikjarazzjoni aġġornata u ma għandux jiffirma d-dikjarazzjoni u d-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS.

4.5.   Proċess tar-Reġistrazzjoni

4.5.1.

L-organizzazzjoni għandha tikkomunika fi stadju bikri mal-verifikatur(i) u mal-Korp Kompetenti Ewlieni biex ikunu ċċarati kwistjonijiet ta’ lingwa dwar id-dokumenti meħtieġa għar-reġistrazzjoni, mingħajr ma wieħed jinsa r-rekwiżiti tal-Artikolu 5(3) u l-Anness IV(D) tar-Regolament EMAS.

4.5.2.

Qabel ma l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tintbagħat lill-Korp Kompetenti, l-organizzazzjoni għandha tipprovdi materjal jew evidenza dokumentarja lill-verifikatur li ma jkunx hemm prova ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti legali applikabbli relatati mal-ambjent kif deskritt fit-taqsima 4.1.4 ta’ din il-gwida.

4.5.3.

Wara li tkun issodisfat ir-rekwiżiti tal-EMAS, speċifikament dawk applikabbli għall-proċess tar-reġistrazzjoni elenkati fl-Anness II tar-Regolament, u wara li jkollha d-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS ivvalidata minn verifikatur akkreditat jew liċenzjat, l-organizzazzjoni għandha tibgħat il-formola ta’ applikazzjoni u d-dokumenti relatati, inklużi l-Annessi VI u VII, għar-reġistrazzjoni lill-Korp Kompetenti.

4.5.4.

Il-Korp Kompetenti għandu jiċċekkja l-informazzjoni li jkun hemm fl-applikazzjoni, u, għal dak il-fini, il-Korp Kompetenti għandu jikkomunika mal-Korp ta’ Akkreditazzjoni jew Liċenzjar nazzjonali.

4.5.5.

Il-Korp ta’ Akkreditazzjoni u Liċenzjar għandu jivvaluta l-kompetenza tal-verifikatur ambjentali fid-dawl tal-elementi msemmijin fl-Artikoli 20, 21 u 22 tar-Regolament EMAS. Jekk il-kompetenza tal-verifikatur ma tkunx approvata, il-Korp ta’ Akkreditazzjoni u Liċenzjar jista’ jġiegħel lill-verifikatur jikkonforma mar-rekwiżiti rilevanti u jgħarraf lill-Korp Kompetenti dwar il-problema. Min-naħa l-oħra, il-Korp Kompetenti għandu jikkomunika lill-Korp ta’ Akkreditazzjoni jew Liċenzjar, f’kull każ, messaġġ sempliċi li huwa jkun irċieva applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li jkun hemm siti ta’ pajjiżi terzi li għandhom ikunu rreġistrati. Wara li jirċievi messaġġ bħal dan il-Korp ta’ Akkreditazzjoni u Liċenzjar għandu jikkomunika dak li jkun sab fir-rigward tal-verifikatur involut lill-Korp Kompetenti. Dan jiffaċilita l-iċċekkjar finali mill-Korp Kompetenti dwar jekk il-verifikatur involut fil-proċedura tar-reġistrazzjoni huwiex akkreditat jew liċenzjat għall-kodiċijiet kollha tan-NACE li jkollhom x’jaqsmu mal-proċess tar-reġistrazzjoni. Mingħajr dan il-minimu ta’ komunikazzjoni bejn il-Korp Kompetenti u l-Korp ta’ Akkreditazzjoni u Liċenzjar l-attivitajiet ta’ superviżjoni jistgħu jkunu ppreġudikati.

4.5.6.

Il-Korp Kompetenti responsabbli għar-reġistrazzjoni se jikkoordina l-verifika tal-konformità legali abbażi tal-informazzjoni li l-organizzazzjoni tkun ipprovdiet lill-verifikatur. Il-konformità legali mal-awtoritajiet ta’ infurzar f’pajjiżi terzi tista’ tiġi vverifikata direttament fil-każ biss li Stat Membru jkun implimenta ftehimiet speċjali ma’ pajjiżi terzi, li jkunu jinkludu dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Istat Membru li jagħmel kuntatt mal-awtoritajiet ta’ infurzar fil-pajjiżi terzi. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-Korp Kompetenti jkollu joqgħod fuq il-verifikatur u/jew l-organizzazzjoni biex jikseb materjal jew evidenza dokumentarja li juru l-konformità mar-rekwiżiti legali applikabbli.

4.6.   Tħassir u Sospensjoni tar-Reġistrazzjonijiet

4.6.1.

Il-Korp Kompetenti għandu jsegwi r-regoli ġenerali stabbiliti fir-Regolament EMAS dwar tħassir u sospensjoni.

4.6.2.

Kull lment dwar l-organizzazzjoni reġistrata għandu jkun innotifikat lill-Korp Kompetenti.

4.6.3.

Organizzazzjonijiet minn pajjiżi terzi li jaspiraw għal Reġistrazzjoni fl-EMAS u jkunu jridu jibdew proċedura ta’ reġistrazzjoni għandhom jaċċettaw li l-verifikatur jista’ jintalab mill-Korp Kompetenti jivverifika kawżi potenzjali ta’ tħassir jew sospensjoni li jistgħu jseħħu fil-pajjiż terz fejn is-siti jkunu jinsabu qabel ma jieħu kull deċiżjoni. L-organizzazzjoni għandha tikkoopera u twieġeb il-mistoqsijiet kollha dwar raġunijiet possibbli għal sospensjoni u tħassir lill-verifikatur jew lill-Korp Kompetenti. L-organizzazzjoni għandha wkoll tkun lesta tħallas l-ispejjeż tax-xogħol tal-verifikatur biex jiċċara s-sitwazzjoni.

4.6.4.

Ftehimiet, kull meta jiġu ffirmati bejn l-Istat Membru responsabbli mir-reġistrazzjoni u l-pajjiż terz, jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi biex ikunu żgurati monitoraġġ legali u komunikazzjoni attiva ta’ ksur mill-awtoritajiet ta’ infurzar fil-pajjiż terz lill-Korp Kompetenti.

4.6.5.

Fis-sitwazzjonijiet kollha, anke meta jkunu jeżistu ftehimiet bħal dawn, il-verifikatur għandu jkun responsabbli biex jiċċekkja l-konformità legali. Lmenti potenzjali u nuqqas ta’ konformità li jistgħu jirriżultaw fit-tħassir jew is-sospensjoni tar-reġistrazzjoni għandhom ikunu inklużi fil-verifiki tal-konformità.

4.6.6.

NGOs li joperaw fil-pajjiż terz jistgħu jkunu kkonsultati u jintużaw bħala sors ta’ informazzjoni. F’kull każ, il-verifikatur għandu jirrapporta lill-Korp Kompetenti kull informazzjoni rilevanti li tinġabar matul il-proċess ta’ verifika.

4.7.   Kwistjonijiet ta’ Lingwa

4.7.1.

Id-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS u dokumenti oħra rilevanti għandhom ikunu sottomessi għall-fini ta’ reġistrazzjoni fil-lingwa jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih il-Korp Kompetenti jkun jinsab (Artikolu 5(3)). Jekk organizzazzjoni tippreżenta dikjarazzjoni ambjentali korporattiva b’informazzjoni dwar siti individwali, li jkunu jinsabu f’pajjiżi terzi differenti, din l-informazzjoni għandha, barra minn dan, tkun fil-lingwa jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dawk il-pajjiżi terzi fejn is-siti jkunu jinsabu.

5.   REĠISTRAZZJONI GLOBALI – ORGANIZZAZZJONI B’BOSTA SITI FL-ISTATI MEMBRI U F’PAJJIŻI TERZI (SITWAZZJONI 3)

Reġistrazzjoni Globali fl-EMAS tfisser ir-reġistrazzjoni ta’ organizzazzjoni b’bosta siti fl-UE u barra mill-UE li tapplika għal reġistrazzjoni waħda għas-siti kollha jew għal parti minnhom fi Stat Membru li jipprovdi għal Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi.

Reġistrazzjoni b’bosta siti fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi hija proċedura kumplessa li tirrappreżenta taħlita taż-żewġ proċeduri deskritti diġà: Reġistrazzjoni Korporattiva tal-UE u Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi. Din it-taqsima titfa’ dawl fuq aspetti li huma differenti minn dak li huwa deskritt fit-taqsimiet 3 u 4 ta’ din il-gwida.

5.1.   Leġiżlazzjoni Applikabbli u Konformità Legali fl-Istati Membri u f’Pajjiżi Terzi

5.1.1.

L-organizzazzjonijiet għandhom dejjem ikunu f’konformità mar-rekwiżiti legali tal-UE u dawk nazzjonali applikabbli għas-siti inklużi fir-reġistrazzjoni fl-EMAS.

5.1.2.

Biex ikun żgurat li l-iskema EMAS iżżomm il-livell għoli tagħha ta’ ambizzjoni u kredibbiltà, hija xi ħaġa ta’ min jgħir għaliha li l-prestazzjoni ambjentali ta’ organizzazzjoni ta’ pajjiż terz tikseb livell qrib kemm jista’ jkun tal-livell li organizzazzjonijiet tal-UE jeħtiġilhom jilħqu bil-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali rilevanti. Għalhekk huwa mixtieq li organizzazzjonijiet b’siti barra mill-Komunità, minbarra r-referenzi magħmulin għar-rekwiżiti ambjentali nazzjonali applikabbli, jagħmlu referenza wkoll fid-dikjarazzjoni ambjentali għar-rekwiżiti legali relatati mal-ambjent applikabbli għal organizzazzjonijiet simili fl-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni tkun biħsiebha tapplika għal reġistrazzjoni (l-Artikolu 4.4 tar-Regolament EMAS). Ir-rekwiżiti ambjentali f'dik il-lista għandhom jintużaw bħala referenza meta jkunu stabbiliti miri addizzjonali ta’ prestazzjoni ogħla, iżda ma jkunux rilevanti għall-valutazzjoni tal-konformità legali tal-organizzazzjoni.

5.1.3.

Għal siti li jkunu jinsabu f’pajjiżi terzi, l-evidenza dokumentarja kif imsemmi fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament għandha tkun magħmula minn:

Dikjarazzjonijiet minn awtoritajiet ta’ infurzar tal-pajjiż terz, inkluża informazzjoni dwar il-permessi ambjentali applikabbli għall-organizzazzjoni u li jgħidu li ma jkunx hemm evidenza ta’ nuqqas ta’ konformità u/jew li l-kumpanija ma tkunx involuta fi proċeduri ta’ infurzar, f’kawżi ġudizzjarji jew fi proċeduri ta’ lmenti;

Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ambjentali għandu preferibbilment ikollha wkoll tabelli ta’ kontroreferenzi bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż terz u l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn l-organizzazzjoni tapplika għal reġistrazzjoni kif imsemmi fit-taqsima 5.1.2.

5.2.   Akkreditazzjoni u Liċenzjar

5.2.1.

Japplikaw id-dispożizzjonijiet deskritti fit-taqsima 4.2 dwar akkreditazzjoni u liċenzjar ta’ Pajjiż Terz tal-EMAS.

5.3.   Inkarigi tal-Korpi Kompetenti

5.3.1.

Stat Membru li jkollu aktar minn Korp Kompetenti wieħed għandu jiddetermina għand liema Korp Kompetenti jistgħu jsiru applikazzjonijiet għal Reġistrazzjoni Globali, u dan għandu jkun l-istess Korp Kompetenti bħal dak indikat fit-taqsima 4.3.1.

5.3.2.

L-applikazzjoni għal Reġistrazzjoni Globali, i.e. minn organizzazzjonijiet b’siti li jkunu jinsabu fl-Istati Membri tal-UE u f’pajjiżi terzi, issir lil kwalunkwe Korp Kompetenti maħtur għal dan il-għan f’wieħed mill-Istati Membri fejn jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru jipprovdi għal reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet minn pajjiżi terzi;

(b)

verifikaturi akkreditati jew liċenzjati jkunu disponibbli għal verifiki fil-pajjiżi terzi fejn is-siti inklużi fir-reġistrazzjoni jkunu jinsabu, u li l-akkreditazzjoni jew il-liċenzjar ta’ dawn il-verifikaturi jkopru l-kodiċijiet rilevanti tan-NACE.

5.3.3.

Id-determinazzjoni tal-Istat Membru fejn il-Korp Kompetenti responsabbli għal din il-proċedura jkun jinsab tkun stabbilita abbażi ta’ kondizzjonijiet skont dan l-ordni ta’ preferenza:

(1)

Meta l-organizzazzjoni jkollha kwartieri ġenerali fi Stat Membru wieħed li jipprovdi għal Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi, l-applikazzjoni għandha tkun sottomessa lill-Korp Kompetenti f’dak l-Istat Membru;

(2)

Jekk il-kwartieri ġenerali tal-organizzazzjoni ma jkunx jinsab fi Stat Membru li jipprovdi għal Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi, iżda l-organizzazzjoni jkollha Ċentru ta’ Mmaniġġjar hemmhekk, l-applikazzjoni għandha tkun sottomessa lill-Korp Kompetenti f’dak l-Istat Membru;

(3)

Jekk l-organizzazzjoni li tapplika għal Reġistrazzjoni Globali ma jkollha la kwartieri ġenerali u lanqas Ċentru ta’ Mmaniġġjar fi kwalunkwe Stat Membru li jipprovdi għal Reġistrazzjonijiet ta’ Pajjiżi Terzi, f’dak il-każ l-organizzazzjoni jkollha twaqqaf Ċentru ta’ Mmaniġġjar “ad hoc” fi Stat Membru li jipprovdi għal Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi, u l-applikazzjoni għandha tkun sottomessa lill-Korp Kompetenti f’dak l-Istat Membru.

5.3.4.

Jekk aktar minn Stat Membru wieħed ikunu koperti bl-applikazzjoni, għandha tkun segwita l-proċedura ta’ koordinazzjoni bejn il-Korpi Kompetenti involuti, kif stabbilit fit-taqsima 3.2. F’dak il-każ dak il-Korp Kompetenti għandu jaġixxi bħala Korp Kompetenti Ewlieni skont l-aspetti Korporattivi tal-UE tal-proċedura.

5.4.   Inkarigi tal-Verifikaturi Akkreditati jew Liċenzjati

5.4.1.

Regoli ġenerali applikabbli għal verifikaturi ambjentali tal-EMAS, għall-akkreditazzjoni jew il-liċenzja tagħhom u għall-proċess ta’ verifika huma stabbiliti fil-Kapitoli V u VI tar-Regolament EMAS.

5.4.2.

Dawk l-Istati Membri li jippermettu r-Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi għandu jkollhom sistema speċifika implimentata biex ikunu akkreditati jew liċenzjati verifikaturi għal pajjiżi terzi. L-akkreditazzjoni jew il-liċenzjar ta’ verifikaturi għandhom jingħataw pajjiż pajjiż bħala żieda għal akkreditazzjoni jew liċenzja ġenerali, skont l-ispeċifikazzjonijiet deskritti f’din it-taqsima.

5.4.3.

F’każ ta’ Reġistrazzjoni Globali ta’ organizzazzjoni b’bosta siti u attivitajiet, l-akkreditazzjoni tal-verifikatur għandha tkopri l-kodiċijiet kollha tan-NACE tas-siti u l-attivitajiet tal-organizzazzjoni. Għal siti ta’ pajjiżi terzi, il-verifikatur għandu jkun akkreditat jew liċenzjat għall-pajjiżi terzi kollha u għall-kodiċijiet kollha tan-NACE tas-siti kollha involuti fir-Reġistrazzjoni Globali fl-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni jkun biħsiebha tapplika għal reġistrazzjoni. Minħabba l-ambitu potenzjalment wiesa’ tal-attivitajiet, l-organizzazzjonijiet għandhom il-possibbiltà li jużaw diversi verifikaturi akkreditati kif jidhrilhom xieraq. Fil-fatt jista’ jkun diffiċli jekk mhux impossibbli li jinħatar verifikatur wieħed għall-attivitajiet kollha ta’ organizzazzjonijiet kbar. Jekk il-verifikatur stess ma jkunx akkreditat jew liċenzjat, għall-kodiċijiet rilevanti tan-NACE jew għall-pajjiżi rilevanti, verifikaturi ambjentali oħra għandhom ikunu involuti kif ikun xieraq permezz ta’ kooperazzjoni f’każijiet. Huwa f’idejn l-organizzazzjoni li tkun qed titlob reġistrazzjoni li tiddeċiedi jekk tkunx trid li tinvolvi diversi verifikaturi akkreditati/liċenzjati, filwaqt li jitqies l-Artikolu 4 tar-Regolament EMAS. Minbarra raġunijiet bħan-nuqqas ta’ verifikaturi akkreditati għall-kodiċijiet rilevanti tan-NACE, organizzazzjonijiet jista’ wkoll ikollhom raġunijiet oħra (eż. ikollhom esperjenza lokali, ikunu jafu l-lingwi jew ikunu jixtiequ li l-verifika tal-EMAS tiġi kkombinata ma’ ċertifikazzjoni fil-konfront ta’ standards oħra) biex jagħmlu użu minn diversi verifikaturi.

5.4.4.

Il-verifikaturi kollha li jkunu qed jikkooperaw għandhom jiffirmaw id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(9) tar-Regolament EMAS u d-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS. Kull verifikatur involut huwa responsabbli għal dak li jseħħ, b’rabta ma’ dik il-parti/dawk il-partijiet tal-verifika li tirriżulta/jirriżultaw mill-qasam ta’ għarfien espert tiegħu stess (relatati l-aktar ma’ kodiċijiet tan-NACE speċifiċi). Il-prattika li l-verifikaturi kollha għandhom jiffirmaw l-istess dikjarazzjoni tgħin lill-Korp Kompetenti Ewlieni biex ikun jista’ jidentifika l-verifikaturi kollha involuti. Konsegwentement il-Korp Kompetenti Ewlieni jista’ jivverifika, permezz tal-Korpi Kompetenti li jkunu qed jikkooperaw (li mbagħad għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom mal-Korpi ta’ Akkreditazzjoni u tal-Liċenzji), jekk il-verifikaturi kollha involuti ħarsux l-obbligu tagħhom ta’ notifika minn qabel kif imsemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament EMAS. Dan jippermetti wkoll li l-Korp Kompetenti Ewlieni jivverifika jekk il-Kodiċijiet tan-NACE tal-verifikaturi involuti jkoprux dawk tal-organizzazzjoni inkwistjoni.

5.4.5.

Verifikaturi li jkunu jridu joperaw f’pajjiżi terzi għandhom jiksbu akkreditazzjoni jew liċenzja speċifika għall-pajjiż speċifiku inkwistjoni bħala żieda għal akkreditazzjoni jew liċenzja ġenerali, skont l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament EMAS. Dan ifisser li huma gaħndu jkollhom:

(a)

akkreditazzjoni jew liċenzja speċifika għall-kodiċijiet tan-NACE applikabbli għall-organizzazzjoni inkwistjoni;

(b)

għarfien u fehim tar-rekwiżiti leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi relatati mal-ambjent fil-pajjiż terz li għalih tintalab akkreditazzjoni jew liċenzja;

(c)

għarfien u fehim tal-lingwa uffiċjali tal-pajjiż terz li għalih tintalab akkreditazzjoni jew liċenzja.

5.4.6.

Il-verifikaturi għandhom – bħala parti mill-proċedura ta’ verifika – jiċċekkjaw il-permessi jew il-liċenzji ambjentali kollha applikabbli għall-organizzazzjoni jew kull xorta oħra ta’ evidenza skont is-sistema legali li topera fil-pajjiżi koperti bl-applikazzjoni.

5.4.7.

F’pajjiżi terzi, il-verifikatur għandu, minbarra d-dmirijiet regolari tiegħu, jiċċekkja b’reqqa partikolari l-konformità legali ta’ organizzazzjoni u tas-siti tagħha inklużi fil-proċess tar-reġistrazzjoni. B’hekk, filwaqt li jitqies speċifikament il-kontenut tal-Artikolu 13(2)(c) tar-Regolament EMAS, il-verifikaturi għandhom jaraw li ma jkunx hemm evidenza ta’ nuqqas ta’ konformità relatata mal-ambjent. Il-verifikaturi għandhom jużaw is-sejbiet tal-awtoritajiet ta’ infurzar u għandhom, għalhekk, jagħmlu kuntatt ma’ dawk l-awtoritajiet biex jiksbu informazzjoni dettaljata dwar il-konformità legali. Il-verifikatur għandu jara jekk ikunx sodisfatt abbażi ta’ evidenza materjali li jkun irċieva, pereżempju permezz ta’ rapport bil-miktub mill-awtorità kompetenti ta’ infurzar. Jekk ma tinstab ebda evidenza ta’ nuqqas ta’ konformità, dan għandu jkun iddikjarat fid-dikjarazzjoni ambjentali tal-verifikatur dwar attivitajiet ta’ verifika u validazzjoni (l-Anness VII tar-Regolament EMAS). Din id-dikjarazzjoni għandha tkun iffirmata mill-verifikatur. Il-verifikatur għandu d-dmir li jara jekk ir-rekwiżiti tar-Regolament EMAS ikunux ġewx issodisfati permezz ta’ tekniki ta’ awditjar regolari. Biex jiżgura livell ugwali ta’ kwalità tas-siti ta’ pajjiż terz u tas-siti tal-UE involuti fir-reġistrazzjoni, il-verifikatur jista’ jikkunsidra jagħmel evalwazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskji.

5.4.8.

Skont l-Artikolu 13(2)(d) tar-Regolament EMAS, il-verifikatur għandu jara jekk ikunx hemm ilmenti rilevanti minn partijiet interessati jew jekk ilmenti jkunux ġew solvuti b’mod pożittiv.

5.4.9.

Dawk l-Istati Membri li jipprovdu għal Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi għandhom iqisu li jkollhom miżuri implimentati biex isaħħu l-proċess ta’ akkreditazzjoni biex ikun żgurat li verifikaturi akkreditati għal pajjiżi terzi speċifiċi jkollhom tagħrif biex jaraw jekk l-organizzazzjoni tkunx konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-pajjiż terz.

5.4.10.

L-Istati Membri li jipprovdu għal Reġistrazzjoni Globali jistgħu jqisu li jkollhom dispożizzjonijiet speċifiċi implimentati biex isaħħu l-verifika tal-konformità legali u jkun żgurat proċess ta’ reġistrazzjoni simili għal dak fl-UE. L-Istati Membri jistgħu partikolarment iqisu l-possibbiltà li jikkonkludu ftehimiet (ftehim bilaterali, memorandum ta’ ftehim, eċċ.). Ftehimiet bħal dawm jistgħu jinkludu proċedura għall-komunikazzjoni tal-konformità legali bejn l-awtorità ta’ infurzar rispettiva fil-pajjiż terz u l-Istat Membru, kif ukoll dwar kif ikun ikkomunikat ksur ta’ rekwiżiti legali applikabbli għall-Korp Kompetenti tal-Istat Membru fiż-żmien bejn ir-reġistrazzjoni inizjali jew it-tiġdid u t-tiġdid li jkun imiss.

5.4.11.

Mill-anqas sitt ġimgħat qabel verifika jew validazzjoni f’pajjiż terz, il-verifikatur ambjentali għandu jinnotifika d-dettalji ta’ akkreditazzjoni jew liċenzja tiegħu u l-ħin u l-post tal-verifika jew validazzjoni lill-Korp ta’ Akkreditazzjoni jew Liċenzjar tal-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni konċernata jkun biħsiebha tapplika għal reġistrazzjoni jew fejn tkun irreġistrata. Barra minn hekk il-verifikatur għandu jinnotifika d-dettalji tal-akkreditazzjoni jew liċenzja tiegħu lill-Korpi ta’ Akkreditazzjoni jew Liċenzja kollha ta’ dawk l-Istati Membri fejn ikunu jinsabu siti involuti.

5.4.12.

Jekk verifikatur isib sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità fiż-żmien ta’ reġistrazzjoni, huwa ma għandux jiffirma d-Dikjarazzjoni Ambjentali tal-EMAS u d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(9) tar-Regolament.

5.4.13.

Jekk verifikatur jindividwa każ ta’ nuqqas ta’ konformità fil-perjodu ta’ validità tar-reġistrazzjonijiet jew fiż-żmien tat-tiġdid, huwa jista’ jirrapporta lill-Korp Kompetenti li l-organizzazzjoni inkwistjoni ma tkunx iżjed f’konformità mar-rekwiżiti tal-EMAS. Fiż-żmien tat-tiġdid huwa jista’ jiffirma biss id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(9) u d-dikjarazzjoni ambjentali aġġornata tal-EMAS, jekk l-organizzazzjoni turi li tkun ħadet miżuri adegwati (i.e. b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ infurzar) biex tiżgura li jerġa’ jkun hemm konformità legali. Jekk l-organizzazzjoni ma tkunx tista’ turi lill-verifikatur li tkun ħadet miżuri suffiċjenti biex iġġib lura l-konformità legali, huwa ma għandux jivvalida d-dikjarazzjoni aġġornata u ma għandux jiffirma d-dikjarazzjoni u d-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS.

5.5.   Proċess tar-Reġistrazzjoni

5.5.1.

L-organizzazzjoni għandha tikkomunika fi stadju bikri mal-verifikatur(i) u mal-Korp Kompetenti Ewlieni biex ikunu ċċarati kwistjonijiet ta’ lingwa dwar id-dokumenti meħtieġa għar-reġistrazzjoni, mingħajr ma wieħed jinsa r-rekwiżiti tal-Artikolu 5(3) u l-Anness IV (D) tar-Regolament EMAS.

5.5.2.

L-organizzazzjoni għandha tipprovdi evidenza materjali tal-konformità legali tagħha kif deskritt fit-taqsima 5.1.3.

5.5.3.

Wara li tkun issodisfat ir-rekwiżiti tal-EMAS, speċifikament dawk applikabbli għall-proċess tar-reġistrazzjoni elenkati fl-Anness II tar-Regolament, u wara li jkollha d-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS ivvalidata minn verifikatur akkreditat jew liċenzjat, l-organizzazzjoni għandha tibgħat il-formola ta’ applikazzjoni u d-dokumenti relatati, inklużi l-Annessi VI u VII, għar-reġistrazzjoni lill-Korp Kompetenti (Ewlieni).

5.5.4.

Il-Korp Kompetenti responsabbli għar-reġistrazzjoni għandu jiċċekkja l-informazzjoni li jkun hemm fl-applikazzjoni, u, għal dak il-fini, għandu jikkomunika mal-Korp ta’ Akkreditazzjoni jew tal-Liċenzji nazzjonali u, jekk applikabbli, mal-Korpi Kompetenti l-oħra involuti. Jekk ikun meħtieġ il-verifikatur responsabbli għall-verifika jista’ wkoll ikun involut f’din il-komunikazzjoni. Posta regolari, posta elettronika jew faxes huma għażliet possibbli, iżda għandha tinżamm evidenza bil-miktub dwar din il-komunikazzjoni.

5.5.5.

Il-Korpi ta’ Akkreditazzjoni u tal-Liċenzji fl-Istati Membri kollha konċernati għandhom jivvalutaw il-kompetenza tal-verifikatur ambjentali fid-dawl tal-elementi msemmijin fl-Artikoli 20, 21 u 22 tar-Regolament EMAS. Jekk il-kompetenza tal-verifikatur ma tkunx approvata, il-Korp ta’ Akkreditazzjoni u tal-Liċenzji jista’ jġiegħel lill-verifikatur jikkonforma mar-rekwiżiti rilevanti u jgħarraf lill-Korp Kompetenti nazzjonali dwar il-problema. Min-naħa l-oħra, il-Korp Kompetenti għandu jikkomunika lill-Korp ta’ Akkreditazzjoni jew tal-Liċenzji, f’kull każ, messaġġ sempliċi li huwa jkun irċieva applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u li hemm siti ta’ pajjiżi terzi li għandhom jiġu rreġistrati. Wara li jirċievi messaġġ bħal dan il-Korp ta’ Akkreditazzjoni u tal-Liċenzji għandhom jikkomunikaw is-sejbiet tagħhom fir-rigward tal-verifikatur(i) involut(i) lill-Korp Kompetenti nazzjonali. Il-Korpi Kompetenti nazzjonali involuti kollha mbagħad jikkomunikaw dan lill-Korp Kompetenti Ewlieni. Dan jiffaċilita l-iċċekkjar finali mill-Korpi Kompetenti involuti u l-Korp Kompetenti ewlieni dwar jekk il-verifikatur(i) involut(i) fil-proċedura ta’ reġistrazzjoni huwiex (humiex) akkreditat(i) jew liċenzjat(i) għall-kodiċijiet kollha tan-NACE li jkollhom x’jaqsmu mal-proċess tar-reġistrazzjoni kemm jekk le. Mingħajr dan il-minimu ta’ komunikazzjoni bejn il-Korpi Kompetenti u l-Korpi ta’ Akkreditazzjoni u tal-Liċenzji l-attivitajiet ta’ superviżjoni jistgħu jkunu ppreġudikati.

5.5.6.

Il-Korp Kompetenti responsabbli għar-reġistrazzjoni se jikkoordina l-verifika tal-konformità legali abbażi tal-informazzjoni li l-organizzazzjoni tkun ipprovdiet lill-verifikatur. Il-konformità legali mal-awtoritajiet ta’ infurzar f’pajjiżi terzi tista’ tiġi vverifikata direttament fil-każ biss li Stat Membru jkun implimenta ftehimiet speċjali ma’ pajjiżi terzi, li jkunu jinkludu dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Istat Membru li jagħmel kuntatt ma’ awtoritajiet ta’ infurzar fil-pajjiżi terzi. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-Korp Kompetenti jkollu joqgħod fuq il-verifikatur u/jew l-organizzazzjoni biex jikseb materjal jew evidenza dokumentarja li turi l-konformità mar-rekwiżiti legali applikabbli.

5.5.7.

Jekk ikun applikabbli, wara d-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni, il-Korp Kompetenti Ewlieni għandu jgħarraf lill-Korpi Kompetenti nazzjonali kollha involuti, li għandhom jgħarrfu lill-awtoritajiet ta’ infurzar rispettivi tagħhom.

5.5.8.

F’każ li diversi Korpi Kompetenti jkunu involuti fi proċedura ta’ reġistrazzjoni, japplikaw il-kondizzjonijiet fir-rigward ta’ tariffi kif deskritt fit-taqsima 3.4.

5.6.   Tħassir u Sospensjoni tar-Reġistrazzjonijiet

5.6.1.

Il-Korp Kompetenti għandu jsegwi r-regoli ġenerali stabbiliti fir-Regolament EMAS dwar tħassir u sospensjoni.

5.6.2.

Kull lment dwar l-organizzazzjoni reġistrata għandu jkun innotifikat lill-Korp Kompetenti.

5.6.3.

Organizzazzjonijiet minn pajjiżi terzi li jaspiraw għal Reġistrazzjoni fl-EMAS u jkunu jridu jibdew proċedura ta’ reġistrazzjoni għandhom jaċċettaw li l-verifikatur jista’ jintalab mill-Korpi Kompetenti biex jivverifika kawżi potenzjali ta’ tħassir jew sospensjoni li jistgħu jseħħu fil-pajjiż terz fejn is-siti jkunu jinsabu qabel ma jieħdu xi deċiżjoni. L-organizzazzjoni għandha tikkoopera u twieġeb il-mistoqsijiet kollha dwar raġunijiet possibbli għal sospensjoni u tħassir lill-verifikatur jew lill-Korp Kompetenti. L-organizzazzjoni għandha wkoll tkun lesta tħallas l-ispejjeż tax-xogħol tal-verifikaturi biex jiċċaraw is-sitwazzjoni.

5.6.4.

Fis-sitwazzjonijiet kollha, anke meta jkunu jeżistu ftehimiet bħal dawn, il-verifikatur għandu jkun responsabbli biex jiċċekkja l-konformità legali. Lmenti potenzjali u nuqqas ta’ konformità li jistgħu jirriżultaw fit-tħassir jew is-sospensjoni tar-reġistrazzjoni għandhom ikunu inklużi fil-verifiki tal-konformità.

5.6.5.

NGOs li joperaw f’dak il-pajjiż terz jistgħu jiġu kkonsultati u jintużaw bħala sors ta’ informazzjoni. F’kull każ, il-verifikatur għandu jirrapporta lill-Korp Kompetenti kull informazzjoni rilevanti li tinġabar matul il-proċess ta’ verifika.

5.7.   Kwistjonijiet ta’ Lingwa

5.7.1.

Id-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS u dokumenti rilevanti oħra għandhom ikunu sottomessi fil-lingwa jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-Korp Kompetenti Ewlieni jkun jinsab (Artikolu 5(3)). Barra minn dan, jekk organizzazzjoni tippreżenta dikjarazzjoni ambjentali korporattiva b’informazzjoni dwar siti individwali, l-informazzjoni dwar siti tal-UE għandha tkun fil-lingwa jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dawk l-Istati Membri fejn is-siti jkunu jinsabu, u l-informazzjoni dwar siti li jkunu jinsabu f’pajjiżi terzi għandha tkun preferibbilment fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-pajjiżi terzi rispettivi.


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009.

(2)  Kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).


Top