EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0393

2011/393/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 8 ta’ Marzu 2011 dwar il-miżura C 18/10 (ex NN 20/10) implimentata mir-Repubblika Franċiża għall-fornituri fis-settur ajrunawtiku ( “assigurazzjoni Aero 2008” ) (notifikata bid-dokument numru C(2011) 1378) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 176, 5.7.2011, p. 37–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/393/oj

5.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/37


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Marzu 2011

dwar il-miżura C 18/10 (ex NN 20/10) implimentata mir-Repubblika Franċiża għall-fornituri fis-settur ajrunawtiku (“assigurazzjoni Aero 2008”)

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 1378)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku.)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/393/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom skont l-Artikoli msemmija hawn fuq (1),

Billi:

I.   IL-PROĊEDURA

(1)

Fis-17 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni tat bidu għall-proċedura ex officio fir-rigward tal-assigurazzjoni għar-riskju tar-rata tal-kambju mogħtija minn COFACE (“Compagnie Française d'Assurance pour le Commerce Extérieur”) lill-fornituri fis-settur ajrunawtiku (minn issa 'l quddiem imsejħa “il-miżura” jew “l-assigurazzjoni Aero 2008”) (CP 294/08).

(2)

Fl-4 ta’ Novembru 2008, fil-15 ta’ Mejju 2009 u fit-30 ta’ Settembru 2009 intbagħtu xi talbiet għall-informazzjoni lir-Repubblika Franċiża. Ir-Repubblika Franċiża wieġbet għal dawn it-talbiet fit-8 ta’ Diċembru 2008, fit-18 ta’ Ġunju 2009 u fit-30 ta’ Ottubru 2009 rispettivament. It-tweġibiet kollha ġew irreġistrati fl-istess jum.

(3)

Fis-17 ta’ Diċembru 2009, saret laqgħa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tar-Repubblika Franċiża. Wara din il-laqgħa, fit-22 ta’ Frar 2010, ir-Repubblika Franċiża kkomunikat xi informazzjoni addizzjonali.

(4)

B'ittra tal-20 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Franċiża bid-deċiżjoni tagħha li se tagħti bidu għall-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE fir-rigward ta’ din il-miżura.

(5)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura inkwistjoni.

(6)

Il-Kummissjoni ma rċevietx kummenti f'dan ir-rigward min-naħa tal-partijiet interessati.

(7)

Fl-20 ta’ Settembru 2010, ir-Repubblika Franċiża ittrażmettiet il-kummenti tagħha lill-Kummissjoni.

(8)

B’ittra tal-15 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni talbet xi informazzjoni addizzjonali mingħand ir-Repubblika Franċiża. Ir-Repubblika Franċiża wieġbet b'ittra tal-15 ta’ Diċembru 2010, li ġiet irreġistrata dakinhar stess mis-servizzi tal-Kummissjoni.

(9)

Ir-Repubblika Franċiża kkomunikat l-informazzjoni addizzjonali b’ittra tal-31 ta’ Jannar 2011, li ġiet irreġistrata dakinhar stess mis-servizzi tal-Kummissjoni.

II.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

II.1.   Il-bażi ġuridika

(10)

L-awtoritajiet tar-Repubblika Franċiża sostnew li l-bażi ġuridika tal-miżura kienet ikkostitwita mill-Artikoli L 432-1, L 432-2, R 442-1 u R442-8-4 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet.

II.2.   Il-benefiċjarji

(11)

Il-benefiċjarji potenzjali tal-miżura huma l-fornituri fis-settur ajrunawtiku bi grad 2 jew inqas (3).

(12)

Ma hemm l-ebda limitu għad-daqs tal-benefiċjarji. Mhumiex eliġibbli l-fornituri li jkun fihom manifattur tal-ajruplani li jkollu sehem ikbar minn 25 %.

(13)

L-impriżi f'diffikultà ma għandhomx aċċess għall-miżura inkwistjoni.

(14)

Jistgħu jibbenefikaw mill-miżura l-fornituri li joperaw fi Franza, inklużi dawk li fi Franza għandhom stabbiliment jew l-uffiċċju rreġistrat tagħhom u li jfornu lil manifatturi tal-ajruplani stabbiliti barra minn Franza. Min-naħa l-oħra, il-fornituri li ma għandhomx stabbiliment fi Franza u li jfornu lil manifatturi tal-ajruplani stabbiliti f'pajjiż ieħor li mhux Franza mhumiex koperti.

(15)

Skont l-informazzjoni pprovduta minn Franza, l-impriżi benefiċjarji ta’ din il-miżura sa issa huma AD Industrie, Aerofonctions, Axon Cable u Exameca. Dawn huma fornituri tas-settur ajrunawtiku stabbiliti fi Franza li, fl-aħħar tas-sena 2008, ingħataw mingħand COFACE assigurazzjoni għar-riskju tar-rata tal-kambju.

II.3.   Il-kuntest ekonomiku

(16)

Skont Franza, il-manifatturi tal-ajruplani qed jitolbu dejjem iktar ta’ spiss lill-fornituri tagħhom biex iressqu l-offerti tagħhom f'dollari (“dollaru” jew “USD”). Meta d-dollaru jinzerta dgħajjef, dawn il-kuntratti ta’ provvista għal perjodu ta’ żmien medju jew twil, joħolqu problemi għall-fornituri, sew jekk ikunu Franċiżi sew jekk ma jkunux, li l-bażi tal-ispejjeż tagħhom tkun tinsab prinċipalment fiż-żona euro.

(17)

Franza spjegat li ċerti impriżi ajrunawtiċi jsibu diffikultajiet sabiex jiksbu assigurazzjoni għar-riskju tar-rata tal-kambju EUR/USD li tikkorrispondi għal ħtiġijiethom. Minkejja li l-prodotti ta’ assigurazzjoni għar-riskju tar-rata tal-kambju huma komuni fis-swieq finanzjarji, il-karatteristiċi speċifiċi tal-assigurazzjonijiet proposti mhux dejjem ikunu adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ ċerti impriżi. B'mod partikolari, skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-banek spiss jipproponu li jkopru l-varjazzjonijiet bejn l-euro u d-dollaru għal terminu massimu ta’ sentejn.

II.4.   Deskrizzjoni tal-miżura

(18)

L-assigurazzjoni Aero 2008 tikkonsisti f'mekkaniżmu ta’ kopertura kontra r-riskju ta’ varjazzjoni fir-rata tal-kambju bejn id-dollaru u l-euro. Il-fornituri tas-settur ajrunawtiku, billi jkunu kkonkludew kuntratti ta’ fornitura ddenominati f'dollari, jiggwadanjaw jekk id-dollaru jkun b'saħħtu, imma jġarrbu telf f'każ li d-dollaru jkun dgħajjef. Din l-assigurazzjoni tippermettilhom jassiguraw irwieħhom kontra t-telf li jġarrbu f'każ li d-dollaru jkun dgħajjef filwaqt li jibbenefikaw, sa ċertu punt, minn qligħ f'każ li d-dollaru jkun b'saħħtu.

(19)

Il-miżura inkwistjoni hija amministrata minn COFACE. COFACE hija waħda mill-kumpaniji ewlenin Franċiżi fil-qasam tal-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni u ilha tagħmel parti mill-Grupp Natixis mill-2002. Natixis hija kumpanija sussidjarja tal-Grupp BPCE, li rriżulta mill-amalgamazzjoni tal-Banque Populaire u tal-Caisse d'Épargne fl-2009.

(20)

Il-volum totali li għandu jiġi ffinanzjat huwa limitat għar-riskju tar-rata tal-kambju fir-rigward ta’ provvisti ta’ ammont massimu ta’ EUR 500 miljun. Sa issa, l-ammonti koperti fil-verità jirrappreżentaw biss parti ċkejkna (madwar EUR 10 miljun) mill-ammont massimu. L-impriżi interessati jistgħu jressqu t-talba tagħhom biex jibbenefikaw mill-assigurazzjoni sal-15 ta’ Diċembru 2012.

(21)

Kull fornitur fis-settur ajrunawtiku li hu interessat fl-assigurazzjoni Aero 2008 għandu jagħmel talba biex jibbenefika mill-assigurazzjoni għar-riskju tar-rata tal-kambju u jippreżenta l-prova li din tirrigwarda provvisti fatturati f'dollari. Wara dan, huwa jirċievi offerta mingħand COFACE li tinkludi ammont ta’ fatturat f'dollari u rata ta’ kambju “assigurata” relatata mad-dollaru. Il-Kummissjoni tal-Assigurazzjonijiet (“Commission des garanties”) tiddetermina dawn iż-żewġ parametri billi tieħu inkunsiderazzjoni t-talba inizjali ppreżentata mill-fornitur. L-ammonti koperti huma limitati għal frazzjoni tal-kuntratti kollha f'dollari li jkunu ġew konklużi mill-assigurat. L-offerta tirrigwarda perjodu ta’ mhux iktar minn ħames snin. Il-fornitur jista' jaċċetta jew jirrifjuta l-proposta ta’ COFACE. L-ammont tal-fatturat assigurat ma jkunx jista’ jiġi mmodifikat iktar, meta tinħareġ l-approvazzjoni li tifformalizza s-sottoskrizzjoni tal-assigurazzjoni minn COFACE.

(22)

F'każ ta’ dgħufija tad-dollaru meta mqabbel mar-rata assigurata, l-impriżi li jkunu assigurati, jirċievu mingħand COFACE kumpens ta’ 100 % tat-telf fuq il-kambju li jkunu ġarrbu. F'każ li d-dollaru jkun b'saħħtu, l-impriżi jkollhom iħallsu lura lil COFACE sehem mill-profitti. L-assigurat jista' jagħżel li jibbenefika minn 25 % jew minn 50 % miż-żieda stabbilita fil-valur tad-dollaru waqt ir-reviżjoni tar-rata. L-indennizz li l-impriża trid tħallas lil COFACE jiġi sussegwentement ikkalkulat billi tintuża din ir-rata riveduta. Jeżistu żewġ varjanti tal-qsim fil-profitti:

Varjant 1: ir-rata riveduta hija daqs ir-rata assigurata inizjali bit-tnaqqis tad-differenza bejn ir-rata assigurata inizjali u r-rata tal-kambju tal-jum tal-attribuzzjoni (kif mogħtija mir-rata tal-kambju ta’ referenza ta’ kuljum (“fixing”) tal-BĊE) għall-perċentwali tal-qsim fil-profitti assigurat.

Varjant 2: l-istess modalitajiet bħal dawk tal-varjant 1 imma l-qsim fil-profitti (jiġifieri d-differenza bejn ir-rata assigurata inizjali u r-rata tal-kambju tal-jum tal-attribuzzjoni) ma jkunx iktar minn 15-il ċenteżmu.

(23)

L-ammont li jħallsu l-fornituri li bbenefikaw mill-assigurazzjoni għar-riskju tar-rata tal-kambju ikun inqas sinifikanti f'każ li d-dollaru jkun b'saħħtu mis-somma li jirċievu f'każ ta’ dgħufija paragunabbli tad-dollaru. Il-qsim fil-profitti mħallas jagħti l-possibbiltà lill-fornituri li jibbenefikaw, sa ċertu punt, minn dollaru b'saħħtu. Il-fatt li jċedu parti mill-profitti miksuba f'każ li d-dollaru jkun b'saħħtu jippermetti min-naħa l-oħra tnaqqis fl-ispiża tal-primjum meħtieġ għall-kopertura f'każ li d-dollaru jkun dgħajjef.

(24)

Il-primjums li l-fornituri jridu jħallsu sabiex jibbenefikaw mill-assigurazzjoni Aero 2008 huma ddeterminati u fatturati mas-sottoskrizzjoni. L-assigurati jistgħu jagħżlu bejn ħlas immedjat u ħlas bin-nifs. Il-fornituri li jagħżlu din il-possibbiltà għandhom iħallsu 25 % mill-valur tal-primjum hekk kif jintemm il-kuntratt u l-bilanċ ta’ kull sena koperta fil-31 ta’ Jannar tas-sena kkonċernata. F'dan il-każ, tiġi fatturata rata ekwivalenti għar-rata EURIBOR ta’ 12-il xahar miżjuda b'60 punt bażi biex ikun kopert ir-riskju ta’ kreditu fuq il-ħlas tal-primjum (4). Mill-erba’ impriżi li għandhom l-assigurazzjoni, tnejn għażlu l-ħlas bin-nifs: AD Industrie u Exameca.

(25)

Il-fornituri għandhom jipprovdu l-fatturi li jixhdu l-ammonti mħallsa f'USD bħala evidenza dokumentata.

(26)

Skont l-awtoritajiet Franċiżi, it-tranżazzjonijiet kollha li għamlet COFACE fil-kuntest ta’ Aéro 2008 saru f'isem l-Istat Franċiż. Għal dawn it-tranżazzjonijiet, COFACE tagħmel użu minn kont bankarju speċjali tal-Istat Franċiż. Minkejja li l-Istat Franċiż huwa d-detentur ta’ dan il-kont, COFACE għandha aċċess għalih biex twettaq xi tranżazzjonijiet finanzjarji, bħax-xiri ta’ opzjonijiet. Il-primjums imħallsin mill-benefiċjarji jiġu direttament ittrasferiti fuq dan il-kont. Dan ifisser li COFACE bħala tali ma ssostni l-ebda riskju billi hija tamministra l-miżura f'isem l-Istat. Huwa l-Istat Franċiż, li f'dak il-każ, isostni r-riskju finanzjarju tal-miżura.

(27)

Il-primjums mitluba minn COFACE jiġu kkalkulati każ b'każ. Skont Franza, dawn jirriflettu l-prezz tas-suq għall-istrumenti sottostanti tal-kopertura tar-riskju tar-rata tal-kambju. L-istrumenti finanzjarji mixtrija minn COFACE għan-nom ta’ u f'isem l-Istat Franċiż ikopru r-riskju kollu tar-rata tal-kambju tagħha stess matul it-terminu kollu tal-assigurazzjoni fil-mument li hija toffri din l-assigurazzjoni lill-fornitur.

(28)

Meta d-dollaru jinzerta b'saħħtu, il-fornitur irid iħallas lura lil COFACE l-ammont marbut mad-differenza bejn ir-rata assigurata u r-rata tal-kambju ta’ referenza tal-jum tal-ħlas. F'każ ta’ inadempjenza min-naħa tal-assigurat, COFACE jkollha tirrispetta, f'isem l-Istat, l-impenn kuntrattwali tagħha li tkopri l-assigurazzjoni. Il-parti terza li tkun xtrat l-ordni ta’ ħlas f'każ ta’ dollaru b'saħħtu għandha tirċievi somma meħuda mill-kont bankarju tal-Istat Franċiż, li jirriskja jew li ma jiġix rimborżat jew li ma jiġix rimborżat kompletament mill-fornitur inadempjenti.

(29)

F'każ li l-fornituri jħallsu bin-nifs parti mill-ħlas tal-primjum, l-Istat Franċiż jirriskja wkoll li jġarrab xi telf jekk l-ammont tal-primjums li jibqa' dovut ma jitħallasx matul is-sena koperta.

(30)

Il-miżura tnediet fil-ħarifa tal-2008. Ħdax-il impriża talbu lil COFACE għal offerta formali, li ġiet aċċettata minn erbgħa minnhom; sussegwentement tnejn minnhom naqqsu l-ammont mitlub fil-bidu. Dawn l-offerti kollha ġew aċċettati f'Novembru u f'Diċembru 2008. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi, ma ġew aċċettati l-ebda offerti fl-2009 jew fl-2010.

(31)

Tnejn mill-erba’ assigurazzjonijiet huma applikabbli sal-aħħar tas-sena 2013 (jiġifieri għal ħames snin), it-tielet waħda ntemmet fl-2010 (jiġifieri wara sentejn) u r-raba' waħda skadiet fl-2009 (jiġifieri wara sena). L-assigurazzjonijiet li huma applikabbli sal-2013 jirrigwardaw partijiet mill-provvista annwali. It-total tal-provvisti potenzjalment ikkonċernati huwa qrib USD 19-il miljun. Billi ċerti fornituri għażlu li jkopru biss parti mill-provvisti tagħhom, l-assigurazzjonijiet jirrigwardaw madwar USD 12-il miljun. Tlieta mill-erba’ fornituri rċevew assigurazzjoni għal provvisti ta’ inqas minn USD 2.8 miljuni kull waħda. Axon Cable għandha “sehem” ta’ 25 % mill-“profitti” meta d-dollaru jkun b'saħħtu, filwaqt li l-fornituri l-oħra għandhom 50 % mill-“profitti”.

(32)

It-tabella li ġejja ġiet ikkomunikata minn Franza waqt il-laqgħa li saret f'Diċembru 2009. Hija tiġbor fil-qosor il-fornituri involuti u l-assigurazzjonijiet mogħtija kull sena kif ukoll ir-rata tal-kambju annwali assigurata. AD Industrie u Axon Cable ma aċċettawx l-ammont totali offrut minn COFACE.

 

AD Industrie

Aerofonctions

Axon Cable

Exameca

2009

USD 0,264 miljun/[…] (*)

USD 0,256 miljun/[…]

2010

USD 2 miljuni/[…]

USD 0,384 miljun/[…]

USD 2,712 miljun/[…]

2011

USD 2 miljuni/[…]

USD 0,205 miljuni/[…]

2012

USD 2 miljuni/[…]

USD 0,511 miljun/[…]

2013

USD 2 miljuni/[…]

USD 0 511 miljun/[…]

TOTAL

USD 8 miljuni

USD 0,264 miljun

USD 1,866 miljun

USD 2,712 miljuni

L-ammont massimu offrut minn COFACE

USD 12,7 miljun

USD 0,264 miljun

USD 3,74 miljuni

USD 2,712 miljuni

Il-primjums

2,54  %

2,48  %

1,35  %

2,55  %

Is-sehem

50  %

50  %

25  %

50  %

II.5.   Sommarju tad-dubji li wasslu biex jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali

(33)

Id-deċiżjoni biex jingħata bidu għall-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE kienet immotivata mill-fatt li kien hemm ċertu ammont ta’ dubji dwar in-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat u dwar il-kompatibbiltà eventwali tal-għajnuna investigata mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(34)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni kellha xi dubji dwar il-konformità mal-prezzijiet tas-suq tal-primjums imħallsa mill-impriżi benefiċjarji. F'termini iktar preċiżi, il-Kummissjoni qieset li l-awtoritajiet Franċiżi ma kinux urew li l-primjums imħallsa kienu jkopru l-elementi li ġejjin: l-ispejjeż amministrattivi ta’ COFACE għall-ġestjoni tal-assigurazzjoni, ir-riskju ta’ inadempjenza tal-fornitur, ir-riskju ta’ kreditu waqt il-ħlas bin-nifs tal-primjums u l-marġni ta’ profitt. Konsegwentement, ma kienx possibbli li jiġi eskluż il-fatt li kien hemm vantaġġ ekonomiku selettiv favur il-fornituri li kienu assigurati. Billi l-miżura Aero 2008 setgħet tiġi kkunsidrata bħala attribwibbli għal Franza, ma setax jiġi eskluż li din setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(35)

It-tieni nett, il-Kummissjoni kienet qed tiddubita li kien hemm falliment tas-suq tal-istrumenti ta’ kopertura kontra l-varjazzjonijiet tar-rata tal-kambju Euro/USD għal perjodu ta’ żmien qasir u għal perjodu ta’ żmien itwal fir-rigward tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju u tal-impriżi l-kbar.

(36)

It-tielet nett, il-Kummissjoni kienet qed tiddubita li kien hemm effett ta’ inċentiv, billi l-fornituri setgħu jibbenefikaw mill-assigurazzjoni għar-riskju tar-rata tal-kambju anki jekk it-talba tagħhom tkun saret wara d-data ta’ meta jkun ġie ffirmat il-kuntratt.

(37)

Ir-raba' nett, il-Kummissjoni esprimiet xi dubji dwar il-proporzjonalità tal-miżura, li mhijiex limitata għall-impriżi li għandhom diffikultajiet rikonoxxuti sabiex jiksbu mingħand il-banek tagħhom assigurazzjonijiet għar-riskju tar-rata tal-kambju.

(38)

Il-ħames nett, il-Kummissjoni kienet qed tiddubita dwar jekk l-effett pożittiv li seta' jkollha din l-għajnuna kienx jikkumpensa għall-effetti negattivi tagħha, b'tali mod li din l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet kummerċjali sal-punt li tmur kontra l-interess komuni.

III.   IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(39)

Il-Kummissjoni ma rċevietx kummenti min-naħa tal-partijiet interessati.

IV.   IR-RIMARKI TAR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA

(40)

Franza tikkunsidra li l-primjums fatturati fil-kuntest ta’ Aero 2008 jirriflettu l-valur tas-suq tal-assigurazzjoni kontra r-riskju tar-rata tal-kambju mogħtija u li għaldaqstant il-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(41)

L-awtoritajiet Franċiżi ttrażmettew lill-Kummissjoni deskrizzjoni dettaljata tal-metodoloġija li fuqha bbażaw l-iffissar tal-ammonti tal-primjums fatturati fil-kuntest ta’ Aero 2008.

(42)

Franza ssottomettiet informazzjoni li tippermetti li jiġi stabbilit il-valur tas-suq eżatt tal-prodotti finanzjarji meħtieġa biex tiġi stabbilita l-assigurazzjoni. Din l-assigurazzjoni hija magħmula minn strumenti finanzjarji li l-kombinazzjoni tagħhom tirriproduċi l-profil ta’ ħlas tagħha: xiri ta’ rati bil-quddiem iddenominati f'EUR/USD, xiri u bejgħ ta’ opzjonijiet iddenominati f'EUR/USD.

(43)

Il-valur tas-suq ta’ dawn l-istrumenti finanzjarji huwa kkalkulat fuq il-bażi tad-dejta tas-softwer Bloomberg, waħda mill-kumpaniji dinjija ewlenija tal-informazzjoni finanzjarja. Franza pprovdiet siltiet mis-softwer Bloomberg għall-istrumenti finanzjarji kollha li jikkostitwixxu l-assigurazzjonijiet mogħtija lill-erba' fornituri li kellhom l-assigurazzjoni Aero 2008.

(44)

Il-valuri tas-suq li ġew iddefiniti b'dan il-mod jinkorporaw marġni ta’ profitt favur l-istituzzjonijiet finanzjarji li mingħandhom COFACE tixtri dawn l-istrumenti. Skont l-informazzjoni pprovduta minn Franza, il-prodotti ta’ kopertura għar-riskju tar-rata tal-kambju proposti mill-banek ġeneralment ma jinkludux il-ħlas ta’ primjum, billi s-settur bankarju jikseb il-ħlas tiegħu mir-rati assigurati u mill-prezzijiet tal-opzjonijiet. Il-marġnijiet inkwistjoni huma inkorporati bi proċess ta’ kostruzzjoni fil-prezzijiet tal-prodotti finanzjarji li jikkostitwixxu l-assigurazzjoni proposta lill-fornituri u b'hekk huma koperti mill-primjums fatturati minn COFACE. Barra minn hekk, ir-rata bil-quddiem assigurata li tintgħażel, dejjem tkun ogħla mill-prezz massimu tar-rati tas-suq bil-quddiem tas-sena li fiha COFACE tistabbilixxi r-rata.

(45)

Sabiex ikunu koperti l-ispejjeż amministrattivi addizzjonali marbuta mal-amministrazzjoni tal-miżura minn COFACE, fl-ammont tal-primjum hemm inkluż marġni ta’ 40 punt bażi. Dan il-marġni jirrappreżenta bejn 17 % u 32 % (5) mill-valur totali tal-primjums fatturati lill-erba' impriżi li kellhom l-assigurazzjoni Aero 2008.

(46)

L-awtoritajiet Franċiżi pprovdew ukoll spjegazzjoni dettaljata tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-riskju ta’ inadempjenza tal-fornitur fil-kuntest tal-kalkolu tal-primjums fatturati. Kif ġie deskritt fil-premessa 28, f'każ li d-dollaru jkun b'saħħtu, l-inadempjenza tal-fornitur tista' twassal għal telf finanzjarju għall-Istat Franċiż.

(47)

Ir-riskju ta’ inadempjenza tal-fornitur jiġi ddeterminat minn COFACE fuq il-bażi tas-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu tal-impriżi Franċiżi Score@rating, imnedija minn COFACE fl-2002 u li hija bbażata fuq l-esperjenza tagħha ta’ 20 sena fil-qasam tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-impriżi. Permezz tas-sistema tagħha Score@rating, COFOS irċeviet mingħand il-Kummissjoni Bankarja l-istatus ta’ External Credit Assessment Institution (ECAI – Istituzzjoni Esterna tal-Valutazzjoni tal-Kreditu) għall-attività tagħha bħala istituzzjoni għall-klassifikazzjoni tal-kreditu fi Franza. Dan il-Ftehim inħareġ skont ir-regoli ta’ Basel II. It-tabella li ġejja tipprovdi l-korrispondenza bejn diversi sistemi ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu rikonoxxuti (6):

ECAI

COFACE

Banque de France

Fitch

Moody's

S & P

Risk Weight

Klassifikaz zjoni ta' Basel

1

10 sa 9

3++ sa 3+

AAA sa AA-

Aaa sa Aa3

AAA sa AA-

20  %

2

8

3

A + sa A-

A1 sa A3

A + sa A-

50  %

3

7 sa 6

4+

BBB + sa BBB-

Baa1 sa Baa3

BBB + sa BBB-

100  %

Evalwalljo ni tar-riskju fit-tul

4

5 sa 4

4 sa 5+

BB + sa BB-

Ba1 à Ba3

BB + sa BB-

100  %

5

3

5 sa 6

B + sa B-

B1 à B3

B + sa B-

150  %

6

2 sa 1

8 sa 9

CCC + u inqas

Caa1 u inqas

CCC + u inqas

150  %

(48)

L-iScore@rating hija klassifikazzjoni tar-riskju li tikkorrispondi ma’ diviżjoni f'partijiet tal-probabbiltà tal-inadempjenza. Ir-riskju analizzat huwa l-inadempjenza legali tal-impriża, jew in-nuqqas ta’ ħlas tagħha għal serjetà ekwivalenti. Ma' kull klassifikazzjoni, tikkorrispondi rata ta’ inadempjenza medja għal sena, imkejla fuq skala minn 1 sa 10. It-tabella ta’ hawn taħt tindika r-rati ta’ inadempjenza għal sena li jikkorrispondu għall-klassifikazzjonijiet differenti tal-iScore @rating (7):

 

Riskju għoli ħafna

Riskju medju

Riskju baxx

Score @rating

1

2

3

4

5

6

7

8

9

10

Rata ta’ inadempjenza għal sena

25  %

10  %

4  %

2  %

1,3  %

0,7  %

0,4  %

0,15  %

0,05  %

0  %

(49)

Biex tiffaċċja r-riskju ta’ inadempjenza tal-ħlas min-naħa tal-assigurat meta d-dollaru jkun b'saħħtu, COFACE trid tkopri lilha nnifisha sal-livell tal-probabbiltà tal-inadempjenza permezz ta’ strumenti finanzjarji (8). Permezz tas-softwer Bloomberg jista' jiġi kkalkulat il-prezz tal-istrumenti meħtieġa sabiex ikun kopert ir-riskju ta’ kreditu fid-data tal-kwotazzjoni ta’ assigurazzjoni. B'hekk, il-primjum jiġi aġġustat skont ir-riskju ta’ inadempjenza li jiġi ddeterminat fuq il-bażi tas-sistema Score @rating u tal-ispiża tal-istrumenti meħtieġa biex ikun kopert dan ir-riskju.

(50)

L-elementi deskritti fil-premessi 40 sa 49 jifformaw il-bażi biex jiġu ddeterminati l-primjums użati fil-kuntest tal-assigurazzjoni Aero 2008. L-awtoritajiet Franċiżi pprovdew il-kompożizzjoni dettaljata tal-primjums fatturati lill-erba' fornituri b'din l-assigurazzjoni. Din hija spjegata fit-tabella li ġejja:

 

Axon Cable

Exameca

Ad Industrie

Aerofonction

Id-data tal-Kwotazzjoni

5.12.2008

11.12.2008

14.11.2008

21.10.2008

Il-klassifikazzjoni tal-kreditu ta’ Coface waqt il-Kwotazzjoni

(…)

(…)

(…)

(…)

Is-sena tal-bidu

2009

2010

2010

2009

Is-sena tat-tmiem

2013

2010

2013

2009

Is-sehem mill-profitti

25  %

50  %

50  %

50  %

Is-sehem mill-profitti limitat għal 15-il ċenteżmu?

iva

iva

Iva

le

It-terminu tal-ħlas

3 xhur

xahrejn

3 xhur

3 xhur

L-ammont totali f'USD

1 865 000

2 712 000

8 000 000

264 000

Il-prezz tas-suq tal-assigurazzjoni

(…)

(…)

(…)

(…)

Ir-riskju tal-Kreditu

(…)

(…)

(…)

(…)

Il-marġni għall-ispejjeż amministrattivi

0,40  %

0,40  %

0,40  %

0,40  %

TOTAL

1,26  %

2,43  %

2,43  %

2,29  %

Il-primjum ta’ Coface

1,35  %

2,55  %

2,54  %

2,48  %

Id-differenza marbuta mar-riskju ta’ eżekuzzjoni (9)

0,09  %

0,12  %

0,11  %

0,19  %

(51)

Skont l-awtoritajiet Franċiżi, l-istruttura tal-primjum li ġiet iddefinita b'dan il-mod tagħmel l-assigurazzjoni inqas attraenti mill-prodotti proposti mis-settur bankarju. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet offruti fil-kuntest tal-assigurazzjoni Aero 2008 mhumiex iktar favorevoli mill-kundizzjonijiet tas-suq, u l-primjums jinkorporaw sew il-valur tas-suq tal-prodotti finanzjarji meħtieġa biex tiġi stabbilita l-assigurazzjoni, inkluż il-marġni ta’ profitt, l-ispejjeż amministrattivi ta’ COFACE u l-valur tar-riskju ta’ inadempjenza tal-fornituri. b'hekk Franza qed issostni li l-miżura ma timplikax vantaġġ ekonomiku selettiv u konsegwentement ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(52)

Franza qalet ukoll li mill-11-il impriża li rċevew proposta mingħand COFACE, sebgħa ddeċidew li jirrifjutaw l-offerta. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi, tnejn mill-impriżi inkwistjoni ddikjaraw li l-kundizzjonijiet bankarji kienu iktar favorevoli (prinċipalment minħabba li ma hemmx primjum x'jitħallas) u tnejn oħra sostnew li l-kundizzjonijiet proposti minn COFACE ma kinux interessanti (prinċipalment minħabba li r-rati assigurati ma kinux attraenti). Waħda mill-impriżi qalet li l-kundizzjonijiet ta’ ħlas tagħha ma kinux kompatibbli mal-assigurazzjoni proposta, oħra qalet li fl-aħħar mill-aħħar setgħet tikkonkludi l-kuntratt tagħha f'euro u t-tielet impriża qalet li fi tmiem il-validità tal-offerta ta’ kopertura, in-negozjati max-xerrej ma waslu għall-ebda eżitu.

V.   L-EVALWAZZJONI TAL-MIŻURA

(53)

Miżura tkun tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, jekk hija tissodisfa erba' kundizzjonijiet: li tingħata mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li tagħti vantaġġ selettiv lil ċerti impriżi jew lil ċerti attivitajiet ekonomiċi, li tfixkel jew li thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u tista' tolqot l-iskambji kummerċjali bejn l-Istati Membri.

(54)

Kif ġie ppreċiżat fil-premessa 34, id-deċiżjoni li jingħata bidu għal proċedura ta’ investigazzjoni formali ġiet ibbażata qabel xejn fuq il-fatt li kien hemm dubji dwar il-konformità mal-prezzijiet tas-suq tal-primjums imħallsa mill-impriżi benefiċjarji. F'termini iktar preċiżi, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-awtoritajiet Franċiżi ma kinux urew li l-primjums imħallsa kienu jkopru l-elementi li ġejjin: l-ispejjeż amministrattivi ta’ COFACE għall-ġestjoni tal-assigurazzjoni, ir-riskju ta’ inadempjenza tal-fornitur, ir-riskju ta’ kreditu waqt ħlas bin-nifs tal-primjums u marġni ta’ profitt. Konsegwentement, ma setax jiġi eskluż li kien hemm vantaġġ ekonomiku selettiv favur il-fornituri b'din l-assigurazzjoni.

(55)

Is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu analiżi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi wara li ngħata bidu għall-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE, sabiex ikun iddeterminat jekk il-miżura hijiex konformi mal-prinċipju tal-investitur privat f'ekonomija tas-suq, jiġifieri sabiex ikun stabbilit jekk il-kundizzjonijiet offruti minn COFACE humiex konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq offruti mill-operaturi privati.

(56)

Qabel xejn, il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Franċiżi impenjaw irwieħhom sabiex COFACE tiddetermina, għall-impriżi kollha li jagħmlu talba biex jibbenefikaw mill-assigurazzjoni, ir-rata tal-primjum applikabbli fuq il-bażi tal-istess metodoloġija, hekk kif ġiet deskritta b'mod partikolari fit-Taqsima IV (10).

(57)

Il-Kummissjoni tqis li l-prodotti paragunabbli għal dawk offruti minn COFACE huma wkoll disponibbli fuq is-swieq.

(58)

Il-Kummissjoni sussegwentement ivverifikat jekk il-prezz tas-suq tal-assigurazzjoni fatturat minn COFACE huwiex konformi mal-prezzijiet tas-suq applikati mill-operaturi privati.

(59)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji meħtieġa biex tkun stabbilita l-assigurazzjoni huma tabilħaqq prezzijiet tas-suq, kif jixhdu s-siltiet mis-softwer Bloomberg ipprovduti minn Franza, u li dawn ġew riflessi b'mod preċiż mill-primjums fatturati minn COFACE.

(60)

Barra minn hekk, il-prezzijiet tas-suq ta’ dawn il-prodotti finanzjarji jinkorporaw marġni ta’ profitt favur l-istituzzjonijiet finanzjarji li mingħandhom COFACE xtrat l-istrumenti inkwistjoni.

(61)

L-awtoritajiet Franċiżi urew ukoll li ġie fatturat marġni addizzjonali ta’ 40 punt bażi sabiex ikunu koperti l-ispejjeż amministrattivi ta’ COFACE. Kif inhu deskritt fil-premessa 45, dan il-marġni jirrappreżenta parti sostanzjali mill-valur tal-primjums fatturati. B'hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-primjums fatturati jinkorporaw tabilħaqq marġni ta’ profitt kif ukoll marġni li jippermetti li jiġu koperti l-ispejjeż amministrattivi ta’ COFACE, u dan iwassal biex jitneħħew id-dubji espressi meta ngħata bidu għall-proċedura formali ta’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni tosserva li tali marġni addizzjonali mhuwiex inkluż mill-banek privati, li kulma jagħmlu huwa li jirċievu l-marġni inkluż fil-prezz tal-bażi tad-dejta Bloomberg. Għaldaqstant, dan il-marġni jista' jiġi kkunsidrat bħala li huwa konformi mal-prezz tas-suq. Il-Kummissjoni tikkunsidra li Franza rnexxielha wkoll turi li r-riskju ta’ inadempjenza tal-fornitur (11) kien rifless kif suppost meta ġie stabbilit l-ammont tal-primjums fatturati. Fil-fatt, biex COFACE tiffaċċja każ ta’ inadempjenza tal-ħlas min-naħa tal-assigurat hija kellha tkopri lilha nnifisha sal-livell tal-probabbiltà tal-inadempjenza bi:

xiri ta’ opzjoni put (put options) EUR/USD bi prezz tal-eżerċitar daqs il-prezz tar-rati bil-quddiem assigurati għal (1-% tal-qsim fil-profitti) × l-ammont ta’ dollari assigurat;

xiri ta’ opzjoni put EUR/USD bi prezz tal-eżerċitar daqs il-prezz tar-rati bil-quddiem assigurati bit-tnaqqis ta’ 15-il ċenteżmu għall-qsim fil-profitti x l-ammont ta’ dollari assigurat f'każ li l-qsim fil-profitti jilħaq il-livell massimu.

(62)

Għaldaqstant, il-valur tar-riskju ta’ kreditu għal sena ta’ kopertura huwa daqs il-prodott tal-prezz tal-opzjonijiet immultiplikat bil-probabbiltà tal-inadempjenza tas-sena inkwistjoni. Din il-probabbiltà tal-inadempjenza hija definita minn sistema ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu rikonoxxuta fuq livell internazzjonali, kif ġie deskritt fil-premessi 47 u 48, u tintuża minn COFACE u mill-klijenti tagħha fil-kuntest tal-operati kummerċjali tagħhom. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-fatt li COFACE tuża l-klassifikazzjonijiet tagħha stess, minflok dawk esterni, huwa ġġustifikat minn prestazzjoni iktar effiċjenti.

(63)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi u tal-impenn tal-awtoritajiet Franċiżi msemmi fil-premessa 56 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prezz mitlub minn COFACE għall-assigurazzjonijiet Aero 2008 huwa konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq offruti mill-operaturi privati.

(64)

Għaldaqstant, il-funzjonament tal-assigurazzjoni Aero 2008 jista' jiġi kkunsidrat bħala li huwa konformi mal-prinċipju tal-investitur f'ekonomija tas-suq. Konsegwentement, il-fornituri b'din l-assigurazzjoni ma bbenefikaw mill-ebda vantaġġ ekonomiku.

(65)

Konsegwentement, ma hemmx għalfejn jiġu analizzati d-dubji l-oħra li mmotivaw il-bidu tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni. Billi l-preżenza ta’ vantaġġ ekonomiku selettiv kienet kundizzjoni meħtieġa sabiex jintwera li kien hemm għajnuna mill-Istat, jista' jiġi konkluż li l-assigurazzjoni Aero 2008 ma tikkostitwixxix miżura ta’ għajnuna mill-Istat.

(66)

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet applikati minn COFACE fil-każijiet ta’ ħlas bin-nifs tal-primjums, il-Kummissjoni madankollu tikkunsidra li r-rata ta’ imgħax applikata, jiġifieri r-rata EURIBOR ta’ 12-il xahar miżjuda b'60 punt bażi, ma tistax titqies bħala rata konformi mal-prattiki tas-suq. B'mod partikolari, il-primjum ta’ 60 punt bażi huwa primjum fiss li ma jiġix aġġustat fuq il-bażi tar-riskju ta’ inadempjenza tal-fornitur jew fuq il-bażi tal-livell ta’ sikurezza. Minħabba li Franza ma tatx ġustifikazzjoni speċifika, il-Kummissjoni applikat il-metodu ta’ kalkolu tar-rati ta’ referenza u ta’ skont previsti mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (12) (iktar ’il quddiem imsejħa l-“Komunikazzjoni dwar ir-rati ta’ referenza”) biex tistabbilixxi r-rata ta’ referenza. b'ittra tal-31 ta’ Jannar 2011, l-awtoritajiet Franċiżi impenjaw irwieħhom biex id-differenza bejn il-primjums li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-rati ta’ imgħax ta’ COFACE u dawk iddeterminati fuq il-bażi tar-rati ta’ referenza inklużi fil-Komunikazzjoni dwar ir-rati ta’ referenza, tibqa’ dejjem inqas mil-limitu de minimis u ntrabtu li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis  (13).

(67)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista' tikkonkludi fuq il-bażi ta’ dan l-impenn li l-imgħaxijiet fatturati f'każ ta’ ħlas bin-nifs ma jissodisfawx il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, u konsegewntement ma jikkostitwixxux miżuri ta’ għajnuna mill-Istat.

VI.   KONKLUŻJONIJIET

(68)

B’kunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tqis li l-assigurazzjoni Aero 2008 ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura implimentata mir-Repubblika Franċiża favur il-fornituri fis-settur ajrunawtiku (“assigurazzjoni Aero 2008”) ma tikkostitwixxix għajnuna li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi-President


(1)  ĠU C 268, 2.10.2010, p. 4.

(2)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna nru 1.

(3)  Għaldaqstant, din il-miżura ma tikkonċernax il-gradi “Tier 1” u “super Tier 1”, li jkunu msieħba li jikkondividu r-riskji mal-manifatturi tal-ajruplani.

(4)  Din l-informazzjoni ġiet ipprovduta minn Franza fil-kummenti tagħha tal-20 ta’ Settembru 2010.

(*)  Sigriet kummerċjali

(5)  Il-varjazzjoni tista' tiġi spjegata bil-fatt li l-marġni għall-ispejjeż amministrattivi huwa wieħed fiss filwaqt li l-elementi l-oħra li jikkostitwixxu l-ispiża tal-primjum huma varjabbli skont ir-riskju tal-impriża u l-ispiża tal-istrumenti ta’ kopertura meħtieġa.

(6)  Sors: il-websajt ta’ COFACE: http://www.coface.fr/CofacePortal/ShowBinary/BEA%20Repository/FR_fr_FR/pages/home/wwd/i/_docs/Score@rating.pdf.

(7)  Ibid.

(8)  Dan huwa xiri ta’ opzjoni put (put option) EUR/USD bi prezz tal-eżerċitar daqs il-prezz tar-rati bil-quddiem assigurati għal (1-% tal-qsim fil-profitti) × l-ammont ta’ dollari assigurat u xiri ta’ opzjoni put EUR/USD bi prezz tal-eżerċitar daqs il-prezz tar-rati bil-quddiem assigurati bit-tnaqqis ta’ 15-il ċenteżmu għall-qsim fil-profitti × l-ammont ta’ dollari assigurat f'każ li l-qsim fil-profitti jilħaq il-livell massimu.

(9)  Dan huwa primjum li jkopri l-volatilità tas-suq bejn il-mument li fih jiġi konkluż il-kuntratt u l-kundizzjonijiet tas-suq fil-jum li fih tkun saret il-kwotazzjoni u għandu bejn 9 punti u 19-il punt bażi skont il-kundizzjonijiet tas-suq fil-jum li fih tkun saret il-kwotazzjoni.

(10)  L-ittra tal-awtoritajiet Franċiżi tal-20 ta’ Settembru 2010.

(11)  Fil-każ ta’ indennizz ta’ COFACE (meta d-dollaru jkun dgħajjef), l-inadempjenza tal-impriża tiffranka lil COFACE milli tikkumpensaha, filwaqt li meta l-assigurazzjoni tkun twassal għal ħlas lura lill-impriża, l-inadempjenza min-naħa ta’ din tal-aħħar twassal għal telf ekwivalenti għall-Istat.

(12)  ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(13)  ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5.


Top