Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0370

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 370/2011 tal- 11 ta’ April 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-Għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp, fir-rigward tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

    ĠU L 102, 16.4.2011, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/370/oj

    16.4.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 102/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 370/2011

    tal-11 ta’ April 2011

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-Għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp, fir-rigward tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1) kif emendat l-aħħar f'Ougadougou, Burkina Faso, fit-22 ta’ Ġunju 2010 (2),

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar il-finanzjament tal-għajnuna Komunitarja skont il-qafas finanzjarju multiannwali għall-perjodu bejn l-2008 u l-2013 skont il-Ftehim tal-AKP-KE u dwar l-allokazzjoni tal-għajnuna finanzjarja għall-Pajjiżi u għat-Territorji Barranin li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat KE (3) (“il-Ftehim Intern”), u b'mod parikolari l-Artikolu 10(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (4),

    Wara li kkonsulta l-Bank Ewropew tal-Investiment,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2008 (5), jistipula r-regoli ta’ stabbiliment u l-implimentazzjoni finanzjarja tar-riżorsi tal-Għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp (minn hawn 'il quddiem “FEŻ”).

    (2)

    It-Trattat ta’ Lisbona jistabbilixxi Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (minn hawn 'il quddiem l-“SEAE”). Sabiex ikun ikkunsidrat l-istabbiliment tas-SEAE, ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6) (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament Finanzjarju”) kien emendat bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1081/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Sabiex ikun provdut qafas legali stabbli għall-implimentazzjoni tal-FEŻ u biex ikun ikkunsidrat l-istabbiliment tas-SEAE u l-emendi tar-Regolament Finanzjarju, huwa neċessarju li jkun emendat ir-Regolament (KE) Nru 215/2008.

    (3)

    Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (8), s-SEAE huwa servizz ta’ natura sui generis u għandu jiġi ttrattat bħala istituzzjoni għall-finijiet tar-Regolament Finanzjarju.

    (4)

    It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li d-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni jsiru parti mis-SEAE bħala Delegazzjonijiet tal-Unjoni. Huwa meħtieġ li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonament tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u b'mod partikolari l-kontinwità u l-effiċjenza fil-ġestjoni tar-riżorsi tal-FEŻ mid-Delegazzjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata biex tgħaddi permezz ta’ sottodelega s-setgħat tagħha ta’ implimentazzjoni baġitarja tal-infiq operattiv lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni li jappartjenu għas-SEAE bħala istituzzjoni separata. L-uffiċjali awtorizzanti b'delega għandhom ikomplu jkunu responsabbli għad-definizzjoni tas-sistemi tal-ġestjoni u kontroll interni, filwaqt li l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu responsabbli għall-istabbiliment u t-tħaddim adegwati ta’ sistemi ta’ ġestjoni u kontroll interni u għall-ġestjoni tal-fondi u l-operazzjonijiet imwettqa fid-Delegazzjonijiet tagħhom. Huma għandhom jirrapportaw dwar dan darbtejn fis-sena. Huwa xieraq li jkun provdut għall-irtirar ta’ tali delega skont ir-regoli applikabbli għall-Kummissjoni.

    (5)

    Sabiex ikunu konformi mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, meta jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega, għandhom japplikaw ir-regoli tal-Kummissjoni u għandhom ikunu suġġetti għall-istess dmirijiet, obbligi u responsabilità bħal kwalunkwe uffiċjal awtorizzanti b'sottodelega ieħor. Għal dawk il-finijiet, huma għandhom jirreferu wkoll għall-Kummissjoni bħala l-istituzzjoni tagħhom.

    (6)

    Fil-kuntest tal-kwittanza, ladarba s-SEAE għandu jkun trattat bħala istituzzjoni għall-finijiet tar-Regolament Finanzjarju, is-SEAE għandu jkun kompletament suġġett għall-proċeduri previsti fl-Artikoli 142, 143 u 144 tar-regolament (KE) Nru 215/2008. Is-SEAE għandu jikkopera bis-sħiħ mal-istituzzjonijiet involuti fil-proċedura ta’ kwittanza u jipprovdi, kif xieraq, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa, inkluż permezz tal-attendenza fil-laqgħat tal-korpi rilevanti. Il-Kummissjoni għandha tibqa' responsabbli, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 215/2008, għall-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ, inkluż ir-riżorsi tal-FEŻ implimentati mill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet li huma uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega; Sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (minn issa “ir-Rappreentant Għoli”) għandu jiġi infurmat fl-istess ħin u għandu jiffaċilita l-koperazzjoni bejn id-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u d-dipartimenti tal-Kummissjoni. Minħabba n-natura ġdida ta’ din l-istruttura, jeħtieġ li jiġu applikati dispożizzjonijiet ta’ standard għoli dwar it-trasparenza u r-responsabilità finanzjarja.

    (7)

    L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jibqa' responsabbli mill-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ fl-intier tagħhom, inklużi l-operazzjonijiet ta’ kontabilità relatati ma’ riżorsi tal-FEŻ sottodelegati lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni.

    (8)

    Sabiex tiġi żgurata l-koerenza u l-ugwaljanza tat-trattament bejn l-uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega li huma persunal tas-SEAE u dak li huwa persunal tal-Kummissjoni, u sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tkun infurmata b'mod xieraq, il-bord speċjali għall-irregolaritajiet finanzjarji tal-Kummissjoni għandu wkoll ikun responsabbli biex jimmaniġġa irregolaritajiet fi ħdan is-SEAE fejn il-Kummissjoni tkun għaddiet setgħat ta’ implimentazzjoni b'sottodelega lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni. Madankollu, sabiex tinżamm ir-rabta bejn ir-responsabilità tal-ġestjoni finanzjarja u l-azzjoni dixxiplinari, il-Kummissjoni għandha tkun intitolata titlob lir-Rappreżentant Għoli sabiex jibda proċedimenti jekk il-bord isib irregolaritajiet li jikkonċernaw dawk il-kompetenzi tal-Kummissjoni mgħoddija b'sottodelega lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni. F'dan il-każ ir-Rappreżentant Għoli għandu jieħu l-azzjoni xierqa skont ir-Regolamenti tal-Persunal.

    (9)

    Sabiex jkun żgurat kontroll intern effettiv u effikaċi il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet Ewropej għandhom ikunu suġġetti għas-setgħat ta’ verifika tal-awditur intern tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ġestjoni finanzjarja sottodelegata lilhom.

    (10)

    Biex jiġi żgurat l-iskrutinju demokratiku tal-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jipprovdu assigurazzjoni, flimkien ma’ rapport li jkun jinkludi informazzjoni dwar l-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistemi interni ta’ ġestjoni u kontroll fid-delegazzjoni tagħhom, kif ukoll dwar il-ġestjoni ta’ operazzjonijiet li ġew fdati lilhom b'sottodelega. Ir-rapporti tal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiġu mehmuża bħala annessi mar-rapport ta’ attività annwali tal-uffiċjal awtorizzanti b'delega responsabbli u jkunu disponibbli għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

    (11)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 215/2008 għandu jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 215/2008 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 14(3), l-ewwel sottoparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli, b'mod xieraq, l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ fondi li ġejjin mill-FEŻ miżmumin minnha meta r-riżorsi tal-FEŻ jkunu implimentati fuq bażi ċentralizzata u direttament mid-dipartimenti tagħha jew mid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 17, u l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ fondi kif ipprovduta mill-entitajiet li lilhom ikunu ddelegati l-kompiti tal-implimentazzjoni finanzjarja taħt modi oħrajn ta’ ġestjoni.”

    (2)

    Fl-Artikolu 17 jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “Madanakollu, il-Kummissjoni tista' tiddelega l-poteri tagħha biex timplimenta r-riżorsi tal-FEŻ lill-Kapijiet tad-Delagazzjonijiet tal-Unjoni. Hija għandha, fl-istess ħin, tgħarraf lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli) b'dan. Meta l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega, huma għandhom japplikaw ir-regoli tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ u għandhom ikunu sottomessi għall-istess dmirijiet, obbligi u responsabilità bħal kwalunkwe uffiċjal awtorizzanti ieħor b'sottodelega.

    Il-Kummissjoni tista' tirtira dik id-delega skont ir-regoli tagħha stess.

    Għall-finijiet tat-tieni paragrafu, ir-Rappreżentant Għoli għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiffaċilita l-koperazzjoni bejn id-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u d-dipartimenti tal-Kummissjoni.

    Arranġamenti dettaljati jistgħu jkunu miftiehma bejn il-Kummissjoni u S-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) sabiex tkun faċilitata l-implimentazzjoni, min-naħa tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, tar-riżorsi previsti għan-nefqa ta’ sostenn marbuta mal-FEŻ skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim Intern. Dawk l-arranġamenti m'għandhom jinkludu l-ebda deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”.

    (3)

    Fl-Artikolu 25(1), l-ewwel sottoparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “1.   Meta l-Kummissjoni timplimenta r-riżorsi tal-FEŻ fuq bażi ċentralizzata, il-kompiti implimentattivi għandhom jitwettqu, jew direttament mid-dipartimenti tagħha jew mid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 17, jew b'mod indirett, skont il-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu u mal-Artikoli 26 sa 29.”

    (4)

    Fl-Artikolu 32, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “5.   Meta l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 17, huma għandhom ikunu suġġetti għall-Kummissjoni bħala l-istituzzjoni responsabbli għad-definizzjoni, l-eżerċitar, il-kontroll u l-evalwazzjoni tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega. Il-Kummissjoni għandha, fl-istess ħin, tgħarraf lir-Rappreżentant Għoli b'dan.”

    (5)

    Fl-Artikolu 38, it-tieni paragrafu, tiħdied is-sentenza li ġejja:

    “Ir-rapporti annwali ta’ attività tal-uffiċjali awtorizzanti b'delega għandhom jitqiegħdu wkoll għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.”

    (6)

    Jiġi mdaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 38a

    1.   Meta l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 17, huma għandhom jikkoperaw mill-qrib mal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni xierqa tal-fondi, sabiex tiġi żgurata, b'mod partikolari, il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet finanzjarji, ir-rispett tal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba fil-ġestjoni tal-fondi u l-ħarsien effettiv tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

    Għal dan il-għan, huma għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjenu kwalunkwe sitwazzjoni li tista' tqiegħed fil-periklu r-responsabilità tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ sottodelegati lilhom kif ukoll kwalunkwe kunflitt ta’ prijoritajiet li x'aktarx ikollu impatt fuq l-implimentazzjoni tal-kompiti tal-ġestjoni finanzjarja sottodelegati lilhom.

    Meta tinqala' sitwazzjoni jew kunflitt tat-tip imsemmi fit-tieni sottoparagrafu, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jgħarrfu b'dan mingħajr dewmien lid-Diretturi Ġenerali responsabbli tal-Kummissjoni u tas-SEAE. Dawk id-Diretturi Ġenerali għandhom jieħdu passi xierqa biex isibu soluzzjoni għas-sitwazzjoni.

    2.   Jekk Kapijiet ta’ Delegazzjonijiet tal-Unjoni jsibu rwieħhom f'sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 37(4), huma għandhom jirreferu l-kwistjoni għall-bord speċjalizzat fuq l-irregolaritajiet finanzjarji mwaqqaf skont l-Artikolu 54(3). Fil-każ ta’ kwalunkwe attività illegali, frodi jew korruzzjoni li tista' tippreġudika l-interessi tal-Komunità, huma għandhom jinformaw lill-awtoritajiet u l-korpi maħtura mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

    3.   Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni li jkunu qed jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 għandhom jagħmlu rapport lill-uffiċjal awtorizzanti b'delega tagħhom sabiex dan ikun jista' jintegra r-rapporti tagħhom fir-rapport annwali ta’ attività tiegħu msemmi fl-Artikolu 38. Ir-rapporti tal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistemi interni ta’ ġestjoni u kontroll stabbiliti fid-Delegazzjoni tagħhom, kif ukoll dwar il-ġestjoni ta’ operazzjonijiet sottodelegati lilhom, u jipprovdu l-assigurazzjoni skont l-Artikolu 54(2a). Dawn ir-rapporti għandhom jiġu annessi mar-rapport annwali tal-attività tal-uffiċjal awtorizzanti b'delega, u għandhom ikunu disponibbli għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill filwaqt li titqies, fejn ikun xieraq, il-kunfidenzjalità tagħhom.

    Il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jikkoperaw b'mod sħiħ mal-istituzzjonijiet involuti fil-proċedura ta’ kwittanza u jipprovdu, kif xieraq, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali neċessarja. F'dan il-kuntest, jistgħu jintalbu jattendu laqgħat tal-korpi rilevanti u jassistu lill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli b'delega.

    4.   Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni li jkunu qed jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 għandhom iwieġbu għal kwalunkwe talba mill-uffiċjal awtorizzanti b'delega fuq talba tiegħu stess jew, fil-kuntest tal-kwittanza, meta t-talba ssir mill-Parlament Ewropew.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li setgħat sottodelegati mhumiex ta’ detriment għall-proċedura ta’ kwittanza, skont l-Artikoli 142, 143 u 144.”

    (7)

    Fl-Artikolu 39(1) għandu jiżdied il-paragrafu li jmiss:

    “L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jibqa' responsabbli għall-implimentazzjoni kompleta tar-riżorsi tal-FEŻ, inklużi l-operazzjonijiet ta’ kontabilità li jirrigwardaw ir-riżorsi tal-FEŻ mgħoddija b'sottodelega lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni.”.

    (8)

    L-Artikolu 54 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “2a.   Fil-każ ta’ sottodelega lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, l-uffiċjali awtorizzanti b'delega għandhom ikunu responsabbli għad-definizzjoni tas-sistemi tal-ġestjoni u l-kontroll interni fis-seħħ, l-effiċjenza u l-effikaċja tagħhom. Il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu responsabbli għall-formazzjoni u l-funzjonament adegwat ta’ dawk is-sistemi, skont l-istruzzjonijiet tal-uffiċjal awtorizzanti b'delega, u għall-ġestjoni tal-fondi u l-operazzjonijiet li dawn jeżegwixxu fid-Delegazzjoni tal-Unjoni taħt ir-responsabilità tagħhom. Qabel ma jibdew jaqdu dmirijiethom, huma għandhom isegwu korsijiet speċifiċi ta’ taħriġ dwar il-kompiti u r-responsabilitajiet tal-uffiċjali awtorizzanti u dwar l-implimentazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ, f'konformità mal-Artikolu 37(3).

    Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jirrapportaw dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom skont l-ewwel sottoparagrafu ta’ dan il-paragrafu f'konformità mal-Artikolu 38a(3).

    Kull sena, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jipprovdu lill-uffiċjal awtorizzanti b'delega l-assigurazzjoni fuq is-sistemi tal-ġestjoni u l-kontroll interni stabbiliti fid-Delegazzjoni tagħhom, kif ukoll dwar il-ġestjoni tal-operazzjonijiet sottodelegati lilhom u r-riżultati tagħhom, sabiex jippermettu lill-uffiċjal awtorizzanti biex jistabbilixxi d-dikjarazzjoni tiegħu ta’ assigurazzjoni, kif previst fl-Artikolu 38.”.

    (b)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “4.   Meta l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 17, il-bord speċjalizzat għall-irregolaritajiet finanzjarji mwaqqaf mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun kompetenti għall-każijiet imsemmija f'dak il-paragrafu 3.

    Jekk il-grupp jintebaħ bi problemi sistematiċi, dan għandu jibgħat rapport b'rakkomandazzjonijiet lill-uffiċjal awtorizzanti, lir-Rappreżentant Għoli u lill-uffiċjal awtorizzanti b'delega sakemm dan tal-aħħar ma jkunx il-persuna involuta, kif ukoll lill-awditur intern.

    Abbażi tal-opinjoni tal-bord, il-Kummissjoni tista' titlob lir-Rappreżentant Għoli biex jibda, fil-kapaċità tar-Rappreżentant Għoli bħala awtorità tal-ħatra, proċedimenti li jwasslu għal azzjoni dixxiplinarja jew għal ħlas ta’ kumpens kontra l-uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega jekk l-irregolaritajiet jirrigwardaw il-kompetenzi tal-Kummissjoni mgħoddija lilhom b'sottodelega. F'każ bħal dan, ir-Rappreżentant Għoli jieħu azzjoni xierqa skont ir-Regolament tal-Persunal biex jinforza d-deċiżjonijiet dwar l-azzjoni dixxiplinarja u/jew il-ħlas ta’ kumpens, kif rakkomandat mill-Kummissjoni.

    L-Istati Membri għandhom jappoġġaw b'mod sħiħ lill-Unjoni fl-infurzar ta’ kwalunkwe responsabilità skont l-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Persunal tal-persunal temporanju li għalih japplika l-Artikolu 2, punt (e) tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti oħra tal-Komunitajiet Ewropej.”.

    (9)

    Fl-Artikolu 89, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “Għall-finijiet tal-awditjar intern tas-SEAE, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, li jkunu qed jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 għandhom ikunu soġġetti għas-setgħat ta’ verifika tal-awditur intern tal-Kummissjoni għall-ġestjoni finanzjarja mgħoddija lilhom b'sottodelega.”.

    (10)

    Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 144a

    Is-SEAE għandu jkun kompletament soġġett għall-proċeduri previsti fl-Artikolu 142, 143 u 144. Is-SEAE għandu jikkopera bis-sħiħ mal-istituzzjonijiet involuti fil-proċedura ta’ kwittanza u jipprovdi, kif jixraq, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa, inkluż permezz tal-attendenza f'laqgħat tal-korpi rilevanti.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, il-11 ta’ April 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    PINTÉR S.


    (1)  ĠU L 317, 16.9.2002, p. 3.

    (2)  ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

    (3)  ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32.

    (4)  ĠU C 66, 1.3.2011, p. 1.

    (5)  ĠU L 78, 19.3.2008, p. 1.

    (6)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (7)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1081/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, fir-rigward tas- Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 311, 26.11.2010, p. 9).

    (8)  ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30.


    Top