EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0748

2010/748/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad- 29 ta’ Novembru 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2007/441/KE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

ĠU L 318, 4.12.2010, p. 45–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2019

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2010/748/oj

4.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 318/45


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tad-29 ta’ Novembru 2010

li temenda d-Deċiżjoni 2007/441/KE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

(2010/748/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mas-Segretarjat-Ġenerali tal-Kummissjoni fit-18 ta’ Frar 2010, l-Italja talbet awtorizzazzjoni biex testendi miżura ta’ deroga mill-Artikolu 26 (1)(a) u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tkun tista’ tkompli tirristriġi d-dritt għal tnaqqis fejn jidħlu l-ispejjeż fuq ċerti vetturi tat-triq bil-magna li ma jintużawx biss għal skopijiet ta’ negozju.

(2)

Permezz tal-ittra datata t-13 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Italja. Permezz ta’ ittra datata l-15 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/441/KE tat-18 ta’ Ġunju 2007 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżuri li jidderogaw mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2), tawtorizza lill-Italja biex tillimita d-dritt ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) dovuta fuq infiq marbut ma’ vetturi tat-triq bil-magna li ma jintużawx biss għal skopijiet ta’ negozju, għal 40 %. Id-Deċiżjoni 2007/441/KE tipprevedi li l-użu għal skopijiet privati ta’ vetturi li ġew soġġetti għal dritt ta’ tnaqqis skont dik id-Deċiżjoni m’għandux jiġi kkunsidrat bħala forniment ta’ servizzi għall-konsiderazzjoni. Id-Deċiżjoni 2007/441/KE fiha definizzjonijiet tal-vetturi u tal-infiq inklużi fl-ambitu ta’ dik id-Deċiżjoni u lista ta’ vetturi li huma espliċitament esklużi mill-iskop ta’ dik id-Deċiżjoni.

(4)

B’konformità mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2007/441/KE, l-Italja ssottomettiet rapport lill-Kummissjoni li jkopri l-ewwel sentejn tal-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni u li jinkludi reviżjoni tal-persentaġġ tar-restrizzjoni. L-informazzjoni pprovduta mill-Italja turi li r-restrizzjoni tad-dritt għal tnaqqis, għal 40 %, xorta waħda jikkorrispondi għal ċirkustanzi attwali fir-rigward ta’ użu għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali tal-vetturi kkonċernati Għalhekk l-Italja għandha tkun awtorizzata biex tapplika l-miżura matul perjodu limitat ulterjuri, sal-31 ta’ Diċembru 2013.

(5)

Fil-każ li l-Italja kellha titlob estensjoni ulterjuri lil hinn mill-2013, għandu jitressaq rapport ġdid lill-Kummissjoni flimkien ma’ dik it-talba għal estensjoni sal-1 ta’ April 2013.

(6)

Fid-29 ta’ Ottubbru 2004, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bl-għan li jiġu ssimplifikati l-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Il-miżuri ta’ deroga previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom jiskadu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dik id-Direttiva li temenda, jekk dik id-data tasal qabel id-data ta’ skadenza tal-miżura ta’ degora stabbilita f’din id-Deċiżjoni.

(7)

Id-deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

(8)

Id-Deċiżjoni 2007/441/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2007/441/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 6 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Kwalunkwe talba għal estensjoni tal-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom ikunu sottomessi lill-Kummissjoni sal-1 ta’ April 2013.

Kwalunkwe talba għal estensjoni ta’ dawk il-miżuri għandhom ikunu akkumpanjati minn rapport li jinkludi reviżjoni tar-restrizzjoni tal-persentaġġ fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT dovut dwar infiq fuq vetturi tat-triq bil-magna li ma jintużawx biss għal skopijiet kummerċjali.”;

(2)

L-Artikolu 7 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ regoli tal-Unjoni li jiddeterminaw l-infiq marbut mal-vetturi bil-magna li m’għandux ikun eliġibbli għal tnaqqis totali tal-VAT, imma l-iktar tard fil-31 ta’ Diċembru 2013.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett mid-data tan-notifika tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2011.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

K. PEETERS


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 165, 27.6.2007, p. 33.


Top