Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0268

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 268/2010 tad- 29 ta’ Marzu 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aċċess għal settijiet u servizzi ta’ dejta ġeografika tal-Istati Membri mill-istituzzjoniiet u l-entitajiet Komunitarji skont kundizzjonijiet armonizzati

ĠU L 83, 30.3.2010, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/268/oj

30.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 83/8


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 268/2010

tad-29 ta’ Marzu 2010

li jimplimenta d-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aċċess għal settijiet u servizzi ta’ dejta ġeografika tal-Istati Membri mill-istituzzjoniiet u l-entitajiet Komunitarji skont kundizzjonijiet armonizzati

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 17(8) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2007/2/KE teħtieġ li Istati Membri jipprovdu lill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji b’aċċess għal settijiet u servizzi ta’ dejta ġeografika skont kundizzjonijiet armonizzati.

(2)

Sabiex jiġi żgurat approċċ koerenti għall-għoti tal-aċċess għas-settijiet u s-servizzi tad-dejta ġeografika, dan ir-Regolament għandu jiddefinixxi sett minimu ta’ kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati.

(3)

Id-Direttiva 2007/2/KE tippermetti l-eċċezzjonijiet mill-kondiviżjoni tad-dejta skont l-Artikolu 17(7). Madankollu, anki meta l-Istati Membri japplikaw dawk l-eċċezzjonijiet, għandhom ikunu ħielsa li jistipulaw miżuri, bħal miżuri ta’ sigurtà, li l-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji għandhom jieħdu sabiex jibqa’ jkollhom permess jaċċessaw dawn is-settijiet u servizzi ta’ dejta.

(4)

Kull ftehim, inkluż ftehimiet dwar liċenzji, kuntratti u skambji ta’ e-Mails jew kull arranġament ieħor dwar l-aċċess mill-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji għal settijiet u servizzi ta’ dejta ġeografika tal-Istati Membri u l-awtoritajiet pubbliċi skont dan ir-Regolament, għandhom jużaw it-terminoloġija definita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/2/KE.

(5)

Sabiex iwettqu l-kompiti pubbliċi tagħhom u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-politiiki Ewropej marbuta mal-ambjent, l-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji għandhom ikunu jistgħu jagħmlu disponibbli settijiet u servizzi ta’ dejta ġeografika għall-kuntratturi li qed jaħdmu f’isimhom.

(6)

Bħala rekwiżit ġenerali, l-arranġamenti għandhom jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament minn timintax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Madankollu, billi jafu jkunu għadhom fis-seħħ arranġamenti stabbiliti qabel, hemm bżonn dispożżjoni ta’ transizzjoni. Għalhekk, l-arranġamenti mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom jinġiebu konformi ma’ dan ir-Regolament mit-tiġdid jew l-iskadenza ta’ dawk l-arranġamenti, iżda mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(7)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 22 tad-Direttiva 2007/2/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett

Ir-Regolament jistabbilixxi kundizzjonijiet armonizzati ta’ aċċess għal settijiet u servizzi ta’ dejta ġeografika skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2007/2/KE.

Artikolu 2

Restrizzjonijiet fuq l-aċċess

Fuq talba tal-istituzzjoni jew l-entità Komunitarja, l-Istati Membri għandhom jagħtu raġunijiet għal kwalunkwe limitazzjoni ta’ kondiviżjoni skont l-Artikolu 17(7) tad-Direttiva 2007/2/KE.

L-Istati Membri jistgħu jiddikjaraw skont liema kundizzjonijiet jista’ jkun premess l-aċċess ristrett konformi mal-Artikolu 17(7).

Artikolu 3

Arranġamenti

1.   Kull arranġament dwar l-aċċess għal settijiet u servizzi ta’ dejta ġeografika għandu jkun għal kollox kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

2.   Id-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/2/KE għandhom jintużaw fi kwalunkwe arranġament dwar l-aċesss għas-settijiet u s-servizzi tad-dejta ġeografika.

Artikolu 4

L-użu ta’ settijiet u servizzi ta’ dejta ġeografika

1.   Istituzzjonijiet jew entitajiet tal-Komunità jistgħu jagħmlu disponibbli settijet jew servizzi ta’ dejta ġeografika lill kuntratturi li jkunu qed jaġixxu f’isimhom.

2.   Meta settijiet u servizzi ta’ dejta ġeografika jkunu saru disponibbli skont il-paragrafu 1, l-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji għandhom jagħmlu kull sforz possibbli sabiex jevitaw l-użu mhux awtorizzat ta’ settijiet u servizzi ta’ dejta ġeografika.

3.   Meta sett jew servizz ta’ dejta ġeografika jkun sar disponibbli skont il-paragrafu 1, il-parti li tkun irċivietu ma tistax tagħmel is-sett jew is-servizz ta’ dejta ġeografika disponibbli għal kwalunkwe parti oħra mingħajr il-kunsens bil-miktub tal-fornitur oriġinali tad-dejta jew tas-servizz.

Artikolu 5

Metadejta

Il-kundizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji f’konformità mar-Regolament għandhom jiġu espressi f’elementi tal-metadejta 8.1, imsemmija fil-Parti B tal-Anness għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1205/2008 (2).

Artikolu 6

Trasparenza

1.   Meta istituzzjoni jew entità tal-Komunità titlob l-għoti tal-aċċess għal sett jew servizz ta’ dejta ġoegrafika, l-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu disponibbli, fuq talba, informazzjoni għall-evalwazzjoni u l-użu, dwar il-mekkaniżmi għall-ġbir, l-ipproċessar, il-produzzjoni, il-kontrolll tal-kwalità u l-kisba tal-aċċess għas-settijiet u s-servizzi tad-dejta ġeografika, meta dik l-informazzjoni addizzjonali tkun disponibbli u jkun raġonevoli li dik id-dejta tiġi estratta u fornuta.

2.   Meta mitluba, l-offerti magħmula mill-Istati Membri għall-għoti tal-aċċess lis-settijiet u s-servizzi tad-dejta ġeografika għandhom jinkludu l-bażi għall-ħlasijiet u l-fatturi meqjusa.

Artikolu 7

Żminijiet ta’ Reazzjoni

L-Istati Membri għandhom jipprovdu aċċess għas-settijiet u s-servizzi tad-dejta mingħajr dewmien u mhux aktar minn 20 jum wara li tkun waslet talba bil-miktub, sakemm mhux maqbul mod ieħor bi ftehim reċiproku bejn l-Istat Membru u l-istituzzjoni jew l-entità Komunitarja.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet transizzjonali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti jkunu konformi minn tmintax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

Meta l-arranġamenti għall-għoti tas-settijiet u servizzi ta’ dejta ġeografika jkunu implimentati fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-arranġamenti jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament mit-tiġdid jew l-iskadenza ta’ dawn l-arranġamenti, iżda mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 326, 4.12.2008, p. 12.


Top