This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32009L0163
Commission Directive 2009/163/EU of 22 December 2009 amending Directive 94/35/EC of the European Parliament and of the Council on sweeteners for use in foodstuffs with regard to neotame (Text with EEA relevance)
Direttiva tal-Kummissjoni 2009/163/UE tat- 22 ta’ Diċembru 2009 li temenda d-Direttiva 94/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sustanzi li jagħtu l-ħlewwa għall-użu fl-oġġetti tal-ikel fir-rigward tan-neotame (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Direttiva tal-Kummissjoni 2009/163/UE tat- 22 ta’ Diċembru 2009 li temenda d-Direttiva 94/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sustanzi li jagħtu l-ħlewwa għall-użu fl-oġġetti tal-ikel fir-rigward tan-neotame (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 344, 23.12.2009, p. 37–40
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 20/01/2010; Impliċitament imħassar minn 32008R1333
23.12.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 344/37 |
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2009/163/UE
tat-22 ta’ Diċembru 2009
li temenda d-Direttiva 94/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sustanzi li jagħtu l-ħlewwa għall-użu fl-oġġetti tal-ikel fir-rigward tan-neotame
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA),
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 94/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1994 dwar sustanzi li jagħtu ħlewwa għall-użu fl-oġġetti tal-ikel (2) telenka lista ta’ sustanzi għall-ħlewwa li jistgħu jintużaw fl-Unjoni u l-kondizzjonijiet għall-użu tagħhom. |
(2) |
L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ivvalutat is-sigurtà tan-neotame bħala sustanza għall-ħlewwa u t-taħwir u esprimiet l-opinjoni tagħha tas-27 ta’ Settembru 2007 (3). Wara li kkunsidrat id-dejta kollha dwar l-istabbiltà, il-prodotti ta’ degradazzjoni u t-tossikoloġija, l-EFSA kkonkludiet li n-neotame mhijiex ta’ tħassib għas-sigurtà fir-rigward tal-użi proposti bħala sustanza għall-ħlewwa u t-taħwir u stabbiliet it-Teħid Aċċettabbli ta’ Kuljum (TAK) ta’ 0—2 mg/kg bw/jum. L-EFSA nnotat ukoll li l-estimi konservattivi tal-esponiment għan-neotame fid-dieta kemm fl-adulti kif ukoll fit-tfal jissuġġerixxu li huwa improbabbli ħafna li t-TAK jinqabeż fil-livelli tal-użu proposti. |
(3) |
In-neotame hija sustanza li tagħti ħlewwa intensiva ħafna b’qawwa ta’ ħlewwa li tvarja bejn is-7 000 u t-13 000 darba aktar minn dik tas-sukrożju. Tista’ tintuża bħala sostitut għas-sukrożju jew għal sustanzi ta’ ħlewwa oħra f’sensiela wiesgħa ta’ prodotti. In-neotame tista’ tintuża weħidha jew ma’ sustanzi tal-ħlewwa oħra. Barra dan, in-neotame tista’ tbiddel it-taħwir tal-ikel u tax-xarbiet. |
(4) |
Huwa meħtieġ li jiġi emendat l-Anness tad-Direttiva 94/35/KE biex jippermetti l-użu tan-neotame fl-istess applikazzjonijiet tal-ikel bħas-sustanzi l-oħra ta’ ħlewwa intensivi bħalissa approvati. In-neotame għandha tingħata numru E ġdid, li huwa E 961. Sabiex jiġi ffaċilitat it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ din is-sustanza ta’ ħlewwa ġdida, huwa stabbilit li prodotti li huma konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jistgħu jitqiegħdu fis-suq mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. |
(5) |
Skont il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (4), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interessi tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom stess, li se juru, sa fejn ikun possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi. |
(6) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness tad-Direttiva 94/35/KE hu emendat b’mod konformi mal-Anness ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-12 ta’ Ottubru 2010. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
3. Prodotti li huma konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jistgħu jitqiegħdu fis-suq mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussel, it-22 ta’ Diċembru 2009.
Għall-Kummissjoni
José Manuel BARROSO
Il-President
(1) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.
(2) ĠU L 237, 10.9.1994, p. 3.
(3) Opinjoni Xjentifika tal-Panil dwar l-Addittivi fl-Ikel, is-Sustanzi tat-Taħwir, l-Għajnuniet tal-Ipproċessar u l-Materjali f’Kuntatt mal-Ikel fuq talba mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tan-Neotame bħala sustanza għall-ħlewwa u t-taħwir. Il-Ġurnal tal-EFSA (2007) 581, 1-43.
(4) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
ANNESS
Fl-Anness tad-Direttiva 94/35/KE l-annotazzjoni li ġejja E 961 tiddaħħal wara l-annotazzjoni E 959:
Nru KE |
Isem |
Prodotti tal-ikel |
Doża massima li tista’ tintuża |
“E 961 |
Neotame |
Xorb mhux alkoħoliku |
|
Xorb bit-togħma bbażat fuq l-ilma, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud |
20 mg/l |
||
Xorb fuq bażi ta’ ħalib jew fuq bażi miksuba mill-ħalib jew fuq bażi ta’ sugu tal-frott, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud |
20 mg/l |
||
Deżerti u prodotti simili |
|
||
Deżerti bit-togħma bbażati fuq l-ilma, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud |
32 mg/kg |
||
Preparazzjonijiet tal-ħalib u fuq bażi miksuba mill-ħalib, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud |
32 mg/kg |
||
Deżerti bbażati fuq il-frott u l-ħxejjex, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud |
32 mg/kg |
||
Deżerti bbażati fuq il-bajd, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud |
32 mg/kg |
||
Deżerti bbażati fuq iċ-ċereali, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud |
32 mg/kg |
||
Deżerti bbażati fuq ix-xaħam, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud |
32 mg/kg |
||
Ikliet ħfief: ċerti togħmiet ta’ prodotti tal-lamtu aromatizzati, imnexxfin, ippakkettati minn qabel, lesti għall-ikel u ġewż miksi |
18 mg/kg |
||
Ħlewwiet |
|
||
Ħlewwiet mingħajr zokkor miżjud |
32 mg/kg |
||
Ħlewwiet tal-kawkaw jew ibbażati fuq il-frott imnixxef, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud |
65 mg/kg |
||
Ħlewwiet bbażati fuq il-lamtu, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud |
65 mg/kg |
||
Kornets u wejfers, għall-ġelati, mingħajr zokkor miżjud |
60 mg/kg |
||
Essoblaten |
60 mg/kg |
||
Pejst tal-kawkaw jew ibbażat fuq il-ħalib, il-frott imnixxef jew ix-xaħam, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud |
32 mg/kg |
||
Ċereali għall-kolazzjon b’kontenut ta’ fibra ta’ aktar minn 15 %, u li fihom mill-inqas 20 % nuħħala, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud |
32 mg/kg |
||
Ħelu żgħir ħafna li jiffriska l-ħalq, mingħajr zokkor miżjud |
200 mg/kg |
||
Mustardini għall-griżmejn b’togħma qawwija ħafna mingħajr zokkor miżjud |
65 mg/kg |
||
Ċjuwing gamm mingħajr zokkor miżjud |
250 mg/kg |
||
Ħlewwiet f’forma ta’ pilloli bl-enerġija mnaqqsa |
15 mg/kg |
||
Sajder u perri |
20 mg/l |
||
Xorb magħmul minn taħlita ta’ xarba mhux alkoħolika u birra, sajder, spiriti jew inbid |
20 mg/l |
||
Xorb spirituż b’volum ta’ alkoħol ta’ inqas minn 15 % |
20 mg/l |
||
Birra mingħajr alkoħol jew b’kontenut tal-alkoħol li ma jaqbiżx il-1,2 % vol. |
20 mg/l |
||
Bière de table/Tafelbier/Table beer (b’kontenut oriġinali ta’ malt wara l-fermentazzjoni (wort) ta’ inqas minn 6 %) għajr l-‘Obergäriges Einfachbier’ |
20 mg/l |
||
Birer b’aċidità minima ta’ 30 milli-ekwivalenti espressi bħala NaOH |
20 mg/l |
||
Birer kannella tat-tip ‘oud bruin’ |
20 mg/l |
||
Birra bl-enerġija mnaqqsa |
1 mg/l |
||
Silġ li jittiekel, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud |
26 mg/kg |
||
Frott fil-laned jew fliexken, bl-enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud |
32 mg/kg |
||
Ġamm bl-enerġija mnaqqsa, ġeli u marmellati |
32 mg/kg |
||
Frott u preparazzjonijiet tal-ħxejjex bl-enerġija mnaqqsa |
32 mg/kg |
||
Priservi ta’ frott u ħxejjex b’togħma ħelwa-qarsa |
10 mg/kg |
||
Feinkostsalat |
12 mg/kg |
||
Priservi b’togħma ħelwa-qarsa u ħut u mmarinat tal-ħut semi-ppriservat, krostaċji u molluski |
10 mg/kg |
||
Sopop bl-enerġija mnaqqsa |
5 mg/l |
||
Zlazi |
12 mg/kg |
||
Mustarda |
12 mg/kg |
||
Prodotti moħmija fini għall-użu ta’ nutrizzjoni speċjali |
55 mg/kg |
||
Ikel maħsub għall-użu f’dieti ta’ restrizzjoni ta’ enerġija għat-tnaqqis fil-piż kif imsemmi fid-Direttiva 1996/8/KE |
26 mg/kg |
||
Ikel dietetiku għal skopijiet mediċi speċjali kif definit fid-Direttiva 1999/21/KE |
32 mg/kg |
||
Supplimenti ta’ ikel kif definit fid-Direttiva 2002/46/KE fornuti f’forma likwida |
20 mg/kg |
||
Supplimenti ta’ ikel kif definit fid-Direttiva 2002/46/KE fornuti f’forma solida |
60 mg/kg |
||
Supplimenti ta’ ikel kif definit fid-Direttiva 2002/46/KE bbażati fuq vitamini u/jew elementi ta’ minerali u fornuti f’tip ta’ ġuleppp jew li jistgħu jintmagħdu |
185 mg/kg |
||
Sustanzi li jagħtu l-ħlewwa ta’ fuq il-mejda |
quantum satis” |