Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0417

    2009/417/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 27 ta' April 2009 dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fi Spanja

    ĠU L 135, 30.5.2009, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/06/2019; Imħassar b' 32019D1001

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/417/oj

    30.5.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 135/25


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-27 ta' April 2009

    dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fi Spanja

    (2009/417/KE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 104(6) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet li saru minn Spanja,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 104 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-gvern.

    (2)

    Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa msejjes fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għal stabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

    (3)

    Il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE) skont l-Artikolu 104, kif iċċarata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (1), li tagħmel parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, tistipula deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv. Il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat jistipula dispożizzjonijiet ulterjuri relatati mal-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 (2) jistipula definizzjonijiet u regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ta’ dan il-Protokoll.

    (4)

    Ir-riforma tal-2005 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fittxet li ssaħħah l-effettività u l-bażi ekonomika tiegħu kif ukoll li tħares is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq medda twila ta’ żmien. Hi immirat biex tiżgura b’mod partikolari li l-isfond baġitarju u ekonomiku tqies b’mod partikolari fil-passi kollha tal-PŻE. B’dan il-mod, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi qafas biex isostni politiki tal-gvern għal ritorn minnufih għal pożizzjonijiet baġitarji sodi filwaqt li tqieset is-sitwazzjoni ekonomika.

    (5)

    L-Artikolu 104(5) tat-Trattat jitlob li l-Kummissjoni tindirizza opinjoni lill-Kunsill jekk il-Kummissjoni tqis li jeżisti jew jista’ jeżisti żbilanċ eċċessiv fi Stat Membru. Wara li qieset ir-rapport tagħha skont l-Artikolu 104(3) tat-Trattat u wara li qieset l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju skont l-Artikolu 104(4), il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżisti żbilanċ eċċessiv fi Spanja. Il-Kummissjoni għalhekk indirizzat opinjoni bħal din lill-Kunsill fir-rigward ta’ Spanja fl-24 ta’ Marzu 2009 (3).

    (6)

    L-Artikolu 104(6) tat-Trattat jgħid li l-Kunsill għandu jikkunsidra kwalunkwe osservazzjonijiet li l-Istat Membru kkonċernat jixtieq li jagħmel qabel ma jiddeċiedi, wara valutazzjoni globali, jekk jeżistix żbilanċ eċċessiv. Fil-każ ta’ Spanja, din il-valutazzjoni ġenerali twassal għall-konklużjonijiet li ġejjin.

    (7)

    Skont l-aġġornament ta’ Jannar 2009 tal-programm ta’ stabbiltà, l-iżbilanċ tal-gvern ġenerali ta’ Spanja huwa stmat li laħaq it-3,4 % tal-PGD fl-2008, u b’hekk qabeż il-valur referenzjali ta’ 3 % tal-PGD. L-iżbilanċ huwa qrib il-valur referenzjali ta’ 3 % tal-PGD iżda dak li jibqa’ ‘l fuq mill-valur referenzjali ma jistax jiġi kkwalifikat bħala eċċezzjonali fi ħdan it-tifsira tat-Trattat u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. B’mod partikolari, ma rriżultax minn avveniment mhux tas-soltu jew deterjorament ekonomiku sever fl-2008. Skont il-previżjoni interim tas-servizzi tal-Kummissjoni ta’ Jannar 2009, it-tkabbir reali tal-PGD fi Spanja huwa stmat li naqas ferm fl-2008 għal-1,2 %, iżda d-diskrepanza bejn il-produzzjoni attwali u potenzjali baqgħet pożittiva ta’1 % tal-PGD. Barra minn hekk, l-eċċess fuq il-valur ta’ referenza ma jistax jitqies temporanju.

    (8)

    Skont il-previżjoni interim tas-servizzi tal-Kummissjoni ta’ Jannar 2009, l-iżbilanċ ta’ bażi ġenerali tal-gvern għandu jiżdied minn 6,2 % tal-PGD fl-2009, inklużi l-miżuri ta’ darba li jżidu l-iżbilanċ li jammontaw għal aktar minn ½ % tal-PGD. Il-previżjoni kienet ibbażata fuq it-tnaqqis tal-PGD pproġettat bi 2 % kif ukoll fuq l-evalwazzjoni prudenti kemm tal-Liġi tal-Baġit tal-2009 u tal-pakkett fiskali mħabbar mill-awtoritajiet Spanjoli fis-27 ta’ Novembru 2008. Abbażi tal-ipotesi tas-soltu dwar il-politiki li ma nbidlux, l-iżbilanċ tal-2010 huwa pproġettat għal 5,7 % tal-PGD. Għalhekk, il-kriterju tal-iżbilanċ fit-Trattat mhuwiex sodisfatt.

    (9)

    Id-dejn gross tal-gvern qed jibqa sew taħt il-valur referenzjali ta’ 60 % tal-PGD u fl-2008 kien ta’ 39,5 % tal-PGD skont il-programm ta’ stabbiltà ta’ Jannar 2009. Madankollu, skont il-previżjoni interim tas-servizzi tal-Kummissjoni ta’ Jannar 2009, id-dejn tal-gvern ġenerali għal proporzjon tal-PGD huwa pproġettat li jiżdied b’mod sinifikanti biex jilħaq il-53 % fl-2010.

    (10)

    Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, “fatturi rilevanti” jistgħu jitqiesu biss fil-passi li jwasslu għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv b’konformità mal-Artikolu 104(6) jekk il-kundizzjoni doppja – li l-iżbilanċ jibqa’ qrib il-valur ta’ referenza u li l-eċċess tiegħu ‘il fuq mill-valur ta’ referenza jkun temporanju - tiġi sodisfatta għal kollox. Fil-każ ta’ Spanja din il-kundizzjoni doppja ma ġietx sodisfatta. Għalhekk, fatturi rilevanti oħrajn ma jitqisux fil-passi li jwasslu għal din id-Deċiżjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Minn valutazzjoni kumplessiva jirriżulta li jeżisti żbilanċ eċċessiv fi Spanja.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

    Magħmul fil-Lussemburgu, 27 ta’ April 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. VONDRA


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

    (2)  ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7.

    (3)  Id-dokumenti kollha relatati mal-PŻE jinsabu fis-sit li ġej:

    http://ec.europa.eu/economy_finance/netstartsearch/pdfsearch/pdf.cfm?mode=_m2


    Top