EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0586

Deċiżjoni Nru 586/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Ġunju 2008 li temenda d-Deċiżjoni Nru 896/2006/KE li tistabbilixxi reġim simplifikat għall-kontroll ta’ persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Istati Membri ta’ ċerti permessi ta’ residenza maħruġa mill-Iżvizzera u mil-Liechtenstein għall-finijiet ta’ tranżitu mit-territorji tagħhom

ĠU L 162, 21.6.2008, p. 27–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/586/oj

21.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 162/27


DEĊIŻJONI Nru 586/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Ġunju 2008

li temenda d-Deċiżjoni Nru 896/2006/KE li tistabbilixxi reġim simplifikat għall-kontroll ta’ persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Istati Membri ta’ ċerti permessi ta’ residenza maħruġa mill-Iżvizzera u mil-Liechtenstein għall-finijiet ta’ tranżitu mit-territorji tagħhom

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(2)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 896/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tistabbilixxi regoli komuni dwar ir-rikonoxximent unilaterali min-naħa ta’ l-Istati Membri ta’ ċerti permessi ta’ residenza maħruġa mill-Iżvizzera u mil-Liechtenstein li jippermettu reġim semplifikat għall-kontroll fuq il-fruntieri esterni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom dawn id-dokumenti.

(2)

Minħabba l-implimentazzjoni f’żewġ stadji ta’ l-acquis ta’ Schengen, l-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 kienu meħtieġa, minn dik id-data, li joħorġu viżi nazzjonali lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi, detenturi ta’ permess ta’ residenza maħruġ mill-Iżvizzera u mil-Liechtenstein, li jkunu suġġetti għal obbligu ta’ viża skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (3). Dak l-obbligu ħoloq piżijiet amministrattivi addizzjonali fuq il-konsolati ta’ dawk l-Istati Membri fl-Iżvizzera u fil-Liechtenstein.

(3)

Madankollu, ma deherx li kien hemm għalfejn li l-Istati Membri jeħtieġu li dik il-kategorija ta’ persuni jkollhom viża għall-finijiet ta’ tranżitu, billi jirrappreżentaw riskju baxx ta’ immigrazzjoni illegali għall-Istati Membri.

(4)

Meta wieħed iqis li l-istess raġunament japplika għall-Bulgarija u għar-Rumanija, ir-reġim semplifikat introdott permezz tad-Deċiżjoni Nru 896/2006/KE għandu jkun estiż għall-Bulgarija u għar-Rumanija.

(5)

Tali emenda magħmula lid-Deċiżjoni Nru 896/2006/KE, għandha tippermetti lill-Bulgarija u r-Rumanija, jekk jiddeċiedu li japplikaw id-Deċiżjoni Nru 582/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tintroduċi reġim semplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Bulgarija, minn Ċipru u mir-Rumanija ta’ ċerti dokumenti bħala ekwilaventi għall-viżi nazzjonali tagħhom għall-finijiet ta’ tranżitu mit-territorji tagħhom (4), biex jirrikonoxxu unilateralment il-permessi ta’ residenza maħruġa mill-Iżvizzera u mil-Liechtenstein, li ġew elenkati fl-Anness għad-Deċiżjoni Nru 896/2006/KE bħala ekwivalenti għall-viżi ta’ tranżitu nazzjonali tagħhom.

(6)

Ir-rikonoxximent għandu jkun limitat għall-fini ta’ tranżitu mit-territorju tal-Bulgarija u tar-Rumanija u m’għandux jaffetwa l-possibbiltà li dawk iż-żewġ Stati Membri joħorġu viżi għal soġġorn qasir.

(7)

Il-possibbiltà li l-Bulgarija u r-Rumanija ma japplikawx id-Deċiżjoni Nru 896/2006/KE għandha tkun limitata għall-perjodu tranżitorju sa data li għandha tkun iddeterminata mill-Kunsill, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(2) ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2005.

(8)

Il-kundizzjonijiet tad-dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (5) iridu jiġu sodisfatti, bl-eċċezzjoni tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(1)(b) tiegħu, sa fejn din id-Deċiżjoni tistabbilixxi reġim ta’ ekwivalenza bejn il-viżi ta’ tranżitu maħruġa mill-Bulgarija u mir-Rumanija u ċerti permessi ta’ residenza maħruġa mill-Iżvizzera u mil-Liechtenstein.

(9)

Ladarba l-għan ta’ din id-Deċiżjoni ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri billi jaffetwa direttament l-acquis Komunitarju dwar il-fruntieri esterni u għalhekk, minħabba raġuni ta’ skala u ta’ effett ta’ l-azzjoni, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(10)

Fir-rigward ta’ l-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (6), li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 punt A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE fis-17 ta' Mejju 1999 (7) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim.

(11)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabblixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka m’hijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u m’hijiex marbuta minnha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, konformement ma’ l-Artikolu 5 tal-Protokoll imsemmi, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jekk hijiex se timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(12)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit m’huwiex jieħu sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi wħud mid-disposizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (8); ir-Renju Unit għaldaqstant m’huwiex jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u m’huwiex marbut minnha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(13)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tieħux sehem skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba ta’ l-Irlanda sabiex tieħu sehem f’xi disposizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (9). L-Irlanda għaldaqstant m’hijiex tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u m’hijiex marbuta minnha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-subparagrafu li ġej għandu jiġi miżjud ma’ l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 896/2006/KE:

“Jekk il-Bulgarija u r-Rumanija jiddeċiedu li japplikaw id-Deċiżjoni Nru 582/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tintroduċi reġim semplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Bulgarija, minn Ċipru u mir-Rumanija ta’ ċerti dokumenti bħala ekwilaventi għall-viżi nazzjonali tagħhom għall-finijiet ta’ tranżitu mit-territorji tagħhom (*), jistgħu jirrikonoxxu b’mod unilaterali l-permessi ta’ residenza li ġew elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni bħala ekwivalenti għall-viża nazzjonali ta’ tranżitu sa data li għandha tkun iddeterminata mill-Kunsill, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(2) ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2005.

Artikolu 2

Jekk il-Bulgarija u r-Rumanija jiddeċiedu li japplikaw id-Deċiżjoni Nru 896/2006/KE, għandhom jinnotifikaw b’dan lill-Kummissjoni fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni komunikata minnhom fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmula fi Strasburgu, 17 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J. LENARČIČ


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta’ Jannar 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2008.

(2)  ĠU L 167, 20.6.2006, p. 8.

(3)  ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1932/2006 (ĠU L 405, 30.12.2006, p. 23).

(4)  ĠU L 161, 20.6.2008, p. 30.

(5)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.

(6)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(7)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(8)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(9)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.


Top