Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0535

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 535/2008 tat- 13 ta’ Ġunju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljat għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta' speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura

ĠU L 156, 14.6.2008, p. 6–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/535/oj

14.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 156/6


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 535/2008

tat-13 ta’ Ġunju 2008

li jistabbilixxi regoli dettaljat għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta' speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 tal-11 ta' Ġunju 2007 dwar l-użu ta' speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura, (1), u b’mod partikolari t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 23 u 24(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 708/2007 jistabbilixxi qafas li jirregola l-prassi fl-akkwakultura fir-rigward ta' speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment sabiex jiġi evalwat u mnaqqas kemm jista' jkun l-impatt possibbli tagħhom u kwalunkwe speċi assoċjata mhux fil-mira fuq il-ħabitats akkwatiċi. Jipprovdi, inter alia, li għandhom jiġu adottati regoli dettaljati li jimplimentaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiżdiedu l-ispeċijiet fl-Anness IV ta' dak ir-Regolament.

(2)

Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita proċedura trasparenti sabiex jiġu vvalutati t-talbiet magħmula mill-Istati Membri għaż-żieda ta’ l-ispeċijiet ma’ l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 708/2007. B’mod partikolari, huwa meħtieġ li jiġu ċċarati aktar u ddefiniti l-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) Nru 708/2007 u li tiġi identifikata l-informazzjoni li għandhom jipprovdu l-Istati Membri b’appoġġ għat-talbiet tagħhom biex jiżdiedu l-ispeċijiet.

(3)

Barra minn hekk, ir-Regolament (KE) Nru 708/2007 jipprovdi li tista’ tiġi żviluppata sistema speċifika ta’ l-informazzjoni biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaqsmu l-informazzjoni li tkun tinsab fir-reġistri u li tikkonċerna speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura.

(4)

Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu żviluppati standards komuni ta’ l-informatika u lingwaġġ ta’ komunikazzjoni li għandhom jintużaw mill-Istati Membri sabiex ikun jista’ jsir użu komuni minn sett ta’ dejta minimu li tkun tinsab fir-reġistri nazzjonali ta’ introduzzjonijiet u traslokazzjonijiet. Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet b’għajnuna għall-armonizzazzjoni tas-sistemi ta’ l-informazzjoni li għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri.

(5)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dettaljati li jimplimentaw il-kundizzonijiet meħtieġa biex jiżdiedu l-ispeċijiet ma’ l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 708/2007 u li jirrigwardaw l-iżvilupp ta’ sistema ta’ informazzjoni speċifika li tirrigwarda l-permessi għall-introduzzjonijiet u t-traslokazzjonijiet ta’ l-ispeċijiet aljeni u dawk li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura.

Artikolu 2

Għall-għanijiet ta' l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) Nru 708/2007:

(a)

“żmien twil (b'referenza għaċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu)” għandha tfisser perjodu minimu ta' 10 snin wara l-ikkompletar ta' żewġ ċikli ta' produzzjoni;

(b)

“effetti negattivi” għandha tfisser każ fejn l-evidenza xjentifika turi li speċi akkwatika, wara l-introduzzjoni tagħha f’ċertu Stat Membru, tikkawża b’mod sinifikanti inter alia,

(i)

degradazzjoni tal-ħabitat;

(ii)

kompetizzjoni ma’ l-ispeċijiet lokali għall-ħabitat riproduttiv;

(iii)

ibridizzazzjoni ma' l-ispeċijiet lokali b’theddida għall-integrità ta’ l-ispeċi;

(iv)

predazzjoni fuq il-popolazzjoni ta' l-ispeċijiet lokali u b'riżultat ta' dan, tnaqqis tal-popolazzjoni tagħhom;

(v)

eżawriment tar-riżorsi lokali ta’ l-ikel;

(vi)

it-tixrid tal-mard u patoġeni ġodda f’organiżmi u ekosistemi akkwatiċi selvaġġi.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom iressqu talbiet lill-Kummissjoni għaż-żieda ta’ speċijiet mal-lista ta’ speċijiet imsemmija fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 708/2007.

2.   Dawk it-talbiet għandhom jittressqu lill-Kummissjoni flimkien ma’ karta ta’ fatti li tindika l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem xjentifiku ta’ l-ispeċi;

(b)

id-distribuzzjoni ġeografika;

(ċ)

il-ħabitat u l-bijoloġija;

(d)

il-produzzjoni ta’ l-akkwakultura;

(e)

l-impatt ta’ l-introduzzjonijiet;

(f)

il-fatturi li x’aktarx jinfluwenzaw it-tixrid u d-distribuzzjoni;

(g)

il-koerenza mal-kriterji pprovduti fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) Nru 708/2007.

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu aġġornata sistema ta’ informazzjoni li jkun fiha d-dettalji tat-talbiet kollha għall-permessi għall-introduzzjoni ta’ speċi aljena jew għat-traslokar ta’ speċi li ma tinsabx lokalment. L-Istati Membri għal kull talba għal permess għandhom jimlew karta ta' l-informazzjoni li jkun fiha d-dejta indikata fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, skond il-format stipulat fih.

2.   L-Istati Membri għandhom iwaqqfu Websajt sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009, li tkun aċċessibbli permezz ta' l-internet u li jkun fiha l-informazzjoni elenkata fl-Anness għal dan ir-Regolament. Il-websajt għandha ssegwi l-linji ta’ gwida ta’ l-“Inizjattiva għall-Aċċessibbiltà tal-Web”.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-indirizz ta’ l-Internet tal-Websajt lill-Kummissjoni.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-Artikolu 4 għandu japplika sitt xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kummissjoni

Joe BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 168, 28.6.2007, p. 1.


ANNESS

Il-karta ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)

Il-karta ta’ l-informazzjoni għandha timtela għal moviment singolu/multiplu (1) (introduzzjoni/trażlokazzjoni) ta' speċi aljena/li ma tinstabx lokalment

1.   Informazzjoni ġenerali

1.1   Numru jew referenza ta’ l-applikazzjoni għal permess:

1.2   L-ewwel applikazzjoni: IVA/LE, jekk LE: referenza ta' l-applikazzjoni preċedenti għal permess

1.3   Data ta’ l-applikazzjoni għal permess: jj/xx/ssss

1.4   Dejta dwar l-ispeċi:

1.4.1   Kodiċi tal-FAO:

1.4.2   Isem komuni:

1.4.3   Isem xjentifiku:

1.4.4   Sottospeċi (jekk relevanti):

1.4.5   Informazzjoni addizzjonali:

Tetraplojdi:

IVA/LE

Ibridu artifiċjalment fertili:

IVA/LE

1.4.5.3   Jekk IVA, il-kodiċi tal-FAO u l-isem ta’ l-ispeċi ġenitur:

1.5   Sors:

1.5.1   Pajjiż:

1.5.2   Post (isem u indirizz tas-sors):

1.5.3   Tip ta’ sors (mafqas/farm tat-tkabbir/naturali):

1.6   Faċilità ta’ l-akkwakultura li tirċievi:

1.6.1   Post (isem u indirizz tas-sors):

1.6.2   Metodu tat-trobbija: Sistema Magħluqa/Miftuħa (2)

1.7   Għadd ta’ organiżmi u l-istadju tal-ħajja (bajd, larvi, żgħar, adulti):

1.8   Għan (konsum mill-bniedem, trobbija għal stokkjar ulterjuri, riċerka, eċċ.):

1.9   Għadd ta’ movimenti previsti:

2.   Skrining u valutazzjoni tar-riskji

2.1   Tip ta’ moviment

Introduzzjoni jew trażlokazzjoni ta’ rutina:

IVA/LE

Approvazzjoni tal-permess:

IVA/LE

Data tal-ħruġ tal-permess:

jj/xx/ssss

2.1.1.3   L-Awtorità li ħarġet il-permess (indirizz sħiħ):

Perjodu effettiv tal-permess:

X snin XX xhur

2.1.1.5   Jekk suġġett għall-kundizzjonijiet:

Kwarantina:

IVA/LE

Rilaxx bi prova:

IVA/LE

Introduzzjoni jew trażlokazzjoni mhux ta’ rutina:

IVA/LE

2.1.2.1   Tip ta’ riskju:

2.1.2.1.1   Baxx

2.1.2.1.2   Medju

2.1.2.1.3   Għoli

2.1.2.2   Rapport fil-qosor tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali kumplessiv (ftit linji u dokument PDF) u wkoll fit-tieni lingwa Komunitarja (ftit linji)

Approvazzjoni tal-permess:

IVA/LE

Data tal-ħruġ tal-permess:

jj/xx/ssss

2.1.2.5   L-Awtorità li ħarġet il-permess:

Perjodu effettiv tal-permess:

X snin XX xhur

2.1.2.7   Jekk soġġett għall-kundizzjonijiet:

Kwarantina:

IVA/LE

Rilaxxi bi prova:

IVA/LE

3.   Il-monitoraġġ

3.1   Tul tal-programm ta’ monitoraġġ: XX xhur

3.2   Sinteżi tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni tal-programm ta’ monitoraġġ (ftit linji u dokument PDF) u wkoll fit-tieni lingwa Komunitarja (ftit linji)

Pjanijiet ta’ kontinġenza applikati:

IVA/LE

Irtirar tal-permess (jekk applikabbli):

IVA/LE

3.4.1   Jekk IVA: Temporanjament/għal dejjem

3.4.2   Data: jj/xx/ssss

3.4.3   Raġunijiet għall-irtirar (ftit linji) ukoll fit-tieni linja Komunitarja (ftit linji):


(1)  Jistgħu jitressqu applikazzjonijiet għal ċaqliq multiplu li għandu jseħħ fuq perjodu ta’ mhux aktar minn 7 snin (Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 708/2007).

(2)  Kif definit fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 708/2007.


Top