EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0433

2007/433/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 18 ta’ Ġunju 2007 dwar miżuri ta’ emerġenza proviżorji għall-prevenzjoni ta’ l-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità tal- Gibberella circinata Nirenberg & O’Donnell (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2496)

ĠU L 161, 22.6.2007, p. 66–69 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/11/2019; Imħassar b' 32019D2032

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/433/oj

22.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 161/66


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta’ Ġunju 2007

dwar miżuri ta’ emerġenza proviżorji għall-prevenzjoni ta’ l-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità tal-Gibberella circinata Nirenberg & O’Donnell

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2496)

(2007/433/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(3), fit-tielet sentenza tiegħu,

Billi:

(1)

Skond id-Direttiva 2000/29/KE, meta Stat Membru jqis li hemm periklu ta’ introduzzjoni jew ta’ tixrid fit-territorju tiegħu ta’ organiżmu perikoluż li mhux elenkat fl-Anness I jew Anness II ta’ dik id-Direttiva, dan jista’ temporanjament jieħu miżuri supplimentari meħtieġa sabiex iħarsuh minn dak il-periklu.

(2)

Bħala riżultat tal-preżenza tal-fungus Gibberella circinata Nirenberg & O’Donnell, taħt is-sura anamorf magħrufa wkoll bħala Fusarium circinatum Nirenberg & O’Donnell, f’materjal riproduttuiv fil-foresti fit-Tramunatana tal-Peninsula Iberjana, Spanja għarrfet lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fis-16 ta’ Ġunju 2006 li fis-26 ta’ Mejju 2006 kienet adottat miżuri uffiċjali permezz ta’ qerda nazzjonali u programm ta’ kontroll biex jipprevjeni aktar introduzzjoni u tixrid fi ħdan it-territorju tagħha ta’ dak l-organiżmu.

(3)

Gibberella circinata Nirenberg & O’Donnell (‘l-organiżmu speċifikat’) mhux imniżżel fl-Anness I jew II tad-Direttiva 2000/29/KE. Madankollu, rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju ta’ annimali li jagħmlu l-ħsara lill-pjanti msejjes fuq tagħrif xjentifiku disponibbli limitat wera li l-organiżmu speċifikat jista’ jikkawża mewt sinifikanti fuq l-ispeċi Pinus spp. u Pseudotsuga menziesii. Dawn il-pjanti jinsabu mifruxa fl-Ewropa u s-suxxetibbiltà ta’ bosta speċi qiegħda għolja. Huwa b’hekk meħtieġ li minn hawn ‘il quddiem jittieħdu miżuri proviżorji kontra l-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità ta’ dan l-organiżmu speċifikat.

(4)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw għall-introduzzjoni jew it-tixrid ta’ l-organiżmu speċifikat, id-demarkazzjoni taż-żoni infestati fi ħdan il-Komunità u l-kontroll ta’ l-organiżmu speċifikat f’dawn iż-żoni, l-importazzjoni, il-produzzjoni u l-moviment tal-pjanti speċifikati, kif ukoll iż-żrieragħ, fi ħdan il-Komunità u stħarriġ għall-preżenza jew nuqqas kontinwu ta’ l-organiżmu speċifikat fl-Istati Membri.

(5)

Huwa xieraq li r-riżultati tal-miżuri jiġu evalwati regolarment fl-2007 u fl-2008 b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri. Għandhom jitqiesu miżuri oħra possibbli fid-dawl tar-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni..

(6)

Jekk hemm bżonn l-Istati Membri għandhom jaddattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom biex jiġu f’konformità mad-Deċiżjoni.

(7)

Ir-riżultati tal-miżuri għandhom jiġu rriveduti sa l-1 ta’ April 2008.

(8)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-għan ta’ din id-Deċiżjoni:

1.

“organiżmu speċifikat” ifisser il-Gibberella circinata Nirenberg & O’Donnell;

2.

“pjanti speċifikati” ifisser pjanti tal-ġeneru Pinus L. u l-ispeċi Pseudotsuga menziesii, maħsuba sabiex jinżergħu, kif ukoll żrieragħ u ġewż tas-siġar għall-għanijiet ta’ propagazzjoni;

3.

“post ta’ produzzjoni” ifisser:

kwalunkwe post jew ġabra ta’ għelieqi użati bħala unità waħda ta’ produzzjoni tal-pjanti; dan jista’ jinkludi siti ta’ produzzjoni li huma mmexxija separatament għal għanijiet fitosanitarji, jew

art bil-foresta demarkata.

Artikolu 2

Miżuri kontra l-organiżmu speċifikat

L-introduzzjoni u t-tixrid ta’ l-organiżmu speċifikat fil-Komunità għandhom jiġu pprojbiti.

Artikolu 3

Importazzjoni tal-pjanti speċifikati

Il-pjanti speċifikati jistgħu jiġu introdotti biss fil-Komunità biss jekk:

(a)

jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fis-sezzjoni I ta’ I-Anness, u

(b)

ikunu spezzjonati, kif jidħlu fil-Komunità u, fejn meħtieġ eżaminati għall-preżenza ta’ l-organiżmu speċifikat, skond l-Artikolu 13a(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, u jinstabu ħielsa minnu.

Artikolu 4

Movimenti tal-pjanti speċifikati fi ħdan il-Komunità

Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness II, is-sezzjoni II ta’ din id-Deċiżjoni, il-pjanti speċifikati li joriġinaw fil-Komunità jew importati fil-Komunità skond l-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni jistgħu jiċċaqilqu biss fi ħdan il-Komunità, jekk jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fis-sezzjoni II ta’ l-Anness I.

Artikolu 5

Stħarriġ u notifikazzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġ uffiċjali kull sena għall-preżenza ta’ l-organiżmu speċifikat jew għall-evidenza ta’ l-infestazzjonijiet minn dan l-organiżmu fit-territorji tagħhom.

Mingħajr ħsara għall-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/29/KE, ir-riżultati ta’ dak l-istħarriġ, flimkien mal-lista ta’ żoni demarkati msemmija fl-Artikolu 6 u l-miżuri msemmija fis-sezzjoni II ta’ l-Anness II, għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn sal-15 ta’ Diċembru ta’ kull sena..

2.   Kull inċident sospettat jew preżenza kkonfermata ta’ l-organiżmu speċifikat għandhom jiġu mgħarrfa mill-ewwel lill-korp uffiċjali responsabbli.

Artikolu 6

Definizzjoni ta’ żoni demarkati

Meta r-riżultati ta’ l-istħarriġ imsemmi fl-Artikolu 5.1 jew in-notifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 5.2 jikkonfermaw il-preżenza ta’ l-organiżmu speċifikat f’żona, jew ikun hemm evidenza ta’ l-istabbiliment ta’ l-organiżmu minn mezzi oħrajn, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu żoni demarkati u għandhom jieħdu miżuri uffiċjali kif stipulat fis-sezzjonijiet I u II rispettivament ta’ l-Anness II.

Artikolu 7

Osservanza

L-Istati Membri għandhom, jekk hemm bżonn, jemendaw il-miżuri li kienu adottaw sabiex jipproteġu lilhom infushom kontra l-introduzzjoni u t-tixrid ta’ l-organiżmu speċifikat b’tali mod li dawk il-miżuri jkunu f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni u għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dawk il-miżuri.

Artikolu 8

Analiżi

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi rriveduta l-iktar tard sal-31 ta’ Marzu 2008.

Artikolu 9

Lil min indirizzata

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/35/KE (ĠU L 88, 25.3.2006, p. 9).


ANNESS I

MIŻURI TA’ EMERĠENZA LI JISSEMMEW FL-ARTIKOLI 3 U 4 TA’ DIN ID-DEĊIŻJONI

I.   Rekwiżiti ta’ importazzjoni speċifiċi

Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Anness III, il-Parti A(1), l-Anness IV, il-Parti A(I)(8.1), (8.2), (9), (10) u l-Anness IV, il-Parti B(7), (8), (9), (10), (11), (12), (16) u (17) tad-Direttiva 2000/29/KE, il-pjanti speċifikati li joriġinaw fil-pajjiżi terzi għandhom jiġu akkumpanjati minn ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2000/29/KE li tiddikjara taħt is-sezzjoni “Dikjarazzjoni Supplimentari” li l-pjanti speċifikati joriġinaw f’post ta’ produzzjoni li hu rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali tal-protezzjoni tal-pjanti fil-pajjiż ta’ l-oriġini u

(a)

li l-pjanti tkabbru matul ħajjithom f’pajjiżi fejn l-organiżmu speċifikat mhux magħruf li jinstab; jew

(b)

tkabbru tul ħajjithom f’żona ħielsa minn organiżmi ta’ ħsara, stabbilita mill-organizzazzjoni nazzjonali tal-protezzjoni tal-pjanti fil-pajjiż ta’ oriġini skond l-Istandards Internazzjonali relevanti tal-Miżuri Fitosanitarji. L-isem taż-żona ħielsa minn organiżmi ta’ ħsara se jissemma’ taħt is-sezzjoni “post ta’ oriġini”; jew

(ċ)

joriġinaw f’post ta’ produzzjoni fejn l-ebda sinjali ta’ organiżmu speċifikat ma ġew osservati tul l-ispezzjonijiet uffiċjali fil-perjodu ta’ sentejn qabel l-esportazzjoni u ġew eżaminati minnufih qabel l-esportazzjoni.

II.   Kundizzjonijiet għall-moviment

Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Anness II, is-sezzjoni II ta’ din id-Deċiżjoni, l-Anness IV, il-Parti A, it-Taqsima II(4) u (5), l-Anness IV, il-Parti B(7), (8), (9), (10), (11), (12), (16) u (17) u l-Anness V, il-Parti A, it-Taqsimiet I(2.1) u II(1.1) tad-Direttiva 2000/29/KE, il-pjanti speċifikati kollha jew joriġinaw fil-Komunità jew huma importati fil-Komunità skond l-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni, bl-eċċezzjoni ta’ kwantitajiet żgħar ta’ pjanti għall-użu mis-sid jew mid-destinatarju għal finijiet mhux kummerċjali sakemm ma jkun hemm l-ebda riskju li l-organiżmu speċifikat jinxtered, jistgħu jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità biss jekk ikunu akkumpanjati minn passaport tal-pjanti mħejji u maħruġ skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/105/KEE (1) u:

(a)

tkabbru tul ħajjithom jew mill-introduzzjoni tagħhom fil-Komunità f’post ta’ produzzjoni ta’ Stat Membru fejn l-organiżmu mhux magħruf li jinstab; jew

(b)

tkabbru tul ħajjithom jew mill-introduzzjoni tagħhom fil-Komunità f’post ta’ produzzjoni f’żona ħielsa minn organiżmi ta’ ħsara, stabbilita mill-entità uffiċjali responsabbli fi Stat Membru, skond l-Istandards Internazzjonali rilevanti tal-Miżuri Fitosanitarji; jew

(ċ)

joriġinaw f’post ta’ produzzjoni fejn l-ebda sinjali ta’ organiżmu speċifikat ma ġew osservati tul l-ispezzjonijiet uffiċjali fi ħdan perjodu ta’ sentejn qabel il-moviment u ġew eżaminati minnufih qabel il-moviment.


(1)  ĠU L 4, 8.1.1993, p. 22. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2005/17/KE (ĠU L 57, 3.3.2005, p. 23).


ANNESS II

MIŻURI TA’ EMERĠENZA LI JISSEMMEW FL-ARTIKOLU 6 TA’ DIN ID-DEĊIŻJONI

I.   Definizzjoni ta’ żoni demarkati

1.

Iż-żoni demarkati li jissemmew fl-Artikolu 6 għandhom jikkonsistu mill-partijiet li ġejjin:

(a)

żona infestata fejn il-preżenza ta’ l-organiżmu speċifikat ġiet ikkonfermata u li tinkludi l-pjanti speċifikati kollha li juru sintomi kkaġunati mill-organiżmu speċifikat, u

(b)

żona ta’ lqugħ li għandha fruntiera mill-inqas kilometru ’il bogħod miż-żona infestata.

F’każi fejn bosta żoni ta’ lqugħ jidħlu f’xulxin jew li jkunu ġeografikament qrib xulxin, żona demarkata usa’ għandha tiġi ddefinita li tinkludi ż-żoni demarkati rilevanti u ż-żoni ta’ bejniethom.

2.

Id-delimitazzjoni eżatta taż-żoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ibbażata fuq prinċipji solidi xjentifiċi, il-bijoloġija ta’ l-organiżmu speċifikat u l-vektori tiegħu, il-livell ta’ infestazzjoni, il-perijodu tas-sena u d-distribuzzjoni partikolari tal-pjanti speċifikati fl-Istat Membru kkonċernat.

3.

Jekk tiġi kkonfermata l-preżenza ta’ l-organiżmu speċifikat ’il barra miż-żona infestata, id-delimitazzjoni taż-żona demarkati għandha tiġi rriveduta kif xieraq.

4.

Jekk, imsejjes fuq l-istħarriġ annwali msemmi fl-Artikolu 5.1, l-organiżmu speċifikat ma jinsabx f’żona demarkata għal perijodu ta’ mill-inqas sentejn konsekuttivi, din iż-żona ma tibqax teżisti u l-miżuri msemmija fis-sezzjoni II ta’ dan l-Anness ma jibqgħux ikunu bżonjużi.

II.   Miżuri f’żoni demarkati

Il-miżuri uffiċjali li jissemmew fl-Artikolu 6 li għandhom jittieħdu fiż-żoni demarkati għandhom jinkludu mill-inqas:

miżuri xierqa mmirati għall-qerda ta’ l-organiżmu speċifikat

sorveljanza intensiva għall-preżenza ta’ l-organiżmu speċifikat permezz ta’ spezzjonijiet xierqa.


Top