This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32005E0574
Council Joint Action 2005/574/CFSP of 18 July 2005 on support for IAEA activities in the areas of nuclear security and verification and in the framework of the implementation of the EU Strategy against Proliferation of Weapons of Mass Destruction
Azzjoni konġunta tal-Kunsill 2005/574/PESK tat- 18 ta' Lulju 2005 dwar sostenn għall-attivitajiet ta' l-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas ta' l-implementazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva
Azzjoni konġunta tal-Kunsill 2005/574/PESK tat- 18 ta' Lulju 2005 dwar sostenn għall-attivitajiet ta' l-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas ta' l-implementazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva
ĠU L 193, 23.7.2005, p. 44–50
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 310–316
(MT)
No longer in force, Date of end of validity: 17/10/2006
16.6.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
310 |
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2005/574/PESK
tat-18 ta' Lulju 2005
dwar sostenn għall-attivitajiet ta' l-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u l-verifika nukleari u fil-qafas ta' l-implementazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,
Billi:
(1) |
Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva, li fil-Kapitlu III tagħha fiha lista ta' miżuri sabiex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni u li jeħtieġu li jittieħdu kemm fi ħdan l-UE u f'pajjiżi terzi. |
(2) |
L-UE qiegħda timplementa b'mod attiv din l-Istrateġija u qiegħda tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b'mod partikolari billi tipprovdi riżorsi finanzjarji sabiex tappoġġja proġetti speċifiċi mmexxija minn istituzzjonijiet multilaterali, bħall-Aġenzija Internazzjonali ta' l-Enerġija Atomika (IAEA). |
(3) |
Fis-17 ta' Novembru 2003 il-Kunsill adotta il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/805/PESK dwar l-universalizzazzjoni u r-rinfurzar ta’ ftehim multilaterali fil-qasam ta' non-proliferazzjoni ta' l-armi ta' distruzzjoni massiva u l-mezzi kif jiġu inflitti (1). |
(4) |
Fis-17 ta’ Mejju 2004 l-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/495/PESK tas-17 ta' Mejju 2004 dwar sostenn għall-attivitajiet ta' l-IAEA taħt il-Programm ta' Sigurtà Nukleari tagħha u fil-kwadru ta' l-implementazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva (2). |
(5) |
Mindu, sa fejn hija kkonċernata l-UE, il-Kunsill adotta, fit-22 ta' Diċembru 2003, id-Direttiva 2003/122/EURATOM dwar il-kontroll ta' sorsi radjuattivi ssiġillati ta' attività għolja u ta' sorsi orfni (3), it-tisħiħ tal-kontroll ta' sorsi radjuattivi ta' attività għolja fil-pajjiżi terzi kollha, skond id-dikjarazzjoni tal-G-8 u l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-kontroll, għall-finijiet ta' sigurtà, ta' sorsi radjuattivi, jibqa' għan importanti li għandu jibqa' jiġi segwit. |
(6) |
L-universalizzazzjoni tal-Protokoll Addizzjonali ta' l-IAEA tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' verifika u tas-sistema ta' salvagwardji ta' l-IAEA. |
(7) |
L-IAEA ssegwi l-istess għanijiet stabbiliti fi (5), (6) u (7). Dan isir fil-kuntest tal-Kodiċi tal-Kondotta rivedut dwar is-Salvagwardja u s-Sigurtà ta' Sorsi Radjuattivi li ġie approvat mill-Bord tal-Gvernaturi ta' l-IAEA f'Settembru 2003 u ta' l-implementazzjoni tal-Pjan għas-Sigurtà Nukleari tagħha li huwa ffinanzjat permezz ta' kontribuzzjonijiet volontarji lill-Fond tas-Sigurtà Nukleari tagħha. L-IAEA hija mpenjata ukoll fi sforzi sabiex tissaħħaħ il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika ta' Materjal Nukleari u sabiex tippromwovi l-konklużjoni u l-implemenazzjoni tal-Protokoll Addizzjonali ta' l-IAEA. |
(8) |
Il-Kummissjoni aċċettat li tiġi fdata bis-superviżjoni ta' l-implementazzjoni adegwata tal-kontribuzzjoni ta' l-UE, |
ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:
Artikolu 1
1. Għall-finiijiet li jiġu implementati b'mod immedjat u prattiku wħud mill-elementi ta' l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva, l-UE għandha tappoġġja l-attivitajiet ta' l-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u verifika nukleari sabiex jintlaħqu għanijiet li ġejjin:
— |
it-titjib tal-protezzjoni ta' materjali u tagħmir li huma sensittivi għall-proliferazzjoni u l-abbiltà rilevanti, |
— |
it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' skoperta tat-traffikar illeċitu ta' materjali nukleari u ta' sustanzi radjuattivi, kif ukoll it-tisħiħ tar-risposta fil-konfront tagħhom, |
— |
il-progress lejn it-tisħiħ tas-salvagwardi ta' l-IAEA u b-mod partikolari, l-universalizzazjoni tal-Protokoll Addizzjonali ta' l-IAEA. |
2. Il-proġetti ta' l-IAEA, li jikkorrispondu għal miżuri ta' l-Istrateġija tal-UE, huma l-proġetti bil-għan li:
— |
jassistu l-Istati sabiex isaħħu l-Protezzjoni Fiżika ta' Materjali Nukleari u ta' Materjali Radjuattivi oħra fl-Użu, fil-Ħażna u matul it-Trasport, u ta' Faċilitajiet Nukleari, |
— |
jassistu l-Istati sabiex isaħħu s-Sigurtà ta' Materjali Radjuattivi f'Applikazzjonijiet mhux Nukleari, |
— |
jsaħħu l-kapaċitajiet, ta' l-Istati, ta' l-Iskoperta tat-Traffikar Illeċitu u ta' Risposta fil-konfront tiegħu. |
— |
jgħinu l-Istati fl-abbozzar tal-miżuri leġislattivi meħtieġa għall-implementazzjoni tal-Protokoll Addizzjonali ta' l-IAEA. |
Dawn il-proġetti jitwettqu f'pajjiżi li jeħtieġu għajnuna f'dawn l-oqsma.
Deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti msemmija hija esposta fl-Anness.
Artikolu 2
1. L-ammont finanzjarju ta' referenza għall-implementazzjoni tat-tliet proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) huwa ta' EUR 3 914 000.
2. L-amministrazzjoni ta' l-infiq iffinanzjat mill-budget ta' l-Unjoni Ewropea speċifikat fil-paragrafu 1 għandu jkun soġġett għall-proċeduri u r-regoli tal-Komunità li japplikaw għall-kwistjonijiet tal-budget bl-eċċezzjoni li kull pre-finanzjament ma għandux jibqa' proprjetà tal-Komunità.
3. Għall-finijiet ta' l-implementazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2), il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta' qafas finanzjarju ma' l-IAEA dwar il-kondizzjonijiet għall-użu tal-kontribuzzjoni ta' l-UE, li tkun f'għamla ta' għotja. Ftehim ta' finanzjament speċifiku għandu jiġi konkluż li għandu jistipula li l-IAEA għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni ta' l-UE, b'mod adegwat għad-daqs tiegħu.
4. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implementazzjoni korretta tal-kontribuzzjoni ta' l-UE imsemmija f'dan l-Artikolu. Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni għandha tiġi fdata bil-kontroll u l-valutazzjoni ta' l-aspetti finanzjarji ta' l-implementazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta kif imsemmija f'dan l-Artikolu.
Artikolu 3
Il-Presidenza, megħjuna mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli għall-PESK, għandha tkun responsabbli għall-implementazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta, f'assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni, u għandha tinforma lill-Kunsill dwar l-implementazzjoni tagħha.
Artikolu 4
Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw, fil-poteri rispettivi tagħhom, konsistenza bejn l-implementazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-attivitajiet esterni tal-Komunità skond l-Artikolu 3(2) tat-TUE. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw għal dan il-għan.
Artikolu 5
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.
Għandha tiskadi 15-il xahar wara li tiġi adottata.
Artikolu 6
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Brusell, 18 ta' Lulju 2005.
Għall-Kunsill
Il-President
J. STRAW
(1) ĠU L 302, 20.11.2003, p. 34.
(2) ĠU L 182, 19.5.2004, p. 46.
(3) ĠU L 346, 31.12.2003, p. 57.
ANNESS
Appoġġ ta' l-UE għall-attivitajiet ta' l-IAEA fl-oqsma tas-sigurtà u verifika nukleari u fil-kwadru ta' l-implementazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva
1. Deskrizzjoni
Il-Bord tal-Gvernaturi ta' l-Aġenzija Internazzjonali ta' l-Enerġija Atomika (IAEA) approva, f'Marzu 2002, pjan ta' attivitajiet ta' protezzjoni kontra t-terroriżmu nukleari (GOV/2002/10). Barra minn hekk, id-dokument: “Measures to Strengthen International Cooperation in Nuclear, Radiation, Transport Safety and Waste Management: Promoting Effective and Sustainable National Regulatory Infrastructure for the Control of Radiation Sources” (GOV/2004/52-GC(48)/15) jinkludi partijiet li huma relevanti għall-koperazjoni IAEA-UE taħt l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Profilazzjoni ta' l-Armi ta' Distruzzjoni Massiva. Dan jipprovdi approċċ komprensiv lejn is-sigurtà nukleari, inklużi l-kontrolli regolatorji, ir-responsabbiltà u l-protezzjoni ta' materjali nukleari u oħrajn radjuattivi li jintużaw, li jiġu maħżuna u li jiġu trasportati, “mill-bidu sat-tmiem”, għal perjodi ta' żmien qosra kif ukoll twal. Madankollu, jekk il-protezzjoni tfalli, jew fil-każ ta' materjal li għadu mhux soġġett għall-protezzjoni fil-post fejn jinsab, għandhom jiġu stabbiliti miżuri sabiex jiġu skoperti s-serq jew it-tentattivi sabiex l-materjal ikun is-suġġett ta' kuntrabandu.
Is-salvagwardji internazzjonali, kif implementati mill-IAEA, jirrappreżentaw metodu ċentrali għall-verifika tat-twettiq min-naħa ta' Stati ta' impenji li ma jużawx materjal jew teknoloġija nukleari sabiex jiżviluppaw armi nukleari jew mezzi splussivi nukleari oħra. Il-konklużjoni ta' ftehim komprensiv ta' salvagwardi (1) u Protokoll addizzjonali (2) għalih huwa impenn importanti assunt minn Stat fir-rigward tas-sigurtà u l-kontroll ta' materjal nukleari u ta' materjal u attivitajiet relatati man-nukleari fit-territorju tiegħu, taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu jew imwettqa taħt il-kontroll tiegħu kullimkien. F'dan ir-rigward, huwa importanti ħafna li tkun fis-seħħ il-liġi implementattiva nazzjonali meħtieġa sabiex entitajiet governattivi awtorizzati jkunu jistgħu jeserċitaw il-funzjonijiet regolatorji meħtieġa u jikkontrollaw il-imġieba ta' kull persuna impenjata f'attivitajiet regolati.
Hemm domanda kbira għall-appoġġ għal dawn l-isforzi fl-Istati Membri kollha ta' l-IAEA li għadhom mhumiex membri ta' l-IAEA. Madankollu, il-proġetti konnessi mat-tisħiħ tas-sigurtà nukleari huma kkonċentrati primarjament fuq pajjiżi fl-Ewropa tax-Xlokk: il-Bulgarija, it-Turkija; l-Albanija, il-Bosnja u Ħerzegovina, il-Kroazja, is-Serbja u l-Montenegro, u dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Moldova u r-Rumanija, u fir-reġjun ta' l-Asja Ċentrali: il-Kazakhstan, il-Kyrgyzstan, l Uzbekistan, it-Tajikistan u it-Turkmenistan, u r-reġjun tal-Kawkasu: l-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja, fl-Afrika ta' Fuq, il-Marokk, l-Alġerija, t-Tuneżija u l-Eġittu, u fir-reġjun tal-Mediterran u fil-Lvant Nofsani: il-Libanu, s-Sirja, l-Iżrael u l-Ġordan. L-attivitajiet taħt il-proġett dwar l-għajnuna fl-iżvilupp ta' leġislazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-ftehim tas-salvagwardji u tal-Protokoll addizzjonali (Proġett 4), jiġi implementat fil-pajjiżi identifikati bħala riżultat ta' prijoritajiet politiċi stabbiliti mill-UE.
Għall-ewwel, il-htiġijiet għal sigurtà nukleari mtejba jiġu valutati fil-pajjiżi l-ġodda ta' l-Azzjoni Konġunta tal-UE sabiex jiġu identifikati l-prijoritajiet għas-sostenn. Għal dak l-iskop, grupp ta' esperti rikonoxxuti sejrin jagħmlu valutazzjoni ta' l-istatus attwali ta' miżuri ta' sigurtà nukleari li diġà jeżistu f'dawn il-pajjiżi u sejrin jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar titjib. Ir-rakkomandazzjonijiet iservu bħala bażi għad-definizzjoni ta' l-għajnuna sussegwenti, u sejrin ikopru l-istatus attwali u l-ħtieġa ta' titjib fir-rigward ta' prevenzjoni, skoperta u reazzjoni għal atti malizzjużi li jinvolvu materjali nukleari u materjali oħra radjuattivi, inklużi dawk ta' użu mhux nukleari, u ta' faċilitajiet nukleari.
Bħala riżultat ta' din il-valutazzjoni, jiġu stabbiliti prijoritajiet fl-identifikazzjoni ta' numru massimu ta' pajjiżi għal kull proġett li jkun kopert mill-budget u li jsir disponibbli permezz ta' l-appoġġ ta' l-UE.
Sussegwentement, il-proġetti jiġu implementati fil-pajjiżi magħżula f-erba' oqsma:
1. Tisħiħ tal-Protezzjoni Fiżika ta' Materjali Nukleari u ta' Materjali Radjuattivi oħra li jintużaw, li jiġu maħżuna u li jiġu Trasportati, u ta' Faċilitajiet Nukleari
Għandu jingħata kont adegwat tal-materjali użati jew maħżuna f'impjanti u tal-postijiet nukleari u dawn għandhom jiġu protetti sabiex jiġi pprevenut is-serq jew is-sabotaġġ. Sistema regolatorja effettiva għandha tidentifika dawk l-elementi li l-implementazzjoni tagħhom tkun meħtieġa fil-livell ta' l-Istat u ta' l-operatur.
Numru massimu ta' sitt pajjiżi sejrin jintgħażlu għall-Proġett 1.
2. Tisħiħ tas-Sigurtà ta' Materjali Radjuattivi f'Applikazzjonijiet mhux Nukleari
Dan il-proġett jinkludi żewġ oqsma ta' attività differenti; wieħed li fih tiġi stabbilita/mtejba l-infrastruttura regolatorja u wieħed li fih jiġu żarmati u eliminati sorsi mhux użati.
Materjali radjuattivi huma spiss użati f'applikazzjonijiet mhux nukleari, per eżempju, f'użu mediku jew industrijali. Xi uħud minn dawn is-sorsi huma radjuattivi ħafna, u jaqgħu fil-kategoriji 1-3, kif definiti fid-dokument ta' l-IAEA “Categorization of Radioactive Sources”. Jekk dawn is-sorsi ma jkunux kontrollati u mħarsa kif jixraq, jistgħu jaqgħu f'idejn żbaljati u jiġu użati f'attivitajiet malizzjużi. L-infrastruttura regolatorja tas-salvagwardja mir-radjazzjoni u tas-sigurtà tas-sorsi radjuattivi għandha tkun effikaċi u tiffunzjona adegwatament skond l-istandards internazzjonali, il-linji gwida tal-Kodiċi tal-Kondotta dwar is-Salvagwardja u s-Sigurtà ta' Sorsi Radjuattivi u l-aħjar prattiċi. Numru massimu ta' sitt pajjiżi sejrin jintgħażlu għal dan il-qasam ta' attività għall-Proġett 2.
Hija ta' importanza kbira li sorsi qawwija u vulnerabbli ikunu fiżikament protetti minn atti malizzjużi meta jiġu wżati jew maħżuna, u meta ma jkunux meħtieġa iżjed għandhom jiġu żarmati u mwarrba bħala skart radjuattiv f'depożitu protett u sigur. Numru massimu ta' sitt pajjiżi sejrin jintgħażlu għal dan il-qasam ta' attività għall-Proġett 2.
3. Tisħiħ tal-Kapaċitajiet ta' Stati għall-Iskoperta u ta' Risposta għat-Traffikar Illeċitu
It-traffikar illeċitu jikkostitwixxi sitwazzjoni li tinvolvi r-riċeviment, jew il-fornitura, jew l-użu, jew it-trasferiment jew ir-rimi ta' materjal nukleari u ta' materjali radjuattivi oħra, bi ħsieb jew mingħajr ħsieb, u permezz ta' jew mingħajr qsim ta' fruntieri internazzjonali.
Mezz splussiv nukleari ta' għamla mhux raffinata, magħmul minn terrorista, jew mezz ta' dispersjoni radjoloġika ma jistgħux jiġu mibnija mingħajr l-akkwist tal-materjal permezz tat-traffikar illeċitu. Barra minn dan, jista' jiġi akkwistat permezz tat-traffikar illeċitu anke t-tagħmir sensittiv u t-teknoloġija sabiex jiġi prodott materjal sensittiv għal xi mezz splussiv nukleari mhux raffinat jew sabiex jinbena dan. Wieħed jista' jassumi li jkun meħtieġ il-moviment transkonfinali ta' materjal jew teknoloġija sabiex il-materjal jasal fl-aħħar destinazzjoni tiegħu. Sabiex jikkumbattu t-traffikar illeċitu, l-Istati għalhekk jeħtieġu li jkunu stabbiliti s-sistemi regolatorji neċessarji, kif ukoll is-sistemi tekniċi (inklużi strumenti ta' użu faċli) u proċeduri u nformazzjoni disponnibbli fl-istazzjonijiet tal-fruntiera sabiex jiġu skoperti tentattivi ta' kuntrabandu ta' materjali radjuattivi (inklużi materjali fissili u radjuattivi) jew il-kummerċ mhux awtoriżżat ta' tagħmir u teknoloġija sensittivi.
Għandhom ukoll ikunu stabbiliti miżuri effettivi li jirrispondu għal atti bħal dawn u sabiex jirrispondu wkoll għall-ħtif ta' kull materjal radjuattiv. Il-persunal ta' l-infurzar tal-liġijiet (tad-dwana, tal-pulizija, eċċ.) ħafna drabi ma jkunx imħarreġ fl-użu ta' tagħmir għall-iskoperta, u b'hekk it-tagħmir u t-teknoloġija sensittivi jistgħu ma jkunx familjari għalih. It-taħriġ ta' dawn l-uffiċjali huwa għalhekk essenzjali għas-suċċess ta' kwalunkwe miżura li tiġi stabbilita għall-iskoperta tat-traffikar illeċitu. Għandu jiġi offrut taħriġ differenti lill-persunal ta' kategoriji differenti, kemm fl-użu ta' strumenti ta' skoperta kif ukoll sabiex jifhmu l-qari ta' l-istrument, sabiex ikunu kapaċi jiddeterminaw il-miżuri li konsegwentement ikunu meħtieġa.
4. Għajnuna Leġislattiva għall-Implementazzjoni ta' l-Obbligi ta' l-Istati taħt il-Ftehim dwar Salvagwardji ta' l-IAEA u l-Protokolli Addizzjonali
Il-konklużjoni ta' Ftehim dwar salvagwardji u ta' Protokolli addizzjonali ma' l-IAEA hija miżura effikaċi li tippromwovi kontroll strett nazzjonali u internazzjonali ta' materjal nukleari u teknoloġiji relatati. Filwaqt li hemm xi impenji u elementi ċentrali li l-Istati huma obbligati jimplementaw fil-leġislazzjoni nazzjonali fir-rigward ta' salvagwardji, li huma relevanti għas-sigurtà u l-kontroll ta' materjal nukleari u ta' materjal u attivitajiet relatati man-nukleari, hemm ukoll impenji ulterjuri li l-Istati għandhom iwettqu sabiex jikkonformaw ma' l-impenji internazzjonali tagħhom għall-finijiet tas-salvagwardji. F'dan ir-rigward il-leġislazzjoni implementattiva nazzjonali għandha tipprovdi qafas ta' prinċipji u ta' dispożizzjonijiet ġenerali li jippermettu lill-entitajiet governattivi awtorizzati jeżerċitaw il-funzjonijiet regolatorji neċessarji u li jirregola l-komportament ta' kull persuna involuta f'attivitajiet regolati.
Huwa importanti li l-leġislazzjoni implementattiva nazzjonali tidentifika b'mod ċar l-attivitajiet nukleari, l-installazzjonijiet, il-faċilitajiet u l-materjal li għalihom japplikaw is-salvagwardji. Barra minn dan, l-Istati li kkonkludew Protokoll addizzjonali għandhom jiżguraw it-titjib tal-leġislazzjoni implementattiva nazzjonali tagħhom sabiex l-Istat konċernat ikun jista' jikkonforma ma' l-obbligi addizzjonali taħt il-Protokoll addizzjonali. B'mod partikolari, il-leġislazzjoni domestika ta' l-Istat għandha tiġi riveduta sabiex jitwessgħu r-responsabbilitajiet u s-setgħat tal-korp regolatorju, maħtur sabiex jimplementa u japplika l-ftehim ta' salvagwardji konklużi.
Il-benefiċjarji tal-proġett sejrin ikunu l-pajjiżi mmirati li jiġu magħżula.
2. Għanijiet
Għan globali: It-tisħiħ tas-sigurtà nukleari f'pajjiżi magħżula.
2.1. Fażi ta' Valutazzjoni: Il-finanzjament ta' Missjonijiet Internazzjonali għas-Sigurtà Nukleari
Il-valutazzjoni sejra issir mill-IAEA sabiex tidentifika ħtiġijiet ta' tisħiħ tas-sigurtà nukleari f'kull wieħed minn dawk il-pajjiżi msemmija fil-punt 1, fejn tali valutazzjoni ma ġietx imwettqa. Il-valutazzjoni għandha tkopri, skond il-ħtieġa, il-protezzjoni fiżika u s-sigurtà ta' applikazzjonijiet nukleari u mhux nukleari, l-infrastruttura regolatorja meħtieġa għas- salvagwardja mir-radjazzjoni u għas-sigurtà tas-sorsi radjuattivi, kif ukoll il-miżuri stabbiliti għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu. Ir-riżultati tal-valutazzjoni globali għandhom jintużaw bħala bażi għall-għażla tal-pajjiżi fejn il-proġetti jiġu implementati.
Il-proġetti, bħala parti mill-missjoni mifruxa għas-sigurtà nukleari msemmija hawn fuq, sejrin:
— |
jagħmlu valutazzjoni, f'kull pajjiż, ta' l-istatus ta' protezzjoni fiżika ta' materjali nukleari u materjali oħra radjuattivi, u tal-protezzjoni ta' kwalunkwe installazzjoni jew post nukleari jew ta' riċerka fejn ikunu wżati jew maħżuna dawn il-materjali, u jidentifikaw grupp subordinat ta' faċilitajiet u postijiet li jikkontjenu dawn il-materjali sabiex jintgħażlu għal titjib u sostenn sussegwenti, |
— |
jagħmlu valutazzjoni, f'kull pajiż, ta' kwalunkwe ħtieġa fir-rigward tat-titjib tas-sigurtà ta' sorsi radjuattivi, jidentifikaw kwalunkwe punt dgħajjef u defiċjenza fl-implementazzjoni ta' l-istandards internazzjonali u tal-Kodiċi tal-Kondotta li jkun jeħtieġ miljorament fl-infrastruttura regolatorja, u jidentifikaw il-ħtieġa ta' protezzjoni addizzjonali ta' sorsi qawwija u vulnerabbli. Jiġi wkoll determinat it-tagħmir speċifiku meħtieġ sabiex jagħti protezzjoni bħala riżultat tal-valutazzjoni, |
— |
jagħmlu valutazzjoni, f'kull pajjiż ta' l-istatus attwali tal-kapaċità għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu u jidentifikaw il-ħtiġijiet sabiex isir it-titjib meħtieġ. |
2.2. Implementazzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi definiti bħala prijoritajiet bħala riżultat tal-fażi ta' valutazzjoni
Proġett 1
Tisħiħ tal-Protezzjoni Fiżika ta' Materjali Nukleari u ta' Materjali Radjuattivi oħra fl-Użu, fil-Ħażna u matul it-Trasport, u fil-Faċilitajiet Nukleari.
Għan tal-proġett: it-tisħiħ tal-protezzjoni fiżika ta' materjali nukleari u radjuattivi oħra fil-pajjiżi magħżula.
Riżultati tal-proġett:
— |
it-titjib fil-kwalità tal-protezzjoni fiżika ta' faċilitajiet magħżula u ta' postijiet li għandhom prijorità, |
— |
it-titjib, permezz ta' għajnuna esperta, ta' l-infrastruttura regolatorja nazzjonali għall- protezzjoni fiżika, |
— |
l-għoti ta' taħriġ lill-persunal fil-pajjiżi magħżula. |
Proġett 2
Tisħiħ tas-Sigurtà ta' Materjali Radjuattivi f'Applikazzjonijiet mhux Nukleari
Għan tal-proġett: it-tisħiħ tas-sigurtà ta' materjali radjuattivi f'applikazzjonijiet mhux nukleari fil-pajjiżi magħżula.
Riżultati tal-proġett:
— |
l-istabbiliment/it-titjib ta' l-infrastruttura regolatorja nazzjonali għall-protezzjoni mir-radjazzjoni u għas-sigurtà ta' sorsi radjuattivi permezz ta' Valutazzjoni ta' l-Infrastruttura fir-rigward tas-Salvagwardja mir-Radjazzjoni u tas-Sigurtà ta' Sorsi Radjuattivi (RaSSIA), ta' servizzi ta' konsulenza, ta' tagħmir u ta' taħriġ, skond l-istandards internazzjonali, il-linji gwida tal-Kodiċi tal-Kondotta dwar is-Salvagwardja u s-Sigurtà ta' Sorsi Radjuattivi u l-aħjar prattiċi. |
— |
il-protezzjoni jew, skond il-każ, iż-żarmar jew ir-rimi bħala skart ta' sorsi vulnerabbli prottetti fil-pajjiżi magħżula. |
Proġett 3
Tisħiħ tal-Kapaċitajiet ta' l-Istati għall-Iskoperta u ta' Risposta għat-Traffikar Illeċitu
Għan tal-proġett: it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' l-Istati għall-iskoperta u ta' risposta għat-traffikar illeċitu fil-pajjiżi magħżula.
Riżultati tal-proġett:
— |
il-ġbir u l-valutazzjoni ta' informazzjoni aħjar dwar it-traffikar nukleari illeċitu, minn sorsi miftuħa u mill-punti ta' kuntatt ta' Stati, għat-titjib ta' l-informazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi tat-traffikar nukleari illeċitu. Din l-informazzjoni għandha wkoll tgħin għall-prioritarizzazzjoni ta' l-attivitajiet differenti mwettqa fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu, |
— |
l-istabbiliment, permezz ta' għajnuna esperta, ta' oqsfa nazzjonali fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu u t-titjib tal-koordinament nazzjonali tal-kontroll tal-moviment transkonfinali ta' materjali radjuattivi, ta' tagħmir u teknoloġija nukleari sensittivi fil-pajjiżi magħżula, |
— |
it-titjib tal-kwalità ta' tagħmir ta' sorveljanza konfinarja f'punti magħżula ta' qsim tal-fruntieri, |
— |
l-għoti ta' taħriġ lill-persunal ta' l-infurzar tal-liġi. |
Proġett 4
Għajnuna Leġislattiva għall-Implementazzjoni ta' l-Obbligi ta' l-Istati taħt il-Ftehim dwar Salvagwardji ta' l-IAEA u l-Protokolli Addizzjonali
Għan tal-proġett: it-tisħiħ ta' l-oqsfa leġislattivi nazzjonali għall-implementazzjoni ta' ftehim dwar salvagwardja u tal-protokoll addizzjonali konklużi bejn Stati u l-IAEA.
Il-proġett jikkonsisti f'żewġ fażijiet: fażi preparatorja u fażi implementattiva:
— |
il-fażi preparatorja tikkonsisti fl-identifikazzjoni ta' Istati li m'adottawx il-leġislazzjoni implementattiva meħtieġa skond il-ftehim dwar salvagwardja u l-protokolli addizzjonali konklużi ma' l-IAEA. Din l-identifikazzjoni sejra titwettaq mill-UE. Barra minn dan, hija tinkludi l-iżvilupp ta' materjali ġeneriċi (jiġifieri moduli leġislattivi), meħuda minn eżempji ta' leġislazzjoni nazzjonali eżistenti ta' diversi Stati, sabiex jintużaw bħala bażi għat-tfassil ta' dawk l-eżempji għall-ħtiġijiet nazzjonali rispettivi u għall-kondizzjonijiet ta' l-Istati mmirati. |
— |
il-fażi ta' implementazzjoni tikkonsisti fl-għoti ta' għajnuna leġislattiva bilaterali lill-Istati mmirati fl-abbozzar u/jew ir-reviżjoni tal-liġi nazzjonali, bl-użu tal-moduli żviluppati fil-fażi preparatorja. |
Riżultati tal-proġett:
— |
l-iżvilupp u l-adozzjoni (fil-lingwi nazzjonali) tal-leġislazzjoni nazzjonali meħtieġa sabiex l-Istati jkunu jistgħu jikkonformaw ma' l-obbligi tagħhom taħt il-ftehim dwar salvagwardja u l-protokolli addizzjonali. |
3. Tul ta’ żmien
Il-valutazzjoni tiġi mwettqa matul perjodu ta' tliet xhur wara li jidħol fis-seħħ il-Ftehim dwar il-Kontribuzzjoni ta' l-UE bejn il-Kummissjoni u l-IAEA. L-erba' proġetti jsiru fl-istess żmien matul it-tnax-il xahar sussegwenti.
It-tul ta' żmien totali stmat għall-implementazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta huwa ta' 15-il xahar.
4. Benefiċjarji
Il-benefiċjarji huma l-pajjiżi fejn jiġu mwettqa l-valutazzjoni u l-proġetti sussegwenti. L-awtoritajiet tagħhom jiġu assistiti sabiex jidentifikaw il-punti dgħajfa u jirċievu sostenn sabiex tinstab soluzzjoni u tiżdied is-sigurtà.
5. Entità ta' implementazzjoni
L-IAEA sejra tiġi fdata bl-implementazzjoni tal-proġetti. Il-missjonijiet internazzjonali ta' sigurtà nukleari sejrin jitwettqu skond il-mod standard ta' operazzjoni għal missjonijiet ta' l-IAEA, li jsiru minn esperti ta' l-Istati Membri ta' l-IAEA. L-implementazzjoni ta' l-erba' proġetti sejra ssir direttament mill-persunal ta' l-IAEA, u mill-esperti jew kuntratturi magħżula ta' l-Istati Membri ta' l-IAEA. Fil-każ ta' kuntratturi, l-akkwist pubbliku ta' kwalunkwe prodott, xogħol jew servizz mill-IAEA fil-kuntest ta' din l-Azzjoni Konġunta għandu jsir skond ir-regoli u l-proċeduri applikabbli ta' l-IAEA, kif dettaljat fil-Ftehim dwar il Kontribuzzjoni ta' l-UE ma' l-IAEA.
6. Parteċipanti terzi
Il-proġetti sejrin jiġu ffinanzjati 100 % permezz ta' din l-Azzjoni Konġunta. L-esperti ta' l-Istati Membri ta' l-IAEA jistgħu jitqiesu bħala parteċipanti terzi. Huma sejrin jaħdmu skond ir-regoli operazzjonali standard stabbiliti għall-esperti ta' l-IAEA.
7. Stima ta' finanzi meħtieġa
Il-kontribuzzjoni ta' l-UE sejra tkopri l-missjoni tal-valutazzjoni u ta' l-implementazzjoni ta' l-erba' proġetti kif deskritt fil-punt 2.2. L-ispejjeż ġew stmati kif ġej:
Valutazzjoni tas-sigurtà nukleari, inklużi missjonijiet |
EUR 140 000 |
Proġett 1 |
EUR 1 100 000 |
Proġett 2 |
EUR 1 250 000 |
Proġett 3 |
EUR 1 114 000 |
Proġett 4 |
EUR 200 000 |
Addizzjonalment, hija inkluża riżerva ta' kontinġenza ta' madwar 3 % ta' l-ispejjeż aċċettabbli (għal ammont totali ta' EUR 110 000) għal spejjez mhux mistennija.
8. Ammont finanzjarju ta' referenza sabiex tiġi koperta l-ispiża tal-proġett
L-ispiża totali tal-proġett hija ta' EUR 3 914 000.
(1) L-Istruttura u l-Kontenut tal-Ftehim Bejn l-Aġenzija u Stati Meħtieġa b'Konnessjoni mat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni ta' l-Armi Nukleari, li kienet adottata mill-Bord ta' Gvernaturi ta' l-IAEA fl-1972 (INFCIRC/153 (Corr.)).
(2) Protokoll Mudell Addizzjonali għall-Ftehim bejn l-Istati(i) u L-Aġenzija Internazzjonali ta' l-Enerġija Atomika għall-Applikazzjoni ta' Salvagwardji, li kien approvat mill-Bord ta' Gvernaturi ta' l-IAEA fl-1997 (INFCIRC/540 (Corr.)).