Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0113

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' April 2022 dwar il-bidu tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni 2021-2027 (2022/2527(RSP))

ĠU C 434, 15.11.2022, pp. 28–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 434, 15.11.2022, p. 21–21 (GA)

15.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 434/28


P9_TA(2022)0113

Implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni 2021-2027

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' April 2022 dwar il-bidu tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni 2021-2027 (2022/2527(RSP))

(2022/C 434/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 4, 162, 174-178 u 349 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni) (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni (4),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1059 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta' finanzjament estern (5),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Frar 2022 intitolata “It-tmien Rapport dwar il-Koeżjoni: Il-koeżjoni fl-Ewropa sal-2050” (COM(2022)0034),

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Marzu 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u r-Regolament (UE) Nru 223/2014 fir-rigward tal-Azzjoni ta' Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE) (COM(2022)0109),

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni 2021-2027 (O-000002/2022 – B9-0006/2022),

wara li kkunsidra l-Artikolu 136(5) u l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-politika ta' koeżjoni tirrappreżenta kontinwament il-politika ewlenija ta' investiment u solidarjetà fil-livell tal-UE għall-ugwaljanza soċjali u t-tranżizzjoni ġusta, u hija katalista stabbilita għat-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli, għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE, u għall-kisba tal-miri klimatiċi tal-UE, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, permezz ta' baġit li jammonta għal EUR 392 biljun sal-2027;

B.

billi l-pandemija kienet ir-raġuni ewlenija għad-dewmien fin-negozjati tal-politika ta' koeżjoni u dan ikkawża dewmien sussegwenti biex jiġi adottat il-qafas leġiżlattiv għall-perjodu ta' finanzjament 2021-2027; billi l-maġġoranza tal-Istati Membri ma rnexxilhomx iħaffu t-tħejjija tal-proċess ta' programmazzjoni;

C.

billi l-prijoritizzazzjoni biex jitħejjew il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll l-infiq ta' REACT-EU, għalkemm kienet meħtieġa fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, ikkontribwiet involontarjament għad-dewmien imsemmi hawn fuq;

D.

billi l-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni għandu jkun konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-istat tad-dritt u l-kodiċi ta' kondotta Ewropew dwar is-sħubija;

E.

billi, skont l-aħħar informazzjoni disponibbli, il-programmi u l-ftehimiet ta' sħubija huma għodod strateġiċi biex jiggwidaw l-investimenti fl-Istati Membri u r-reġjuni, iżda s'issa ftit biss ġew ippreżentati u waħda biss (fil-Greċja) ġiet adottata;

F.

billi bħala riżultat ta' dan ta' hawn fuq ġew impenjati biss 0,2 % tal-approprjazzjonijiet ta' impenn ippjanati għall-2021 taħt l-Intestatura 2.1: “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”, ammont li huwa ferm inqas meta mqabbel mal-2014 (4,22 %), anke minħabba l-prijorità mogħtija lil fondi u lil inizjattivi ġodda, bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, React-EU u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta;

G.

billi l-Kummissarju għall-Baġit u l-Amministrazzjoni stqarr li huwa jistenna li kważi l-allokazzjoni baġitarja kollha tal-2021 ikollha tiġi riprogrammata għas-snin ta' wara, fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (6);

1.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-dewmien sinifikanti biex tiġi implimentata l-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2021-2027, filwaqt li jagħraf li huwa importanti li programmi ta' kwalità għolja jiġu adottati fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni sabiex tiġi evitata r-riprogrammazzjoni fi stadju ulterjuri;

2.

Jisħaq li d-dewmien attwali qed jisfida l-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jippjanaw b'mod effettiv, jimplimentaw il-fondi tal-politika ta' koeżjoni tal-UE għall-perjodu 2021-2027 u jiżguraw l-irkupru ekonomiku u r-reżiljenza tar-reġjuni Ewropej;

3.

Ifakkar li l-politika ta' koeżjoni, flimkien mal-kofinanzjament garantit mill-Istati Membri, tkompli tipprevedi proporzjon kbir tan-nefqa pubblika marbuta mat-tkabbir fl-UE u hija strument importanti maħsuba biex tiġġieled kontra t-tibdil fil-klima u tappoġġa l-kisba tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi; jisħaq li għalhekk huwa imperattiv li tinbeda l-implimentazzjoni tal-programmi l-ġodda malli jiġu adottati sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE, jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi bejn il-pajjiżi u r-reġjuni u fi ħdanhom, jitwettqu l-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, b'mod partikolari tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta u inklużiva, jiġu massimizzati r-riżultati tal-investimenti fit-tkabbir sostenibbli, tiżdied il-produttività, tingħata spinta lill-ħolqien tal-impjiegi, jiġi miġġieled it-telfien tal-bijodiversità u jkun hemm konformità mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”;

4.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-almu tagħhom biex iħaffu l-adozzjoni ta' programmi u ftehimiet ta' sħubija fl-iqsar żmien possibbli mingħajr ma jdgħajfu l-miri ta' kontribut klimatiku, il-prinċipju ta' sħubija u l-proċess ta' konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, filwaqt li jinkoraġġixxu l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità u approċċi oħra minn isfel għal fuq; jesiġi, b'mod partikolari, li l-Kummissjoni – filwaqt li tkompli tagħti attenzjoni partikolari lill-kwalità, lill-prinċipji orizzontali u lill-ħtieġa li titkompla l-ġlieda kontra l-frodi – tanalizza l-modi kollha possibbli biex tissimplifika l-proċeduri interni tagħha ħalli tappoġġa dan il-proċess;

5.

Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-politika ta' koeżjoni u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza bħala tandem baġitarju u operazzjonali, minflok ma jagħtu prijorità lill-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza a skapitu tal-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi ta' koeżjoni; iqis li huwa fundamentali li tiġi stabbilita komplementarjetà fi ħdan il-programmi ta' koeżjoni u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u bejniethom, u li jiġu evitati duplikazzjonijiet fl-implimentazzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipju tal-addizzjonalità tar-riżorsi rigward il-programmi ta' koeżjoni;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tisfrutta bis-sħiħ il-possibbiltajiet eżistenti fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni attwali biex il-programmi u l-ftehimiet ta' sħubija jiġu approvati b'pass aktar mgħaġġel, filwaqt li tirrispetta l-Kodiċi ta' Kondotta dwar is-Sħubija;

7.

Jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, tikkoopera mal-Istati Membri u tippreżenta lill-Parlament il-miżuri li biħsiebha tieħu biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-programmi, flimkien mal-iskeda ta' żmien prevista;

8.

Jinsab imħasseb li kwalunkwe sottoimplimentazzjoni perċepita jaf twassal għal sejħiet biex jitnaqqas il-baġit tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tressaq pjan ta' kontinġenza biex ittaffi r-riskju ta' sottoimplimentazzjoni u diżimpenji minħabba li l-programmi nbdew tard permezz ta' proposta leġiżlattiva matul ir-rieżami ta' nofs it-terminu u, jekk ikun meħtieġ, permezz ta' reviżjoni korrispondenti tal-qafas finanzjarju pluriennali;

9.

Jissottolinja li d-dewmien attwali fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni 2021-2027 ixekkel il-kapaċità tal-Istati Membri li jirreaġixxu, fil-kuntest tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, mhux biss għall-kriżi tal-enerġija u tal-provvista, iżda wkoll għall-kriżi tar-refuġjati fuq perjodu medju u twil; jilqa' l-flessibbiltà temporanja u l-miżuri addizzjonali offruti mill-proposta CARE u l-aħħar proposta tal-Kummissjoni biex jiżdied il-prefinanzjament, li se jgħinu biex tiżdied il-kapaċità tal-Istati Membri li jirreaġixxu għal din il-kriżi umanitarja; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li CARE ma jkollhiex impatt baġitarju negattiv u ma taffettwax il-programmi, il-proġetti u l-investimenti li għaddejjin bħalissa; jisħaq, madankollu, li CARE u l-użu propost tal-finanzjament ta' REACT-EU jaf ma jkunux biżżejjed fil-kuntest tal-kriżi attwali tar-refuġjati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivverifika jekk ikunx possibbli li l-fondi tal-2022 għall-perjodu ta' finanzjament attwali, li jaf jiġu diżimpenjati minħabba dewmien fil-programmazzjoni, jintużaw għal CARE II, sabiex tiġi żgurata kura kontinwa għar-refuġjati;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

(1)  ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159.

(2)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.

(3)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(4)  ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60.

(5)  ĠU L 231, 30.6.2021, p. 94.

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).


Top