This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022XC0801(01)
Publication of the single document referred to in Article 94(1)(d) of Regulation (EU) No 1308/2013 of the European Parliament and of the Council and of the reference to the publication of the product specification for a name in the wine sector 2022/C 293/09
Pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid 2022/C 293/09
Pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid 2022/C 293/09
C/2022/5362
ĠU C 293, 1.8.2022, p. 11–16
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
1.8.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 293/11 |
Pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid
(2022/C 293/09)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien xahrejn mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
Corrèze
PDO-FR-02407
Data tal-applikazzjoni: 20.12.2017
1. Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni
Corrèze
2. Stat membru
Franza
3. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta
4. Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli
1. |
Inbid |
15. |
Inbid magħmul minn għeneb imqadded |
5. Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed
1. Inbejjed ħomor bla gass
DESKRIZZJONI TESTWALI KONĊIŻA
Dawn l-inbejjed ġeneralment ikunu ta’ kulur minn lewn ir-rubin sa lewn il-granata bi sfumaturi vjola. Fwieħet l-inbid hija kkaratterizzata minn irwejjaħ evokattivi ħafna, prinċipalment ta’ frott aħmar b’noti ta’ ħwawar. Fil-palat, dawn l-inbejjed huma rinfreskanti u għandhom bilanċ armonjuż. Jekk jiġu mmaturati fi btieti tal-injam, kif ġieli jsir, dawn l-inbejjed jiżviluppaw tannini b’sensazzjoni tal-ħarir fil-palat, b’aromi kumplessi li jvarjaw minn noti ta’ tartufi għal inbejjed eqdem, li jiżviluppaw fwieħa aktar qawwija ta’ ġewż, għal noti ta’ vanilla għall-inbejjed aktar reċenti. Dawn l-inbejjed jesprimu tajjeb ħafna l-kwalitajiet tal-għenba Cabernet Franc N, li kultant titħallat ma’ varjetajiet sekondarji bħal Cabernet Sauvignon N u Merlot N, li jwasslu għal kumplessità u qawwa aromatika. Jistgħu jiġu apprezzati mingħajr ma jitqaddmu, imma ta’ min jistenna sa 5 snin qabel ma jinxtorbu.
Dawn l-inbejjed għandhom qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ta’ 11 %.
Il-kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju + fruttożju) tagħhom huwa ta’ ≤ 4 g/l.
Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali tal-inbejjed skont il-volum ma taqbiżx it-12,5 %.
Il-fermentazzjoni malolattika hija obbligatorja għal dawn l-inbejjed, li l-kontenut ta’ aċidu maliku tagħhom huwa ta’ ≤ 0,4 g/l.
Il-karatteristiċi analitiċi l-oħra huma kif stipulati mil-leġiżlazzjoni tal-UE.
Karatteristiċi analitiċi |
|
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) |
|
Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum) |
|
Aċidità totali minima |
f’milliekwivalenti għal kull litru |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) |
|
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru) |
|
2. Inbejjed bojod mhux ħelwin bla gass
DESKRIZZJONI TESTWALI KONĊIŻA
L-inbejjed bojod mhux ħelwin, magħmulin biss mill-varjetà tal-għeneb Chenin B, ġeneralment ikollhom kulur isfar ċar, bi sfumaturi lewn id-deheb. Dawn huma nbejjed aromatiċi ħafna b’noti ta’ fjuri u frott abjad u kultant bi rwejjaħ ta’ għasel. Fil-palat jagħtu sensazzjoni friska u tal-frott, huma vivaċi u qawwija b’togħma li ddum tintiegħem b’noti ta’ fjuri u minerali.
Dawn l-inbejjed għandhom qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ta’ 10 %.
Il-kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju + fruttożju) tagħhom huwa ta’ ≤ 4 g/l. Dan il-kontenut jista’ jiżdied għal 9 grammi għal kull litru, jekk l-aċidità totali espressa bħala grammi ta’ aċidu tartariku għal kull litru ma tkunx aktar minn 2 grammi taħt il-kontenut ta’ zokkor residwu.
Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali tal-inbejjed skont il-volum ma tridx tkun aktar minn 12,5 %.
Il-karatteristiċi analitiċi l-oħra huma kif stipulati mil-leġiżlazzjoni tal-UE.
Karatteristiċi analitiċi |
|
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) |
|
Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum) |
|
Aċidità totali minima |
f’milliekwivalenti għal kull litru |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) |
|
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru) |
|
3. Inbejjed tradizzjonalment deskritti bħala “nbid tat-tiben”
DESKRIZZJONI TESTWALI KONĊIŻA
Prodotti minn għeneb tal-varjetajiet Cabernet Franc N, Cabernet Sauvignon N, Chardonnay B, Merlot N u Sauvignon B imqadda wara li nqatgħu mid-dielja, dawn l-inbejjed għandhom kontenut ta’ zokkor residwu naturali għoli. Il-kulur tagħhom għandu sfumaturi minn lewn id-deheb antik għal ambra. Il-fwieħa tagħhom hija kkaratterizzata minn noti ta’ frott misjur iżżejjed, aromi qawwija ħafna ta’ frott imqadded jew konfettura, u f’xi każijiet, togħma żgħira ta’ ġewż jew “rancio”. Huma immedjatament ħfief fil-palat, b’vivaċità u togħma li ddum. Meta jingħasru, dawn l-inbejjed ikollhom qawwa alkoħolika naturali minima ta’ 18 % u kontenut minimu ta’ zokkor ta’ 320 g/l. Għandhom qawwa alkoħolika proprja minima ta’ 12,5 % u kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju + fruttożju) ta’ ≥ 68 g/l. L-ebda teknika ta’ arrikkiment jew konċentrazzjoni, bħall-krijokonċentrazzjoni jew l-użu ta’ fran għat-tqaddid jew raffijiet tat-tnixxif, ma hija permessa għal dawn l-inbejjed. Dawn l-inbejjed jitqaddmu sa mill-inqas il-15 ta’ Novembru tat-tielet sena wara l-ħsad, li mill-inqas 18-il xahar minnhom iridu jkunu fi krietel tal-injam jew fi btieti.
Dan il-prodott jaqa’ taħt il-kategorija (15) Inbid minn għeneb imqadded skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
Karatteristiċi analitiċi |
|
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) |
|
Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum) |
|
Aċidità totali minima |
f’milliekwivalenti għal kull litru |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) |
30 |
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru) |
300 |
6. Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid
a. Prattiki enoloġiċi essenzjali
Metodu tal-kultivazzjoni
Id-densità minima tat-tħawwil tal-irqajja’ hija ta’ 4 000 dielja għal kull ettaru.
Kull dielja għandha erja massima disponibbli ta’ 2,50 m2. Din l-erja massima tas-superfiċe tiġi kkalkulata billi jiġi mmultiplikat l-ispazju bejn il-flanni bl-ispazju bejn id-dwieli.
L-ispazju bejn il-flanni huwa ta’ 2,50 metri jew inqas. Bejn pjanti fl-istess flann, l-ispazju huwa ta’ mill-inqas 0,85 metri.
Dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għal dwieli mħawla f’vinji mtarrġa. “Roqgħa ta’ vinja mtarrġa” tfisser roqgħa b’modifikazzjoni speċifika tal-pajsaġġ, stabbilita qabel it-tħawwil tad-dwieli, meħtieġa mill-inklinazzjoni li kienet teżisti minn qabel. Din il-modifikazzjoni tal-pajsaġġ f’forma mtarrġa hija tali li r-regoli tas-soltu tad-densità tat-tħawwil ma japplikawx u l-użu ta’ tagħmir mekkanizzat tal-ħsad bejn il-livelli differenti huwa impossibbli. Għall-irqajja’ tal-vinji mħawla b’mod imtarraġ, l-ispazju bejn il-pjanti fl-istess flann huwa ta’ bejn 0,80 m u 1 m.
L-irmondar irid isir sa mhux aktar tard minn qabel l-istadju fenoloġiku E, jiġifieri meta jkunu ħarġu tliet weraq fuq l-ewwel żewġ rimjiet.
Id-dwieli huma rmondati bit-teknika Guyot waħdieni, Guyot doppju jew Royat cordon waħdieni jew doppju.
Waqt l-irmondar, l-għadd ta’ rimjiet ma għandux jaqbeż is-16 għal kull dielja.
Fl-istadju tal-iżvilupp tal-frott (l-istadju 27 ta’ Lorenz), l-għadd ta’ friegħi li jkabbru l-frott irid ikun ta’ 12 jew inqas għal kull dielja.
1. Dispożizzjonijiet speċifiċi tal-ħsad
Metodu tal-kultivazzjoni
L-inbejjed tradizzjonalment deskritti bħala “nbid tat-tiben” huma magħmula minn għeneb li jinħasad bl-idejn.
2. Dispożizzjonijiet speċjali għal inbejjed tradizzjonalment deskritti bħala “nbid tat-tiben”
Prattika enoloġika speċifika
L-għeneb maħsub għall-produzzjoni ta’ dawn l-inbejjed jitħalla biex jinxef fuq paraventi jew sodod tat-tiben għal mill-inqas 6 ġimgħat, f’bini ddedikat b’ventilazzjoni naturali jew artifiċjali. Il-ventilazzjoni artifiċjali dejjem tkun bit-temperatura tal-arja ta’ barra. Din l-arja ta’ barra tista’ tiġi deumidifikata b’arja kiesħa u xotta.
Dawn l-inbejjed jitqaddmu sa mill-inqas il-15 ta’ Novembru tat-tielet sena wara l-ħsad, li mill-inqas 18-il xahar minnhom iridu jkunu fi krietel tal-injam jew fi btieti.
b. Rendimenti massimi għal kull ettaru
1. Inbejjed ħomor bla gass
60 ettolitru għal kull ettaru
2. Inbejjed bojod mhux ħelwin bla gass
65 ettolitru għal kull ettaru
3. Inbejjed tradizzjonalment deskritti bħala “Inbid tat-tiben”
24 ettolitru għal kull ettaru
7. Definizzjoni taż-żona demarkata
L-għeneb jinħasad u l-inbejjed isiru u jiġu żviluppati fil-muniċipalitajiet li ġejjin fid-départementta’ Corrèze:
|
Allassac, Beaulieu-sur-Dordogne, Bilhac, Branceilles, Brivezac, La Chapelle-aux-Saints, Chauffour-sur-Vell, Collonges-la-Rouge, Curemonte, Donzenac, Ligneyrac, Marcillac-la-Croze, Meyssac, Noailhac, Nonards, Puy-d’Arnac, Queyssac-les-Vignes, Saillac, Saint-Bazile-de-Meyssac, Saint-Julien-Maumont, Sioniac, Turenne, Végennes u Voutezac. |
Għall-inbejjed tradizzjonalment deskritti bħala “nbid tat-tiben”, l-għeneb jinħasad u mbagħad jiġi mnixxef u l-inbid isir, jiġi żviluppat u mmaturat fil-muniċipalitajiet li ġejjin fid-département ta’ Corrèze:
|
Beaulieu-sur-Dordogne, Bilhac, Branceilles, Brivezac, La Chapelle-aux-Saints, Chauffour-sur-Vell, Collonges-la-Rouge, Curemonte, Ligneyrac, Marcillac-la-Croze, Meyssac, Noailhac, Nonards, Puy-d’Arnac, Queyssac-les-Vignes, Saillac, Saint-Bazile-de-Meyssac, Saint-Julien-Maumont, Sioniac, Turenne u Végennes. |
8. Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed
|
Cabernet Franc N |
|
Cabernet Sauvignon N |
|
Chardonnay B |
|
Chenin B |
|
Merlot N |
|
Sauvignon B – Sauvignon Blanc |
9. Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet
Iż-żona ġeografika tad-DOP Corrèze, jiġifieri l-parti tal-Lbiċ tad-département ta’ Corrèze, tinsab fl-għoljiet baxxi tal-baċiri tax-xmajjar Brive u Meyssac. Lejn il-Lvant tikkoinċidi mal-għoljiet baxxi tal-Massif Central, lejn il-Punent mal-għoljiet ta’ Périgord u l-Causse de Martel, filwaqt li x-Xmara Dordogne timmarka l-fruntiera tagħha fin-Nofsinhar.
Il-ġeomorfoloġija u l-klima tad-département ta’ Corrèze jillimitaw ħafna ż-żona fejn jistgħu jitħawlu l-vinji. Il-baċiri tax-xmajjar Brive u Meyssac biss joffru esponiment, topografija u altitudni xierqa għat-tkabbir tad-dwieli. F’termini ta’ klima, dan ir-reġjun, li jinsab f’altitudni baxxa u għandu kenn tajjeb, igawdi klima moderata u kajmana, b’kuntrast mal-klima aktar kontinentali tal-qortin ta’ Limousin. Is-sjuf huma sħan u x-xtiewi huma ta’ kesħa moderata. Ix-xita hija mqassma sew matul is-sena u bħala medja tkun bejn 800 mm u 900 mm. Din il-klima oċeanika, li f’xi snin tkun akkumpanjata minn depressjonijiet tal-ħarifa bi preċipitazzjoni baxxa li jiġu minn Aquitaine, jew, għall-kuntrarju, sjuf Indjani sħan u xemxin, tippromwovi l-produzzjoni ta’ nbejjed ta’ kwalità. Bl-istess mod, f’termini ta’ ħamrija, hija biss il-ħamrija kannella fuq il-ġebel tal-ġir imħallat jew il-ġebel ramli fin-Nofsinhar tal-baċir tax-xmara Meyssac, u dik fuq ix-shale vertikali fit-Tramuntana tal-baċir tax-xmara Brive li huma adattati għall-vitikultura. Il-vinji normalment jinsabu f’altitudni ta’ bejn 150 metru u 300 metru. ’Il fuq minn altitudni ta’ 320 metru, jiġifieri fit-Tramuntana tal-qasmiet ta’ Meyssac, Donzenac u Juillac, l-inbid ma jistax jiġi prodott fuq is-saff bażi kristallin.
Id-dwieli, li jinsabu fuq l-aqwa art għall-vitikultura, huma kkultivati skont regoli preċiżi dwar id-densità, id-daqs, it-tħarriġ ma’ kannizzata, l-għoli tal-weraq u r-rendiment skont it-tip ta’ nbid prodott sabiex tinkiseb l-aħjar konċentrazzjoni u espressjoni aromatika tad-diversi nbejjed prodotti.
L-inbejjed ħomor tad-DOP Corrèze huma prodotti prinċipalment mill-varjetà Cabernet Franc N, li, fuq ħamrija taflija u tal-ġebel tal-ġir li fiha jikbru t-tartufi, fuq shale tal-lavanja jew ħamrija sedimentarja, tippermetti l-produzzjoni ta’ nbejjed ta’ kulur minn lewn ir-rubin sa lewn il-granata bi sfumaturi vjola u bi fwieħa li fiha jiddomina l-frott aħmar b’noti ta’ ħwawar. Barra minn hekk, il-varjetajiet Merlot N u Cabernet Sauvignon N jistgħu jagħtu aktar struttura u jżidu l-kumplessità aromatika tat-taħlita.
L-inbejjed li huma koperti mid-denominazzjoni ġeografika supplimentari Coteaux de la Vézère huma magħmula minn għeneb imkabbar fuq it-terren tax-shale u tal-lavanja tal-għolja ta’ Vézère fit-Tramuntana ta’ Brive, li jagħti lill-inbejjed ħomor tal-Cabernet Franc N il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, jiġifieri l-kulur aħmar lewn ir-rubin u l-fwieħa kumplessa li tgħaqqad il-frott aħmar u iswed. Dan it-terroir huwa uniku għaliex jipproduċi nbejjed bojod mhux ħelwin mill-varjetà Chenin B biss li għandhom noti ta’ fjuri u frott abjad.
It-tradizzjoni tat-tqaddid tal-għeneb biex jiġi prodott “inbid tat-tiben” għadha ssir fuq il-ħamrija taflija u tal-ġebel tal-ġir fil-baċir tax-xmara Meyssac, fejn il-klima tal-ħarifa tipprovdi l-kundizzjonijiet perfetti għal din il-prattika. Il-ġeomorfoloġija u l-mikroklima lokali li tirriżulta huma fatturi ewlenin għall-produzzjoni tal-inbid tat-tiben, li jeħtieġ il-ħamrija sedimentarja li tinsab fil-qiegħ tal-massif kristallin, esponiment sħiħ fin-Nofsinhar u influwenza oċeanika attenwata. Din iż-żona ta’ produzzjoni distintiva hija magħrufa lokalment bħala l-“Limousin Riviera”; hija tipprovdi ambjent li kapaċi joħroġ il-ħlewwa karatteristika tal-inbid tat-tiben, li hija kulur lewn id-deheb għal ambra bi fwieħa ta’ frott imnixxef jew konfettura. L-għoljiet jiffurmaw anfiteatru fil-qiegħ tal-Montagne Limousine u jħarsu fuq ix-Xmara Dordogne fin-Nofsinhar: dan jispjega l-arjazzjoni naturali u t-temp moderat fil-ħarifa li jipprovdu kundizzjonijiet xierqa biex l-għeneb jinxef b’mod naturali. Il-prattika tat-tnixxif tal-frott u l-pjanti hija parti minn tradizzjoni twila f’dan ir-reġjun ta’ Bas-Limousin. Il-produzzjoni tal-ġewż hija mifruxa fil-baċir tax-xmara Meyssac, kif huwa rikonoxxut mid-DOP Noix du Périgord. Ir-reġjun kien ukoll produttur ewlieni tat-tabakk fl-aħħar seklu, li wkoll kien jeħtieġ it-tekniki tat-tnixxif tiegħu. Fl-1821, François Planchard de la Greze ddeskriva kif isir l-inbid tat-tiben. Huwa jispeċifika li l-għeneb maħsud wara li tagħmel in-nida jitqiegħed fuq it-tiben jew fuq art nadifa tal-injam. F’nofs Diċembru, l-għeneb jitneħħewlu z-zkuk u jingħasar. Din it-tradizzjoni qadima tal-produzzjoni ta’ dan l-inbid ħelu karatteristiku ħafna kompliet maż-żmien, minkejja t-tnaqqis fl-ammont ta’ vinji matul l-aħħar seklu.
Għalkemm it-tradizzjonijiet vitikulturali waqfu kważi għalkollox għal seklu sħiħ wara l-epidemija tal-phylloxera, huwa impressjonanti kif f’kull waħda miż-żewġ oażi tal-vinji li fadal f’Corrèze, grupp ta’ dilettanti tal-inbid irnexxielhom jingħaqdu fuq proġett komuni u reġgħu taw ħajja lit-tradizzjoni glorjuża tal-produzzjoni tal-inbid. Il-kwalità ta’ dawn l-inbejjed u s-sopravvivenza dejjiema tal-vinji li jipproduċuhom huma żgurati mill-għarfien espert u l-impenn tagħhom. Bl-adattament tal-varjetajiet tal-għeneb u l-prattiki tal-kultivazzjoni għat-terroir partikolari, il-produtturi tal-inbid irnexxielhom jiżviluppaw prodotti supplimentari ta’ kwalità għolja li huma suċċessuri denji għar-reputazzjoni eċċellenti li kellu r-reġjun għall-inbid fil-passat.
10. Rekwiżiti oħra applikabbli
Inbejjed tradizzjonalment deskritti bħala “Inbid tat-tiben”
Qafas legali:
Il-leġiżlazzjoni tal-UE
Tip ta’ rekwiżit ieħor:
Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
L-isem tad-denominazzjoni jista’ jiġi ssupplimentat bit-terminu tradizzjonali “nbid tat-tiben” għal inbejjed li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni stabbiliti għal dan it-tip ta’ nbid.
Denominazzjonijiet ġeografiċi supplimentari
Qafas legali:
Leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit ieħor:
Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
L-isem tad-denominazzjoni jista’ jiġi segwit mid-denominazzjoni ġeografika Coteaux de la Vézère għal inbejjed li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni stabbiliti għal din id-denominazzjoni ġeografika supplimentari.
Għad-denominazzjoni ġeografika supplimentari Coteaux de la Vézère, l-għeneb irid jinħasad u l-inbejjed iridu jsiru u jiġu żviluppati fil-muniċipalitajiet li ġejjin fid-département ta’ Corrèze: Allassac, Donzenac u Voutezac.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-ffb5421f-1d52-4f8c-b484-b5a93270c83d