Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52021IP0453

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2021 dwar pjan ta' azzjoni għall-proprjetà intellettwali b'sostenn għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE (2021/2007(INI))

ĠU C 205, 20.5.2022, pp. 26–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 205/26


P9_TA(2021)0453

Pjan ta' azzjoni għall-proprjetà intellettwali b'sostenn għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2021 dwar pjan ta' azzjoni għall-proprjetà intellettwali b'sostenn għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE (2021/2007(INI))

(2022/C 205/03)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2020 dwar Strateġija Farmaċewtika għall-Ewropa (COM(2020)0761),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 dwar Strateġija Ewropea għad-data (COM(2020)0066),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Nagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal innovattiv tal-UE – Pjan ta' azzjoni għall-proprjetà intellettwali b'appoġġ għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE” (COM(2020)0760),

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), b'mod partikolari l-Artikolu 17(2) tagħha,

wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi (1),

wara li kkunsidra l-Ftehim tad-WTO tal-1995 dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (Ftehim TRIPS),

wara li kkunsidra l-Att ta' Ġinevra tal-Ftehim ta' Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta' Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), li daħal fis-seħħ fis-26 ta' Frar 2020 (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/933 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 469/2009 dwar iċ-ċertifikat ta' protezzjoni supplementari għal prodotti mediċinali (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (5),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li temenda d-Direttiva 2001/83/KE dwar il-kodiċi tal-Komunità li ghandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (6),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 rigward l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (7),

wara li kkunsidra d-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta' disinji (8),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta' Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (9),

wara li kkunsidra r-Rapport relatat mal-Inkjesta dwar is-Settur Farmaċewtiku ppubblikat mill-Kummissjoni fl-2009,

wara li kkunsidra r-rapport ta' analiżi fil-livell tal-kumpaniji dwar id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u l-prestazzjoni tal-kumpaniji fl-Unjoni Ewropea, ippubblikat konġuntament mill-UEP u mill-EUIPO fi Frar 2021,

wara li kkunsidra l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-disinji,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet ta' tal-Kunsill li jistabbilixxu l-prijoritajiet tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata għall-EMPACT 2022-2025,

wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond ikkummissjonata mill-Parlament Ewropew bit-titolu “Standard Essential Patents and the Internet of Things” (Il-Privattiva Essenzjali għal Standard u l-Internett tal-Oġġetti) ta' Jannar 2019,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar “Lejn kunsens imġedded dwar l-infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali: Pjan ta' Azzjoni tal-UE” (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2020 dwar drittijiet tal-proprjetà intellettwali għall-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-intelliġenza artifiċjali (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2021 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-isfidi għall-organizzaturi ta' avvenimenti sportivi fl-ambjent diġitali (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar l-estensjoni possibbli tal-indikazzjoni ġeografika protetta tal-Unjoni Ewropea għall-prodotti mhux agrikoli (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa pubblika wara l-COVID-19 (14),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0284/2021),

A.

billi l-protezzjoni u l-infurzar ibbilanċjati tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (DPI) huma importanti għall-ekonomija Ewropea kif ukoll għall-irkupru u għar-reżiljenza tal-UE, b'mod partikolari fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19;

B.

billi l-pandemija tal-COVID-19 uriet l-importanza tal-politiki ta' protezzjoni tal-PI peress li ħarġet fid-dieher il-bżonn ta' miżuri effikaċi biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' vaċċini kontra l-COVID-19, heddet il-mezzi ta' sussistenza u wasslet għal telf eżistenzjali ta' dħul għall-ħaddiema fis-settur kulturali u dak kreattiv;

C.

billi l-investimenti fil-beni intanġibbli ntlaqtu ferm inqas mill-kriżi ekonomika tal-2008, u b'hekk urew il-potenzjal tal-assi tal-PI biex tinħoloq stabbiltà ekonomika u jiġi ġġenerat tkabbir kif ukoll l-eżistenza ta' correlazzjoni pożittiva bejn is-sjieda tad-DPI u l-kwalità u l-istabbiltà tal-impjiegi; billi l-istudji juru li l-impriżi li jużaw id-DPI jikbru aktar malajr, huma aktar reżiljenti għar-reċessjonijiet ekonomiċi, iżidu l-valur tal-kumpaniji u jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq uniku; billi tali fatti jindikaw ukoll l-importanza li l-SMEs jiġu inċentivati u megħjuna biex jipproteġu u jiddetjenu d-DPI tagħhom;

D.

billi r-reġistrazzjonijiet tal-PI żdiedu bi ftit fl-ewwel xhur tal-2021 meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2020; billi rkupru ekonomiku sostenibbli u diġitali wara l-COVID-19 jista' jkun ibbażat fuq id-DPI; billi matul il-pandemija attwali tal-COVID-19, is-sistema ta' twissija rapida għall-prodotti perikolużi (“RAPEX”) irreġistrat numru allarmanti ġdid u bla preċedent ta' twissijiet;

E.

billi r-reġistrazzjonijiet tal-proprjetà intellettwali (PI) qed jiżdiedu b'mod kostanti, u s-suq uniku għadu frammentat minħabba d-differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali; billi hemm ħtieġa kontinwa ta' proċeduri ta' validazzjoni u ta' litigazzjoni nazzjonali għall-privattivi Ewropej; billi għad hemm lakuni, b'mod partikolari fl-infurzar, li jistgħu jfixklu l-iżvilupp tal-kumpaniji, b'mod partikolari l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (SMEs), jillimitaw l-aċċess tal-konsumaturi għal prodotti innovattivi u sikuri, u jipprevjenu li l-isfidi soċjali jiġu indirizzati permezz tal-innovazzjoni;

F.

billi s-setturi b'intensità għolja ta' għarfien huma sors ta' tkabbir u prosperità; billi bejn l-2012 u l-2016 dawn iġġeneraw kważi 30 % tal-impjiegi kollha u kważi 45 % tal-attività ekonomika totali (PDG) fl-UE, kif muri fir-rapport ta' analiżi settorjali tal-2019 tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) u tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-UE (EUIPO) (15); billi s-setturi b'intensità għolja ta' DPI jirrappreżentaw 93 % tal-esportazzjonijiet totali ta' merkanzija tal-UE lejn il-bqija tad-dinja;

G.

billi l-PI hija dritt fundamentali skont l-Artikolu 17 tal-Karta;

H.

billi l-iżvilupp u l-progress tas-setturi b'intensità għolja ta' għarfien jiddependu, b'mod sinifikanti mir-regoli li jirregolaw id-DPI u, b'mod partikolari, mill-fatt li tiġi żgurata protezzjoni effikaċi permezz ta' leġiżlazzjoni effiċjenti dwar il-privattivi, it-trademarks, id-disinji, id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-protezzjoni tal-varjetajiet tal-pjanti, kif ukoll permezz tal-applikazzjoni xierqa u armonizzata tar-regoli dwar il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali;

I.

billi s-sistemi tal-PI jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' mediċini ġodda u l-inċentivi tal-PI huma importanti biex jiġi żgurat aċċess effettiv għal mediċini bi prezzijiet aċċessibbli; billi l-mediċini l-ġodda għandhom jirrispettaw id-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, id-dritt internazzjonali pubbliku u l-obbligi fl-ambitu tas-saħħa pubblika;

J.

billi l-innovaturi Ewropej qegħdin fuq quddiem nett f'dak li għandu x'jaqsam mat-teknoloġiji ekoloġiċi, peress li għandhom perċentwal imdaqqas tal-privattivi ekoloġiċi u portafolji sodi ta' PI f'teknoloġiji bħalma huma, fost oħrajn, l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju, it-trattament tal-ilma u tal-iskart;

K.

billi hemm bżonn li jiġu promossi l-valorizzazzjoni u l-użu tal-attivitajiet tar-riċerka u l-żvilupp fl-Ewropa, kif juri l-fatt li fil-qasam tal-IA l-Ewropej jikkostitwixxu biss minoranza tal-applikanti għal privattivi fil-livell dinji, minkejja l-fatt li perċentwal sinifikanti ta' pubblikazzjonijiet ta' kwalità għolja dwar is-suġġett tal-IA jiġi mill-Ewropa;

Aspetti ġenerali

1.

Isostni lill-Kummissjoni biex tippersegwi l-għanijiet tal-pjan ta' azzjoni tagħha dwar il-PI ta' Novembru 2020, billi protezzjoni b'saħħitha, soda u bbilanċjata tad-DPI fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali li tippermetti redditu fuq l-investiment hija partikolarment importanti għall-irkupru ekonomiku u soċjali mill-COVID-19 u minn kriżijiet globali oħrajn u għar-reżiljenza għalihom fit-tul ħalli l-UE tkun tista' tirreaġixxi għall-kriżijiet b'ħeffa u bi qbil mal-prinċipji tar-Regolament (UE) 2021/241 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (16) u tiżgura ċ-ċertezza tad-dritt u r-rispett tal-leġiżlazzjoni Ewropea, kif ukoll tippermetti l-ħolqien fl-Ewropa ta' ekonomija diġitali sostenibbli u kompetittiva fil-livell globali li fiha l-innovazzjoni ssegwi wkoll l-objettiv li jingħata kontribut lill-ġid komuni tas-soċjetà;

2.

Jirrikonoxxi li l-protezzjoni tad-DPI tinkoraġġixxi l-attivitajiet ta' kreazzjoni, innovazzjoni u invenzjoni, u b'hekk jiġu offruti lill-akbar numru ta' nies il-benefiċċji minn dawn l-attivitajiet; josserva li dawn l-attivitajiet lill-inventuri, lill-innovaturi u lill-awturi jagħmluhielhom possibbli li jiksbu kumpens għall-isforzi kreattivi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssostni l-kapaċità tal-kumpaniji Ewropej li jagħmlu innovazzjoni fuq il-bażi ta' reġim komprensiv tal-PI bil-għan li jżommu protezzjoni effikaċi tal-investimenti tagħhom fir-R&Ż, jiggarantixxu redditi ġusti permezz tal-għoti ta' liċenzji, ikomplu jiżviluppaw standards teknoloġiċi miftuħin li jinċentivaw il-kompetizzjoni u l-għażla u jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-industrija tal-UE fl-iżvilupp ta' teknoloġiji ewlenin fil-livell globali;

SMEs u protezzjoni tal-PI

3.

Jenfasizza l-fatt li d-DPI għandhom ħafna vantaġġi għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u għall-intrapriżi mikro; jissottolinja li s-setturi b'intensità għolja ta' DPI joffru impjiegi ta' kwalità aħjar b'kundizzjonijiet ta' xogħol aqwa u remunerizzazzjoni ogħla; josserva li l-SMEs li jiddetjenu DPI jiġġeneraw sa 68 % dħul ogħla għal kull impjegat u jħallsu pagi li huma 20 % ogħla minn dawk l-SMEs li ma jiddetenux; jinsab għalhekk imħasseb bil-fatt li bosta SMEs jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex jiddeterminaw l-istrateġija tal-PI tagħhom u biex jiġġestixxu d-DPI tagħhom; jilqa' pożittivament, għalhekk, il-vawċers għall-PI, is-servizzi ta' qabel id-dijanjożi tal-Proprjetà Intellettwali (IP Scan) u l-inizjattivi l-oħra tal-Kummissjoni u tal-EUIPO biex isostnu proċeduri ta' reġistrazzjoni sempliċi u tariffi amministrattivi baxxi għall-intrapriżi mikro u għall-SMEs u biex jgħinuhom jisfruttaw bl-aħjar mod il-PI tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni, lill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) u lill-EUIPO jikkunsidraw li jestendu dawn l-inizjattivi għat-tipi kollha ta' assi tal-IP u jidentifikaw aktar miżuri biex jippromwovu l-vantaġġi tar-reġistrazzjoni tad-DPI għall-iżvilupp tal-attivitajiet tal-SMEs;

4.

Jinsab konvint li l-appoġġ għall-SMEs, inklużi l-miżuri finanzjarji u mhux finanzjarji, huwa l-mod it-tajjeb kif dawn jingħataw għarfien aħjar u kif jingħataw aċċess aktar faċli għad-DPI u li l-istrumenti finanzjarji u ġuridiċi tal-Unjoni huma tal-akbar importanza f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni u lill-EUIPO, għalhekk, ikomplu jimplimentaw miżuri ta' appoġġ għall-ġestjoni tal-PI għall-SMEs u għall-intrapriżi mikro fil-kuntest tal-irkupru ekonomiku, inkluż il-forniment ta' aċċess ta' punt uniku ta' servizz għall-informazzjoni u għas-servizzi relatati u għall-konsulenza dwar il-PI; jenfasizza li dan l-appoġġ se jgħin biex jiġu sfruttati u promossi l-inizjattivi nazzjonali u reġjonali kollha tal-membri tan-Network tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPN);

5.

Jinsab imħasseb bil-fatt li anki jekk il-beni intanġibbli huma wħud mill-aktar assi ta' valur, huma biss ftit l-SMEs Ewropej li jafu b'dan u li jibbenefikaw mill-PI tagħhom huma u jippruvaw jiksbu finanzjamenti; jilqa' favorevolment, għalhekk, il-fatt li tħabbar il-ħolqien ta' Ċentru Ewropew ta' Informazzjoni dwar il-PI bħala waħda mill-ħafna miżuri maħsuba biex jiġi żgurat li l-Ewropa tkompli tikkapitalizza mill-valur tal-għarfien li l-kumpaniji tagħna joħolqu, jiżviluppaw u jikkondividu kostantement u li dawn ikunu mgħammra bl-informazzjoni u bl-istrumenti neċessarji jew jiġġestixxu b'mod aktar attiv dawn l-assi; jenfasizza li l-mudelli ta' utilità joffru protezzjoni rapida u b'kostijiet baxxi għall-invenzjonijiet tekniċi u huma ferm attraenti għall-SMEs; jinkoraġġixxi, għalhekk, lill-Istati Membri jistabbilixxu dan l-istrument jekk għadhom ma joffruhx u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li ddaħħal protezzjoni tal-mudelli ta' utilità fuq livell tal-UE, li attwalment mhijiex disponibbli;

Pakkett tal-privattiva unitarja

6.

Jisħaq fuq il-fatt li l-pakkett tal-privattiva unitarja, li jinkludi l-privattiva Ewropea b'effett unitarju (privattiva unitarja) u l-Qorti Unifikata tal-Privattivi (QUP), għandu l-għan li jagħmel il-protezzjoni tal-privattivi aktar effiċjenti, kif ukoll li jagħmel ir-riżoluzzjoni tat-tilwim fl-Ewropa kollha komprensibbli, billi jevita proċeduri paralleli fl-Istati Membri, u orħos, billi jnaqqas l-ispejjeż legali, kif ukoll aktar aċċessibbli u effiċjenti, u b'hekk tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt; jitlob, għalhekk, lill-Istati Membri parteċipanti li għadhom ma għamlux dan jagħmlu progress, mill-aktar fis possibbli, f'dik li hi ratifika tal-Protokoll tal-Ftehim dwar Qorti Unifikata tal-Privattivi dwar l-applikazzjoni proviżorja, jew jiddikjaraw b'mezzi oħrajn li jintrabtu b'dan il-Protokoll biex jippermettu lill-pakkett tal-privattiva unitarja jibda jitħaddem malajr;

7.

Jenfasizza li l-privattiva unitarja hija għażla supplimentari parallela għall-privattivi nazzjonali u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri li għadhom ma bdewx jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa għall-ħolqien ta' protezzjoni tal-privattiva unitarja u/jew għadhom ma aderewx mal-Ftehim QUP, ikomplu bil-proċess li se jwassalhom għall-parteċipazzjoni sħiħa; ifakkar li l-SMEs innovattivi jibbenefikaw minn sistema ta' privattivi Ewropea konsistenti u jissottolinja li l-Ftehim QUP u r-Regoli ta' Proċedura tiegħu jirrappreżentaw soluzzjoni bbilanċjata b'attenzzjoni li tirrifletti l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni tal-proporzjonalità, il-flessibbiltà, il-ġustizzja u l-ekwità; jieħu nota tar-roħs tat-tariffi u tar-rimborż tat-tariffi għall-SMEs fil-qafas tar-Regoli ta' Proċedura tal-QUP;

8.

Jilqa' pożittivament is-sistema ta' riżoluzzjoni alternattiva ta' punt uniku ta' servizz li għandha tiġi stabbilita skont l-Artikolu 35 tal-Ftehim QUP, li ma tinterferix fis-sistemi nazzjonali attwali, sabiex id-dritt tal-partijiet għall-ġustizzja ma jkunx preġudikat; jitlob lill-Istati Membri jippermettu l-introduzzjoni rapida taċ-ċentru tal-arbitraġġ u tal-medjazzjoni dwar il-privattivi u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk iċ-ċentru jistax, fit-terminu medju jew twil, jittratta t-tilwim kollu dwar il-PI; jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Istati Membri maħsuba biex isibu soluzzjonijiet xierqa biex jinstab tarf tal-effetti li nibtu minħabba l-Brexit;

Ċertifikati ta' protezzjoni supplimentari

9.

Jisħaq li r-reġim taċ-ċertifikat ta' protezzjoni supplimentari fl-UE, filwaqt li huwa ta' rilevanza prattika kbira, ibati minn implimentazzjoni frammentata fl-Istati Membri kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħroġ linji gwida għall-Istati Membri u tindirizza din il-frammentazzjoni, anki permezz ta' proposti leġiżlattivi bbażati fuq valutazzjoni tal-impatt eżawrjenti;

10.

Jirrikonoxxi l-fatt li l-pakkett tal-privattiva unitarja ma jipprevedix titolu unitarju taċ-ċertifikat ta' protezzjoni supplimentari u jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw l-istabbiliment ta' tali titolu bħala estensjoni loġika tal-protezzjoni tal-privattiva unitarja;

11.

Jitlob lill-Kummissjoni, fl-assenza ta' titolu unitarju taċ-ċertifikat ta' protezzjoni supplimentari, tiżgura koerenza bejn ir-reġim li se jidħol tal-privattiva unitarja u r-reġim attwali taċ-ċertifikat ta' protezzjoni supplimentari fl-UE billi tiċċara li ċ-ċertifikati ta' protezzjoni supplimentari nazzjonali jistgħu jingħataw mill-uffiċċji nazzjonali tal-privattivi abbażi ta' privattiva unitarja;

12.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni tixtieq tivvaluta l-impatt potenzjali ta' proposta għal ċertifikat ta' protezzjoni supplimentari unitarju; josserva li l-introduzzjoni ta' titolu unitarju ta' ċertifikat ta' protezzjoni supplimentari b'kundizzjoni sospensiva skont id-deċiżjoni formali fil-livell nazzjonali tista' anki ssir qabel ma tidħol fis-seħħ il-privattiva unitarja, u jissuġġerixxi għaldaqstant li tingħata kunsiderazzjoni lill-estensjoni tal-mandat tal-UEP biex l-eżami tal-applikazzjonijiet għal ċertifikat ta' protezzjoni supplimentari jkun jista' jsir abbażi ta' regoli unifikati;

13.

Jindika li l-ineffiċjenzi fil-proċeduri tal-għoti ta' ċertifikat ta' protezzjoni supplimentari jostakolaw lill-innovaturi u lill-produtturi askapitu tal-aċċess ekwu tal-pazjenti għat-trattamenti u li huwa essenzjali li jkun hemm kundizzjonijiet ta' parità għall-produtturi ta' mediċini ġeneriċi u bijosimili fl-Unjoni; jenfasizza, għaldaqstant, li l-abbużi ta' applikazzjonijiet diviżjonali għall-privattivi u tar-rabta bejn il-privattivi (patent linkage) għandhom jiġu indirizzati b'mod effikaċi; ifakkar li l-innovazzjoni għandha tissodisfa l-bżonnijiet l-aktar urġenti tas-soċjetà u li l-provvisti f'waqthom ta' mediċini, inklużi dawk ġeneriċi u bijosimili, għandhom ikunu promossi f'dan il-kuntest, kif ukoll l-aċċessibbiltà f'dawk li huma prezzijiet u d-disponibbiltà f'qasir żmien; jisħaq fuq il-fatt li r-reviżjoni possibbli tal-hekk imsejħa eżenzjoni Bolar, li tippermetti li jsiru provi fuq prodotti koperti bi privattiva bħala appoġġ għall-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' mediċini ġeneriċi u bijosimili mingħajr ma jitqiesu bħala ksur tad-drittijiet ta' privattiva jew taċ-ċertifikati ta' protezzjoni supplimentari għall-prodotti mediċinali, kif ukoll it-tqegħid fis-suq effikaċi u immedjat wara l-iskadenza tad-drittijiet ta' privattiva u taċ-ċertifikati ta' protezzjoni supplimentari, tista' ssir biss wara valutazzjoni tal-impatt komprensiva;

14.

Jissottolinja r-rwol importanti li jiżvolġu l-investimenti pubbliċi fir-R&Ż, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li r-riżultati tar-R&Ż iffinanzjati pubblikament fis-settur farmaċewtiku jkunu trasparenti sabiex il-kundizzjonijiet tal-privattivi u tal-ħruġ ta' liċenzji jiggarantixxu redditu fuq l-investimenti pubbliċi fis-saħħa pubblika;

Privattivi essenzjali għal standard

15.

Jirrikonoxxi li l-informazzjoni dwar l-eżistenza, il-kamp ta' applikazzjoni u r-rilevanza tal-privattivi essenzjali għal standard (SEPs) hija importanti għal negozjati ekwi relatati mal-ħruġ ta' liċenzji li jippermettu lill-utent potenzjali tal-istandards jidentifika l-kobor tal-esponiment tiegħu għall-SEPs u l-konċedenti ta' liċenzja possibbli; jinnota li għalkemm fil-biċċa l-kbira tal-każijiet iseħħu negozjati bona fide bejn il-partijiet disposti, l-SEPs ta' spiss ikunu s-suġġett ta' tilwim; jissuġġerixxi lill-Kummissjoni tanalizza inċentivi possibbli għan-negozjati li jevitaw it-tilwim billi dawn ikunu jevitaw l-ispejjeż assoċjati mat-tilwim u jnaqqsu problemi oħra relatati;

16.

Jisħaq li ħafna applikazzjonijiet għall-privattivi ddikjarati potenzjalment essenzjali f'organizzazzjonijiet għall-iżvilupp tal-istandards matul il-proċess tal-istabbiliment tal-istandards jistgħu eventwalment ma jkunux essenzjali għall-istandard kif finalment adottat jew wara l-għoti tal-privattiva, u li mekkaniżmu ta' skrutinju xieraq u tassew indipendenti u trasparenti jsaħħaħ it-trasparenza u jżid iċ-ċertezza tad-dritt; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, l-istudju pilota għall-valutazzjoni tal-essenzjalità tal-SEPs (17);

17.

Jitlob lill-Kummissjoni tkompli tinvestiga, flimkien mal-atturi rilevanti, ir-rekwiżiti għal sistema indipendenti, newtrali u trasparenti ta' kontrolli tal-essenzjalità ta' partijiet terzi billi tidentifika d-domanda għal, tivvaluta l-impatt ta' u tiddefinixxi r-rwol li r-riżorsi bħat-teknoloġiji emerġenti bħall-IA u teknoloġiji relatati u/jew l-għarfien espert tekniku li ngħataw mill-UEP jista' jkollhom f'dak il-kuntest, u tuża l-għarfien miksub bħala kontribut għall-inizjattiva leġiżlattiva dwar l-SEPs prevista għall-bidu tal-2022 abbażi ta' valutazzjonijiet tal-impatt xierqa;

18.

Jirrikonoxxi l-importanza ta' sistema ta' ħruġ ta' liċenzji bbilanċjata għall-SEPs u jisħaq fuq l-importanza ta' regoli stabbli, effiċjenti u ġusti f'dan ir-rigward; jissottolinja li l-kundizzjonijiet FRAND (ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji) huma termini ġuridiċi vagi li jnkludu inċertezza tad-dritt, u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-iżviluppi tas-settur u tixħet dawl aktar qawwi fuq aspetti varji tal-kundizzjonijiet FRAND kif ukoll fuq il-ġurisprudenza u anki billi jinħatar osservatorju (ċentru ta' kompetenza) għal dan il-għan; ifakkar fl-appell preċedenti tal-Parlament biex il-Kummissjoni tippubblika rapporti annwali li jevidenzjaw każijiet effettivi ta' inosservanza tal-kundizzjonijiet FRAND u l-hekk imsejħa mġiba ta' “patent hold-up” u “patent hold-out”;

19.

Jisħaq fuq l-importanza li tiżdied it-trasparenza tal-bażijiet tad-data tal-organizzazzjonijiet għall-iżvilupp tal-istandards u jistieden lil dawn tal-aħħar jaġġornaw is-sistema ta' dikjarazzjoni u l-bażijiet tad-data tagħhom; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1257/2012 (18) li jipprevedi li l-UEP hija fdata bil-kompitu li tirċievi u tirreġistra l-impenji tagħhom tal-liċenzjar meħuda mill-propjetarju tal-privattiva unitarja f'korpi internazzjonali ta' standardizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tosserva l-imġiba tal-kumpaniji ta' pajjiżi terzi fil-korpi internazzjonali ta' standardizzazzjoni li, flimkien mad-deċiżjonijiet reċenti tal-qrati barranin, tpoġġi lill-kumpaniji Ewropej fi żvantaġġ notevoli billi timmina l-kompetittività tas-suq Ewropew;

20.

Josserva l-importanza tat-trasprenza u l-bżonn li tingħata b'mod proattiv l-informazzjoni neċessarja minn qabel meta tinħareġ il-liċenzja ta' privattivi essenzjali għal standard f'kundizzjonijiet FRAND b'tali mod li se jiżgura eżitu ġust tan-negozjati bona fide bejn il-partijiet; jenfasizza li l-kwistjoni marbuta mal-fatt li detentur ta' SEP jistax jagħżel il-livell ta' liċenzja f'katina tal-provvista jew li xi kumpanija fil-katina tal-valur iridx ikollha aċċess għal liċenzja għadhom mhumiex ċari u, għaldaqstant, jitlob lill-Kummissjoni tikkoopera mal-partijiet ikkonċernati rilevanti biex isibu approċċ għal din il-kwistjoni u jindirizzawha;

21.

Jenfasizza l-valur tal-inizjattivi volontarji attwali mmexxija mis-settur bil-għan li jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta' liċenzji tal-SEPs għall-internet tal-oġġetti, pereżempju aggregazzjonijiet multilaterali, li jgħaqqdu l-maġġoranza l-kbira tal-iżviluppaturi ta' teknoloġiji ċellulari fil-livell Ewropew u internazzjonali;

Indikazzjonijiet ġeografiċi

22.

Ifakkar li madwar 3 300 prodott huma protetti mill-UE bħala indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) u li l-valur annwali ta' dawn il-prodotti kollha żdied għal aktar minn EUR 75 biljun u, għalhekk, jilqa' l-inizjattivi u l-azzjonijiet li jsaħħu, jimmodernizzaw, jissemplifikaw u jinfurzaw aħjar is-sistema tal-IĠ għall-prodotti agrikoli, l-ikel, l-inbejjed u l-ispirti sabiex jagħmluha aktar preċiża u effettiva, peress li jikkontribwixxu għall-ħolqien u l-protezzjoni ta' impjiegi ta' kwalità, għall-promozzjoni tas-sostenibbiltà soċjali, ambjentali u ekonomika fiż-żoni rurali, u għat-trawwim tad-diversità kulturali Ewropea;

23.

Iqis li l-kwistjoni tat-tqegħid ta' piż żejjed fuq il-produtturi bl-amministrazzjoni marbuta mar-reġistrazzjoni, l-emendar u l-ġestjoni tal-IĠ u tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti (STG) għandha tkun fil-qalba tad-diskussjonijiet futuri; ifakkar li l-proċeduri li jemendaw l-ispeċifikazzjonijiet għall-IĠ ġew issemplifikati u integrati għall-inbid u l-prodotti agroalimentari bħala parti mir-rieżami tar-riforma tal-politika agrikola komuni, u li dan l-approċċ għandu jissaħħaħ fil-futur;

24.

Ifakkar li ż-żrieragħ prodotti mill-azjendi agrikoli stess huma stmati li jammontaw għal aktar minn 80 % tal-ħtiġijiet totali ta' żrieragħ tal-bdiewa f'xi pajjiżi Afrikani; jitlob li l-UE tappoġġja r-reġimi tad-DPI li jtejbu l-iżvilupp ta' varjetajiet ta' żrieragħ adattati lokalment u żrieragħ prodotti mill-azjendi agrikoli stess, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura (ITPGRFA) u l-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bdiewa u ta' Persuni Oħra li Jaħdmu f'Żoni Rurali;

25.

Iqis li huwa essenzjali li d-DPI jiġu protetti b'tali mod li jippromwovi r-riċerka u l-innovazzjoni, b'mod partikolari bl-għan li jiġu introdotti varjetajiet agrikoli aktar reżiljenti biex ilaħħqu mat-tibdil fil-klima, jinkisbu mudelli tal-biedja sostenibbli u agroekoloġiċi li jipproteġu r-riżorsi naturali u jirrispettaw il-potenzjal ta' materjal riproduttiv u eteroġenju mhux protett fis-settur organiku; jenfasizza li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-varjetajiet tal-pjanti hija essenzjali u teħtieġ sistema ta' protezzjoni b'saħħitha u infurzabbli fl-UE u għalhekk jenfasizza r-rwol importanti tas-sistemi Komunitarji tad-drittijiet tal-varjetajiet tal-pjanti u tal-Unjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Varjetajiet Ġodda tal-Pjanti; jirrimarka li d-DPI jridu jikkontribwixxu wkoll għas-sigurtà tal-ikel u għar-reżiljenza u l-kompetittività tal-mudell agroalimentari tal-UE;

26.

Jenfasizza li għandhom isiru aktar sforzi biex tiżdied it-trasparenza dwar l-istatus u l-jedd għall-privattiva tal-materjal bijoloġiku; jirrimarka li n-nissiela għandhom jingħataw aċċess adegwat għall-informazzjoni dwar il-materjal bijoloġiku li se jużaw fil-proċess tat-tnissil tal-pjanti; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha timplimenta metodi ġodda għal konsultazzjoni effettiva u skambju ta' informazzjoni; jopponi kwalunkwe għoti ta' privattivi għall-annimali ħajjin;

27.

Jemmen li r-rikonoxximent tal-IĠ għall-prodotti mhux agrikoli huwa rilevanti għall-prijoritajiet tal-programmi tal-UE li qed jiġu żviluppati, inklużi dawk tal-istrateġija industrijali, permezz tal-iżvilupp ta' ktajjen tal-provvista qosra, kif ukoll il-Patt Ekoloġiku billi jiġu mrawma l-prodotti magħmula lokalment b'aktar traċċabbiltà u trasparenza dwar l-oriġini tal-prodott u l-proċessi tal-manifattura użati;

28.

Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-inizjattiva tagħha li, fuq il-bażi ta' valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa, tistabbilixxi protezzjoni sui generis effiċjenti u trasparenti tal-UE tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) għall-prodotti mhux agrikoli, li jidentifikaw prodott bħala li joriġina fit-territorju ta' Stat Membru jew f'reġjun jew f'lokalità f'dak it-territorju, fejn kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra partikolari tal-prodott tkun essenzjalment attribwibbli għall-oriġini ġeografika tiegħu, sabiex ikun hemm allinjament, fost oħrajn, mal-Att ta' Ġinevra tal-Ftehim ta' Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta' Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, li l-UE iffirmat u li jinkludi l-possibbiltà li l-IĠ jiġu protetti għall-prodotti kemm agrikoli kif ukoll mhux agrikoli; jistenna li l-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni dwar dan mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard minn tmiem l-2021;

29.

Jenfasizza li l-introduzzjoni ta' sistema ta' protezzjoni sui generis tal-UE tal-IĠ għall-prodotti mhux agrikoli għandu jkollha l-għan li ġġib benefiċċji għall-konsumaturi, billi tiffaċilita l-għarfien tal-indikazzjonijiet ta' awtentiċità tal-prodotti, ikollha impatt ekonomiku pożittiv fuq l-intrapriżi mikro u l-SMEs billi tinkoraġġixxi l-kompetittività, u jkollha impatt ġenerali fuq l-impjiegi, l-iżvilupp u t-turiżmu fiż-żoni rurali u fiż-żoni inqas żviluppati, u dan jista' b'mod partikolari jgħin l-irkupru tal-UE wara l-kriżi tal-COVID-19; jemmen li tali protezzjoni sui generis tal-IĠ mhux agrikoli tiffaċilita wkoll l-aċċess għas-swieq ta' pajjiżi terzi permezz ta' ftehimiet kummerċjali tal-UE; iqis, madankollu, li s-sistema trid tipprevedi s-salvagwardji meħtieġa, inklużi mekkaniżmi effettivi u trasparenti ta' applikazzjoni u oppożizzjoni;

30.

Jieħu nota tal-fatt li l-protezzjoni attwali tat-trademark tal-UE ma tippermettix lill-produtturi jiċċertifikaw ir-rabta bejn il-kwalità u l-oriġini ġeografika, u li xi Stati Membri diġà stabbilew sistemi nazzjonali ta' protezzjoni sui generis għall-IĠ għal prodotti mhux agrikoli, minħabba n-nuqqas ta' sistema armonizzata ta' protezzjoni, li twassal għall-frammentazzjoni fis-suq u inċertezza tad-dritt, u li tiġġenera wkoll impatti għad-detriment tal-produtturi; huwa tal-fehma li protezzjoni armonizzata fil-livell tal-Unjoni toħloq iċ-ċertezza tad-dritt meħtieġa għall-atturi kollha flimkien mal-prevenzjoni garantita tal-ksur tal-DPI għall-prodotti manifatturati u artiġjanali sabiex l-UE tkun tista' tipproteġi aħjar l-interessi tagħha fil-livell internazzjonali;

31.

Jissuġġerixxi li l-EUIPO jiġi assenjat ir-responsabbiltà għall-istabbiliment ta' reġistru għall-IĠ mhux agrikoli sabiex jiġu żgurati l-eżami u l-protezzjoni uniformi tagħhom fl-Unjoni kollha;

Reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-disinji

32.

Jenfasizza li s-sistema attwali ta' protezzjoni tad-disinji fil-livell tal-UE ġiet stabbilita 20 sena ilu u għandha tiġi riveduta; jilqa' għalhekk ir-rieda tal-Kummissjoni li timmodernizza l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-disinji sabiex tappoġġja aħjar it-tranżizzjoni lejn ekonomija diġitali, sostenibbli u ekoloġika; jistieden lill-Kummissjoni biex, minn naħa waħda, taġġorna l-proċedura ta' reġistrazzjoni biex tippermetti li forom ġodda ta' disinn, bħall-interfaċċi grafiċi għall-utenti, id-disinji virtwali u animati, il-fonts u l-ikoni, u dawk rilevanti wara li jsiru żviluppi u teknoloġiji ġodda jiġu protetti b'mod faċli u inqas oneruż, u, min-naħa l-oħra tkompli tarmonizza aktar il-proċeduri ta' applikazzjoni u invalidazzjoni fl-Istati Membri;

33.

Jinnota li l-protezzjoni tad-disinji għall-parts użati għat-tiswija ta' prodotti kumplessi hija biss parzjalment armonizzata; jindika li xi Stati Membri diġà introduċew “eċċezzjoni tal-parts tal-bdil (spare parts)” jew “klawżola tat-tiswija” fil-leġiżlazzjoni tagħhom, li tippermetti li partijiet komponenti ta' prodotti kumplessi jiġu mmanifatturati u mibjugħa mingħajr ma jinkisru d-DPI; jinnota li dan joħloq frammentazzjoni fis-suq intern u inċertezza tad-dritt; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tinkludi “klawżola tat-tiswija” fil-proposta futura tagħha, li se tikkontribwixxi għall-appoġġ tat-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli u aktar ekoloġika u tevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni;

34.

Jemmen li s-sistema ta' protezzjoni tad-disinji tal-UE għandha tkun allinjata mas-sistema tat-trademarks tal-UE sabiex tippermetti lid-detenturi ta' disinji iżommu lill-prodotti li jiksru d-disinn milli jidħlu fit-territorju doganali tal-UE, peress li d-drittijiet marbuta mat-trademarks huma infurzabbli kontra l-merkanzija illegali li tgħaddi mill-UE, filwaqt li d-drittijiet marbuta mad-disinji mhumiex; jistieden lill-Kummissjoni telimina din id-diskrepanza fir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar id-disinji u tagħmilha possibbli li s-sidien tal-marki jwaqqfu d-disinn ta' prodotti kontrafatti li jgħaddu mill-UE;

35.

Jinsab konvint li l-protezzjoni tad-disinji għandha tiġi offruta b'mod uniformi fis-suq uniku kollu u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni taħseb dwar l-allinjament tad-Direttiva dwar id-Disinn u r-Regolament dwar id-Disinn Komunitarju bil-għan li tinħoloq ċertezza tad-dritt akbar;

Il-ġlieda kontra l-ksur tad-DPI

36.

Jirrimarka li l-oġġetti kontrafatti, bħal, pereżempju, il-mediċini kontrafatti jew it-tagħmir protettiv personali jew il-maskri kontrafatti fil-kuntest ta' kriżi tas-saħħa bħall-pandemija tal-COVID-19 joħolqu theddid serju għas-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini tal-UE u jistgħu jikkawżaw ħsara serja lis-saħħa pubblika; isostni li għalkemm l-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom l-għan li jipproteġu l-interessi pubbliċi ġenerali, filwaqt li l-prodotti kontrafatti huma relatati mal-protezzjoni tal-DPI privati, hemm relazzjoni mill-qrib bejn il-prodotti kontrafatti u r-riskji għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi;

37.

Jenfasizza li, fl-2016, sa 6,8 % tal-importazzjonijiet tal-UE, jew valur ta' EUR 121 biljun, kienu prodotti foloz, u li d-disponibbiltà tagħhom fis-suq uniku kkawżat telf dirett fil-bejgħ b'valur ta' EUR 50 biljun u t-telf dirett ta' madwar 416 000 impjieg għall-perjodu 2013-2017 (19); jirrimarka li l-ksur tad-DPI jinvolvi livell baxx ta' riskju kemm f'termini tal-probabbiltà li l-ksur jinqabadkif ukoll tas-sanzjoni jekk jinqabad; iħeġġeġ lill-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, l-awtoritajiet doganali, l-Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), l-Interpol, u l-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi jikkoordinaw strateġiji u jiżviluppaw sanzjonijiet effettivi u dissważivi b'mod partikolari sabiex jillimitaw l-ammont ta' prodotti perikolużi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u jiġġieldu l-kontrafazzjoni u l-piraterija speċjalment meta jkunu konnessi mal-kriminalità organizzata;

38.

Jiddispjaċih dwar l-użu sinifikanti tal-internet għad-distribuzzjoni ta' prodotti kontrafatti, ta' kontenut illegali u ta' servizzi li jiksru d-DPI, b'effetti negattivi sinifikanti għas-settur tal-manifattura tal-UE kif ukoll għas-setturi kreattivi, kulturali u sportivi; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal Att dwar is-Servizzi Diġitali; jenfasizza l-fatt li l-prinċipju “kun af il-klijent tan-negozju tiegħek” u s-sistema tas-sinjalaturi fdati, ikunu jikkontribwixxu immensament għall-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni u li l-IA u l-blockchain jistgħu jaqdu rwol importanti fl-indirizzar determinat tal-merkanzija kontrafatta u pirata disponibbli online kif ukoll jikkontribwixxu għal infurzar imsaħħaħ tad-DPI fil-katina kollha tal-provvista; jappoġġja, għalhekk, l-użu ta' teknoloġiji ġodda għall-ġlieda kontra l-ksur tal-PI u f'dan ir-rigward jilqa' l-pubblikazzjonijiet prodotti mill-Osservatorju tal-EUIPO abbażi ta' elementi konkreti;

39.

Jirrikonoxxi l-potenzjal qawwi tat-teknoloġiji tal-blockchain għar-reġistrazzjoni u l-protezzjoni tad-DPI; jenfasizza li s-sistemi tal-blockchain jistgħu jgħinu biex tiġi żgurata l-katina tal-provvista permezz tat-traċċabbiltà, l-assigurazzjoni tas-sikurezza u l-iżgurar ta' kull pass kontra l-perikli tal-kontrafazzjoni f'kull livell tal-katina tal-provvista; jinnota, b'mod partikolari fir-rigward tar-reġistrazzjoni tad-DPI, il-ħtieġa li l-uffiċċji tal-proprjetà intellettwali (IPOs) jadottaw standards tekniċi għas-soluzzjonijiet tal-blockchain tagħhom sabiex jippermettu l-interoperabbiltà; jissottolinja li l-IA u t-teknoloġiji relatati użati għall-proċedura ta' reġistrazzjoni għall-għoti tad-DPI ma jistgħux jissostitwixxu r-rieżami mill-bniedem imwettaq fuq bażi ta' kull każ għalih sabiex jiġu żgurati l-kwalità u l-ekwità tad-deċiżjonijiet;

40.

Jirrimarka r-rabta bejn il-kriminalità tal-PI u l-kriminalità organizzata serja u internazzjonali; jilqa', għalhekk, id-deċiżjoni tal-Kunsill li l-ksur tal-PI jerġa' jniżżel fil-lista tal-prijoritajiet tal-UE dwar il-kriminalità fil-qafas tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT) għaċ-ċiklu 2022-2025 li ġej, u jitlob lill-Kunsill iżommu f'dik il-lista u jtejjeb il-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet nazzjonali, l-EUIPO, il-Europol, l-Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF);

41.

Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni biħsiebha toħroġ sett ta' għodod tal-UE kontra l-kontrafazzjoni sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni bejn id-detenturi tad-drittijiet, l-awtoritajiet pubbliċi, l-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi fil-livell nazzjonali u tal-UE, u l-intermedjarji billi tkompli tiċċara aktar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet, bil-għan li tiffaċilita l-iskambju effettiv tal-informazzjoni u tad-data bejn l-atturi ewlenin, tippromwovi l-użu ta' għodod ġodda u l-indirizzar determinat tal-attivitajiet ta' kontrafazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjonijiet konkreti biex timmonitorja l-ksur intenzjonat tad-DPI, inkluż fejn il-ksur jintuża in mala fede bħala strateġija kummerċjali intenzjonata, u biex tinsisti għal aktar kontroll u kooperazzjoni transfruntiera bejn l-aġenziji doganali bħala parti mill-ġlieda kontra l-importazzjoni ta' prodotti kontrafatti; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li toħloq sett ta' għodod simili tal-UE għall-ġlieda kontra ksur ieħor tad-DPI;

42.

Jenfasizza li l-edukazzjoni fit-tul dwar l-IP fl-iskejjel, dwar il-kontrazzjoni u l-piraterija tkun meħtieġa wkoll sabiex tinbidel ir-rieda li jiġu kkunsmati prodotti u servizzi li jiksru d-DPI; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, jikkooperaw mal-EUIPO sabiex ivaraw kampanji ta' sensibilizzazzjoni, inkluż fil-qasam tal-istampar 3D; ifakkar li t-teknoloġija tal-istampar 3D tista' tqajjem xi tħassib speċifiku ta' natura ġuridika rigward l-oqsma kollha tad-dritt dwar il-PI, bħad-drittijiet tal-awtur, il-privattivi, id-disinji, it-trademarks tridimensjonali u l-indikazzjonijiet ġeografiċi;

43.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tipproteġi d-DPI u tippromwovi l-infurzar f'pajjiżi mhux tal-UE, inkluż permezz ta' żieda fil-finanzjament għall-programmi ta' kooperazzjoni teknika mmirati tal-UE u għall-bini tal-kapaċità, bħat-tliet programmi ta' kooperazzjoni ewlenin tal-PI li għaddejjin bħalissa maċ-Ċina, mal-Asja tax-Xlokk u mal-Amerka Latina u s-sħubija konġunta mal-kontinent Afrikan biex jiġu promossi l-ġenerazzjoni u l-ġestjoni aħjar tal-PI, u billi jiġu appoġġjati r-reġimi tal-PI li jsaħħu l-iżvilupp agrikolu lokali; jinkoraġġixxi, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni biex, abbażi tal-esperjenza tal-UE, tgħin lil dawk li jfasslu l-politiki u lill-awtoritajiet tal-infurzar u tipprovdilhom għarfien u linji biex itejbu l-kapaċità tagħhom biex jindirizzaw b'mod determinat il-ksur tad-DPI, u tippromwovi soluzzjonijiet fattibbli, li jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż b'mod sinifikanti u jissemplifikaw il-proċeduri għall-ksib, iż-żamma u l-infurzar tal-protezzjoni tad-DPI, kif ukoll tagħti informazzjoni lid-detenturi tad-drittijiet dwar l-evoluzzjoni tax-xenarju tal-ksur u l-provvista ta' oġġetti kontrafatti;

Sfidi ġodda għat-tfassil tal-politika tal-PI

44.

Jenfasizza li l-protezzjoni tal-PI relatata mat-teknoloġiji tal-IA hija importanti u għandha tiġi kkunsidrata kif dovut, u li għalkemm ir-regoli attwali dwar il-protezzjoni permezz tal-privattivi ta' invenzjonijiet implimentati bil-kompjuter jistgħu jkopru t-teknoloġiji tal-IA, hemm il-ħtieġa ta' kriterji ċari għall-protezzjoni tal-invenzjonijiet iġġenerati bl-assistenza tat-teknoloġiji tal-IA; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, f'kooperazzjoni mal-UEP u mal-EUIPO, tipprovdi ċertezza tad-dritt dwar dan is-suġġett u ssegwi l-kwistjoni mill-qrib fil-livell internazzjonali fid-WIPO;

45.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur mingħajr dewmien u b'mod li jirrifletti l-ftehim li ntlaħaq mill-koleġiżlaturi biex itejbu l-protezzjoni li hija tipprovdi, u jippermettu eċċezzjonijiet bħall-aċċess għall-edukazzjoni online u l-wirt kulturali diġitalizzat; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-kuntratti ta' akkwiżizzjoni biex tiżgura r-remunerazzjoni ġusta tal-kreaturi bbażata fuq id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet tal-awturi; jissottolinja li n-nuqqas ta' armonizzazzjoni tar-regoli dwar is-sjieda tal-awtur u dwar is-sjieda tad-drittijiet tal-awtur jista' jwassal għal soluzzjonijiet nazzjonali diverġenti għax-xogħlijiet assistiti mill-IA;

46.

Jissottolinja li, minkejja livell għoli ta' armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-PI madwar l-Ewropa, għad hemm nuqqas ta' infurzar transfruntier effiċjenti ta' dawn id-drittijiet fl-UE;

47.

Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ħabbret li se tirrevedi d-Direttiva dwar il-Bażijiet tad-Data sabiex tiffaċilita l-aċċess u l-użu tad-data filwaqt li tissalvagwardja l-interessi leġittimi; jirrimarka li ostakli bla bżonn għadhom qed ixekklu r-riċerka u li għandhom jiġu żviluppati aktar spazji robusti tad-data sabiex ir-riċerkaturi jkunu jistgħu jsibu soluzzjonijiet xjentifiċi, anki f'restrizzjonijiet temporali eċċezzjonali; jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol tal-limitazzjonijiet u l-eċċezzjonijiet għad-drittijiet esklużivi;

48.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-istudju tal-Kummissjoni tal-2016 dwar l-entitajiet li jasserixxu l-privattivi (PAE) fl-Ewropa (20) ma tax tweġiba ċara għall-mistoqsija dwar jekk il-mudelli kummerċjali ta' xi PAE, li jikkonsistu fl-akkwist ta' privattivi minn partijiet terzi u li jfittxu li jiġġeneraw dħul billi jasseruhom kontra allegati kontraventuri permezz tal-użu ħażin tal-asimmetriji tal-litigazzjoni, l-abbuż tal-lakuni fil-leġiżlazzjoni eżistenti, u għalhekk jikkostitwixxu problema li għandha tiġi indirizzata b'mod determinat; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli tissorvelja din il-kwistjoni u twettaq studju fil-fond korrispondenti;

49.

Jilqa' l-isforzi tal-Istati Membri kollha biex jiżguraw li l-qrati jqisu l-prinċipju tal-proporzjonalità meta jkunu qed jittrattaw każijiet ta' inġunzjoni;

50.

Jinnota li l-protezzjoni tad-DPI hija essenzjali biex jiġu inċentivati r-riċerka u l-produzzjoni ta' prodotti u proċessi innovattivi, inklużi mediċini ġodda, iżda jinsab konvint li biex issir il-ġlieda kontra l-emerġenzi globali tas-saħħa, tiġi indirizzata l-aċċessibbiltà ta' ċerti prodotti mediċi, u jkunu jistgħu jsiru l-interventi li jsalvaw il-ħajja fl-interess pubbliku, huma importanti l-akkomunament volontarju tal-privattivi, il-ħruġ obbligatorju tal-liċenzji u l-flessibbiltajiet previsti fil-Ftehim TRIPS tad-WTO; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tanalizza u tesplora għażliet possibbli biex tiżgura l-effettività u l-koordinament aħjar tal-ħruġ obbligatorju tal-liċenzji fl-UE, filwaqt li tqis il-każijiet li fihom dan ikun intuża fl-Unjoni, ir-raġunijiet għall-użu tiegħu, il-kundizzjonijiet li bihom ikun ingħata, il-konsegwenzi ekonomiċi tiegħu u jekk dan kisibx l-effett mixtieq;

51.

Jisħaq fuq il-fatt li tqassim aktar ekwu tal-vaċċini fid-dinja kollha huwa essenzjali għall-ġlieda effettiva kontra t-tixrid tal-COVID-19 u l-mutazzjonijiet tagħha, u li hemm il-ħtieġa li jingħata appoġġ għall-aċċess globali għall-vaċċini kontra l-COVID-19; jinnota li n-nuqqas ta' aċċess għal vaċċini bi prezzijiet aċċessibbli għadu sfida mill-akbar fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jappoġġja, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu, fl-isforzi tagħhom, lill-pajjiżi li mhumiex fl-UE ineħħu l-projbizzjonijiet attwali minn fuq l-esportazzjoni u jżidu d-donazzjoni tal-vaċċini; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jżidu l-isforzi tagħhom biex jappoġġjaw it-trasferiment tat-teknoloġiji u l-ħruġ volontarju tal-liċenzji għad-DPI sabiex jittejjeb l-aċċess globali għall-prodotti mediċi relatati mal-COVID-19 li huma ekonomikament aċċessibbli, jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet globali fuq il-produzzjoni u l-iskarsezzi tal-provvisti, u b'hekk jiġi ttrattat il-mard infettiv endemiku jew pandemiku fil-popolazzjoni dinjija;

52.

Jilqa' l-fatt li l-pajjiżi l-anqas żviluppati diġà jgawdu minn eżenzjoni, mogħtija sal-1 ta' Jannar 2033, fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet TRIPS dwar il-prodotti farmaċewtiċi; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tagħti segwitu, f'kooperazzjoni mad-WTO, għall-wegħda tagħha li tidħol f'negozjati attivi u kostruttivi, ibbażati fuq testi, fil-livell tad-WTO sabiex issir ħidma fuq l-inċentivazzjoni u l-għoti ta' appoġġ għaż-żieda fil-kapaċitajiet ta' produzzjoni tal-vaċċini fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u fuq l-inċentivazzjoni tal-akkomunament volontarju u rapidu tad-DPI fi żminijiet ta' kriżi kif ukoll tal-ftehimiet dwar il-ħruġ volontarju tal-liċenzji, u tvara djalogu dwar l-ostakli attwali għall-ħruġ volontarju tal-liċenzji u kif dawn l-ostakli jistgħu jingħelbu;

53.

Jissuġġerixxi li jiġi stabbilit koordinatur tal-PI fil-livell Ewropew sabiex jiġi żgurat approċċ olistiku u kkoordinat għall-politika tal-UE dwar il-PI u tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali differenti tal-PI, id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni u korpi oħra responsabbli mid-DPI, bħall-UEP, l-EUIPO u d-WIPO u atturi rilevanti oħra; il-koordinatur tal-PI jista' jkompli jippromwovi aktar il-ġlieda kontra l-ksur tad-DPI fl-ogħla livell politiku u jassumi dmirijiet oħra relatati mad-DPI jekk ikun meħtieġ;

54.

Jiddefendi l-idea li l-promozzjoni ta' ġestjoni aħjar tal-PI fil-komunità tar-riċerka u l-innovazzjoni hija meħtieġa sabiex ir-riċerka eċċellenti tal-Ewropa tiġi materjalizzata f'innovazzjonijiet li huma ta' benefiċċju għaċ-ċittadini u n-negozji tagħha; jenfasizza li, f'dan il-kuntest, il-PI ffinanzjata pubblikament trid tintuża b'mod ekwu u effettiv, u li r-riżultati miksuba bil-fondi tal-UE għandhom jintużaw biex l-ekonomija tal-UE tittejjeb għal kulħadd;

55.

Ifakkar li s-setturi b'intensità ta' DPI jiġġeneraw il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet kummerċjali tal-UE u li l-protezzjoni u l-infurzar tad-DPI fil-pajjiżi terzi huma essenzjali wkoll; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tfittex protezzjoni robusta għall-PI fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles futuri; jitlob lill-Kummissjoni titlob li l-infurzar tad-DPI jiġi indirizzat fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u fid-WIPO;

56.

Ifakkar li waħda mill-isfidi ewlenin għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw hija li jitilgħu 'l fuq fil-katina tal-valur globali permezz tad-diversifikazzjoni ekonomika, li tirrikjedi regoli kummerċjali globali ekwi u li jiffavorixxu l-iżvilupp;

57.

Iħeġġeġ lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw isaħħu l-ktajjen tal-valur reġjonali u l-kummerċ intrareġjonali u l-investimenti fis-saħħa u f'oqsma relatati mas-saħħa, partikolarment permezz ta' sforzi kollettivi ta' R&Ż fir-riċerka medika u l-akkomunament reġjonali tar-riżorsi; jinnota bi tħassib li, skont il-Global Trade Alert, sal-21 ta' Marzu 2020, mill-bidu tas-sena 54 gvern kienu daħħlu limitazzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' provvisti mediċi ewlenin; jenfasizza li l-patti kummerċjali reġjonali għandhom jintużaw għall-prevenzjoni ta' projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti ewlenin fi żminijiet ta' skarsezzi globali u reġjonali, bħal fil-każ tal-kriżi pandemika li għaddejja;

o

o o

58.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU C 175, 20.6.2013, p. 1.

(2)  ĠU L 271, 24.10.2019.

(3)  ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.

(4)  ĠU L 153, 11.6.2019, p. 1.

(5)  ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92.

(6)  ĠU L 136, 30.4.2004, p. 34.

(7)  ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45.

(8)  ĠU L 289, 28.10.1998, p. 28.

(9)  ĠU L 3, 5.1.2002, p. 1.

(10)  ĠU C 407, 4.11.2016, p. 25.

(11)  ĠU C 404, 6.10.2021, p. 129.

(12)  Testi adottati, P9_TA(2021)0236.

(13)  ĠU C 349, 17.10.2017, p. 2.

(14)  ĠU C 371, 15.9.2021, p. 102.

(15)  UEP-EUIPO, IPR-intensive industries and economic performances in the EU: Industry-level analysis report (Setturi b'intensità għolja ta' DPI u prestazzjonijiet ekonomiċi fl-UE: rapport ta' analiżi settorjali), it-tielet edizzjoni, Settembru 2019.

(16)  ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.

(17)  Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea Pilot study for Essentiality Assessment of Standard Essential Patents (Studju Pilota għall-Valutazzjoni tal-Essenzjalità tal-Privattivi Essenzjali għal Standard), 2020.

(18)  Regolament (UE) Nru 1257/2012 tal-parlament ewropew u tal-kunsill tas- 17 ta’ Diċembru 2012 li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja (ĠU L 361, 31.12.2012, p. 1).

(19)  EUIPO, 2020 Status Report on IPR infringement: average annual figures, 2013-2017 (Rapport tas-Sitwazzjoni dwar il-ksur tad-DPI 2020: ċifri annwali medji, 2013-2017).

(20)  Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea Patent Assertion Entities in Europe: Their impact on innovation and knowledge transfer in ICT markets (L-Entitajiet li Jasserixxu l-Privattivi fl-Ewropa: l-impatt tagħhom fuq l-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien fis-swieq tal-ICT), 2016.


Fuq