Ce document est extrait du site web EUR-Lex
Document 52021AE0127
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on contestable and fair markets in the digital sector (Digital Markets Act)’ (COM(2020) 842 final — 2020/374 (COD))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali (l-Att dwar is-Swieq Diġitali)” [COM(2020) 842 final – 2020/374 (COD)]
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali (l-Att dwar is-Swieq Diġitali)” [COM(2020) 842 final – 2020/374 (COD)]
EESC 2021/00127
ĠU C 286, 16.7.2021, p. 64-69
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
16.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 286/64 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali (l-Att dwar is-Swieq Diġitali)”
[COM(2020) 842 final – 2020/374 (COD)]
(2021/C 286/12)
|
Relatur: |
Emilie PROUZET |
|
Konsultazzjoni |
Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 10.2.2021 Parlament Ewropew, 8.2.2021 |
|
Bażi legali |
Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
|
Adottata fis-sezzjoni |
31.3.2021 |
|
Adottata fil-plenarja |
27.4.2021 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
560 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
179/9/16 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ta’ livell għoli
|
1.1. |
Matul dawn l-aħħar għaxar snin, tqajmu kwistjonijiet u ħtiġijiet kemm f’termini tal-kompetizzjoni kif ukoll tar-regoli tas-suq intern. Dawn ċertament żdiedu matul il-kriżi tal-COVID-19. Il-KESE jilqa’ l-Proposta għal Regolament dwar l-Att dwar is-Swieq Diġitali, li għandha l-għan li tipprevjeni lill-gwardjani milli jimponu kundizzjonijiet inġusti fuq in-negozji u l-konsumaturi u li tiżgura l-aċċessibbiltà ta’ servizzi diġitali importanti. |
|
1.2. |
Il-pjattaformi online huma fenomenu dejjem preżenti li jisfida lill-operaturi stabbiliti billi jbiddel il-mod kif nikkunsmaw u nipprovdu prodotti u servizzi, iżda wkoll kif naħdmu u nimpjegaw lin-nies. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-approċċ olistiku tal-Kummissjoni Ewropea fit-trattament tal-aspetti kollha ta’ din l-ekosistema. Il-Kumitat se jkun partikolarment viġilanti hawnhekk fir-rigward tat-tassazzjoni, il-governanza tad-data u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dwar dan l-aħħar punt, il-KESE jilqa’ l-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaformi u jistenna bil-ħerqa l-inizjattiva leġiżlattiva ppjanata għall-aħħar tas-sena. |
|
1.3. |
Il-kisba ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi differenti fis-swieq diġitali tibqa’ l-objettiv primarju. L-Ewropa teħtieġ ambjent ta’ pjattaforma online ġust u kontestabbli sabiex jinkiseb funzjonament aħjar tas-suq intern. Il-KESE jemmen li l-Att dwar is-Swieq Diġitali u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (1) flimkien se jiffurmaw il-pedament ta’ qafas li għandu jiġi pperfezzjonat matul is-snin u applikat b’konsistenza ma’ politiki diġitali ewlenin oħra bħar-Regolament dwar il-privatezza elettronika, il-GDPR, ir-Regolament P2B u l-allinjament tar-regoli tal-kompetizzjoni mal-era diġitali. |
|
1.4. |
Is-salvagwardja ta’ ambjent ta’ negozju ġust u favorevoli għall-innovazzjoni, filwaqt li jipproteġi lill-utenti finali, tibqa’ fundamentali. L-abbozz tal-Att dwar is-Swieq Diġitali huwa rispons għall-era diġitali rapida u dejjem tevolvi, u l-abbozz jipprevedi skadenzi qosra u proċeduri li jistgħu jiġu aġġornati malajr filwaqt li jissalvagwardja ċ-ċertezza tad-dritt u d-dritt tad-difiża. Madankollu, il-KESE jemmen li l-Artikolu 16 dwar l-investigazzjoni tas-suq dwar in-nuqqas ta’ konformità jrid jissaħħaħ kemm f’termini ta’ dewmien (l-istennija li jitwettqu tliet atti ta’ nuqqas ta’ konformità fi żmien ħames snin tikkawża wisq dannu) kif ukoll ta’ penali. |
|
1.5. |
Billi tiffoka fuq servizzi speċifiċi irrispettivament mill-post fejn huwa stabbilit il-fornitur tas-servizz jew mil-liġi applikabbli għall-forniment tas-servizz, il-Kummissjoni tindirizza b’mod effettiv il-kwistjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi online Ewropej u globali. Il-KESE jemmen li l-immirar tas-servizz aktar milli tal-operatur huwa soluzzjoni tajba għad-diffikultajiet li wieħed jiltaqa’ magħhom meta jipprova jissorvelja tali atturi diġitali daqshekk differenti. |
|
1.6. |
B’differenza għall-Att dwar is-Servizzi Diġitali, l-Att dwar is-Swieq Diġitali ma jeħtieġx direttament li l-gwardjani maħtura tal-pjattaformi jaħtru rappreżentant legali fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-proċeduri ta’ evalwazzjoni u investigazzjoni deskritti hawn taħt jeħtieġu djalogu u koordinazzjoni bejn il-pjattaformi ta’ servizzi ewlenin u l-Kummissjoni. Il-KESE jirrakkomanda li tiġi inkluża referenza għall-Artikoli 10 u 11 tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali biex jiġi żgurat li l-gwardjani kollha jistabbilixxu rappreżentant legali fl-Unjoni Ewropea. |
|
1.7. |
Barra minn hekk, prijorità ewlenija għall-KESE hija li jiġi evitat li l-multiplikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali twassal għal frammentazzjoni ferm akbar tas-suq intern. Il-KESE jemmen li l-azzjoni fil-livell tal-UE hija tal-akbar importanza u jappoġġja bis-sħiħ l-Artikolu 1(5) u (7). |
|
1.8. |
Fl-istess ħin, il-KESE jaqbel mal-Att dwar is-Swieq Diġitali li l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jaġixxu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni (permezz ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 3(6), skont l-Artikolu 33 jew b’mod parallel, abbażi tar-regoli tal-kompetizzjoni.) |
|
1.9. |
Sabiex jiġu koperti każijiet fejn ir-responsabbiltà tirriżulta simultanjament minn ksur tal-Att dwar is-Swieq Diġitali u minn ksur tar-regoli skont l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE, huwa mifhum li dawn iż-żewġ settijiet ta’ regoli jistgħu jiġu applikati simultanjament. L-Att dwar is-Swieq Diġitali għalhekk għandu jiċċara l-proċessi ta’ implimentazzjoni u koordinazzjoni fl-interessi taċ-ċertezza tad-dritt u l-effiċjenza (Artikolu 1(6)). |
|
1.10. |
Il-KESE jemmen li hija meħtieġa diskussjoni dettaljata dwar ir-raġunijiet u l-impatt tal-approċċ differenti biex jiġu stabbiliti obbligi ġodda skont l-Artikolu 10 u biex jiġu estiżi l-prattiki skont l-Artikolu 17. Fl-istess ħin, il-KESE jemmen li għandhom jiġu definiti ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali speċifiċi fir-rigward tas-sitt parametri użati biex jinħatru gwardjani (Artikolu 3(6)). |
|
1.11. |
Għalhekk, il-KESE jqis li d-definizzjonijiet ta’ “servizzi ewlenin”, “utenti finali” u “utenti kummerċjali” għandhom ikunu ħafna aktar speċifiċi. |
|
1.12. |
Il-KESE jemmen li għandu jiġi ċċarat li l-prattiki msemmijin fl-Artikoli 5 u 6 jikkostitwixxu prattiki pprojbiti. Madankollu, l-Artikolu 6 dwar il-prattiki jeħtieġ li jiġi implimentat speċifikament matul id-djalogu regolari bejn il-Kummissjoni u l-gwardjani. |
2. Kummenti dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u d-deżinjazzjoni
|
2.1. |
Il-KESE jemmen li l-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizzi huwa wiesa’ ħafna, iżda ta’ importanza ewlenija. Fil-fatt, huma biss il-prattiki relatati direttament ma’ dawn is-servizzi ewlenin tal-pjattaforma li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni u huma soġġetti għal obbligi. Il-KESE jappoġġja ċ-ċertezza tad-dritt provduta mir-reviżjoni tar-Regolament bi kwalunkwe bidla fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizzi. |
|
2.2. |
Il-KESE jinnota li t-tħassib identifikat rigward il-funzjonament tas-suq tas-servizzi ewlenin mhuwiex kollu relatat mal-utenti finali (ara s-servizzi (f), (g) u (h)) u jistaqsi jekk l-impatt tal-proċess tal-Att dwar is-Swieq Diġitali fi ħdan is-servizzi ewlenin minn negozju għal negozju (B2B) ġiex ivvalutat biżżejjed, speċjalment fl-ekosistema tar-reklamar (is-suq tar-reklami). |
|
2.3. |
Jekk jiġi propost servizz ewlieni, imbagħad ikun possibbli li jiġi vvalutat jekk xi fornitur ta’ dan is-servizz għandux attributi li jissodisfaw b’mod kumulattiv il-kriterji biex jitqies bħala gwardjan għal dak is-servizz speċifiku. Il-KESE jappoġġja dan l-approċċ kumulattiv. |
2.4. Kummenti speċifiċi dwar l-evalwazzjoni kwantitattiva – gwardjani preżunti
|
2.4.1. |
Fir-rigward tal-ewwel livell limitu, il-KESE jinnota li l-livell limitu jirreferi għall-fatturat totali tal-kumpanija li hija s-sid tal-pjattaforma, inkluż kwalunkwe linja ta’ negozju li mhijiex mudell ta’ negozju tal-pjattaforma jew li mhijiex attività online, u mhux għall-fatturat tas-servizz. |
|
2.4.2. |
Il-KESE jappoġġja l-livell limitu tad-data finanzjarja, speċjalment il-mod kif ikopri ċ-ċifri tal-kapitalizzazzjoni biex jirrifletti l-kapaċità tal-pjattaformi li jimmonetizzaw l-utenti tagħhom u l-kapaċità finanzjarja tagħhom (inkluża l-kapaċità li jingranaw l-aċċess għas-suq finanzjarju). |
|
2.4.3. |
Fir-rigward tat-tieni livell limitu, il-KESE jirrikonoxxi r-rilevanza tal-kriterji relatati mal-għadd ta’ utenti (għas-servizz ewlieni speċifiku tal-pjattaforma analizzat). |
|
2.4.4. |
Fl-abbozz, id-definizzjoni ta’ utent finali (Artikolu 2(16)) tixbah ħafna d-definizzjoni ta’ konsumatur u, kif jiġri s-soltu, tikkuntrasta mad-definizzjoni ta’ utent professjonali. L-Artikolu 3(2)(b) jiddefinixxi l-kunċett ta’ utenti finali f’termini ta’ tul ta’ żmien (xhur) u rilevanza (li jkunu attivi). Il-KESE jemmen li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ utenti finali għandha tkun preċiża (jiġifieri l-utenti li jgħaddu mill-pjattaforma, iżuru s-sit, jużawh darba fix-xahar). L-istess kwistjoni tapplika għall-utenti kummerċjali. Għal raġunijiet ta’ ċertezza tad-dritt, il-KESE jirrakkomanda li l-kunċett ta’ “utenti finali” u “utenti kummerċjali” jiġi ċċarat jew tal-anqas definit fl-abbozz ta’ Regolament. |
2.5. Kummenti speċifiċi dwar l-evalwazzjoni kwalitattiva – gwardjani evalwati
|
2.5.1. |
Jekk il-livelli limitu ma jintlaħqux kollha b’mod kumulattiv, il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq. Din tista’ tintalab minn Stat Membru (Artikolu 15) u tuża sitt parametri oħra biex tiddetermina jekk il-pjattaforma tissodisfax it-tliet kriterji determinanti (Artikolu 3(6)). |
|
2.5.2. |
Il-valutazzjoni kwalitattiva tas-suq intern introdotta mill-Kummissjoni Ewropea tirrifletti ħafna parametri li huma rilevanti fid-dritt tal-kompetizzjoni u l-ekonomija. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta’ preċedenti (l-ebda ħtieġa li jiġi definit suq rilevanti jew li tingħata prova ta’ dominanza biex jiġi stabbilit l-istatus ta’ gwardjan), mhuwiex ċar jew ma ġiex verifikat kemm se jkun hemm karatteristiċi/parametri u kemm se jkunu b’saħħithom. |
|
2.5.3. |
Jekk l-għan huwa li jiġu mmirati sitwazzjonijiet komparabbli ma’ dawk identifikati fil-valutazzjoni kwantitattiva iżda fejn il-livelli limitu ma nqabżux, il-KESE jemmen li l-mekkaniżmu ta’ valutazzjoni għandu livell ta’ dettall limitat ħafna. Mal-ewwel daqqa t’għajn, xejn ma jimpedixxi interpretazzjoni usa’ ta’ dawn il-parametri biex jiġu applikati għal għadd akbar ta’ operaturi, peress li, kif nafu, ħafna mudelli ta’ negozju fl-ekonomija qed jevolvu u jesperimentaw permezz ta’ trasformazzjoni diġitali u mudelli ta’ negozju ġodda. |
|
2.5.4. |
Peress li dawn is-sitt parametri jagħmluha possibbli li jinħatru gwardjani, il-KESE jemmen li ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali speċifiċi tagħhom għandhom jiġu definiti. |
3. Kummenti dwar il-prattiki elenkati
|
3.1. |
Biex wieħed jifhem il-listi ta’ prattiki stabbiliti fl-abbozz tal-Att dwar is-Swieq Diġitali, il-KESE jemmen li huwa importanti li wieħed iħares lura lejn il-ħidma tal-Kummissjoni: il-prattiki identifikati f’dawn l-aħħar snin, dawk diġà koperti mir-Regolament P2B il-ġdid u dawk li jistgħu jiġu koperti bl-adattament tad-dritt tal-kompetizzjoni għall-ekosistema diġitali. |
|
3.2. |
Il-KESE jemmen li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prattiki għandu jiġi ċċarat, speċjalment jekk il-Kummissjoni tista’ testendih. Għalhekk, jidher li ħafna mill-prattiki msemmija fl-Artikolu 5 huma parti mis-servizz ewlieni tal-pjattaforma, filwaqt li l-Artikolu 6 jirreferi għall-użu ta’ tali servizzi ewlenin tal-pjattaforma biex jingranaw u jinfluwenzaw l-eżiti tas-suq. |
|
3.3. |
Il-KESE jappella għall-iżvilupp ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni robusta bbażata fuq proċeduri ta’ ttestjar li jippermettu lill-kumpaniji jaffermaw l-affidabbiltà u s-sigurtà tas-sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali tagħhom. It-trasparenza, speċjalment tas-sistemi ta’ klassifikazzjoni, it-traċċabbiltà u l-ispjegabbiltà tal-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet algoritmiċi huma sfida teknika li titlob l-appoġġ ta’ strumenti tal-UE bħall-programm Orizzont Ewropa (2). |
3.4. Kummenti speċifiċi dwar prattiki inġusti xprunati mid-data
|
3.4.1. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa li tittejjeb aktar l-implimentazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) billi tiġi prevista l-prattika fl-Artikolu 5(a). Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tirrevedi regolarment il-GDPR u r-regolamenti relatati fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi (3). |
|
3.4.2. |
Fir-rigward tal-portabbiltà effettiva tad-data (Artikolu 6(1)(h)), il-KESE jirrimarka li skont ir-Regolament dwar il-moviment liberu tad-data, l-industrija tal-cloud qed tiżviluppa kodiċi ta’ kondotta biex tiżgura t-trasparenza kuntrattwali u teknika għat-tmiem tal-kuntratti u għall-portabbiltà tad-data bejn il-fornituri ta’ servizz ta’ cloud jew l-irkupru tad-data għal ħżin fuq il-post. L-effettività tal-kodiċi fit-trawwim tal-portabbiltà fis-suq tal-cloud se tiġi evalwata dalwaqt. |
3.5. Kummenti speċifiċi dwar l-awtopreferenzjar inġust
|
3.5.1. |
L-Att dwar is-Swieq Diġitali jistabbilixxi l-obbligu tal-gwardjan li joqgħod lura milli jagħti trattament aktar favorevoli anke fir-rigward ta’ “kwalunkwe parti terza li tappartjeni għall-istess impriża”. Madankollu, din l-ispeċifikazzjoni ulterjuri mhijiex ripetuta f’dispożizzjonijiet oħra, avolja gwardjan jista’ jevita r-restrizzjoni stipulata f’dawn id-dispożizzjonijiet billi jipprovdi data rilevanti lil parti terza. Bħala eżempju, nistgħu nirreferu għall-Artikolu 5(a) jew l-Artikolu 6(1)(a), fejn it-trasferiment ta’ data lil parti terza (kemm jekk tappartjeni għall-istess impriża kif ukoll jekk le) mhuwiex ipprojbit. Filwaqt li l-Artikolu 11 joffri soluzzjoni f’dan ir-rigward, ma nqisuhiex biżżejjed. |
|
3.5.2. |
Fid-dawl tal-klawżola ta’ parità prevista fl-Artikolu 5(b), issa gwardjan huwa pprojbit milli jimpedixxi li l-utenti kummerċjali joffru l-istess prodotti jew servizzi lill-konsumaturi permezz ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online oħra jew magni tat-tiftix b’kundizzjonijiet differenti minn dawk offruti mill-pjattaforma tiegħu. Il-KESE jemmen li l-frażi “… bi prezzijiet jew b’kundizzjonijiet differenti …” hija wiesgħa u tista’ tinkludi kriterji oħra apparti l-prezz li jista’ jkun hemm bżonn li jiġu speċifikati. |
3.6. Kummenti speċifiċi dwar kundizzjonijiet ta’ aċċess inġusti
|
3.6.1. |
Fir-rigward tal-prattika msemmija fl-Artikolu 5(d), il-KESE jinnota li r-Regolament P2B diġà jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-iżgurar tal-aċċess għall-utenti kummerċjali biex jagħmlu lmenti u dwar it-trasparenza fir-rigward tat-trattament tal-ilmenti, u jiddubita r-rilevanza ta’ din il-prattika. Il-KESE jistaqsi għaliex l-utenti finali mhumiex koperti. |
4. Kummenti dwar setgħat investigattivi, ta’ infurzar u ta’ monitoraġġ
|
4.1. |
Għall-finijiet tal-Artikolu 3(6), għandha tingħata aktar konsiderazzjoni lill-involviment tal-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Aħna nemmnu li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru għandu jkollhom id-dritt li jressqu talba lill-Kummissjoni biex toħroġ deċiżjoni skont il-paragrafu 6, u l-Kummissjoni għandu jkollha l-obbligu korrispondenti li tiddiskuti t-talba u, fejn adatt, tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat jadotta miżuri preliminari sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni. Għall-finijiet tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha titlob ukoll opinjoni mill-Istati Membri kollha li fihom jopera l-gwardjan potenzjali. |
|
4.2. |
L-abbozz ta’ Regolament jikkombina l-awtoevalwazzjoni mill-pjattaformi u l-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Kummissjoni Ewropea. Madankollu, din il-valutazzjoni titwettaq l-ewwel nett mill-pjattaforma ta’ servizzi ewlenija, li għandha tinnotifika lill-Kummissjoni li dawn il-livelli limitu jkunu ntlaħqu fi żmien tliet xhur (Artikolu 3(3)). Il-KESE jirrikonoxxi u jappoġġja l-fatt li l-proċess tal-Att dwar is-Swieq Diġitali jagħmel il-pjattaformi responsabbli. Huwa jinnota wkoll li l-abbozz jirrispetta d-drittijiet tad-difiża u ta’ appell u l-pass tan-negozju diġitali. |
|
4.3. |
Il-KESE jappoġġja l-miżuri tal-Att dwar is-Swieq Diġitali li jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta u timmonitorja t-tkabbir tal-pjattaformi ta’ gwardjani, bħal fużjonijiet barra l-livelli limitu tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 (4). |
|
4.4. |
Barra minn hekk, il-KESE jappoġġja l-valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni dwar jekk ir-reġim attwali tal-UE jippermettix li akkwisti importanti ta’ miri ta’ fatturat baxx li jista’ jkollhom impatt fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern tal-UE jinqabdu b’mod suffiċjenti (5). Il-proposta tal-Kummissarju Vestager li jibdew ikunu aċċettati riferimenti mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni dwar fużjonijiet kemm jekk dawk l-awtoritajiet kellhom is-setgħa li jirrevedu l-każ kif ukoll jekk le tista’ tkun għażla (6). |
|
4.5. |
Flimkien mal-Kummissjoni tal-UE, il-Kumitat Konsultattiv ippjanat għas-Swieq Diġitali wkoll jeħtieġ li jiġi stabbilit biex tintlaħaq effettività massima. Il-KESE jqis li l-Artikolu 32 huwa vag ħafna f’dan ir-rigward u jemmen li l-kumitat għandu jiġi fdat b’superviżjoni u monitoraġġ kontinwi. Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li jiġi kkunsidrat jekk il-kumitat jistax jirċievi lmenti mingħand assoċjazzjonijiet tal-konsumatur u l-imsieħba soċjali. |
|
4.6. |
Il-KESE jemmen li l-organizzazzjonijiet b’rabta mal-interessi tan-negozju, il-protezzjoni tal-konsumatur u t-trade unions għandhom jingħataw widen u l-fehmiet tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati, l-istess bħal kif jista’ jiġri f’każijiet ta’ kompetizzjoni. L-Artikolu 20 tal-Att dwar is-Swieq Diġitali jawtorizza lill-Kummissjoni twettaq intervisti u tieħu dikjarazzjonijiet. Il-KESE jissuġġerixxi li l-involviment tagħhom u d-dritt tagħhom li jingħataw widen għandhom jiġu ddikjarati b’mod ċar f’dan l-artikolu. |
Brussell, is-27 ta’ April 2021.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Opinjoni tal-KESE dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (ara paġna xxx ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(2) ĠU C 47, 11.2.2020, p. 64.
(3) ĠU C 47, 11.2.2020, p. 64.
(5) https://one.oecd.org/document/DAF/COMP/WD(2020)24/en/pdf.
(6) https://ec.europa.eu/commission/commissioners/2019-2024/vestager/announcements/future-eu-merger-control_mt.
ANNESS
It-test hawn taħt, li kien jagħmel parti mill-opinjoni tas-Sezzjoni, tħassar u ħadet postu emenda li ġiet adottata mill-Assemblea, iżda rċieva mill-inqas kwart tal-voti:
|
“2.3. |
Jekk jiġi propost servizz ewlieni, imbagħad ikun possibbli li jiġi vvalutat jekk xi fornitur ta’ dan is-servizz għandux attributi li jissodisfaw b’mod kumulattiv il-kriterji biex jitqies bħala gwardjan għal dak is-servizz speċifiku. Il-KESE ma jemminx li dan l-approċċ kumulattiv effettivament ikopri lill-gwardjani, iżda jipproponi li għandu jiġi ssodisfat kriterju wieħed biss, preferibbilment l-għadd ta’ utenti sabiex jaġixxu f’konformità mal-Att dwar is-Servizzi Diġitali. Jesprimi wkoll tħassib li l-proċedura biex jiġu identifikati l-gwardjani tista’ tkun tedjanti u għalhekk jirrakkomanda proċess aktar rapidu.” |
Riżultat tal-votazzjoni:
|
Favur: |
98 |
|
Kontra: |
83 |
|
Astensjonijiet: |
20 |