Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XC1202(01)

    Avviż tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet legali tal-qafas għar-riżoluzzjoni tal-banek rivedut bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-awtoritajiet tal-Istati Membri (it-tieni Avviż tal-Kummissjoni) 2020/C 417/02

    C/2020/8279

    ĠU C 417, 2.12.2020, p. 17–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 417/17


    AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

    dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet legali tal-qafas għar-riżoluzzjoni tal-banek rivedut bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-awtoritajiet tal-Istati Membri (it-tieni Avviż tal-Kummissjoni)

    (2020/C 417/02)

    Il-pakkett ta’ riforma bankarja propost mill-Kummissjoni Ewropea f’Novembru 2016 ġie adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-20 ta’ Mejju 2019 u ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali fis-7 ta’ Ġunju 2019. Dan il-pakkett jinkludi fost l-oħrajn bidliet għall-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-banek tal-Unjoni permezz tad-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), li temenda d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek - BRRD) u r-Regolament (UE) 2019/877 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (Ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni - SRMR). Din ir-riforma timplimenta fl-Unjoni l-istandard tal-Kapaċità Totali Internazzjonali ta’ Assorbiment tat-Telf (Total Loss-Absorbing Capacity, TLAC) għall-banek globali sistemikament importanti adottat mill-Bord għall-Istabilità Finanzjarja f’Novembru 2015 u ssaħħaħ l-applikazzjoni tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) għall-banek kollha. Il-qafas rivedut għandu jsaħħaħ il-kapaċità tal-banek li jassorbu t-telf u jiffaċilita r-rikapitalizzazzjoni tagħhom permezz ta’ mezzi privati ladarba jidħlu f’diffikultajiet finanzjarji u sussegwentement jitqiegħdu f’riżoluzzjoni.

    Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2019/879, l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-dispożizzjonijiet ta’ dik id-direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom sat-28 ta’ Diċembru 2020. Bil-għan li tiffaċilita traspożizzjoni f’waqtha, konsistenti u akkurata, fid-29 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni adottat Avviż it-tweġibiet għall-mistoqsijiet imqajma mill-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-BRRD kif ukoll dwar l-interazzjonijiet tagħhom mal-SRMR, ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital – CRR) u d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital – CRD) (7).

    Fid-dawl tal-mistoqsijiet addizzjonali li waslu mingħand l-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni beħsiebha tipprovdi fl-Anness ta’ dan it-tieni Avviż it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet.

    F’dan l-isfond, f’dan l-Avviż il-Kummissjoni qed tadotta tweġibiet relatati mal-atti legali li ġejjin:

    Id-Direttiva (UE) 2014/59/UE (BRRD), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2019/879;

    Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 (SRMR), kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/877;

    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 (CRR), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8);

    Id-Direttiva 2013/36/UE (CRD), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2019/878 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

    Dan l-Avviż jiċċara d-dispożizzjonijiet li diġà jinsabu fil-leġiżlazzjoni applikabbli. Huwa ma jestendi bl-ebda mod id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn dik il-leġiżlazzjoni u lanqas ma jintroduċi rekwiżiti addizzjonali tal-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati. Dan l-Avviż huwa maħsub biss biex jassisti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri fit-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss hija kompetenti biex tinterpreta b’mod awtorevoli d-dritt tal-Unjoni. Il-fehmiet espressi f’dan l-Avviż ma jistgħux jippreġudikaw il-pożizzjoni li tista’ tieħu l-Kummissjoni Ewropea quddiem il-qrati tal-Unjoni u dawk nazzjonali.

    Dan it-tieni Avviż jikkumplementa l-Avviż li diġà ġie adottat mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Settembru 2020.


    (1)  Id-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu u ditti tal-investiment u d-Direttiva 98/26/KE (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 296).

    (2)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2019/877 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 dwar il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 226).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

    (6)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

    (7)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet legali tal-qafas għar-riżoluzzjoni tal-banek rivedut bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-awtoritajiet tal-Istati Membri (ĠU C 321, 29.9.2020, p. 1)

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja, il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rappurtar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 1).

    (9)  Id-Direttiva (UE) 2019/878 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward ta’ entitajiet eżentati, kumpaniji azzjonarji finanzjarji, kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta, remunerazzjoni, miżuri u setgħat superviżorji u miżuri ta’ konservazzjoni ta’ kapital (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 253).


    ANNESS

    Lista ta’ Abbrevjazzjonijiet

    AIFM – maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi;

    Strumenti AT1 – Strumenti tal-Grad 1 addizzjonali msemmija fl-Artikolu 52(1) tas-CRR;

    BRRD – Id-Direttiva (UE) 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), kif emendata mid-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2);

    BRRD I – Id-Direttiva (UE) 2014/59/UE, mingħajr emendi;

    CBR – rekwiżit ta’ bafer kombinat kif definit fil-punt (6) tal-Artikolu 128 tas-CRD;

    Kapital CET1 – Kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni msemmi fl-Artikolu 50 tas-CRR;

    CRD – Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), kif emendata mid-Direttiva (UE) 2019/878 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

    CRR – Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), kif emendat mir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6);

    ABE – Awtorità Bankarja Ewropea;

    ESMA – Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq;

    MREL estern – rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli applikabbli għall-entitajiet ta’ riżoluzzjoni u msemmija fl-Artikolu 45e tal-BRRD;

    G-SII – istituzzjoni globali sistematikament importanti;

    MREL intern – rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli applikabbli għal sussidjarji ta’ entità ta’ riżoluzzjoni jew ta’ entità ta’ pajjiż terz, iżda li minnhom infushom mhumiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 45f tal-BRRD;

    M-AMD – Ammont Massimu Distribwibbli relatat mar-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli msemmija fl-Artikolu 16a tal-BRRD;

    MiFID – Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

    MPE – punt ta’ dħul multiplu;

    MREL – rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli;

    NCWO – il-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar milli taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza”;

    SEL – obbligazzjoni eliġibbli subordinata li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 72a tas-CRR, ħlief dawk stabbiliti fl-Artikolu 72a(1)(b), u fl-Artikolu 72b(3) sa (5) tas-CRR;

    SRB – Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni;

    SRM – Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni;

    SRMR – Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), kif emendat mir-Regolament (UE) 2019/877 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9);

    SRMR I – Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014, mingħajr emendi;

    TEM – kejl tal-iskopertura totali kkalkolat f’konformità mal-Artikoli 429 u 429a tas-CRR;

    Strumenti T2 – Strumenti tal-Grad 2 imsemmija fl-Artikolu 2(1)(73) tal-BRRD;

    TLAC – Kapaċità Totali ta’ Assorbiment tat-Telf;

    Rekwiżit minimu tat-TLAC – livell minimu armonizzat tal-istandard tat-TLAC għall-G-SIIs imsemmija fl-Artikoli 92a u 92b tas-CRR u fl-Artikolu 45d(1)(a) u (2)(a) tal-BRRD;

    Standard tat-TLAC – Dokument dwar il-Kundizzjonijiet (‘Term Sheet’) ippubblikat mill-Bord għall-Istabilità Finanzjarja f’Novembru 2015;

    Banek tal-ogħla grad – entitajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ gruppi ta’ riżoluzzjoni b’assi ta’ aktar minn EUR 100 biljun imsemmija fl-Artikolu 45ċ(5) tal-BRRD;

    TREA – l-ammont ta’ skopertura totali għar-riskju kkalkolat f’konformità mal-Artikolu 92(3) tas-CRR;

    UCITS – impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli.

    Sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor, ir-referenzi kollha għad-dispożizzjonijiet legali f’dan l-Anness għandhom jinftiehmu bħala referenzi għad-dispożizzjonijiet legali tal-BRRD.

    a.   MISTOQSIJIET RELATATI MAD-DEFINIZZJONIJIET

    1.   Mistoqsija (l-Artikolu 2)

    “Strumenti eliġibbli subordinati” definiti fl-Artikolu 2(1)(71b) jinkludu wkoll “obbligazzjonijiet eliġibbli subordinati” msemmija fl-Artikolu 44a?

    Tweġiba

    L-“obbligazzjonijiet eliġibbli subordinati” msemmija fl-Artikolu 44a tal-BRRD huma inklużi fil-kunċett ta’ “strumenti eliġibbli subordinati” definit fl-Artikolu 2(1)(71b) tal-BRRD. Il-kunċett tal-aħħar huwa usa’ minn tal-ewwel, peress li “strumenti eliġibbli subordinati” jinkludu wkoll l-istrumenti T2 li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 72a(1)(b) tas-CRR.

    2.   Mistoqsija (l-Artikolu 2)

    Liema entitajiet ta’ pajjiżi terzi huma mistennija li jiġu inklużi fil-grupp ta’ riżoluzzjoni meta tiġi applikata d-definizzjoni ta’ “grupp ta’ riżoluzzjoni” stabbilita fl-Artikolu 2(1)(83b) u b'liema kundizzjonijiet?

    Tweġiba

    L-inklużjoni jew le ta’ entitajiet ta’ pajjiżi terzi fi grupp ta’ riżoluzzjoni tiddependi fuq l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni pprovduta fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp. Tali strateġija hija ddeterminata mid-deċiżjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni rilevanti f'konformità mal-Artikoli 12(1) u (3) u 45e(2) in fine.

    Jekk il-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp jipprevedi li, f’każ ta’ falliment tas-sussidjarja ta’ pajjiż terz, l-impriża prinċipali tal-Unjoni tipprovdi appoġġ lil dik is-sussidjarja, din għandha tiġi inkluża fil-grupp ta’ riżoluzzjoni mmexxi minn dik l-impriża prinċipali tal-Unjoni. Jekk, min-naħa l-oħra, skont il-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp, il-falliment tas-sussidjarja ta’ pajjiż terz jiġi ttrattat mill-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiż terz permezz ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiż terz jew proċeduri oħra ta’ pajjiż terz, is-sussidjarja ma għandhiex tiġi inkluża fil-grupp ta’ riżoluzzjoni mmexxi mill-impriża prinċipali tal-Unjoni.

    3.   Mistoqsija (l-Artikolu 2)

    X’inhu l-għan tar-referenza għall-Artikolu 7 fid-definizzjoni ta’ “sussidjarja” fl-Artikolu 2(1)(5)?

    Tweġiba

    Id-definizzjoni ta’ “sussidjarja” fil-BRRD ġiet emendata fl-Artikolu 2(1)(5) bid-Direttiva (UE) 2019/879 biex jiġi ċċarat it-trattament tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali, tal-korp ċentrali nnifsu u tas-sussidjarji rispettivi tagħhom billi titqies l-istruttura speċifika tal-grupp tagħhom.

    Bl-introduzzjoni tat-tieni parti tad-definizzjoni ta’ “sussidjarja”, huwa ċċarat li, meta jiġu applikati l-Artikoli 7, 12, 17, 18, 45 sa 45 m, 59 sa 62, 91 u 92, kwalunkwe referenza għal “sussidjarja” għandha tinqara bħala li tinkludi wkoll l-entitajiet li huma parti minn gruppi ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(83b)(b) – jiġifieri, istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali, il-korp ċentrali nnifsu, u s-sussidjarji rispettivi tagħhom. Minħabba l-istruttura speċifika tas-sjieda ta’ dawn il-gruppi, dawn l-entitajiet tipikament ma jaqgħux taħt l-ewwel parti tad-definizzjoni ta’ “sussidjarja”. Madankollu, din l-estensjoni tal-ambitu tat-terminu “sussidjarja” għandha sseħħ biss fejn u kif xieraq, b’kont meħud ta’ liema entitajiet ta’ tali gruppi ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 45e(3) f’konformità mad-deċiżjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

    Ir-referenza għall-Artikolu 7 fit-tieni parti tad-definizzjoni ta’ “sussidjarja” tiċċara li din id-dispożizzjoni li tirrikjedi t-tfassil ta’ pjanijiet ta’ rkupru tal-grupp li jidentifikaw miżuri li jistgħu jiġu implimentati fil-livell tal-impriża prinċipali tal-Unjoni u kull sussidjarja individwali tapplika wkoll għall-entitajiet li jiffurmaw parti mill-gruppi ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(83b)(b). Filwaqt li jitfasslu pjanijiet ta’ rkupru fir-rigward tal-grupp kollu u mhux fir-rigward tal-gruppi ta’ riżoluzzjoni identifikati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp, l-intenzjoni leġiżlattiva kienet li jiġi ċċarat li referenzi għal “sussidjarja” fl-Artikolu 7 jistgħu jinkludu wkoll, fejn u kif xieraq, l-entitajiet li jappartjenu għall-gruppi ta’ riżoluzzjoni msemmija hawn fuq.

    4.   Mistoqsija (l-Artikolu 2)

    X’inhi d-definizzjoni ta’ “korp ċentrali” msemmija fl-Artikolu 2(1)(a)(5) tal-BRRD?

    Tweġiba

    Il-BRRD ma tipprovdix definizzjoni ta’ “korp ċentrali”, peress li dak il-kunċett jista’ jvarja skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru. Kull Stat Membru jista’ jiddefinixxi korp ċentrali skont il-liġijiet tiegħu sakemm diversi istituzzjonijiet ikunu affiljati miegħu. Filwaqt li l-karatteristiċi msemmija fl-Artikolu 10(1) tas-CRR u riflessi fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 45g tal-BRRD jistgħu jintużaw bħala referenza, dawn ma jipprevedux definizzjoni ta’ “korp ċentrali”, iżda pjuttost il-karatteristiċi ta’ affiljazzjoni ma’ korp ċentrali. Dan ifisser, fil-prattika, li l-entitajiet li jistgħu jitqiesu bħala korpi ċentrali skont il-liġi nazzjonali jistgħu jibbenefikaw biss minn eżenzjonijiet previsti f’dawk id-dispożizzjonijiet fejn il-kundizzjonijiet tagħhom jiġu ssodisfati.

    Ir-referenzi għall-korpi ċentrali mhumiex ġodda minħabba li l-BRRD I diġà kien fiha dawk ir-referenzi, b’mod partikolari fl-Artikolu 4(8) u (9).

    B.   MISTOQSIJIET RELATATI MAS-SETGĦA LI JIĠU PPROJBITI ĊERTI DISTRIBUZZJONIJIET PREVISTI FL-ARTIKOLU 16A TAL-BRRD

    5.   Mistoqsija (l-Artikolu 16a)

    Kif għandu jiġi applikat l-Artikolu 16a għal entitajiet li l-pjan ta’ riżoluzzjoni tagħhom jipprevedi l-istralċ tagħhom skont proċeduri normali ta’ insolvenza, u fejn l-MREL rispettiv tagħhom huwa stabbilit f’livell li jaqbeż l-ammont ta’ assorbiment tat-telf skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45c(2)?

    Tweġiba

    L-Artikolu 16a(1) tal-BRRD jipprevedi li s-setgħa li jiġu pprojbiti ċerti distribuzzjonijiet hija disponibbli fis-sitwazzjoni fejn l-entità tissodisfa s-CBR tagħha flimkien mar-rekwiżiti tal-fondi proprji tagħha msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 141a(1) tas-CRD, iżda tonqos milli tissodisfa s-CBR tagħha flimkien mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 45c u 45d tal-BRRD (jiġifieri l-MREL). Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għall-entitajiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45c(2) tal-BRRD, peress li dawn l-entitajiet mhumiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 16a(1) tal-BRRD.

    6.   Mistoqsija (l-Artikolu 16a)

    L-Artikolu 16a jipprovdi lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni b’setgħa diskrezzjonali li jipprojbixxu distribuzzjonijiet ’il fuq mill-M-MDA biss meta l-istituzzjoni kkonċernata tkun f’sitwazzjoni fejn tonqos milli tissodisfa s-CBR meta titqies flimkien mal-MREL ikkalkulat abbażi tat-TREA.

    Dik is-sitwazzjoni tinkludi wkoll il-każijiet fejn entità tonqos milli tilħaq is-CBR flimkien mal-miri intermedji tal-MREL iddeterminati skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45m(1)? Dik is-setgħa għandha tkun applikabbli biss meta l-entità tonqos milli tilħaq is-CBR flimkien mal-mira finali tal-MREL?

    Tweġiba

    Is-setgħa tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jirrestrinġu ċerti distribuzzjonijiet tal-entitajiet previsti fl-Artikolu 16a(1) tiġi attivata biss meta l-entità tissodisfa s-CBR tagħha flimkien mar-rekwiżiti tal-fondi proprji rilevanti, iżda mhux flimkien mal-MREL. Minħabba li l-mira intermedja għall-MREL imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45m(1) hija vinkolanti fuq l-entità f’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni, is-setgħa tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni prevista fl-Artikolu 16a(1) tiġi attivata wkoll meta l-entità tissodisfa s-CBR tagħha flimkien mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji rilevanti, iżda mhux flimkien mal-mira intermedja għall-MREL. Din is-setgħa hija diskrezzjonali u hija soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16a(2) u (3).

    7.   Mistoqsija (l-Artikolu 16a)

    L-applikazzjoni tal-punt (b) tal-Artikolu 16a(1) timplika li l-obbligi ta’ ħlas ta’ rimunerazzjoni varjabbli ma jistgħux jiġu pprojbiti meta dawn ikunu nħolqu qabel ma l-entità tkun naqset milli tissodisfa s-CBR tagħha fis-sitwazzjoni msemmija f’dik id-dispożizzjoni?

    Tweġiba

    Fejn il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tas-setgħa tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jipprojbixxu ċerta distribuzzjoni jiġu ssodisfati, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tipprojbixxi lill-entità milli tiddistribwixxi aktar minn M-AMD billi:

    tagħmel distribuzzjonijiet b’rabta mal-kapital CET1;

    tħallas rimunerazzjoni varjabbli jew benefiċċji diskrezzjonarji tal-pensjoni;

    tagħmel pagamenti fuq strumenti tal-AT1.

    Il-punt (b) tal-Artikolu 16a(1) jipprevedi b’mod espliċitu li r-restrizzjonijiet japplikaw għal obbligi ġodda biex titħallas rimunerazzjoni varjabbli jew għal obbligi eżistenti biex titħallas rimunerazzjoni varjabbli “jekk l-obbligu ta’ ħlas ikun inħoloq fi żmien meta l-entità tkun naqset milli tissodisfa r-rekwiżit tar-riżerva ta’ kapital kombinata”. Għalhekk, jekk l-obbligu li titħallas rimunerazzjoni varjabbli nħoloq qabel ma l-entità naqset milli tissodisfa s-CBR, tali pagament mhuwiex soġġett għar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16a(1).

    C.   MISTOQSIJIET RELATATI MAL-IPPJANAR TAR-RIŻOLUZZJONI

    8.   Mistoqsija (l-Artikolu 12)

    Il-punt (e) tal-Artikolu 12(3) tal-BRRD jipprevedi li pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp għandu “jistabbilixxi kwalunkwe azzjoni addizzjonali, mhux imsemmija f’din id-Direttiva, li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni rilevanti bi ħsiebhom jieħdu fir-rigward tal-entitajiet fi ħdan kull grupp ta’ riżoluzzjoni”. X’tipi ta’ azzjonijiet huma koperti minn din id-dispożizzjoni?

    Tweġiba

    L-azzjonijiet addizzjonali previsti fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp imsemmi fl-Artikolu 12(3)(e) tal-BRRD ġeneralment jirreferu għal għodod u setgħat previsti fil-liġi nazzjonali li ma jirriżultawx mill-BRRD f'konformità mal-Artikoli 1(2) u 37(9) tal-BRRD.

    Dan l-element tal-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp kien diġà previst taħt il-BRRD I. L-emendi introdotti mid-Direttiva (UE) 2019/879 għall-Artikolu 12(3)(e) żiedu biss ir-referenza għal gruppi ta’ riżoluzzjoni.

    9.   Mistoqsija (l-Artikoli 17 u 18)

    Id-Direttiva (UE) 2019/879 emendat l-Artikoli 17 u 18 tal-BRRD dwar is-setgħat tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex jindirizzaw jew ineħħu impedimenti għar-riżolvibbiltà billi jissostitwixxu r-referenzi għal “istituzzjoni” b’referenzi għal “entità”.

    Meta wieħed iqis li “istituzzjoni” tirreferi biss għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li “entitajiet” tirreferi għall-entitajiet kollha msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 1(1) tal-BRRD, dan ifisser li l-Artikoli 17 u 18 tal-BRRD emendati issa jipprevedu l-applikazzjoni tas-setgħat biex jiġu indirizzati jew jitneħħew impedimenti għar-riżolvibbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe entità msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 1(1) tal-BRRD?

    Tweġiba

    L-emenda stabbilita fid-Direttiva (UE) 2019/879 żiedet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 17 u 18 u issa tippermetti lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni japplikaw id-dispożizzjonijiet fihom għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1)(a) sa (d) (jiġifieri istituzzjonijiet, istituzzjonijiet finanzjarji u ċerti kumpaniji azzjonarji).

    10.   Mistoqsija (l-Artikolu 17)

    f'konformità mal-Artikolu 17(3), fejn ikunu ġew innotifikati impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà lil entità, l-entità kkonċernata trid tipproponi lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni miżuri possibbli biex tindirizza jew tneħħi dawk l-impedimenti. L-awtorità ta’ riżoluzzjoni mbagħad trid tivvaluta jekk il-miżuri proposti jindirizzawx jew ineħħux b’mod effettiv l-impediment sostantiv ikkonċernat.

    Il-miżuri proposti, jekk jiġu aċċettati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, huma vinkolanti fuq l-entità u huma infurzabbli mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni?

    Tweġiba

    Il-BRRD ma tiddikjarax b’mod espliċitu x’għandu jkun l-effett legali tal-miżuri proposti minn entità biex tindirizza jew tneħħi l-impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà identifikati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, wara li dawk il-miżuri jkunu ġew ivvalutati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni bħala effettivi.

    Madankollu, biex jiġi żgurat li l-impedimenti sostantivi jiġu indirizzati jew imneħħija b’mod effettiv, il-miżuri proposti mill-entità jeħtieġ li jkunu vinkolanti u infurzabbli b’mod ekwivalenti għall-miżuri alternattivi identifikati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni f'konformità mal-Artikolu 17(4) u (5). Għalhekk, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tkun tista’ titlob lill-entità tirrimedja kwalunkwe implimentazzjoni skorretta jew insuffiċjenti tal-miżuri proposti mill-entità.

    Il-BRRD ma tispeċifikax kif għandu jiġi żgurat l-infurzar. Għalhekk, din il-kwistjoni titħalla għad-diskrezzjoni tal-leġiżlaturi nazzjonali. Pereżempju, Stat Membru jista’ jipprevedi fil-liġi nazzjonali tiegħu li tittrasponi l-BRRD li l-miżuri proposti mill-entità jsiru vinkolanti ladarba jiġu aċċettati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. Alternattivament, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ teħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jadottaw deċiżjoni amministrattiva indirizzata lill-entitajiet ikkonċernati li tapprova l-miżuri proposti u li teħtieġ l-implimentazzjoni tagħhom.

    11.   Mistoqsija (l-Artikolu 17)

    L-Artikolu 17(4) jipprevedi li, meta tikkunsidra ċerti miżuri biex jitneħħew l-impedimenti għar-riżolvibbiltà, “l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tqis it-theddida li dawk l-impedimenti għar-riżolvibbiltà jippreżentaw għall-istabilità finanzjarja u l-effett tal-miżuri fuq in-negozju tal-entità, l-istabbiltà tagħha u l-abilità tagħha li tikkontribwixxi għall-ekonomija.

    Liema huma l-miżuri msemmija fl-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(4) li jridu jiġu kkunsidrati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni: il-miżuri biex jitneħħew l-impedimenti għar-riżolvibbiltà oriġinarjament proposti mill-entità, jew il-miżuri alternattivi proposti mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni?

    Tweġiba

    Il-“miżuri” msemmija fl-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(4), li l-effetti tagħhom fuq in-negozju u l-istabbiltà tal-entità kkonċernata u fuq il-kapaċità tagħha li tikkontribwixxi għall-ekonomija għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, jirreferu għall-miżuri alternattivi li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tidentifika f'konformità mal-ewwel sentenza ta’ dik l-istess dispożizzjoni. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(4) japplika għall-identifikazzjoni ta’ miżuri alternattivi mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

    12.   Mistoqsija (l-Artikolu 18)

    Fir-rigward tat-tneħħija tal-impedimenti għar-riżolvibbiltà fil-livell ta’ grupp, it-tieni sentenza tal-Artikolu 18(4) tirreferi għal “l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp”. Din ir-referenza għandha l-għan li taqbad ukoll l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-entità ta’ riżoluzzjoni rilevanti?

    Tweġiba

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 18(4) tinkludi l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-impriża prinċipali u tal-entitajiet sussidjarji kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-BRRD. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-entitajiet ta’ riżoluzzjoni li huma nfushom mhumiex impriżi prinċipali tal-Unjoni jinqabdu mir-referenza għal “l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tas-sussidjarji”.

    13.   Mistoqsija (l-Artikolu 18)

    Skont il-paragrafi 6, 6a u 7 tal-Artikolu 18, li jittrattaw it-tneħħija tal-impedimenti għar-riżolvibbiltà fil-livell ta’ grupp, jekk, fi tmiem il-perjodu rilevanti biex tintlaħaq deċiżjoni konġunta msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dak l-Artikolu, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun irreferiet kwistjoni msemmija fil-paragrafu 9 ta’ dak l-Artikolu lill-ABE għal medjazzjoni vinkolanti, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-entità ta’ riżoluzzjoni u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tas-sussidjarja, kif xieraq, għandha tiddifferixxi d-deċiżjoni tagħha u tistenna kwalunkwe deċiżjoni li l-ABE tista’ tieħu.

    Il-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18(9) jistgħu jiġu riferuti lill-ABE minn kwalunkwe awtorità ta’ riżoluzzjoni, inkluża dik li trid tieħu d-deċiżjoni fin-nuqqas ta’ deċiżjoni konġunta?

    Tweġiba

    Id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18(6), (6a) u (7) għandhom jiġu sospiżi jekk awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun irreferiet kwistjoni msemmija fl-Artikolu 18(9) lill-ABE għal medjazzjoni vinkolanti fil-perjodu msemmi fl-Artikolu 18(5). Dik l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tkun kwalunkwe awtorità ta’ riżoluzzjoni, inkluża dik li tkun qed tieħu deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 18(6), (6a) jew (7) fin-nuqqas ta’ deċiżjoni konġunta.

    14.   Mistoqsija (l-Artikoli 13, 16, 18 u 45h)

    f'konformità mal-Artikoli 13(4), 16(3) u 18(1), l-adozzjoni tal-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp, il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà tal-grupp u l-adozzjoni ta’ miżuri biex jindirizzaw jew ineħħu impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà jseħħu permezz ta’ deċiżjoni konġunta unika meħuda fil-livell tal-grupp kollu.

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 45h jipprevedi li d-deċiżjonijiet konġunti dwar l-MREL jittieħdu fil-livell tal-grupp ta’ riżoluzzjoni, iżda dejjem bl-involviment tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, anki meta tkun differenti mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-entità ta’ riżoluzzjoni.

    Dan ifisser li, għall-gruppi bi strateġija ta’ MPE, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni responsabbli għas-sussidjarji li ma jappartjenux għal grupp ta’ riżoluzzjoni mhumiex involuti fid-deċiżjonijiet konġunti dwar l-MREL għal dak il-grupp ta’ riżoluzzjoni?

    Tweġiba

    L-emendi introdotti bid-Direttiva (UE) 2019/879 fil-BRRD stabbilixxew proċedura differenti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għall-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u għad-determinazzjoni tal-MREL għall-gruppi MPE (jiġifieri, meta grupp ikollu aktar minn entità ta’ riżoluzzjoni waħda).

    f'konformità mal-Artikolu 12(3)(a) u (aa), il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp iridu jistabbilixxu l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni li għandhom jittieħdu għal kull entità ta’ riżoluzzjoni li jinkludi dak il-grupp. Għaldaqstant, l-Artikolu 13(4) jipprevedi li l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp għandhom jiġu adottati permezz ta’ deċiżjoni konġunta tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tas-sussidjarji, u li l-ippjanar tal-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni għal kull waħda mill-entitajiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp għandu jiġi inkluż f’dik id-deċiżjoni konġunta. Għalhekk, hemm biss pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp wieħed li jiġi adottat permezz ta’ deċiżjoni konġunta waħda irrispettivament min-numru ta’ gruppi ta’ riżoluzzjoni. Dan japplika wkoll għall-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 16 għall-adozzjoni tal-miżuri biex jiġu indirizzati jew jitneħħew l-impedimenti għar-riżolvibbiltà msemmija fl-Artikolu 18.

    Madankollu, għall-istabbiliment tal-MREL, il-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet tinbidel: minflok ma tkun ibbażata fuq l-istruttura ġenerali tal-grupp, hija bbażata fuq l-istruttura ta’ kull grupp ta’ riżoluzzjoni. Tabilħaqq, l-Artikolu 45h(1) jipprevedi li l-MREL ta’ kull entità ta’ riżoluzzjoni u tas-sussidjarji tagħha li huma parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li jiġi ddeterminat permezz ta’ deċiżjoni konġunta. Dik id-deċiżjoni konġunta għandha tiġi adottata mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-entità ta’ riżoluzzjoni, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp (fejn differenti minn tal-ewwel) u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni responsabbli għas-sussidjarji ta’ grupp ta’ riżoluzzjoni li huma soġġetti għal MREL fuq bażi individwali. Għalhekk, fil-każ ta’ strateġija ta’ MPE, filwaqt li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp hija dejjem involuta fil-proċedura konġunta tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-MREL għal kull grupp ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tas-sussidjarji li jappartjenu għal grupp ta’ riżoluzzjoni differenti mhumiex parti minn dik il-proċedura.

    D.   Mistoqsijiet relatati ma’ proċedimenti ta’ insolvenza fir-rigward ta’ istituzzjonijiet u entitajiet li mhumiex soġġetti għal azzjoni ta’ riżoluzzjoni

    15.   Mistoqsija (l-Artikolu 32b)

    L-Artikolu 32b jipprevedi li istituzzjoni jew entità trid tiġi stralċjata b’mod ordnat skont il-liġi nazzjonali applikabbli jekk tkun qed tfalli jew x’aktarx tfalli u meta miżuri alternattivi tas-settur privat jew azzjoni superviżorja ma jipprevenux dak in-nuqqas b’mod f’waqtu u l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni ma titqiesx li tkun fl-interess pubbliku.

    Fl-Artikolu 32b, issir referenza għall-kundizzjonijiet fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 32(1), fir-rigward tal-entitajiet imsemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1). Madankollu, l-Artikolu 32(1) huwa applikabbli biss għall-istituzzjonijiet (jiġifieri l-entitajiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(1)). L-Artikolu 32(1) japplika biss għall-entitajiet imsemmija fil-punti (b), (c) u (d) indirettament permezz ta’ kontroreferenza għal din id-dispożizzjoni fl-Artikolu 33. Għal dawk l-entitajiet, ir-referenza fl-Artikolu 32b għandha ssir għall-Artikolu 33, u mhux għall-Artikolu 32?

    Tweġiba

    L-Artikolu 32b jirreferi biss għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 32(1), u mhux għall-Artikolu 32(1) kollu. L-Artikolu 32(1) huwa r-referenza korretta, peress li l-kundizzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni japplikaw ukoll għall-entitajiet imsemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1) permezz ta’ referenza għalihom fl-Artikolu 33.

    16.   Mistoqsija (l-Artikolu 32b)

    Kif għandhom l-Istati Membri jimplimentaw l-Artikolu 32b tal-BRRD fil-liġijiet nazzjonali tagħhom u x’inhi l-interazzjoni ta’ dak l-Artikolu mal-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ entità?

    Tweġiba

    Il-formulazzjoni tal-Artikolu 32b tal-BRRD hija wiesgħa biex tirrifletti d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-insolvenza ta’ istituzzjonijiet u entitajiet finanzjarji oħra msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1) tal-BRRD. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ interess pubbliku għar-riżoluzzjoni ta’ entità li qed tfalli, il-proċedimenti ta’ insolvenza disponibbli fil-livell nazzjonali għandhom japplikaw sal-punt li:

    jissodisfaw il-kriterji definiti fl-Artikolu 2(47) tal-BRRD dwar il-kunċett ta’ proċedimenti normali ta’ insolvenza, u

    jwasslu għall-istralċ tal-entità f'konformità mal-Artikolu 32b tal-BRRD.

    Fir-rigward tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ entità li tissodisfa l-kundizzjonijiet deskritti fl-Artikolu 32b tal-BRRD, dik id-dispożizzjoni ma tipprevedi l-ebda rekwiżit speċifiku għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni ladarba dawk il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, u lanqas ma temenda d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-irtirar tal-awtorizzazzjoni. Għalhekk, il-bażi għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni tibqa’ dik li kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 32b tal-BRRD – jiġifieri, l-Artikolu 18 tas-CRD u kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali applikabbli.

    Huwa f’idejn l-Istati Membri li jivvalutaw jekk in-nuqqas ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni jipprevjenix l-implimentazzjoni korretta tal-Artikolu 32b tal-BRRD u jekk il-miżuri fil-livell nazzjonali humiex possibbli u meħtieġa f’dan ir-rigward.

    E.   Mistoqsijiet relatati mas-setgħat ta’ sospensjoni tal-obbligi ta’ ħlas jew ta’ konsenja f'konformità mal-Artikoli 33a u 69

    17.   Mistoqsija (l-Artikolu 33a)

    L-Artikolu 33a(1) ipoġġi obbligu fuq l-Istati Membri biex “jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, wara li jikkonsultaw mal-awtoritajiet kompetenti, li għandhom jirrispondu fi żmien xieraq, ikollhom is-setgħa jissospendu kwalunkwe obbligu ta’ ħlas jew ta’ konsenja”.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 45d(4) jiddikjara li “fejn aktar minn entità ta’ G-SII waħda li tappartjeni għall-istess G-SII tkun entità ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni rilevanti għandhom jikkalkolaw l-ammont imsemmi fil-paragrafu 3”.

    Fil-każ ta’ istituzzjoni jew grupp finanzjarju transfruntier, il-BRRD tista’ teħtieġ li l-Istati Membri jimponu fil-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni rekwiżit vinkolanti fuq l-awtoritajiet kompetenti jew ta’ riżoluzzjoni barra l-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru?

    Tweġiba

    Meta tiġi trasposta l-BRRD, l-obbligi għal Stat Membru huma limitati għal dak li huwa possibbli fi ħdan il-mandat u s-setgħat ġuriżdizzjonali ta’ dak l-Istat Membru.

    Għalhekk, l-Artikoli 33a(1) u 45d(4) ma jirrikjedux li Stat Membru jimponi l-obbligi previsti fih fuq awtoritajiet barra l-ġurisdizzjoni tiegħu.

    18.   Mistoqsija (l-Artikolu 33a)

    L-Artikolu 33a tal-BRRD jipprovdi lill-NRAs is-setgħa li jissospendu ċerti obbligi (moratorju) wara d-dikjarazzjoni li l-entità qed tfalli jew x’aktarx tfalli. f'konformità mal-Artikolu 33a(3), l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jiżguraw li d-depożitanti jkollhom aċċess għal ammont xieraq ta’ kuljum.

    Skont kif l-Artikolu 33a jiġi traspost fuq livell nazzjonali, il-liġi nazzjonali tista’ jew tirregola b’mod preċiż kif għandha tiġi eżerċitata s-setgħa li jiġi żgurat aċċess għal ammont ta’ kuljum, inkluż il-kwantifikazzjoni ta’ dak l-ammont direttament fil-liġi, jew minflok tistabbilixxi kriterji għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni biex tiddefinixxi dak l-ammont ta’ kuljum f’kull każ. L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha mbagħad tkun konformi ma’ dawn il-kriterji meta teżerċita s-setgħa.

    Fil-kuntest tal-SRM, għall-istituzzjonijiet taħt ir-responsabbiltà diretta tal-SRB, is-setgħa ta’ moratorju għandha tiġi eżerċitata mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali sabiex jimplimentaw id-deċiżjonijiet kollha indirizzati lilhom mill-SRB.

    Fl-Istati Membri li jittrasponu l-Artikolu 33a(3) b’mod li jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jiddeċiedu dwar jekk u sa liema punt l-ammont ta’ kuljum f’depożiti għandu jiġi żgurat, liema awtorità tieħu dawn id-deċiżjonijiet għal entitajiet fil-mandat dirett tal-SRB: l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jew l-SRB innifsu?

    Tweġiba

    Meta l-Artikolu 33a jiġi traspost b’mod li jagħti lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni s-setgħa li tiddeċiedi jekk tiżgurax l-aċċess tad-depożitanti għal ammont ta’ kuljum u x’għandu jkun dak l-ammont, din is-setgħa tista’ tiġi eżerċitata mill-SRB f’konformità mal-proċeduri disponibbli fl-SRMR għal entitajiet taħt il-mandat dirett tal-SRB. Fi kwalunkwe każ, din id-dispożizzjoni ma timpedixxix li l-SRB jiddelega d-deċiżjoni dwar l-ammont ta’ kuljum lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, mingħajr ebda ħtieġa għal qbil ulterjuri mill-SRB fir-rigward tal-ammont.

    Minħabba wkoll in-natura partikolari ta’ dan il-kompitu, u meta jitqies li d-determinazzjoni tal-ammont xieraq tiddependi fuq speċifiċitajiet nazzjonali, jenħtieġ li l-SRB jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont rilevanti f’konformità mal-Artikolu 30 tal-SRMR.

    19.   Mistoqsija (l-Artikoli 33a u 69)

    f'konformità mal-Artikolu 33a(3) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 69(5), “L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li fejn is-setgħa tas-sospensjoni tal-obbligi ta’ ħlas jew konsenja tiġi eżerċitata fir-rigward ta’ depożiti eliġibbli, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jiżguraw li d-depożitanti jkollhom aċċess għal ammont xierqa ta’ kuljum minn dawk id-depożiti.” Kif għandu jiġi kkalkulat dan l-ammont ta’ kuljum?

    Barra minn hekk, fil-paġni 3 u 4 tal-Opinjoni tal-ABE dwar il-ħlasijiet tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti tat-30 ta’ Ottubru 2019, qed issir id-dikjarazzjoni li ġejja: “L-emenda tal-qafas legali tal-UE hija mixtieqa biex jiġi żgurat li d-depożitanti li m’għandhomx aċċess għal depożiti li huma dovuti u pagabbli, iżda li d-depożiti tagħhom ma ġewx determinati bħala mhux disponibbli, ikollhom aċċess għal ammont xieraq ta’ kuljum mid-depożiti tagħhom. Il-provvediment ta’ ammont xieraq ta’ kuljum bħal dan m’għandux jiġi eżegwit bl-użu ta’ fondi tal-SGD iżda għandu jsir bl-użu tal-fondi tal-istituzzjoni.” Dan ifisser li mhux possibbli li jintużaw il-fondi tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti biex jitħallsu l-ammonti ta’ kuljum imsemmija fl-Artikoli 33a u 69?

    Tweġiba

    Huwa f’idejn l-Istat Membru li jiddefinixxi d-determinazzjoni tal-ammont ta’ kuljum. Dan jista’ jinkiseb jew permezz ta’ indikazzjoni aktar preċiża ta’ dak l-ammont fil-liġi tat-traspożizzjoni jew billi jiddelega lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni l-kompitu li tieħu deċiżjoni fuq bażi ta’ każ b’każ.

    Il-prinċipju wara l-għoti ta’ ammont ta’ kuljum huwa li d-depożitanti jitħallew iżommu aċċess għal parti mid-depożiti tagħhom fl-istituzzjoni matul ir-riżoluzzjoni. Il-fondi għall-appoġġ ta’ dan l-iżborż għandhom għalhekk jiġu mill-istituzzjoni, fil-limitu tal-ammont disponibbli fil-kont tad-depożitant. Ma jidhirx li hemm bażi fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) biex jiġi appoġġat intervent mill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti biex jiġi ffinanzjat il-pagament tal-ammont ta’ kuljum matul ir-riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni.

    20.   Mistoqsija (l-Artikolu 33a)

    L-Artikolu 33a(8) jinkludi wkoll il-każijiet fejn hemm determinazzjoni li entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) (istituzzjonijiet finanzjarji jew ċerti kumpaniji azzjonarji) qed tfalli jew x’aktarx li tfalli?

    Tweġiba

    L-Artikolu 33a, inkluż il-paragrafu 8 tiegħu, japplika għall-entitajiet imsemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1). F’dak li għandu x’jaqsam mad-determinazzjoni li dawk l-entitajiet qed ifallu jew x’aktarx li jfallu, l-Artikolu 33a(8) jirreferi għall-kundizzjoni fl-Artikolu 32(1)(a), li tapplika wkoll għal dawn l-entitajiet permezz tal-kontroreferenza fl-Artikolu 33.

    F.   Mistoqsijiet relatati mal-bejgħ ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli subordinati lil klijenti konsumaturi

    21.   Mistoqsija (l-Artikolu 44a)

    Is-SELs jistgħu jinbiegħu minn kwalunkwe persuna li għandha d-dritt li tbigħ tali obbligazzjonijiet u li tkun fil-pussess tagħhom, eż. entità mhux finanzjarja jew persuna fiżika. F’dan il-każ, dawn l-entitajiet u l-persuni kollha huma meħtieġa jikkonformaw mal-Artikolu 44a(1) sa (4)?

    Tweġiba

    L-Artikolu 44a tal-BRRD japplika għad-ditti tal-investiment skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(1) tal-MiFID, l-istituzzjonijiet tal-kreditu, il-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS u l-AIFM li jipprovdu servizzi ta’ investiment jew iwettqu attivitajiet ta’ investiment li jwasslu għat-trasferiment lill-klijenti konsumaturi ta’ SEL. Entitajiet bħal dawn huma “bejjiegħa” għall-finijiet tal-Artikolu 44a tal-BRRD minħabba li dawn l-entitajiet biss huma kkwalifikati biex jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 44a, b’mod partikolari biex iwettqu test tal-adegwatezza f'konformità mal-Artikolu 44a(1) (ara l-mistoqsija 10 tal-Avviż tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Settembru 2020). Għalhekk, il-bejgħ ta’ SELs lil klijenti konsumaturi li ma jinvolvi l-ebda waħda minn dawk l-istituzzjonijiet bħala bejjiegħa ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 44a(1) sa (4) u, f’dan il-każ, il-bejjiegħa ta’ SELs mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti previsti minnhom.

    22.   Mistoqsija (l-Artikolu 44a)

    Il-mistoqsija 10 tal-Avviż tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Settembru 2020 tinkludi fil-kunċett ta’ “bejjiegħ” imsemmi fl-Artikolu 44a(1) tal-BRRD - “Il-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS u l-AIFM li jipprovdu servizzi ta’ investiment jew iwettqu attivitajiet ta’ investiment li jwasslu għat-trasferiment lill-klijenti konsumaturi ta’ SEL”. Tikkonferma li dan jirreferi biss għal każijiet fejn il-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS u l-AIFMs joffru servizzi tal-MiFID lil klijent konsumaturi individwali, u mhux meta joffru mmaniġġjar kollettiv tal-portafoll?

    Tweġiba

    L-Artikolu 44a tal-BRRD japplika għad-ditti tal-investiment skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(1) tal-MiFID, l-istituzzjonijiet tal-kreditu, il-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS u l-AIFM li jipprovdu servizzi ta’ investiment jew iwettqu attivitajiet ta’ investiment li jwasslu għat-trasferiment lill-klijenti konsumaturi ta’ SEL. Entitajiet bħal dawn huma “bejjiegħa” għall-finijiet tal-Artikolu 44a tal-BRRD (ara l-mistoqsija 10 tal-Avviż tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Settembru 2020).

    F’dan il-kuntest, biex ikunu koperti mill-Artikolu 44a(1) sa (4) tal-BRRD, il-bejjiegħa hekk definiti għandhom jipprovdu servizzi ta’ investiment jew iwettqu attivitajiet ta’ investiment fir-rigward ta’ klijent konsumatur, inkluż meta jkunu kontroparti f’bejgħ ta’ SELs lil klijent konsumatur.

    23.   Mistoqsija (l-Artikolu 44a)

    Fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-terminu “bejjiegħ” fil-mistoqsija 10 tal-Avviż tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Settembru 2020, kif jistgħu l-Istati Membri jimponu l-obbligi tal-paragrafi 1 sa 4 tal-Artikolu 44a fuq id-ditti tal-investiment, il-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS u l-AIFM, meta jitqies li mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-BRRD f'konformità mal-Artikolu 1, u li dawk l-obbligi mhumiex fl-atti legali li japplikaw għal dawk l-entitajiet?

    Tweġiba

    L-Artikolu 44a ma jirreferi għall-ebda awtorità speċifika li għandha tkun responsabbli għall-infurzar tagħha. Dan ifisser li l-Istati Membri jistgħu jinnominaw kwalunkwe awtorità jew awtoritajiet xierqa għall-infurzar tal-Artikolu 44a, inklużi awtoritajiet innominati skont il-MiFID (awtoritajiet ta’ kondotta fis-suq). L-awtoritajiet responsabbli għall-infurzar tal-Artikolu 44a għandhom japplikaw il-miżuri u s-sanzjonijiet kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 44a mill-bejjiegħa u l-klijenti konsumaturi tagħhom. Tali sanzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali skont id-dritt tal-Unjoni. Jekk jogħġbok ara wkoll il-mistoqsija 13 tal-Avviż tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Settembru 2020.

    24.   Mistoqsija (l-Artikolu 44a)

    It-tweġiba għall-mistoqsija 10 tal-Avviż tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Settembru 2020 tiddikjara li l-Artikolu 44a tal-BRRD japplika għal għadd ta’ entitajiet, inklużi ditti tal-investiment, iżda ma jinkludix “intermedjarji ta’ investiment”. Il-persuni eżentati mill-MiFID f'konformità mal-Artikolu 3 tagħha huma soġġetti għall-Artikolu 44a tal-BRRD?

    Tweġiba

    Persuni li huma eżentati mill-MiFID abbażi tal-Artikolu 3 tagħha huma soġġetti għal reġim nazzjonali u ma jibbenefikawx taħt il-MiFID mil-libertà li jipprovdu servizzi jew li jwettqu attivitajiet biex jistabbilixxu fergħat fi Stati Membri oħra. Din is-sistema nazzjonali trid tkun mill-inqas analoga għar-reġim tal-MiFID fir-rigward, fost dispożizzjonijiet oħra, tal-valutazzjoni tal-adegwatezza fl-Artikolu 25(2) tal-MiFID.

    B’mod speċifiku fir-rigward tas-SEL, dawn ir-rekwiżiti ta’ adegwatezza saru aktar stretti permezz tal-Artikolu 44a tal-BRRD. Għalhekk, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri b’mod konsistenti mal-Artikolu 3 tal-MiFID, l-Istati Membri għandhom jimponu wkoll rekwiżiti li huma tal-inqas analogi għar-rekwiżiti aktar stretti fl-Artikolu 44a tal-BRRD fuq persuni eżentati mill-MiFID (intermedjarji ta’ investiment) meta jbigħu SELs lil klijenti konsumaturi.

    25.   Mistoqsija (l-Artikolu 44a)

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44a(1) jipprovdi lill-Istati Membri bl-għażla li jestendu d-dispożizzjonijiet ta’ dak l-Artikolu għal strumenti oħra li jikkwalifikaw bħala fondi proprji jew obbligazzjonijiet b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna.

    Jekk fit-traspożizzjoni nazzjonali tal-BRRD, Stat Membru jeżerċita l-għażla fl-Artikolu 44a(1) li jinkludi ishma fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, x’jiġri fil-każ li istituzzjoni ta’ kreditu tistieden lill-azzjonisti eżistenti għal ħruġ ta’ drittijiet li permezz tiegħu l-abbonati jieħdu ishma ġodda minflok jirċievu dividendi? F’dan il-każ, il-bejjiegħ ikun marbut li jissoġġetta dawn l-abbonati għat-test tal-adegwatezza f'konformità mal-Artikolu 44a(1)?

    Tweġiba

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44a(1) jipprevedi opzjoni għall-Istati Membri li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-fondi proprji jew obbligazzjonijiet oħra b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna definiti fl-Artikolu 2(1)(71) (ara l-mistoqsija 14 tal-Avviż tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Settembru 2020). Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 44a(1) jista’ jiġi estiż biex jinkludi ishma. F’dak ir-rigward il-premessa (16) tad-Direttiva (UE) 2019/879 tipprevedi li:

    Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun ukoll possibbli għall-Istati Membri li jkomplu jillimitaw aktar il-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ ta’ ċerti strumenti lil ċerti investituri.

    Għalhekk, kwalunkwe tranżazzjoni li twassal għal trasferiment ta’ ishma lil klijent konsumatur tista’ potenzjalment tiġi koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni estiż tal-Artikolu 44a(1) filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet ekonomiċi u tal-proprjetà tal-azzjonisti.

    26.   Mistoqsija (l-Artikolu 44a)

    X’inhi l-proċedura li għandha tiġi segwita fil-każ li bejjiegħ jiddetermina, fil-mument tal-valutazzjoni tal-adegwatezza msemmija fl-Artikolu 44a(1) tal-BRRD, jew aktar tard, li l-informazzjoni pprovduta mill-klijent konsumatur skont il-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu mhijiex preċiża? Peress li t-test tal-adegwatezza jitwettaq skont id-dispożizzjonijiet tal-MiFID, ikun xieraq li tiġi segwita l-proċedura tal-Artikolu 25(3) tal-MiFID, li jfisser li l-bejjiegħ ikun meħtieġ biss li javża lill-klijent li d-ditta tal-investiment mhijiex f’pożizzjoni li tiddetermina jekk is-servizz jew il-prodott previst huwiex xieraq għalihom iżda xorta waħda jista’ jipprovdi s-servizz?

    Ikun possibbli għall-Istati Membri li jimponu miżuri aktar stretti f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-klijent konsumatur mal-Artikolu 44a(3), jiġifieri rifjut li jiġi pprovdut is-servizz jew l-Artikolu 44a(3) tal-BRRD jimplika li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jissanzjonaw klijenti mhux professjonali għal nuqqas ta’ konformità mal-obbligu tagħhom li jipprovdu lill-bejjiegħ b’informazzjoni preċiża?

    Tweġiba

    f'konformità mal-Artikolu 44a(1)(b) tal-BRRD, il-bejgħ ta’ SELs lil klijenti konsumaturi jista’ jseħħ biss jekk il-bejjiegħ ikun sodisfatt li tali obbligazzjonijiet huma adattati għal dak il-klijent konsumatur wara li jkun wettaq test ta’ adegwatezza f'konformità mal-Artikolu 25(2) tal-MiFID (ara t-tweġiba għall-mistoqsija 15 tal-Avviż tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Settembru 2020).

    f'konformità mal-Artikolu 44a(2) tal-BRRD, il-bejjiegħ irid jiżgura li l-investimenti tal-klijenti konsumaturi fl-SELs ma jaqbżux ċerti limiti.

    Għalhekk, jekk l-informazzjoni pprovduta mill-klijent konsumatur ma tkunx preċiża jew suffiċjenti biex twettaq jew it-test tal-adegwatezza jew il-verifika tal-limiti msemmija fl-Artikolu 44a(2) tal-BRRD, jenħtieġ li l-bejjiegħ ma jitħalliex jipproċedi bil-bejgħ ta’ SELs lil klijent konsumatur.

    Ir-regoli ta’ adegwatezza ma jipprevedux sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti fuq klijenti konsumaturi. Il-bejjiegħ jeħtieġ li jieħu l-passi raġonevoli kollha biex jiżgura li l-informazzjoni miġbura dwar il-klijenti fir-rigward tal-valutazzjoni tal-adegwatezza tkun affidabbli. Dan jinkludi l-iżgurar li:

    l-klijenti jkunu konxji tal-importanza li jipprovdu informazzjoni preċiża u aġġornata,

    l-għodod kollha biex jiġu vvalutati l-għarfien u l-esperjenza tal-klijent huma adatti għall-iskop tagħhom u huma mfassla b’mod xieraq biex jintużaw mal-klijenti tagħhom,

    l-mistoqsijiet x’aktarx jinftiehmu mill-klijenti, u

    jittieħdu passi biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-informazzjoni tal-klijent, pereżempju billi jiġi kkunsidrat jekk hemmx ineżattezzi ovvji.

    L-Artikolu 54 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/565 (11) jindika wkoll il-konsegwenzi f’każijiet fejn id-ditta ma tirċevix l-informazzjoni meħtieġa: id-ditta ma tridx tirrakkomanda servizzi ta’ investiment jew strumenti finanzjarji lill-klijent jew lill-klijent potenzjali.

    Barra minn hekk, il-linji gwida tal-ESMA (12) dwar ċerti aspetti tal-valutazzjoni tal-adegwatezza ta’ MiFID jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar kif l-awtovalutazzjoni mill-klijenti għandha tiġi kontrobilanċjata minn kriterji oġġettivi mid-ditti:

    (…) id-ditti għandhom bżonn jieħdu passi raġonevoli biex jivverifikaw l-affidabbiltà, il-preċiżjoni u l-konsistenza tal-informazzjoni li tinġabar dwar il-klijenti. Id-ditti jibqgħu responsabbli biex jiżguraw li jkollhom l-informazzjoni neċessarja biex iwettqu valutazzjoni tal-adattament. F’dan ir-rigward, kwalunkwe ftehim li jiġi ffirmat mill-klijent, jew divulgazzjoni li ssir mid-ditta, li jkollha l-għan li tillimita r-responsabbiltà tad-ditta fir-rigward tal-valutazzjoni tal-adattament, ma jitqiesx bħala konformi mar-rekwiżiti rilevanti fil-MiFID II u fir-Regolament Delegat relatat.

    27.   Mistoqsija (l-Artikolu 44a)

    f'konformità mal-Artikolu 44a(2), il-bejjiegħ ta’ SELs għandu jiżgura li l-investiment fl-SELs minn klijent konsumatur ma jaqbiżx ċertu limitu tal-portafoll tal-istrumenti finanzjarji tiegħu.

    f'konformità mal-Artikolu 44a(4), il-portafoll tal-istrumenti finanzjarji tal-klijent konsumatur jinkludi depożiti ta’ flus kontanti u strumenti finanzjarji, bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe strument finanzjarju li jkun ingħata bħala kollateral. It-terminu “strument finanzjarju li jkun ingħata bħala kollateral” jinkludi strumenti finanzjarji li l-klijent ikun ta bħala kollateral, jew ukoll strumenti finanzjarji li l-klijent ikun irċieva bħala kollateral?

    Tweġiba

    It-tifsira ta’ “kollateral mogħti” fl-Artikolu 44a(4) tirreferi għal strumenti finanzjarji mogħtija bħala kollateral lill-klijent konsumatur.

    L-istrumenti finanzjarji mogħtija bħala kollateral minn parti terza lill-klijent konsumatur għandhom jiġu esklużi mill-portafoll tal-istrumenti finanzjarji tagħhom għall-fini tal-limiti għaż-żamma ta’ SELs f'konformità mal-Artikolu 44a(2). Jekk ikun hemm telf fuq dawk l-istrumenti finanzjarji, dan ma jaffettwax direttament is-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijent konsumatur, peress li l-istrumenti mogħtija bħala kollateral huma biss titolu sottostanti li jiggarantixxi d-dejn tal-parti terza lejn il-klijent konsumatur. Għalhekk, il-kollateral mogħti lill-klijent konsumatur għandu jiġi eskluż mill-portafoll tal-istrumenti finanzjarji għall-finijiet tal-kalkolu tal-limiti permessi fl-investimenti fl-SELs.

    Madankollu, l-istrumenti finanzjarji mogħtija mill-klijent konsumatur bħala kollateral biex jiggarantixxi d-dejn proprju tiegħu ma’ parti terza ma għandhomx jiġu esklużi mill-portafoll finanzjarju ta’ klijent konsumatur, peress li kwalunkwe telf fuq dawk l-istrumenti jiġi assunt direttament mill-klijent konsumatur. Dawk l-istrumenti se jkollhom jiġu rritornati lill-klijent konsumatur ladarba d-dejn tal-klijent konsumatur lejn parti terza jkun estint. Għalhekk, il-kollateral mogħti mill-klijent konsumatur huwa rilevanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-limiti permessi fl-investimenti fl-SELs.

    28.   Mistoqsija (l-Artikolu 44a)

    L-għażliet tal-paragrafi 1 sa 4 u l-paragrafu 5 tal-Artikolu 44a jistgħu jiġu kkombinati meta l-BRRD tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali? Pereżempju, l-ammont minimu ta’ denominazzjoni msemmi fil-paragrafu 5 jista’ jissaħħaħ aktar bil-kundizzjoni addizzjonali tal-investiment li ma jaqbiżx 10 % tal-portafoll ta’ investiment totali, kif imsemmi fil-paragrafu 2(b) tal-Artikolu 44a?

    Tweġiba

    Il-premessa (16) tad-Direttiva (UE) 2019/879 tiċċara li jenħtieġ li l-Artikolu 44a(1) sa (4) u l-Artikolu 44a(5) tal-BRRD ma jiġux trasposti b’mod kumulattiv, iżda tistipula żewġ għażliet alternattivi. Madankollu, biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-investituri konsumaturi, Stat Membru jista’ jipprevedi ammont ogħla għad-denominazzjoni minima ta’ SELs minn EUR 50 000 jekk jagħżel li jittrasponi l-Artikolu 44a(5) (ara wkoll it-tweġiba għall-mistoqsija 16 tal-Avviż tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Settembru 2020).

    29.   Mistoqsija (l-Artikolu 44a)

    L-ammont nominali minimu ta’ denominazzjoni ta’ mill-inqas EUR 50 000 imsemmi fl-Artikolu 44a(5) huwa relatat ma’ obbligazzjoni waħda jew ma’ grupp ta’ obbligazzjonijiet (bħala valur għal kull pakkett)?

    Tweġiba

    Ir-regola ta’ denominazzjoni minima tapplika għal kull strument finanzjarju uniku li jikkwalifika bħala SEL. Il-raġunament wara din ir-regola huwa previst fil-Premessa (16) tad-Direttiva (UE) 2019/879:

    Sabiex jiġi żgurat li l-investituri individwali ma jinvestux eċċessivament f’ċerti strumenti ta’ dejn li huma eliġibbli għall-MREL, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-ammont ta’ denominazzjoni minima ta’ tali strumenti jkun relattivament għoli (…) (enfasi miżjuda).”

    30.   Mistoqsija (l-Artikolu 44a)

    Jekk Stat Membru jagħżel li jittrasponi l-paragrafu 6 tal-Artikolu 44a, ma jkunx permess li jittrasponi wkoll ir-rekwiżiti fil-paragrafi 1, 2(a), 3 u 4 ta’ dak l-istess Artikolu?

    Tweġiba

    L-għażla prevista fl-Artikolu 44a(6) hija disponibbli biss jekk jintlaħaq il-limitu ta’ EUR 50 biljun previst fih (ara l-mistoqsija 19 tal-Avviż tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Settembru 2020). Taħt dik l-għażla, l-Istat Membru jrid japplika biss ir-rekwiżit minimu ta’ investiment inizjali ta’ EUR 10 000 imsemmi fil-punt (b) fl-Artikolu 44a(2), flimkien mar-regoli ġenerali dwar il-protezzjoni tal-investitur previsti fil-MiFID.

    Madankollu, dak l-Istat Membru jista’ japplika ċerti rekwiżiti addizzjonali previsti fl-Artikolu 44a(1) sa (5), eż. it-test tal-adegwatezza msemmi fl-Artikolu 44a(1) jew regola ta’ denominazzjoni minima għal SELs inqas minn EUR 50 000. Dan huwa ġġustifikat bir-raġunament li l-Artikolu 44a(6) jipprevedi protezzjoni aktar baxxa tal-klijenti konsumaturi meta mqabbla maż-żewġ alternattivi ewlenin disponibbli fl-Artikolu 44a(1) sa (4) u l-Artikolu 44a(5).

    Fl-istess ħin, din l-għażla jeħtieġ li tiġi applikata flimkien ma’ waħda mill-għażliet imsemmija fl-Artikolu 44a(1) sa (4) jew l-Artikolu 44a(5) għal SELs maħruġa minn entitajiet stabbiliti fi Stat Membru ieħor li ma jibbenefikawx mit-trattament previst fl-opzjoni msemmija fl-Artikolu 44a(6) (ara l-mistoqsija 12 tal-Avviż tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Settembru 2020).

    31.   Mistoqsija (l-Artikolu 44a)

    Jekk Stat Membru jagħżel li jittrasponi l-Artikolu 44a(6) tal-BRRD, kwalunkwe klijent li jixtieq jixtri SEL ikun klijent f'konformità mal-Artikolu 44a(2)(b)?

    Tweġiba

    Jekk ix-xerrej ta’ SELs ma jkunx klijent konsumatur kif definit fil-punt (11) tal-Artikolu 4(1) tal-MiFID, l-Artikolu 44a(6) ma japplikax, peress li l-bejgħ lil klijenti li mhumiex klijenti konsumaturi ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 44a(1) li minnu jidderoga l-Artikolu 44a(6). Barra minn hekk, japplikaw ukoll ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-investituri stabbiliti fil-MiFID.

    32.   Mistoqsija (l-Artikolu 44a)

    Fl-Artikolu 44a(6), il-limitu ta’ EUR 50 biljun għandu jiġi kkalkulat b’referenza għall-valur tal-assi totali tal-entitajiet qabel ir-riżoluzzjoni, fil-mument tad-dħul f’riżoluzzjoni, jew fil-mument tal-ħruġ ta’ SELs?

    Tweġiba

    L-Artikolu 44a(6) tal-BRRD jipprevedi għażla speċifika għal traspożizzjoni aktar limitata, maħsuba għall-Istati Membri bi swieq żgħar u inqas likwidi kif rifless fil-limitu ta’ EUR 50 biljun previst minnu. Dan il-limitu għandu jiġi vvalutat mill-Istat Membru fil-mument tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/879. Billi din l-għażla tat-traspożizzjoni hija soġġetta għall-kundizzjonalità tal-limitu, għalhekk, huwa d-dmir tal-Istati Membri li jimmonitorjaw u jivvalutaw regolarment jekk is-swieq tagħhom jilħqux il-limitu ta’ EUR 50 biljun u jekk l-użu tal-għażla prevista fl-Artikolu 44a(6) tal-BRRD għadux iġġustifikat. Jekk il-limitu ma jibqax jintlaħaq, dak l-Istat Membru għandu jagħżel bejn iż-żewġ possibbiltajiet alternattivi ewlenin għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 44a tal-BRRD u jistabbilixxu dawk ir-regoli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara l-mistoqsija 20 tal-Avviż tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Settembru 2020).

    G.   Mistoqsijiet relatati mar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli

    (a)    Obbligazzjonijiet eliġibbli

    33.   Mistoqsija (l-Artikolu 45b u 45f)

    L-Artikoli 45b u 45f tal-BRRD jispeċifikaw rispettivament il-kriterji ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli għal entitajiet ta’ riżoluzzjoni u għas-sussidjarji ta’ entitajiet ta’ riżoluzzjoni li huma nfushom mhumiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni. X’inhuma l-kriterji ta’ eliġibbiltà li japplikaw għal entitajiet li l-pjan ta’ riżoluzzjoni tagħhom jipprevedi l-istralċ tagħhom skont proċeduri normali ta’ insolvenza? Kif għandhom jiġu ttrattati r-rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 104a tas-CRD meta tiġi ddeterminata l-mira tal-MREL għal dawk l-entitajiet meta tali rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali ma jkunux ġew stabbiliti fuq bażi individwali għal dik l-entità?

    Tweġiba

    Il-BRRD tipprevedi biss żewġ settijiet ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà għall-finijiet tal-konformità mal-MREL:

    L-Artikolu 45b(1) sa (3) tal-BRRD jistabbilixxi l-kriterji ta’ eliġibbiltà applikabbli għall-entitajiet ta’ riżoluzzjoni, u

    L-Artikolu 45f(2) tal-BRRD jistabbilixxi l-kriterji ta’ eliġibbiltà applikabbli għall-istituzzjonijiet li huma sussidjarji ta’ entità ta’ riżoluzzjoni jew ta’ entità minn pajjiż terz imma li huma stess mhumiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni.

    Fin-nuqqas ta’ kriterji speċifiċi ta’ eliġibbiltà għal entitajiet li l-pjan ta’ riżoluzzjoni tagħhom jipprevedi l-istralċ tagħhom f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45c(2) tal-BRRD, jenħtieġ li dawk iż-żewġ settijiet ta’ kriterji japplikaw kif xieraq. Għal entitajiet li mhumiex sussidjarji ta’ entità ta’ riżoluzzjoni, japplikaw il-kriterji fl-Artikolu 45b(1) sa (3) tal-BRRD. Dan huwa rilevanti għall-entitajiet li huma impriżi prinċipali, mhumiex parti minn grupp soġġett għal superviżjoni konsolidata, jew huma sussidjarji ta’ impriża prinċipali li l-pjan ta’ riżoluzzjoni tagħha jipprevedi wkoll l-istralċ tagħha. Għal entitajiet li huma sussidjarji ta’ entità ta’ riżoluzzjoni, għandhom japplikaw il-kriterji fl-Artikolu 45f(2) tal-BRRD.

    F’kull każ, il-kriterji ta’ eliġibbiltà għandhom jiġu applikati fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ. Pereżempju, għal entitajiet li mhumiex sussidjarji ta’ entità ta’ riżoluzzjoni, il-kriterju fl-Artikolu 72b(2)(b)(i) tas-CRR (applikabbli permezz tal-Artikolu 45b(1) tal-BRRD), li ma jippermettix li obbligazzjonijiet eliġibbli jkunu proprjetà ta’ entitajiet inklużi fl-istess grupp ta’ riżoluzzjoni, jista’ ma japplikax, peress li f’dan il-każ l-entità ta’ likwidazzjoni mhijiex parti minn grupp ta’ riżoluzzjoni. Bl-istess mod, għal entitajiet li huma sussidjarji ta’ entità ta’ riżoluzzjoni, ir-restrizzjonijiet fl-Artikolu 45f(2) tal-BRRD fuq is-sjieda ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli mill-entità ta’ riżoluzzjoni u minn azzjonisti eżistenti u ta’ fondi proprji minn partijiet terzi mhumiex rilevanti. F’dawk is-sitwazzjonijiet, il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni ma jaffettwax il-kontroll tas-sussidjarja mill-entità ta’ riżoluzzjoni mhijiex applikabbli, peress li s-sussidjarja se tiġi stralċjata f’każ ta’ falliment.

    Meta l-awtorità kompetenti ma tkunx imponiet rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali f'konformità mal-Artikolu 104a tas-CRD fuq l-istess bażi li fuqha se tittieħed id-deċiżjoni tal-MREL, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw li r-rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali għal dik l-entità huma żero. Madankollu, jekk l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jikkunsidraw li t-twaqqif tal-MREL li jikkunsidra biss ir-rekwiżiti prudenzjali applikabbli fuq bażi individwali ma jirreflettix biżżejjed, fost l-oħrajn, il-mudell ta' negozju jew il-profil tar-riskju tal-entità kif imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 45c(1) BRRD, huma jistgħu, f’konformità mal-Artikolu 45c(2) BRRD, jivvalutaw jekk l-MREL għandux ikun limitat għall-ammont ta’ assorbiment tat-telf u jżidu l-MREL biex jirrifletti b’mod adegwat il-parti rilevanti tar-rekwiżit tal-fondi proprji addizzjonali konsolidati stabbilit mill-awtorità kompetenti f'konformità mal-Artikolu 104a CRD. Ara wkoll it-tweġiba gaħll-mistoqsija 35 inkluża fl-Anness tal-Avviż tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Settembru (13).

    34.   Mistoqsija (l-Artikolu 45b)

    X’inhi l-interazzjoni, jekk hemm, bejn it-tnaqqis possibbli tar-rekwiżit tat-TLOF ta’ 8 % fl-Artikolu 45b(4) tal-BRRD u l-provvediment possibbli biex jintużaw obbligazzjonijiet superjuri sa 3.5 % biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit minimu tat-TLAC previst fl-Artikolu 72b(3) tas-CRR? Huwa l-każ li għal G-SIIs it-tnejn li huma dejjem iridu jingħataw flimkien, anki jekk parzjalment biss għall-allowance, jekk il-valutazzjoni tal-NCWO tippermettiha?

    Tweġiba

    L-allowance biex jintużaw obbligazzjonijiet superjuri sa 3.5 % tat-TREA biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit minimu tat-TLAC previst fl-Artikolu 72b(3) tas-CRR u t-tnaqqis tar-rekwiżit ta’ subordinazzjoni minima msemmi fl-Artikolu 45b(4) tal-BRRD jistgħu jingħataw flimkien.

    Ir-raġunijiet kemm għall-allowance kif ukoll għat-tnaqqis huma l-istess, jiġifieri l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 72b(3) tas-CRR, li jirreferu għan-nuqqas ta’ riskju ta’ ksur tal-prinċipju tal-NCWO. Madankollu, l-allowance u t-tnaqqis japplikaw għal rekwiżiti differenti, li jistgħu jissarrfu f’ammonti nominali differenti. Għalhekk huwa possibbli li, filwaqt li l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 72b(3) tas-CRR jistgħu jiġu ssodisfati għal rekwiżit wieħed, dawn jistgħu ma jiġux issodisfati, jew jistgħu jiġu ssodisfati parzjalment biss, għar-rekwiżit l-ieħor.

    Għalhekk, filwaqt li l-allowance u t-tnaqqis jistgħu tabilħaqq jingħataw għall-fini kemm tal-konformità mar-rekwiżit minimu tat-TLAC f'konformità mal-Artikolu 92a tas-CRR kif ukoll għad-determinazzjoni tal-livell ta’ subordinazzjoni applikabbli f'konformità mal-Artikolu 45b(4) tal-BRRD, rispettivament, il-BRRD ma teħtieġx li dawn għandhom jingħataw flimkien. Il-kundizzjonijiet statutorji applikabbli msemmija fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 72b(3) tas-CRR iridu jiġu ssodisfati fiż-żewġ każijiet.

    35.   Mistoqsija (l-Artikolu 45b)

    Il-BRRD issa tuża esklussivament l-espressjoni “total tal-obbligazzjonijiet, inklużi l-fondi proprji”, filwaqt li qabel l-Artikolu 45(1) tal-BRRD I kien juża l-espressjoni “total tal-obbligazzjonijiet u tal-fondi proprji”. Din il-bidla kienet esklussivament semantika jew tirrappreżenta bidla materjali dwar kif għandhom jiġu kkalkulati l-ammonti?

    Tweġiba

    Fil-verżjoni Ingliża tal-BRRD I, l-Artikolu 45(1) kien jinkludi l-espressjoni “total tal-obbligazzjonijiet u tal-fondi proprji”, iżda dan il-lingwaġġ ġie sostitwit bid-Direttiva (UE) 2019/879. Bid-Direttiva (UE) 2019/879, il-lingwaġġ sar konsistenti mal-bqija tad-dispożizzjonijiet tal-BRRD I u tal-BRRD kif emendata bid-Direttiva (UE) 2019/879 fejn tintuża l-espressjoni “total tal-obbligazzjonijiet, inklużi l-fondi proprji”. Din il-bidla ma tbiddilx it-tifsira ta’ din l-espressjoni, li, għalhekk, għandha tinqara bl-istess mod fil-BRRD kollha.

    (b)    Determinazzjoni tal-MREL

    36.   Mistoqsija (l-Artikolu 45c)

    Tikkonferma li l-espressjoni “funzjonijiet ekonomiċi kritiċi” użata fl-Artikolu 45c mhijiex terminu ġdid u li għandha l-istess tifsira bħal “funzjonijiet kritiċi”, diġà użata u definita f’dispożizzjonijiet oħra tal-BRRD?

    Tweġiba

    L-espressjoni “funzjonijiet ekonomiċi kritiċi” użata fit-tmien subparagrafu tal-Artikolu 45c(3) u t-tmien subparagrafu tal-Artikolu 45c(7) għandhom jinqraw bl-istess mod bħall-espressjoni “funzjonijiet kritiċi” użata fil-BRRD kollha kif definita fl-Artikolu 2(1)(35).

    37.   Mistoqsija (l-Artikolu 45c)

    L-Artikolu 45c(2) jirrikjedi li, meta l-istralċ ikun l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni preferuta, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha “tivvaluta jekk ikunx iġġustifikat li jiġi limitat” l-MREL tagħhom għall-ammont ta’ assorbiment tat-telf.

    Meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tivvaluta li mhuwiex ġustifikat li jiġi limitat l-MREL ta’ dawk l-entitajiet għall-ammont ta’ assorbiment tat-telf, huwa korrett li l-Artikolu 45c(2) ma jeħtieġx li l-istrateġija fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tinbidel minn likwidazzjoni għal riżoluzzjoni, iżda minflok jippermetti lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tistabbilixxi rekwiżit MREL ogħla mill-ammont ta’ assorbiment tat-telf?

    Tweġiba

    It-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 45c(2) jipprovdu kif jiġi ddeterminat l-MREL għal entitajiet li l-pjan ta’ riżoluzzjoni tagħhom jipprevedi l-istralċ tagħhom f’każ ta’ falliment.

    Skont dik id-dispożizzjoni, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni hija meħtieġa tivvaluta jekk, għal dawk l-entitajiet, huwiex iġġustifikat li l-MREL jiġi limitat għall-ammont ta’ assorbiment ta’ telf imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45c(2). F’dik il-valutazzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jeħtieġu, b’mod partikolari, li jevalwaw kwalunkwe impatt possibbli ta’ tali MREL fuq l-istabbiltà finanzjarja u fuq ir-riskju ta’ kontaġju għas-sistema finanzjarja. Jekk, wara dik il-valutazzjoni, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tikkonkludi li mhuwiex ġustifikat li jiġi limitat l-MREL ta’ dawk l-entitajiet għall-ammont ta’ assorbiment tat-telf, hija tista’ tiddetermina MREL ogħla mill-ammont li jirriżulta mill-Artikolu 45c(3)(a)(i) u (b)(i) jew f'konformità mal-Artikolu 45c(7)(a)(i) u (b)(i). Ara wkoll il-Mistoqsija 37 tal-Avviż tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Settembru 2020 (14).

    38.   Mistoqsija (l-Artikolu 45c)

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45c(2) jirrikjedi li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jivvalutaw jekk huwiex ġustifikat li jiġi limitat l-MREL għal entitajiet li għandhom jiġu stralċjati skont proċeduri normali ta’ insolvenza għall-ammont ta’ assorbiment tat-telf. It-tielet subparagrafu ta’ dik id-dispożizzjoni jeħtieġ ukoll li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jikkunsidraw kwalunkwe impatt possibbli fuq l-istabbiltà finanzjarja u fuq ir-riskju ta’ kontaġju għas-sistema finanzjarja.

    Din il-valutazzjoni għandha ssir permezz tal-użu ta’:

    approċċ ġenerali li bih jiġi kkomputat suppliment uniku u mbagħad jiżdied mal-ammont ta’ assorbiment tat-telf ta’ kull entità ppjanata li tiġi stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza taħt il-mandat tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni rispettiva, jew

    approċċ speċifiku fejn id-deċiżjonijiet biex jiġi stabbilit suppliment u l-kalibrazzjoni tiegħu jittieħdu fuq bażi ta’ każ b’każ?

    Tweġiba

    It-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 45c(2), li jipprevedu kif jiġi ddeterminat l-MREL għal entitajiet li l-pjan ta’ riżoluzzjoni tagħhom jipprevedi l-istralċ tagħhom f’każ ta’ falliment jenħtieġ li jiġu applikati fuq bażi ta’ każ b’każ. Dan huwa l-prinċipju sottostanti ġenerali għad-dispożizzjonijiet tal-BRRD dwar id-determinazzjoni tal-MREL.

    Dan ma jippreġudikax il-possibbiltà li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom politiki interni dwar din il-kwistjoni, li mbagħad jiġu applikati għall-każijiet individwali.

    39.   Mistoqsija (l-Artikolu 45c)

    Meta jiġi kkalkolat l-ammont tar-rikapitalizzazzjoni, huwa legalment possibbli li jiġu stabbiliti limiti massimi stretti għat-tnaqqis possibbli tat-TREA u t-TEM wara riżoluzzjoni għall-finijiet tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 45c(3), jew għandhom dejjem jiġu kkalkolati t-TREA u t-TEM abbażi tat-tnaqqis de facto tal-karta tal-bilanċ b’kont meħud tal-ammont ta’ assorbiment tat-telf?

    Tweġiba

    f'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45c(3), l-ammont ta’ rikapitalizzazzjoni għandu jirrestawra l-konformità mar-rekwiżiti totali tal-fondi proprji u tal-proporzjon ta’ ingranaġġ tal-entità wara l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta.

    Meta jiġi stabbilit l-ammont ta’ rikapitalizzazzjoni bħala parti mill-kalibrazzjoni tal-MREL, il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 45c(3) jeħtieġ li t-TREA u t-TEM jiġu aġġustati għal kwalunkwe bidla li tirriżulta minn azzjoni ta’ riżoluzzjoni prevista fil-pjan ta’ riżoluzzjoni (jiġifieri d-deċiżjoni li istituzzjoni titqiegħed f’riżoluzzjoni, l-applikazzjoni ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni jew l-eżerċizzju ta’ setgħa ta’ riżoluzzjoni waħda jew aktar, kif definit fl-Artikolu 2(1)(40)).

    Dan jimplika li kwalunkwe aġġustament għall-ammont ta’ rikapitalizzazzjoni għandu jsir fuq bażi ta’ każ b’każ u jkun konsistenti ma’ kwalunkwe bidla li tirriżulta minn azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni ppjanati. Fil-mument tal-ippjanar tar-riżoluzzjoni u l-kalibrazzjoni tal-MREL, l-aġġustament għall-ammont ta’ rikapitalizzazzjoni jrid ikun ibbażat fuq stimi tal-ħtiġijiet għal rikapitalizzazzjoni wara r-riżoluzzjoni (jiġifieri stimi ta’ kwalunkwe żieda jew tnaqqis fid-daqs totali tal-karta tal-bilanċ u skattaturi oħra għal bidliet fir-rekwiżiti ta’ fondi proprji tal-entità u r-rekwiżiti tal-proporzjon ta’ ingranaġġ wara r-riżoluzzjoni). Għalhekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 45c(3) b’mod li huwa konsistenti mal-intenzjoni leġiżlattiva u l-istruttura tar-rekwiżit tal-MREL timplika li, meta jiġi kkalkolat l-ammont ta’ rikapitalizzazzjoni, it-telf mistenni f’riżoluzzjoni li jwassal għal tnaqqis fil-karta tal-bilanċ, kif imsemmi fil-punt (a) tal-ħames subparagrafu, huwa ekwivalenti għall-ammont ta’ assorbiment tat-telf ikkalkulat skont il-punti (a)(i) u (b)(i) tal-ewwel subparagrafu.

    40.   Mistoqsija (l-Artikolu 45c)

    Skont il-paragrafi 3 u 7 tal-Artikolu 45c, il-kalibrazzjoni tal-MREL estern u tal-MREL intern hija identika. Għall-entitajiet fil-mandat ta’ awtorità ta’ riżoluzzjoni, huwa legalment possibbli għal dik l-awtorità ta’ riżoluzzjoni li tinkludi biss f’każijiet speċifiċi l-bafer għall-fiduċja tas-suq imsemmi fis-sitt subparagrafu ta’ dawk id-dispożizzjonijiet (eż. b’rikors għal kriterji relatati mad-dipendenza tas-sussidjarja fuq il-finanzjament bl-ingrossa)?

    Tweġiba

    Meta jiġu kkalibrati kemm ir-rekwiżit tal-MREL estern kif ukoll dak intern, l-Artikolu 45c(3) u (7) jipprevedi li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni jkollha s-setgħa li żżid l-ammont ta’ rikapitalizzazzjoni meta kkalkulat abbażi tat-TREA b’ammont suffiċjenti biex tiġi sostnuta l-fiduċja fis-suq. Skont dawk id-dispożizzjonijiet, din hija setgħa diskrezzjonali, li għandha tiġi applikata mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ. Dan ma jippreġudikax il-possibbiltà li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom politiki interni dwar din il-kwistjoni, li mbagħad jiġu applikati għall-każijiet individwali.

    41.   Mistoqsija (l-Artikolu 45c)

    Tista’ tiċċara kif l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tikkunsidra l-kriterji msemmija fl-Artikolu 45c(6) meta tivvaluta jekk tapplikax ir-rekwiżiti fil-paragrafu 5 ta’ dak l-Artikolu għal entità ta’ riżoluzzjoni li mhijiex G-SII, parti minn G-SII jew bank tal-ogħla livell?

    Tweġiba

    Meta jiġi deċiż jekk għandhomx jiġu applikati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 45c(5) għal entità ta’ riżoluzzjoni li mhijiex G-SII, parti minn G-SII jew parti minn grupp ta’ riżoluzzjoni li l-assi totali tiegħu huma ogħla minn EUR 100 biljun (bank tal-ogħla livell), il-fattur ewlieni fid-deċiżjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni huwa l-valutazzjoni li l-entità ta’ riżoluzzjoni kkonċernata hija raġonevolment probabbli li toħloq riskju sistemiku fil-każ ta’ falliment.

    Minbarra din il-valutazzjoni, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni hija meħtieġa wkoll li tqis il-kriterji li ġejjin:

    il-prevalenza ta’ depożiti u n-nuqqas ta’ strumenti ta’ dejn fil-mudell ta’ finanzjament;

    il-punt sa fejn l-aċċess għas-swieq kapitali għal obbligazzjonijiet eliġibbli jkun limitat;

    il-punt sa fejn l-entità ta’ riżoluzzjoni kkonċernata tiddependi fuq il-kapital CET1 biex tissodisfa l-MREL tagħha.

    Meta wieħed iqis li d-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni timplika li l-entità ta’ riżoluzzjoni kkonċernata ser tkun soġġetta għal rekwiżiti aktar stretti f’termini ta’ kalibrazzjoni tal-MREL (l-Artikolu 45c(5) u s-subordinazzjoni (l-Artikolu 45b(4), (7) u (8)), dawn il-kriterji jgħinu biex jiġi żgurat li tali deċiżjoni tkun proporzjonata għall-objettivi segwiti u tqis il-karatteristiċi tal-entità kkonċernata. Għalhekk, jista’ jitqies li, meta l-kriterji msemmija hawn fuq jiġu ssodisfati fir-rigward ta’ entità ta’ riżoluzzjoni (jiġifieri l-prevalenza tad-depożiti fil-finanzjament, l-aċċess limitat għas-swieq tad-dejn, id-dipendenza fuq is-CET1 biex jiġi ssodisfat l-MREL), jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma tapplikax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 45c(5) għal tali entità jekk dan iwassal għal rekwiżit tal-MREL sproporzjonat. Din il-konklużjoni ma għandhiex tkun awtomatika u tiddependi fuq is-sitwazzjoni speċifika tal-każ konkret.

    It-tliet kriterji msemmija hawn fuq jistgħu jinstabu wkoll fl-Artikolu 45m(7), fejn jintużaw biex jiddeterminaw, b’mod ġenerali, tul proporzjonat tal-perjodi tranżitorji. Il-kriterji tal-Artikolu 45m(7) huma msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 45m(1) u jirrigwardaw ukoll l-iffissar ta’ perjodi tranżizzjonali li jintemmu wara l-1 ta’ Jannar 2024. Madankollu, f’din id-deċiżjoni speċifika li jiġi estiż il-perjodu tranżizzjonali lil hinn mill-1 ta’ Jannar 2024, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni huma meħtieġa wkoll iqisu dan li ġej:

    l-iżvilupp tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-entità;

    il-prospett li l-entità se tkun tista’ tiżgura l-konformità f’perjodu ta’ żmien raġonevoli mal-MREL u l-komponent tas-subordinazzjoni tiegħu;

    il-kapaċità li jissostitwixxu obbligazzjonijiet li ma għadhomx jissodisfaw il-kriterji rilevanti ta’ eliġibbiltà jew ta’ maturità u, jekk ma jkunux jistgħu, jekk dik l-inabbiltà hijiex ta’ natura idjosinkratika jew hijiex dovuta għal tfixkil fis-suq kollu.

    Għalhekk, l-istabbiliment ta’ perjodi tranżizzjonali li jintemmu wara l-1 ta’ Jannar 2024 skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 45m(1) ma jipprevjenix bħala tali lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni milli tiddeċiedi li tapplika r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 45c(5) għal dik l-istess entità ta’ riżoluzzjoni. Bl-istess mod, l-entità ta’ riżoluzzjoni li għaliha ġew applikati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 45c(5) jista’ jkollha perjodu tranżizzjonali li jintemm wara l-1 ta’ Jannar 2024 kif determinat f'konformità mal-Artikolu 45m(7).

    42.   Mistoqsija (l-Artikolu 45c)

    Għall-finijiet tal-Artikolu 45c(10), l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonsultaw lil xulxin jew l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jirrikjedu l-informazzjoni neċessarja mill-istituzzjoni kkonċernata?

    Tweġiba

    L-Artikolu 45c(1) jiċċara li r-rekwiżit tal-MREL li l-kalibrazzjoni tiegħu hija dettaljata fil-paragrafi li ġejjin tal-Artikolu 45c irid jiġi ddeterminat mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni wara konsultazzjoni mal-awtorità kompetenti. Barra minn hekk, biex ikunu jistgħu jikkalibraw ir-rekwiżit tal-MREL, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom il-kapaċità li jirrikjedu l-informazzjoni meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu l-kompiti skont il-BRRD, f'konformità mal-Artikoli 3(4) u 90(1).

    (c)    Determinazzjoni tal-MREL għal entitajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ G-SIIs

    43.   Mistoqsija (l-Artikolu 45d)

    X’inhi t-tifsira tal-espressjoni “parti minn G-SII” fl-Artikolu 45d(1)?

    Tweġiba

    G-SIIs huma definiti fl-Artikolu 2(1)(83c) tal-BRRD b’kontroreferenza għall-Artikolu 4(1)(133) tas-CRR. Din l-aħħar dispożizzjoni tiddefinixxi G-SIIs bħala dawk li huma identifikati f'konformità mal-Artikolu 131(1) u (2) tas-CRD. L-Artikolu 131(1) tas-CRD jirrikjedi li l-Istati Membri jaħtru awtoritajiet inkarigati mill-identifikazzjoni, fuq bażi konsolidata, tal-G-SIIs fil-ġurisdizzjoni tagħhom. L-Artikolu 131(2) jipprevedi metodoloġija għal dan il-għan.

    L-Artikolu 131(1) tas-CRD jipprevedi li l-G-SIIs iridu jkunu kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

    a)

    grupp immexxi minn istituzzjoni prinċipali tal-UE, kumpanija azzjonarja finanzjarja omm tal-UE, jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta omm tal-UE; jew

    b)

    istituzzjoni li mhijiex sussidjarja ta’ istituzzjoni prinċipali tal-UE, ta’ kumpanija azzjonarja finanzjarja omm tal-UE jew ta’ kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta omm tal-UE.

    Il-possibbiltà msemmija fil-punt b) hawn fuq ġiet inkluża biex tkopri każ teoretiku fejn G-SII huwa bank awtonomu. Għalhekk, l-entità ta’ riżoluzzjoni li hija “parti minn G-SII” hija entità li mhijiex G-SII innifisha skont il-punt (b) tal-Artikolu 131(1) tas-CRD, iżda hija parti mill-konsolidazzjoni prudenzjali tal-G-SII f’konformità mal-punt (a) ta’ dik id-dispożizzjoni. Fil-prattika, dan isir rilevanti meta mhux biss l-entità msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 131(1) tas-CRD, iżda wkoll entità oħra mill-grupp tal-G-SIIs tkun ġiet identifikata bħala entità ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri fejn tiġi segwita strateġija ta’ riżoluzzjoni ta’ MPE. F’dan il-każ, iż-żewġ entitajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom ikunu soġġetti għall-Artikolu 45d tal-BRRD.

    44.   Mistoqsija (l-Artikoli 45d u 45h)

    X’inhi “entità ta’ G-SII waħda li tappartjeni għall-istess G-SII” kif imsemmi fl-Artikoli 45d(4) u 45h(2) tal-BRRD?

    Tweġiba

    Il-G-SIIs huma definiti fl-Artikoli 2(1)(83c) tal-BRRD, u 4(1)(133) tas-CRR b’referenza għall-Artikolu 131(1) u (2) tas-CRD.

    L-Artikolu 4(1)(136) tas-CRR jiddefinixxi entità G-SII bħala “entità b’personalità ġuridika li hija G-SII jew li hija parti minn G-SII jew ta’ G-SII mhux tal-UE”.

    Dawn id-definizzjonijiet huma rilevanti meta jiġu applikati l-Artikolu 45d(4) u l-Artikolu 45h(2) tal-BRRD. Fil-prattika, dawn id-dispożizzjonijiet ikopru s-sitwazzjoni fejn grupp immexxi minn G-SII ikun fih aktar minn entità ta’ riżoluzzjoni waħda (tipikament, il-G-SII stess u entità waħda jew aktar), jiġifieri fejn tiġi segwita strateġija ta’ riżoluzzjoni ta’ MPE.

    45.   Mistoqsija (l-Artikolu 45d)

    X’inhi t-tifsira tat-terminu “entità omm tal-Unjoni” fl-Artikolu 45d(4)(b)? Tirreferi għall-impriża prinċipali tal-Unjoni jew għall-istituzzjoni prinċipali tal-Unjoni?

    Tweġiba

    L-“entità omm tal-Unjoni” msemmija fl-Artikolu 45d(4)(b) hija impriża prinċipali tal-Unjoni kif definita fl-Artikolu 2(1)(85).

    (d)    L-applikazzjoni ta’ MREL intern għal entitajiet li huma stess ma jkunux entitajiet ta’ riżoluzzjoni

    46.   Mistoqsija (l-Artikolu 45f)

    Skont il-punt (ii) tal-Artikolu 45f(2)(a) tal-BRRD obbligazzjoni hija meħtieġa tissodisfa l-kriterji ta’ subordinazzjoni tal-Artikolu 72b(2)(d) tas-CRR sabiex tkun eliġibbli għal konformità mal-MREL intern.

    Fl-istess ħin, il-punt (iii) tal-Artikolu 45f(2)(a) tal-BRRD jiddikjara li l-obbligazzjonijiet eliġibbli għall-MREL intern iridu “li jikklassifikaw, fi proċedimenti ta’ insolvenza normali, taħt l-obbligazzjonijiet li ma jissodisfawx il-kondizzjoni msemmija fil-punt (i) u li mhumiex eliġibbli għal rekwiżiti ta’ fondi proprji”.

    Madankollu, il-kriterju fil-punt (i) mhuwiex relatat mal-klassifikazzjoni tal-insolvenza. Jirreferi għall-obbligazzjonijiet “li jinħarġu lil u jinxtraw mill-entità ta’ riżoluzzjoni direttament jew indirettament permezz ta’ entitajiet oħra f’dak l-istess grupp ta’ riżoluzzjoni li xtara l-obbligazzjonijiet mill-entità li tkun soġġetta għal dan l-Artikolu jew li jinħarġu lil u jinxtraw minn azzjonist eżistenti li mhuwiex parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni sakemm l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni f'konformità mal-Artikoli 59 sa 62 ma jaffettwax il-kontroll tas-sussidjarja mill-entitajiet ta’ riżoluzzjoni”. Għalhekk, l-obbligazzjonijiet imsemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 45f(2)(a) jista’ jkollhom virtwalment kwalunkwe klassifikazzjoni.

    Huwa korrett li l-klassifikazzjoni implikata mill-punt (iii) tal-Artikolu 45f(2)(a) tal-BRRD tiddependi mill-klassifikazzjoni tal-istrumenti li ma jissodisfawx il-kriterju tal-punt (i) ta’ dik l-istess dispożizzjoni, jiġifieri li l-klassifikazzjoni meħtieġa għall-istrumenti MREL interni tiddependi mill-klassifikazzjoni tal-istrumenti li s-sussidjarja tkun fil-fatt ħarġet barra mill-grupp ta’ riżoluzzjoni? Dan jimplika li l-klassifikazzjoni meħtieġa biex jiġi ssodisfat l-MREL intern jeħtieġ li tiġi vvalutata għal kull istituzzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ.

    Tweġiba

    Il-qari kkombinat tal-punti (i), (ii) u (iii) tal-Artikolu 45f(2)(a) tal-BRRD jirriżulta fir-rekwiżiti li ġejjin relatati mal-klassifikazzjoni tal-insolvenza ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli għal MREL intern:

    iridu jissodisfaw il-kriterju ta’ subordinazzjoni ġenerali tal-Artikolu 72b(2)(d) tas-CRR, jiġifieri subordinazzjoni għal obbligazzjonijiet esklużi msemmija fl-Artikolu 72a(2) tas-CRR, bis-saħħa tal-punt (ii) tal-Artikolu 45f(2)(a) tal-BRRD;

    iridu jissodisfaw kriterju ta’ subordinazzjoni addizzjonali bis-saħħa tal-punti (i) u (iii) tal-Artikolu 45f(2)(a) tal-BRRD, fis-sens li jridu jkunu subordinati għall-obbligazzjonijiet kollha li mhumiex eliġibbli għal MREL intern u li mhumiex fondi proprji.

    Ir-raġunament tar-rekwiżit ta’ subordinazzjoni speċifiku huwa li jiġi żgurat li l-obbligazzjonijiet eliġibbli għal MREL intern ma jikklassifikawx pari passu ma’ obbligazzjonijiet subordinati oħra li mhumiex eliġibbli għal MREL intern skont il-punt (i) tal-Artikolu 45f(2)(a). Dan se jtaffi r-riskji għall-pretensjonijiet tal-NCWO f’każ li l-obbligazzjonijiet eliġibbli għal MREL intern jiġu valwati negattivament jew konvertiti f'konformità mal-Artikolu 59(1)(a) u (1a) indipendentement mill-azzjoni ta’ riżoluzzjoni (jiġifieri fil-punt tan-nonvijabbiltà), peress li dawk l-obbligazzjonijiet eliġibbli biss jistgħu jitnaqqsu fil-valur jew jiġu kkonvertiti f’dak il-każ.

    47.   Mistoqsija (l-Artikolu 45f)

    L-ammonti ta’ kapital CET1 u fondi proprji oħra msemmija fl-Artikolu 45f(2)(b) tal-BRRD huma netti mit-tnaqqis magħmul f'konformità mal-Artikoli 36, 56 u 66 tas-CRR?

    Tweġiba

    Għall-finijiet ta’ konformità kemm mal-MREL estern kif ukoll ma’ dak intern, ir-referenzi għal “fondi proprji” jenħtieġ li jiġu interpretati f'konformità mal-Artikolu 2(1)(38) tal-BRRD, li jagħmel referenza għad-definizzjoni pprovduta fil-punt (118) tal-Artikolu 4(1) tas-CRR, soġġett għal kwalunkwe kundizzjoni addizzjonali li ġiet speċifikata fil-BRRD, bħal dawk fil-punt (ii) tal-Artikolu 45f(2)(b).

    F’dan il-kuntest, il-punt (118) tal-Artikolu 4(1) tas-CRR jistipula li “fondi proprji” tfisser is-somma ta’ kapital tal-Grad 1 u ta’ kapital tal-Grad 2. Min-naħa tagħhom, id-dispożizzjonijiet korrispondenti tas-CRR dwar il-kalkolu tal-kapital tal-Grad 1 (l-Artikolu 25) u l-kapital tal-Grad 2 (l-Artikolu 71) huma ċari li l-ammonti huma espressi wara t-tnaqqis imsemmi fl-Artikoli 56 u 66 tas-CRR, rispettivament.

    Barra minn hekk, il-punt (68a) tal-Artikolu 2(1) tal-BRRD jiddefinixxi “kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni” b’kontroreferenza għall-Artikolu 50 tas-CRR, filwaqt li dan tal-aħħar jikkjarifika li l-kapital CET1 huwa kkalkolat nett mit-tnaqqis imsemmi fl-Artikolu 36 tas-CRR.

    48.   Mistoqsija (l-Artikolu 45f)

    X’inhi d-differenza bejn il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 45f?

    Tweġiba

    Id-distinzjoni bejn il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 45f hija relatata mar-relazzjoni tas-sjieda bejn is-sussidjarja li għaliha jista’ jiġi rinunzjat l-MREL intern u l-kumpanija prinċipali intermedja jew aħħarija tagħha.

    Il-paragrafu 3 jirreferi għall-possibbiltà li jiġi eżentat l-MREL intern meta s-sussidjarja u l-entità ta’ riżoluzzjoni jkunu jinsabu fl-istess Stat Membru u jipprovdi l-kundizzjonijiet li jippermettu tali rinunzja.

    Il-paragrafu 4 jirreferi għall-possibbiltà li jiġi eżentat l-MREL intern meta s-sussidjarja u impriża prinċipali intermedja jkunu jinsabu fl-istess Stat Membru filwaqt li l-kumpanija prinċipali aħħarija (l-entità ta’ riżoluzzjoni) tkun tinsab fi Stat Membru differenti. Għalhekk, il-paragrafu 3 jipprovdi għal struttura ta’ sjieda diretta, filwaqt li l-paragrafu 4 jipprovdi għall-hekk imsejħa struttura ta’ “daisy chain” f’aktar minn Stat Membru wieħed.

    49.   Mistoqsija (l-Artikolu 45f)

    f'konformità mal-Artikolu 45f, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tirrinunzja l-applikazzjoni tal-MREL intern f’żewġ każijiet:

    Meta l-entità ta’ riżoluzzjoni u s-sussidjarja jkunu t-tnejn stabbiliti fl-istess Stat Membru (il-paragrafu 3);

    Meta s-sussidjarja u l-impriża prinċipali tagħha jkunu stabbiliti fl-istess Stat Membru, anki jekk l-entità ta’ riżoluzzjoni ma tkunx stabbilita f’dak l-istess Stat Membru, dment li l-impriża prinċipali tikkonforma, fost l-oħrajn, mal-MREL intern subkonsolidat (il-paragrafu 4).

    Madankollu, fir-rigward tal-garanziji previsti fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 45f, l-għoti tagħhom huwa previst b’mod espliċitu mill-BRRD f’dik l-ewwel sitwazzjoni, jiġifieri, fejn l-entità ta’ riżoluzzjoni u s-sussidjarja jkunu jinsabu fl-istess Stat Membru.

    Mhuwiex ċar għaliex, fil-każ ta’ gruppi ta’ riżoluzzjoni transfruntiera, huwa possibbli li jingħataw eżenzjonijiet (li jistgħu jitqiesu bħala approċċ “aktar riskjuż”), iżda mhuwiex possibbli li tiġi permessa l-konformità mal-MREL intern b’garanzija (li huwa approċċ “inqas riskjuż”).

    Huwa possibbli għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ sussidjarja li tippermetti li r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) jiġi ssodisfat kompletament jew parzjalment b’garanzija pprovduta mill-impriża prinċipali tagħha skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 45f(5), anki jekk l-entità ta’ riżoluzzjoni ma tkunx stabbilita fl-istess Stat Membru bħas-sussidjarja?

    Tweġiba

    L-Artikolu 45f(3) jirreferi għal eżenzjonijiet għal MREL intern f’sitwazzjoni ta’ sjieda diretta bejn sussidjarja u l-entità ta’ riżoluzzjoni fl-istess Stat Membru filwaqt li l-Artikolu 45f(4) jirreferi għal eżenzjonijiet għal MREL intern f’sitwazzjoni fejn is-sussidjarja u l-impriża prinċipali intermedja tagħha jkunu fl-istess Stat Membru, iżda l-entità ta’ riżoluzzjoni tista’ tkun jew ma tkunx f’dak l-istess Stat Membru.

    Rigward il-possibbiltà li s-sussidjarja tissodisfa parzjalment jew kompletament l-MREL intern b’garanziji kollateralizzati (l-Artikolu 45f(5)), id-dispożizzjoni hija espliċita għas-sitwazzjoni ta’ sjieda diretta bejn sussidjarja u l-entità ta’ riżoluzzjoni fl-istess Stat Membru iżda ma tipprevedix dispożizzjoni ekwivalenti għas-sitwazzjoni fejn sussidjarja u l-impriża prinċipali intermedja tagħha jkunu fl-istess Stat Membru.

    Madankollu, l-użu ta’ garanziji kollateralizzati biex jiġi ssodisfat l-MREL intern f’dan l-aħħar każ jenħtieġ li jkun possibbli wkoll. Jekk tista’ tintuża rinunzja bejn sussidjarja u l-impriża prinċipali intermedja tagħha fl-istess Stat Membru, bl-istess mod, jenħtieġ li garanzija kollateralizzata tkun disponibbli wkoll biex tintuża f’ċirkostanzi simili, speċjalment peress li tipprovdi aktar protezzjoni għas-sussidjarja meta tirċievi r-riżorsi rilevanti minn rinunzja sħiħa tar-rekwiżit tal-MREL.

    50.   Mistoqsija (l-Artikolu 45f)

    Meta jiġi vvalutat il-kriterju għall-għoti ta’ eżenzjonijiet mir-rekwiżiti interni tal-MREL imsemmi fil-punt (b) tal-Artikoli 45f(3) u 45f(4) tal-BRRD jew għall-użu ta’ garanziji kollateralizzati f'konformità mal-Artikolu 45f(5), x’inhi l-mira tal-MREL li magħha għandha tiġi vvalutata l-konformità matul il-fażi ta’ akkumulazzjoni tal-MREL li tibqa’ għaddejja sal-2024? Il-konformità għandha tiġi vvalutata meta mqabbla mal-mira finali tal-MREL għall-2024 jew mal-mira intermedja għall-2022?

    Matul kwalunkwe perjodu tranżitorju li jista’ jiġi stabbilit, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tippermetti li l-MREL intern jintlaħaq b’garanziji jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħra kollha (għajr il-konformità mal-mira tal-MREL estern)?

    Tweġiba

    Meta tiġi vvalutata l-konformità tal-entità ta’ riżoluzzjoni jew l-impriża prinċipali mar-rekwiżit tal-MREL fl-Artikoli 45e u 45(1), kif stipulat rispettivament fil-punt (b) tal-paragrafu 3 u 4 tal-Artikolu 45f, jenħtieġ li jitqiesu l-perjodi tranżitorji previsti fl-Artikolu 45m.

    Għalhekk, qabel l-2024, il-konformità mal-paragrafi 3(b) u 4(b) tal-Artikolu 45f għandha tiġi vvalutata kontra l-mira vinkolanti intermedja determinata skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45m(1).

    Dan ifisser li eżenzjoni interna tal-MREL tista’ tingħata lis-sussidjarja li mhijiex entità ta’ riżoluzzjoni, jekk l-entità ta’ riżoluzzjoni jew l-impriża prinċipali tagħha tikkonforma mar-rekwiżit intermedju fuq bażi konsolidata u l-kundizzjonijiet l-oħra kollha speċifikati fl-Artikolu 45f(3) jew (4) jiġu ssodisfati fil-mument tad-deċiżjoni ta’ eżenzjoni.

    L-istess japplika fir-rigward tal-konformità mal-kundizzjoni fil-punt (b) tal-Artikolu 45f(3), meta tiġi vvalutata l-possibbiltà li l-MREL intern kollu jew parti minnu jiġi ssodisfat b’garanziji kollateralizzati f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45f(5).

    51.   Mistoqsija (l-Artikolu 45f)

    L-Artikolu 45f(3) u (4) jelenkaw għadd ta’ kundizzjonijiet li jippermettu r-rinunzja tal-applikazzjoni tal-Artikolu 45f. Madankollu, mhuwiex ċar mit-test tad-direttiva jekk dawn il-kundizzjonijiet għandhomx jiġu ssodisfati b’mod kumulattiv jew individwali.

    Il-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 45f huma kumulattivi, jew jekk tiġi ssodisfata xi waħda mill-kundizzjonijiet elenkati fihom huwa biżżejjed biex jippermettu r-rinunzja tal-applikazzjoni tal-Artikolu 45f għal sussidjarja li mhijiex entità ta’ riżoluzzjoni?

    Tweġiba

    Sabiex jiġi żgurat livell sodisfaċenti ta’ prudenza u salvagwardji meta tingħata eżenzjoni għall-MREL intern jew meta jiġi permess l-użu ta’ garanziji kollateralizzati, il-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 45f(3), (4) u (5) għandhom jiġu ssodisfati b’mod kumulattiv.

    52.   Mistoqsija (l-Artikolu 45f)

    Tista’ tispjega r-raġunament tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 45f(5) għall-użu ta’ garanziji kollateralizzati biex jintlaħaq l-MREL intern?

    Tweġiba

    L-Artikolu 45f(5) jagħti s-setgħa lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ sussidjarja li tippermetti li l-MREL intern tagħha jiġi ssodisfat parzjalment jew kompletament b’garanzija pprovduta mill-entità ta’ riżoluzzjoni rispettiva meta l-entità ta’ riżoluzzjoni u s-sussidjarja jkunu stabbiliti fl-istess Stat Membru, ikunu parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni, u meta l-entità ta’ riżoluzzjoni tikkonforma mal-MREL estern tagħha (jekk jogħġbok ara wkoll it-tweġiba għall-mistoqsija 49 hawn fuq, għall-każijiet fejn sussidjarja u l-impriża prinċipali intermedja tagħha jkunu fl-istess Stat Membru).

    L-Artikolu 45f(5) jistabbilixxi sett ta’ kundizzjonijiet li magħhom għandhom jikkonformaw il-garanziji sabiex jiġi żgurat li tali garanziji jistgħu jkunu effettivi fl-assorbiment tat-telf tas-sussidjarja u fir-rikapitalizzazzjoni tiegħu meta jiġu skattati, irrispettivament minn jekk l-entità ta’ riżoluzzjoni nnifisha hijiex f’riżoluzzjoni f’dak il-mument. Dawn il-kundizzjonijiet jipprovdu li:

    L-ammont tal-garanzija huwa ekwivalenti għall-ammont ta’ MREL intern li qed jissostitwixxi (il-punt (a));

    Il-garanzija tkun kollateralizzata mill-inqas sa 50 % tal-ammont garantit (il-punt (c));

    Il-garanzija hija soġġetta kemm għal skattaturi diskrezzjonarji (jiġifieri, determinazzjoni li s-sussidjarja ma għadhiex vijabbli – punt ta’ nonvijabbiltà) kif ukoll skattaturi awtomatiċi (jiġifieri inabbiltà li jitħallsu djun jew obbligazzjonijiet oħra hekk kif isiru dovuti), skont liema minnhom tiġi l-ewwel (il-punt (b));

    Il-kollateral finanzjarju biss kif definit fid-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) huwa aċċettat, jiġifieri, arranġamenti kollaterali finanzjarji bi trasferiment ta’ titlu jew arranġamenti dwar kollateral finanzjarju ta’ garanzija (rahan). Dan jiżgura protezzjoni msaħħa lid-detentur tal-kollateral, peress li skont it-termini ta’ dik id-direttiva dan il-kollateral huwa infurzabbli anki jekk l-entità ta’ riżoluzzjoni tkun insolventi jew titqiegħed f’riżoluzzjoni (il-punt (c));

    Il-kollateral huwa ta’ kwalità għolja (mhux gravat, soġġett għal telf impost) (il-punti (d) u (e));

    Il-maturità effettiva tal-kollateral tissodisfa l-istess kundizzjoni ta’ maturità bħall-obbligazzjonijiet eliġibbli (il-punt (f)); u

    Ma għandu jkun hemm l-ebda ostaklu għat-trasferiment tal-kollateral, inkluż f’każijiet fejn tittieħed azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-entità ta’ riżoluzzjoni (il-punt (g)).

    53.   Mistoqsija (l-Artikoli 45f u 45g)

    Huwa korrett li jitqies li t-terminu “minnufih” kif użat fil-punt (c) tal-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 45f u fil-punt (f) tal-Artikolu 45g japplika mhux biss għat-trasferiment ta’ fondi proprji, iżda wkoll għar-ripagament tal-obbligazzjonijiet mill-entità ta’ riżoluzzjoni lis-sussidjarja.

    Tweġiba

    Il-kundizzjoni għall-għoti ta’ eżenzjoni għall-MREL intern imsemmi fil-paragrafi 3(c) u 4(c) tal-Artikolu 45f u fil-punt (f) tal-Artikolu 45g tiżgura li ma jkun hemm l-ebda impediment attwali jew prevedibbli (prattiku jew legali) kemm għat-trasferiment minnufih ta’ fondi proprji lis-sussidjarja kif ukoll għar-ripagament minnufih tal-obbligazzjonijiet tagħha mill-entità ta’ riżoluzzjoni jew mill-impriża prinċipali intermedja.

    (e)    Proċedura għad-determinazzjoni tal-MREL

    54.   Mistoqsija (l-Artikolu 45h)

    L-Artikolu 45h(1) jiddikjara li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-entità ta’ riżoluzzjoni, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, fejn din tal-aħħar tkun differenti minn dik ta’ qabel, u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni responsabbli mis-sussidjarji ta’ grupp ta’ riżoluzzjoni li jkunu soġġetti għar-rekwiżit fl-Artikolu 45f fuq bażi individwali għandhom jagħmlu dak kollu fis-setgħa tagħhom biex jaslu għal deċiżjoni konġunta. Għal gruppi transfruntiera, ikun xieraq li tiġi inkluża dispożizzjoni fil-liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni biex l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni tkun tista’ tikkoopera mal-awtoritajiet rilevanti kollha?

    Tweġiba

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 88(5) diġà jipprevedi li l-membri li jipparteċipaw fil-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni jridu jikkooperaw mill-qrib. Dan l-obbligu jappartjeni għall-kompiti kollha elenkati fl-Artikolu 88(1), li jinkludi d-determinazzjoni tal-MREL (il-punt (i) ta’ dik id-dispożizzjoni).

    Għalhekk, dispożizzjoni li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jikkooperaw ma’ awtoritajiet rilevanti oħra ma tmurx kontra r-regoli eżistenti tal-BRRD.

    55.   Mistoqsija (l-Artikolu 45h)

    L-Artikolu 45h(2) tal-BRRD jirreferi għall-Artikolu 12 tas-CRR. Madankollu, l-emendi introdotti fis-CRR bir-Regolament (UE) 2019/876 ħassru dak l-Artikolu 12.

    Tista’ jekk jogħġbok tikkonferma li l-Artikolu 45h(2) tal-BRRD għandu minflok jirreferi għall-Artikolu 12a tas-CRR?

    Tweġiba

    Ir-referenza għall-Artikolu 12 tas-CRR fl-Artikolu 45h(2) tal-BRRD għandha tinqara bħala referenza għall-Artikolu 12a tas-CRR.

    56.   Mistoqsija (l-Artikolu 45h)

    Il-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 45h japplikaw għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil fir-rigward tar-rekwiżit MREL tal-grupp ta’ riżoluzzjoni konsolidat (MREL estern) u r-rekwiżit MREL individwali tal-entitajiet tal-grupp ta’ riżoluzzjoni (MREL intern), rispettivament.

    Il-paragrafu 6 tal-Artikolu 45h japplika jekk ma jkunx hemm deċiżjoni konġunta dwar xi wieħed mir-rekwiżiti msemmija hawn fuq simultanjament?

    Tweġiba

    L-Artikolu 45h(6) jittratta s-sitwazzjoni fejn ikun hemm nuqqas ta’ qbil fost l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni kemm dwar il-livell tar-rekwiżit tal-grupp ta’ riżoluzzjoni konsolidat kif ukoll dwar ir-rekwiżiti tas-sussidjarji li mhumiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni. F’dan il-każ, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tas-sussidjarji jieħdu deċiżjoni dwar il-livell individwali tar-rekwiżit tal-MREL għas-sussidjarji f’konformità mal-paragrafu 5 (jiġifieri, billi jqisu kif xieraq il-fehmiet tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-entità ta’ riżoluzzjoni). Barra minn hekk, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-entità ta’ riżoluzzjoni se tieħu deċiżjoni dwar ir-rekwiżit tal-grupp konsolidat f’konformità mal-passi previsti fil-paragrafu 4.

    (f)    Arranġamenti tranżizzjonali u ta’ wara riżoluzzjoni

    57.   Mistoqsija (l-Artikolu 45m)

    f'konformità mal-Artikolu 45m(8), l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu sussegwentement jirrevedu l-perjodu tranżizzjonali jew il-miri MREL ippjanati. Din id-dispożizzjoni hija relatata biss mal-miri MREL ippjanati f'konformità mal-Artikolu 45m(6) jew il-perjodu tranżizzjonali deċiż inizjalment determinat f'konformità mal-Artikolu 45m(1) jista’ sussegwentement jiġi rivedut?

    Tweġiba

    L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jirrevedu l-perjodu tranżizzjonali deċiż inizjalment f'konformità mal-Artikolu 45m(1), u mhux biss l-MREL ippjanat ikkomunikat f'konformità mal-Artikolu 45m(6).

    Ir-referenza għal “Soġġett għall-paragrafu 1” fil-bidu tal-Artikolu 45 m(8) saret biex jiġi żgurat li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tikkonforma mar-regoli u l-kriterji pprovduti fih meta tirrevedi l-perjodu tranżitorju.

    58.   Mistoqsija (l-Artikolu 45m)

    Il-livell tal-mira intermedja ddeterminat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45m(1) jista’ jiġi estiż jekk l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistabbilixxu perjodu tranżitorju li jintemm wara l-1 ta’ Jannar 2024 skont it-tielet subparagrafu ta’ dik id-dispożizzjoni?

    Tweġiba

    Il-livell tal-mira intermedja previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45 m(1) irid jintlaħaq mill-entitajiet fl-1 ta’ Jannar 2022 u ma jistax jiġi estiż mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. Il-possibbiltà li jiġi stabbilit perjodu tranżitorju li jintemm wara l-1 ta’ Jannar 2024 stipulat fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 45m(1) tapplika biss għall-MREL finali.

    Madankollu, ta’ min jinnota li l-mira intermedja trid tiżgura, bħala regola, akkumulazzjoni lineari ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli lejn l-MREL. Għalhekk, l-estensjoni tal-perjodu tranżitorju għall-MREL finali lil hinn mill-1 ta’ Jannar 2024 taffettwa l-mira intermedja li għandha tiġi stabbilita mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, peress li twassal għal mira intermedja aktar baxxa minn dik li kienet tiġi stabbilita kieku l-perjodu tranżitorju jintemm fl-1 ta’ Jannar 2024.

    59.   Mistoqsija (l-Artikolu 45m)

    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45m(1), “Il-mira intermedja għandha, bħala regola, tiżgura żieda lineari ta’ fondi proprji u ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli lejn ir-rekwiżit.

    Tikkonferma li, f’dik id-dispożizzjoni, it-terminu “rekwiżit” qed jirreferi mhux biss għar-rekwiżit kwantitattiv ġenerali iżda wkoll għas-subordinazzjoni?

    Tweġiba

    f'konformità mal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45m(1), il-livelli tal-mira intermedja li għandhom jiġu ddeterminati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni jirreferu għar-rekwiżiti fl-Artikoli 45e jew 45f (MREL estern jew intern) u għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 45b(4), (5) jew (7) (subordinazzjoni), kif xieraq.

    Ir-regola li tirrikjedi li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jiżguraw akkumulazzjoni lineari tapplika għal-livelli tal-mira intermedja kollha li għandhom jiġu stabbiliti mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-livell tal-mira intermedja relatat mal-kalibrazzjoni kumplessiva tal-MREL għandu jiżgura akkumulazzjoni lineari lejn l-MREL estern jew intern finali stabbilit mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. Bl-istess mod, għas-subordinazzjoni, il-mira intermedja subordinata għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-mira tas-subordinazzjoni finali stabbilita mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. Ir-rekwiżit minimu tat-TLAC, kif ukoll il-livell minimu tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 45c(5) jew (6), li jeħtieġ li jkun hemm konformità miegħu sal-1 ta’ Jannar 2022, jeħtieġ li jitqiesu wkoll, peress li l-livell tal-mira intermedja ma jistax jiġi stabbilit f’ammont aktar baxx minn dawk ir-rekwiżiti minimi (il-livell tal-mira intermedja jista’ jiġi stabbilit għal ammont ogħla minn dawk ir-rekwiżiti minimi abbażi tar-regola ta’ akkumulazzjoni lineari).

    H.   Mistoqsijiet relatati mar-rikonoxximent kuntrattwali ta’ rikapitalizzazzjoni interna

    60.   Mistoqsija (l-Artikolu 55)

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) jistabbilixxi li l-obbligazzjonijiet li mhumiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-rikapitalizzazzjoni interna u li huma rregolati mil-liġi ta’ pajjiż terz għandhom jinkludu klawżola kuntrattwali li permezz tagħha l-kontroparti tirrikonoxxi li l-obbligazzjoni tista’ tkun soġġetta għal setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-UE u taqbel li tkun marbuta b’tali setgħat.

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) jipprovdi wkoll lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni bis-setgħa li tagħti eżenzjoni għal dan ir-rekwiżit għal entitajiet li r-rekwiżiti tal-MREL tagħhom huma ugwali għall-ammont ta’ assorbiment tat-telf, dment li l-obbligazzjonijiet rilevanti ma jingħaddux għall-finijiet li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-MREL.

    Id-diskrezzjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) għandha tiġi applikata fuq bażi ta’ każ b’każ jew fuq bażi ġenerali għall-entitajiet kollha li jissodisfaw il-kriterji rilevanti?

    Tweġiba

    Il-valutazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) għandha ssir fuq bażi ta’ każ b’każ. Din id-dispożizzjoni tipprovdi lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni bid-diskrezzjoni li japplikaw l-eżenzjoni (“jistgħu jiddeċiedu”) għal entitajiet li jaqgħu fil-kategorija rilevanti msemmija fiha.

    Barra minn hekk, l-eżenzjoni tista’ tingħata biss jekk l-istituzzjoni tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżit tal-MREL tagħha bl-obbligazzjonijiet li jifdal. Dan l-element jeħtieġ li jiġi vverifikat qabel ma tingħata l-eżenzjoni, u li l-verifika tidher biss possibbli li ssir fuq bażi ta’ każ b’każ.

    61.   Mistoqsija (l-Artikolu 55)

    Id-data msemmija fl-Artikolu 55(1)(d) tirreferi għad-Direttiva (UE) 2019/879 jew għall-BRRD I?

    Tweġiba

    Il-punt (d) tal-Artikolu 55(1) jirreferi għall-BRRD I, li diġà kienet tinkludi l-Artikolu 55, peress li jirreferi għat-traspożizzjoni tat-taqsima tal-BRRD li fiha dan l-artikolu, aktar milli għat-traspożizzjoni tal-Artikolu nnifsu. L-Artikolu 55 il-ġdid introdott bid-Direttiva (UE) 2019/879 jissostitwixxi l-Artikolu 55 preċedenti b’verżjoni ġdida ta’ din id-dispożizzjoni, iżda ma jissostitwixxix it-taqsima kollha li għaliha jappartjeni l-Artikolu 55.

    62.   Mistoqsija (l-Artikolu 55)

    Kif għandu jinftiehem it-terminu “klassi” fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 55(2)? Qed jirreferi għall-klassifikazzjoni tal-insolvenza tal-obbligazzjonijiet jew għat-tip ta’ strument finanzjarju kkonċernat?

    Barra minn hekk, ir-referenzi għal “klassi” fl-Artikolu 45b(5) għandhom jinqraw bl-istess tifsira bħal fl-Artikolu 55(2)?

    Tweġiba

    Il-kelma “klassi” fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 55(2) tirreferi għall-klassifikazzjoni tal-insolvenza tal-obbligazzjonijiet. Din l-interpretazzjoni hija allinjata mat-tifsira u l-użu tal-kelma f’dispożizzjonijiet oħra tal-BRRD (eż., l-Artikolu 34(1)(f) li jirreferi għall-prinċipju tal-NCWO). Għal din ir-raġuni, ir-referenza għal “klassi” fl-Artikolu 45b(5) għandha tinqara kif xieraq.

    63.   Mistoqsija (l-Artikolu 55)

    Il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 55(2) jipprevedi li fejn l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, fil-kuntest tal-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà jew fi kwalunkwe ħin ieħor, tiddetermina li, fi klassi ta’ obbligazzjonijiet, l-ammont ta’ obbligazzjonijiet li jibbenefikaw minn eżenzjoni ta’ imprattikabbiltà u obbligazzjonijiet esklużi jew li x’aktarx jiġu esklużi mir-rikapitalizzazzjoni interna f'konformità mal-Artikolu 44(2) u (3) jammonta għal aktar minn 10 % ta’ dik il-klassi, hija għandha immedjatament tivvaluta l-impatt ta’ dak il-fatt fuq ir-riżolvibbiltà tal-entità kkonċernata. Madankollu, f’dik id-dispożizzjoni, ma hemm l-ebda referenza għal obbligazzjonijiet li għalihom l-istituzzjoni tonqos milli tinkludi l-klawżola kuntrattwali (jiġifieri ksur tal-obbligu f'konformità mal-Artikolu 55(1)) meta jiġi vvalutat jekk jinqabiżx il-limitu ta’ 10 %.

    Ikun korrett li l-BRRD tiġi trasposta sabiex ma jiġux inklużi obbligazzjonijiet li għalihom l-istituzzjoni naqset milli tinkludi l-klawżola kuntrattwali meta kkalkulat il-limitu ta’ 10 %?

    Tweġiba

    Il-formulazzjoni użata fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 55(2) hija limitata għal obbligazzjonijiet li huma permessi mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni li ma jinkludux it-terminu kuntrattwali minħabba imprattikabbiltà, flimkien mal-obbligazzjonijiet li huma esklużi jew li x’aktarx jiġu esklużi mir-rikapitalizzazzjoni interna f'konformità mal-Artikolu 44(2) u (3). L-obbligu speċifiku li jiġi vvalutat l-impatt fuq ir-riżolvibbiltà abbażi ta’ dan is-subparagrafu jista’, għalhekk, jiġi traspost b’referenza biss għal dawn l-obbligazzjonijiet.

    Madankollu, il-BRRD ma tipprevjenix lill-Istati Membri milli jittrasponu d-dispożizzjoni b’mod estensiv u milli jinkludu wkoll obbligazzjonijiet li għalihom il-bank jonqos milli jinkludi l-klawżola. Dan l-approċċ ikun konformi mal-objettivi tar-riżoluzzjoni u tal-BRRD, peress li jżid l-iskrutinju fuq ir-riżolvibbiltà tal-istituzzjoni.

    Barra minn hekk, l-obbligu f’din id-dispożizzjoni huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu ġenerali għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni li tiżgura r-riżolvibbiltà tal-istituzzjoni f'konformità mal-Artikolu 17. Fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali tar-riżolvibbiltà, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tqis ukoll l-impatt minn obbligazzjonijiet li ma jinkludux il-klawżola kuntrattwali minħabba li l-istituzzjoni jew l-entità naqset milli tikkonforma mal-obbligu fl-Artikolu 55(1).

    64.   Mistoqsija (l-Artikolu 55)

    Fuq liema kundizzjonijiet tista’ awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina li ma taqbilx mal-valutazzjoni ta’ imprattikabbiltà ta’ ditta? Jistgħu jinqalgħu xi diffikultajiet meta jkun sar kuntratt u mbagħad l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina li għandha tiddaħħal klawżola kuntrattwali kif imsemmi fl-Artikolu 55(1).

    Barra minn hekk, jekk entità tasal għall-konklużjoni li l-inserzjoni tal-klawżola kuntrattwali mhijiex prattikabbli u tinnotifika lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni dwar dik il-valutazzjoni f'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(2), f’liema mument dik l-entità tista’ tidħol fil-kuntratt ikkonċernat?

    Tweġiba

    Il-kriterji għall-valutazzjoni tal-imprattikabbiltà se jiġu speċifikati f’regolament delegat li jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji li qed jiġu żviluppati mill-ABE, f’konformità mas-setgħa mogħtija fl-Artikolu 55(6).

    Fir-rigward tal-mument meta l-kuntratt jista’ jiġi konkluż, l-istituzzjoni ma tistax tidħol f’kuntratt qabel ma tinnotifika lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. Madankollu, hija tista’ tidħol fih mingħajr ma tistenna t-tweġiba mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni dwar l-eżistenza ta’ kundizzjoni ta’ imprattikabbiltà, minħabba l-fatt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(2) jipprevedi li l-obbligu li tiġi inkluża l-klawżola jiġi sospiż mill-mument tan-notifika mill-istituzzjoni.

    65.   Mistoqsija (l-Artikolu 55)

    Kif għandha tinftiehem l-espressjoni “f’perijodu ta’ żmien raġonevoli” fl-Artikolu 55(2)?

    B’mod partikolari, fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, ir-riferiment għal “perijodu ta’ żmien raġonevoli” japplika għall-entità (li għandha tipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni f’dak il-perjodu) jew għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni (li għandha titlob l-informazzjoni f’dak il-perjodu)?

    Tweġiba

    Il-“perijodu ta’ żmien raġonevoli” huwa rilevanti għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni biex titlob l-informazzjoni meħtieġa (fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(2)) u l-inserzjoni tal-klawżola (fit-tielet subparagrafu tal-istess paragrafu).

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(2) jippermetti diskrezzjoni fil-livell nazzjonali biex jiġi definit il-perjodu ta’ żmien raġonevoli biex l-awtorità ta’ riżoluzzjoni titlob l-informazzjoni meħtieġa mill-entità. Fi kwalunkwe każ, huwa rakkomandabbli li tali perjodu ta’ żmien jiġi definit b’mod konsistenti mal-iskadenza li ser tiġi stabbilita skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(2), rigward it-talba biex tiddaħħal il-klawżola. Dan l-element se jiġi stabbilit f’regolament delegat ibbażat fuq standard tekniku regolatorju li qed jiġi żviluppat mill-ABE, f’konformità mal-mandat fl-Artikolu 55(6).

    66.   Mistoqsija (l-Artikoli 55 u 59)

    Il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 55(2) jirreferi għall-Artikolu 73 “meta tiġi applikata s-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni għall-obbligazzjonijiet eliġibbli”. L-Artikolu 73 jistabbilixxi salvagwardji għall-azzjonisti f’każ ta’ “trasferimenti parzjali” u “applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna”.

    Dan għandu jiġi interpretat bħala s-salvagwardji fl-Artikolu 73 li japplikaw ukoll meta jitniżżlu fil-valur u jiġu kkonvertiti obbligazzjonijiet eliġibbli “indipendentement mill-azzjoni ta’ riżoluzzjoni” f'konformità mal-Artikolu 59(1)(a) u (1a)?

    Tweġiba

    L-Artikolu 73 japplika biss għall-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna, li hija waħda mill-applikazzjonijiet possibbli tas-setgħat tat-tniżżil fil-valur u l-konverżjoni, u huwa eżerċitat “fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni”.

    Madankollu, il-prinċipju minqux fl-Artikolu 73(1)(b) – li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-NCWO – japplika wkoll meta t-tniżżil fil-valur jew il-konverżjoni jsiru indipendentement mir-riżoluzzjoni f'konformità mal-Artikolu 59(1)(a). B’mod partikolari, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 59(1) jipprevedi li “wara l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni ta’ strumenti kapitali u obbligazzjonijiet eliġibbli rilevanti indipendentement minn azzjoni ta’ riżoluzzjoni, għandha titwettaq il-valwazzjoni prevista fl-Artikolu 74 u għandu japplika l-Artikolu 75”. Kemm l-Artikolu 74 kif ukoll 75 jimplikaw l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-NCWO.

    I.   Mistoqsijiet relatati mal-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni ta’ strumenti kapitali u obbligazzjonijiet eliġibbli

    67.   Mistoqsija (l-Artikolu 59)

    X’inhuma ċ-“ċirkostanzi eċċezzjonali” msemmija fl-Artikolu 59(1b) li jippermettu devjazzjoni mill-pjan ta’ riżoluzzjoni?

    Tweġiba

    Il-premessa (54) u l-punt (j) tal-Artikolu 87 tal-BRRD jiċċaraw li, meta jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom isegwu l-miżuri previsti fil-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni, sakemm ma jivvalutawx abbażi taċ-ċirkostanzi ta’ każ konkret li l-objettivi ta’ riżoluzzjoni jinkisbu b’mod aktar effettiv billi jittieħdu azzjonijiet li mhumiex previsti fil-pjan ta’ riżoluzzjoni. Iċ-“ċirkostanzi eċċezzjonali” msemmija fl-Artikolu 59(1b) għandhom għalhekk jiġu interpretati fid-dawl tal-premessa (54) u tal-punt (j) tal-Artikolu 87. Dan huwa rilevanti kemm f’każijiet fejn jeħtieġ li jittieħdu miżuri fir-rigward ta’ sussidjarja biss kif ukoll fejn tkun meħtieġa skema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp, kif iċċarat fil-punt (a) tal-Artikolu 91(6).

    68.   Mistoqsija (l-Artikolu 59)

    Bl-emendi għall-Artikolu 59 tal-BRRD, l-obbligazzjonijiet eliġibbli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 45f(2) tal-BRRD, ħlief il-kundizzjoni relatata mal-maturità li jifdal tal-obbligazzjonijiet kif stabbilit fl-Artikolu 72c(1) tas-CRR, jistgħu wkoll jiġu valwati negattivament jew konvertiti fil-punt tan-nonvijabbiltà.

    Is-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni ta’ dawn l-istrumenti hija applikabbli biss f’sitwazzjonijiet fejn is-sussidjarja emittenti tal-entità ta’ riżoluzzjoni tkun parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni bħall-entità ta’ riżoluzzjoni inkwistjoni? Jew tista’ dik is-setgħa tiġi applikata wkoll f’sitwazzjonijiet fejn is-sussidjarja nnifisha tkun entità ta’ riżoluzzjoni u għalhekk ma tkunx parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni bħall-entità prinċipali u fejn is-sussidjarja – mingħajr ma tkun soġġetta għal MREL intern – ikollha strumenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-MREL intern?

    Tweġiba

    Is-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli fil-punt tan-nonvijabbiltà kif imsemmi fl-Artikolu 59(1a) tal-BRRD hija disponibbli biss fir-rigward ta’ entitajiet li huma nfushom mhumiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni.

    Dan huwa ċar mill-Artikolu 59(1a) tal-BRRD innifsu, li jirrikjedi li l-kundizzjonijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 45f(2) jiġu ssodisfati, ħlief għall-kundizzjoni relatata mal-maturità li jifdal tal-obbligazzjonijiet. L-Artikolu 45f japplika biss għal entitajiet li huma stess ma jkunux entitajiet ta’ riżoluzzjoni.

    Tabilħaqq, is-sentenza introduttorja tal-Artikolu 45f(2) tal-BRRD tiċċara li d-dispożizzjonijiet inklużi fih huma applikabbli għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 45f(1) tal-BRRD. Id-dispożizzjoni tal-aħħar tistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-MREL intern u tiċċara li l-MREL intern mhuwiex applikabbli għall-entitajiet ta’ riżoluzzjoni.

    Għalhekk, l-obbligazzjonijiet eliġibbli ta’ sussidjarji li huma entitajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jitniżżlu fil-valur jew jiġu kkonvertiti f’riżoluzzjoni biss, permezz tal-użu tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna u mhux fil-punt tan-nonvijabbiltà.

    J.   Mistoqsijiet relatati mar-rikonoxximent kuntrattwali tas-setgħat ta’ sospensjoni tar-riżoluzzjoni

    69.   Mistoqsija (l-Artikolu 71a)

    L-Artikolu 71a(2) jagħti lill-Istati Membri l-għażla li jirrikjedu li l-impriżi prinċipali tal-Unjoni jiżguraw li s-sussidjarji tagħhom minn pajjiżi terzi jinkludu, f’ċerti kuntratti finanzjarji, termini kuntrattwali biex jeskludu li l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni jifforma raġuni għat-terminazzjoni jew miżuri oħra ta’ infurzar fuq dawk il-kuntratti. Dak ir-rekwiżit jista’ japplika fir-rigward ta’ sussidjarji ta’ pajjiżi terzi li huma istituzzjonijiet ta’ kreditu, ditti ta’ investiment (jew li jkunu ditti ta’ investiment li kieku kellhom uffiċċju prinċipali fl-Istat Membru rilevanti) jew istituzzjonijiet finanzjarji.

    Meta jeżerċitaw din l-għażla, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw ir-rekwiżit tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71a(2) biss għal kategorija waħda jew tnejn mill-kategoriji enumerati ta’ entitajiet (eż. għal sussidjarji ta’ pajjiżi terzi biss li huma istituzzjonijiet ta’ kreditu)?

    Tweġiba

    L-Artikolu 71a(2) jista’ jiġi traspost billi jeħtieġ li tiddaħħal il-klawżola msemmija fih biss għal xi wħud mill-kategoriji ta’ entitajiet elenkati fil-punti (a) sa (c) tat-tieni subparagrafu, dment li dan ma jkunx f’kunflitt ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-BRRD.

    K.   Mistoqsijiet relatati ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-BRRD

    70.   Mistoqsija (l-Artikolu 33)

    Ir-referenza fl-Artikolu 33(4) għandha tkun għall-paragrafu 2 ta’ dak l-istess Artikolu, aktar milli għall-paragrafu 3? Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 33 huwa d-dispożizzjoni li fiha r-regola li l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1)(c) jew (d) għandha tittieħed biss meta l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 32(1) jiġu ssodisfati, bid-dispożizzjoni fil-paragrafu 4 tkun eċċezzjoni għal din ir-regola.

    Tweġiba

    Ir-referenza “[s]oġġett għall-paragrafu 3” fl-Artikolu 33(4) tfisser li, fejn applikabbli, jeħtieġ li jkun hemm konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 33(3) fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 33(4).

    B’mod aktar speċifiku, meta sussidjarji ta’ kumpanija azzjonarja ta’ attività mħallta jkunu miżmuma direttament jew indirettament minn kumpanija azzjonarja finanzjarja intermedja u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 33(4) jiġu ssodisfatti, l-entità msemmija fil-kundizzjoni (a) ta’ dik id-dispożizzjoni għandha tinftiehem bħala l-kumpanija azzjonarja finanzjarja u mhux il-kumpanija azzjonarja ta’ attività mħallta. Għalhekk, “[s]oġġett għall-paragrafu 3” hija kjarifika neċessarja peress li ż-żewġ tipi ta’ kumpaniji azzjonarji huma koperti mill-punti (c) u (d) tal-Artikolu 1(1).

    71.   Mistoqsija (l-Artikolu 36)

    Fl-Artikolu 36(11)(a), il-frażi “strumenti kapitali” għandha tiġi sostitwita bi “strumenti kapitali u obbligazzjonijiet eliġibbli”?

    Tweġiba

    Fl-Artikolu 36(11)(a), ir-referenza għal “obbligazzjonijiet eliġibbli” mhijiex meħtieġa minħabba li dik id-dispożizzjoni qed tirreferi għall-possibbiltà li jiġu annullati pretensjonijiet biss wara l-applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna, u mhux wara l-applikazzjoni tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni f'konformità mal-Artikolu 59.

    Fi kwalunkwe każ, wara valwazzjoni definittiva, iż-żieda fil-valur ta’ strumenti li jkunu tniżżlu fil-valur f'konformità mal-Artikoli 59 sa 62 hija madankollu possibbli, f'konformità mal-Artikoli 46(3) u 60(2)(a).

    72.   Mistoqsija (l-Artikolu 47)

    L-Artikolu 47 jipprevedi r-regoli dwar it-trattament tal-azzjonisti f’każ ta’ rikapitalizzazzjoni interna jew valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ta’ strumenti kapitali. Madankollu, skont id-Direttiva (UE) 2018/879, is-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u konverżjoni f'konformità mal-Artikolu 59 ġew estiżi biex ikopru wkoll ċerti obbligazzjonijiet eliġibbli. Għaliex din il-bidla ma ġietx riflessa fl-Artikolu 47?

    Tweġiba

    L-Artikolu 47 japplika għal “azzjonisti” fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna jew tal-eżerċizzju tas-setgħat tat-tniżżil fil-valur u l-konverżjoni f'konformità mal-Artikolu 59.

    Id-Direttiva (UE) 2018/879 żiedet il-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat tat-tniżżil fil-valur u l-konverżjoni biex tinkludi detenturi ta’ ċerti obbligazzjonijiet eliġibbli. Madankollu, peress li dawk id-detenturi ma jistgħux jitqiesu bħala “azzjonisti” abbażi tad-definizzjonijiet fil-punti (61) u (62) tal-Artikolu 2(1), ma hemmx bżonn li jiġi aġġustat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 47.

    Bl-istess mod, id-detenturi ta’ strumenti kapitali rilevanti (diġà inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 59 tal-BRRD I) mhumiex affettwati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47, peress li huma wkoll mhumiex “azzjonisti” abbażi tad-definizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

    Fir-rigward tar-referenza fil-paragrafu (1)(b)(i) tal-Artikolu 47 għad-dilwizzjoni tal-azzjonisti permezz tal-konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti skont is-setgħa msemmija fl-Artikolu 59(2), din għandha tinqara wkoll bħala li tinkludi l-konverżjoni ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli f'konformità mal-Artikolu 59. Fil-fatt, l-Artikolu 60(1) dwar is-sekwenza ta’ valwazzjoni negattiva u konverżjoni ta’ strumenti kapitali u obbligazzjonijiet eliġibbli rilevanti jagħmel referenza fil-punt (a) tiegħu għall-ħtieġa li tittieħed waħda mill-azzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 47(1) jew it-tnejn li huma meta jitnaqqsu l-entrati CET1, qabel ma jiġu affettwati tipi oħra ta’ strumenti.

    73.   Mistoqsija (l-Artikolu 108)

    L-Artikolu 108(2)(c) tal-BRRD jirrikjedi li “d-dokumentazzjoni kuntrattwali rilevanti u, fejn applikabbli, il-prospett relatat mal-ħruġ jirreferu b’mod espliċitu għall-klassifikazzjoni aktar baxxa skont dan il-paragrafu”. Il-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni li jippromulgaw l-Artikolu 108(2)(c) fil-liġi nazzjonali għandhom jirrikjedu li l-emittenti jirreferu fid-dokumentazzjoni tagħhom għal dawk il-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali, jew minflok għall-Artikolu 108(2) BRRD?

    Tweġiba

    Ir-referenza kuntrattwali għall-klassifikazzjoni aktar baxxa tal-obbligazzjoni meħtieġa f'konformità mal-Artikolu 108(2)(c) għandha ssir b’referenza għall-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 108(2) fl-Istat Membru tal-emittent tal-istrumenti tad-dejn. Madankollu, ir-referenza addizzjonali fit-terminu kuntrattwali għall-Artikolu 108(2) tal-BRRD mhux se tkun kuntrarja għaliha.

    74.   Mistoqsija (ġenerali)

    It-terminu “entità”, meta ma jintużax flimkien mat-terminu “istituzzjoni” (jiġifieri, fl-espressjoni “istituzzjoni jew entità msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1)”) ikopri l-istituzzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(1) minbarra l-entitajiet imsemmija fil-punti (b) sa (d) ta’ dik id-dispożizzjoni?

    Barra minn hekk, fl-Artikolu 16a(1), it-terminu “entità” jirreferi għal istituzzjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja li għandha tikkonforma mar-rekwiżiti prudenzjali fuq bażi konsolidata?

    Tweġiba

    It-tifsira speċifika tat-terminu “entità” tiddependi fuq id-dispożizzjonijiet li fihom tintuża u fuq min huwa soġġett għall-obbligi sottostanti f’dawk id-dispożizzjonijiet jew id-dispożizzjonijiet imsemmija fihom. Jenħtieġ li tqis il-kamp ta’ applikazzjoni tal-BRRD kif previst fl-Artikolu 1(1). It-terminu jista’ jirreferi għall-entitajiet kollha jew parti minnhom imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 1(1), inklużi l-istituzzjonijiet imsemmija fil-punt (a).

    Fil-każ tal-Artikolu 16a, ir-referenza għall-kelma “entità” hija maħsuba biex tinkludi l-entitajiet kollha msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 1(1) li huma meħtieġa jikkonformaw mas-CBR u l-MREL f'konformità mal-Artikolu 45, irrispettivament minn jekk tkunx fuq bażi individwali jew konsolidata (jiġifieri l-MREL estern u intern).

    L.   Mistoqsijiet relatati mal-SRMR

    75.   Mistoqsija (l-Artikolu 3 tal-SRMR)

    Id-definizzjoni ta’ “entità ta’ riżoluzzjoni” fil-punt (24a) tal-Artikolu 3(1) tal-SRMR tirreferi biss għall-SRB u mhux għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni. Din id-definizzjoni tintuża f’bosta Artikoli tal-SRMR (eż. l-Artikoli 12k, 16, 21 u 27). Id-dispożizzjonijiet tal-SRMR li fihom l-espressjoni “entità ta’ riżoluzzjoni” jistgħu jiġu applikati għal entitajiet ta’ riżoluzzjoni u għal gruppi msemmija fl-Artikolu 7(3) li ma jaqgħux taħt il-mandat dirett tal-SRB?

    Tweġiba

    L-Artikolu 3(24a) tal-SRMR (id-dispożizzjoni li tirrifletti l-Artikolu 2(83a) tal-BRRD) ma jagħtix is-setgħa lill-SRB biex jidentifika entità bħala entità ta’ riżoluzzjoni. Din hija pjuttost konsegwenza tal-pjan ta’ riżoluzzjoni rispettiv li jipprevedi azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ dik l-entità.

    L-Artikolu 9(1) tal-SRMR jirrikjedi li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jfasslu u jadottaw pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 7(3) tal-SRMR f’konformità mal-Artikolu 8(5) sa (13) tal-SRMR. L-obbligu għall-pjan ta’ riżoluzzjoni li jipprevedi l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni li jistgħu jiġu applikati f’każ ta’ falliment huwa previst fl-Artikolu 8(6) tal-SRMR. Barra minn hekk, ir-rekwiżit li jiġu identifikati għal kull grupp l-entitajiet ta’ riżoluzzjoni u l-gruppi ta’ riżoluzzjoni huwa previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(10) tal-SRMR.

    76.   Mistoqsija (l-Artikolu 10a tal-SRMR)

    F’konformità mal-Artikolu 10a(1) tal-SRMR, meta entità tkun f’sitwazzjoni fejn tissodisfa s-CBR, iżda tonqos milli tissodisfa l-MREL estern jew intern tagħha meta tiġi kkalkulata abbażi tat-TREA, l-SRB għandu s-setgħa li jipprojbixxi entità milli tiddistribwixxi aktar mill-M-AMD. Is-setgħa tal-SRB skont din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-entitajiet kollha li huma soġġetti għall-SRMR, jew biss dawk li għalihom l-SRB huwa direttament responsabbli f'konformità mal-Artikolu 7(2), (4)(b) u (5) tal-SRMR?

    Barra minn hekk, kif għandu l-SRB japplika s-setgħat fl-Artikolu 10a tal-SRMR? Jiġifieri, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni f’dak il-każ għandhom jimplimentaw ukoll l-istruzzjonijiet tal-SRB f'konformità mal-Artikolu 29 tal-SRMR?

    Tweġiba

    F’konformità mat-tqassim tal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-SRMR, l-SRB jista’ jeżerċita biss is-setgħat mogħtija mill-Artikolu 10a tal-SRMR lill-entitajiet fil-mandat dirett tiegħu (jiġifieri, l-entitajiet u l-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(2) tal-SRMR, u l-entitajiet u l-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(4)(b) u (5) tal-SRMR meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk il-paragrafi). Għall-bqija tal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 7(3), għandha tkun l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni rilevanti li teżerċita s-setgħat li tirrestrinġi d-distribuzzjonijiet.

    L-Artikolu 10a tal-SRMR ma jindikax b’mod espliċitu lil min għandha tiġi indirizzata d-deċiżjoni tal-SRB li jipprojbixxi distribuzzjonijiet’ il fuq minn M-AMD. Madankollu, din id-deċiżjoni hija relatata mill-qrib mal-applikazzjoni tal-MREL minħabba li s-setgħa msemmija fl-Artikolu 10a tal-SRMR hija waħda mill-miżuri li permezz tagħhom jenħtieġ li jiġi indirizzat il-ksur tal-MREL, f'konformità mal-Artikolu 12j(1)(b) tal-SRMR. Hija wkoll relatat mill-qrib mat-tneħħija ta’ impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(9) tal-SRMR jidentifika s-sitwazzjoni fejn istituzzjoni tissodisfa s-CBR flimkien mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji tagħha, iżda mhux is-CBR simultanjament mal-MREL, bħala li possibbilment tagħti lok għal impediment sostantiv għar-riżolvibbiltà. Fiż-żewġ każijiet, id-deċiżjonijiet tal-SRB huma indirizzati lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, li huma meħtieġa jimplimentawhom f'konformità mal-Artikolu 29 tal-SRMR – ara l-Artikoli 12(5) u 10(10) sa (12) tal-SRMR.

    B’analoġija ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, u fid-dawl tar-raġunament li jirfed l-interazzjonijiet bejn l-SRB u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, l-Artikolu 10a tal-SRMR jenħtieġ li jiġi interpretat fis-sens li d-determinazzjonijiet tal-SRB previsti fih jenħtieġ li jiġu indirizzati lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni rilevanti, li jenħtieġ li jimplimentawhom f’konformità mal-Artikolu 29 tal-SRMR.

    77.   Mistoqsija (l-Artikolu 10a tal-SRMR)

    Meta entità tkun f’sitwazzjoni fejn ma tissodisfax is-CBR flimkien mar-rekwiżiti tal-MREL tagħha, l-SRB għandu s-setgħa li jipprojbixxi entità milli tiddistribwixxi aktar mill-M-AMD abbażi tal-Artikolu 10a tal-SRMR permezz ta’ kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet imsemmija fih.

    Madankollu, l-Artikolu 10a tal-SRMR jirreferi biss għall-SRB u mhux għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 10a tal-SRMR mhuwiex elenkat fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(3) tal-SRMR. L-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jistgħu jieħdu azzjoni abbażi tal-Artikolu 10a tal-SRMR fir-rigward tal-entitajiet u l-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(3) tal-SRMR?

    Tweġiba

    Minħabba d-diviżjoni tal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-SRMR, l-SRB jista’ jeżerċita is-setgħat mogħtija mill-Artikolu 10a tal-SRMR biss fuq l-entitajiet fil-mandat dirett tiegħu (jiġifieri, l-entitajiet u l-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(2) tal-SRMR, u l-entitajiet u l-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(4)(b) u (5) tal-SRMR meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk il-paragrafi) (ara wkoll it-tweġiba għall-mistoqsija 80). Minkejja l-fatt li l-Artikolu 10a tal-SRMR mhuwiex inkluż fil-lista ta’ dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 7(3) tal-SRMR, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni xorta waħda għandhom is-setgħa li japplikaw is-setgħa li jipprojbixxu ċerti distribuzzjonijiet permezz tat-traspożizzjoni nazzjonali tal-Artikolu 16a tal-BRRD.

    Għalkemm l-Artikolu 10a tal-SRMR mhuwiex inkluż fil-lista ta’ dispożizzjonijiet fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 7(3) tal-SRMR, għandu jiġi nnutat li hemm referenzi għal dan l-Artikolu f’dispożizzjonijiet oħra li huma applikabbli b’mod espliċitu għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni f'konformità mal-Artikolu 7(3) tal-SRMR:

    Il-punt (i) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(9) tal-SRMR jinkludi ċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 10a(1) tal-SRMR bħala sitwazzjoni li tagħti lok għal impediment sostantiv għar-riżolvibbiltà;

    L-Artikolu 12j(1)(b) tal-SRMR jelenka s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 10a tal-SRMR bħala waħda mill-miżuri li għandhom jintużaw biex jiġi indirizzat ksur tal-MREL.

    78.   Mistoqsija (l-Artikolu 12k tal-SRMR)

    F’konformità mal-Artikolu 12k(1) tal-SRMR, l-SRB irid jiddetermina livelli tal-mira intermedja għar-rekwiżiti fl-Artikoli 12f jew 12 g tal-SRMR jew għal rekwiżiti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 12c(4), (5) jew (7) tal-SRMR, kif xieraq, li l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 12(1) u (3) tal-SRMR iridu jikkonformaw magħhom mill-1 ta’ Jannar 2022.

    Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata bħala li tirrikjedi li l-SRB jiddetermina l-livelli tal-mira intermedja anke għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 7(3) tal-SRMR li għalihom l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jiddeterminaw l-MREL (jiġifieri l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 12(3) tal-SRMR)?

    Tweġiba

    Għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 12(3) tal-SRMR, il-miri intermedji msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12k(1) tal-SRMR għandhom jiġu ddeterminati mill-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, fid-dawl tad-diviżjoni tal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 7(3) tal-SRMR.

    79.   Mistoqsija (l-Artikolu 18 tal-SRMR)

    f'konformità mal-Artikolu 18(1a) tal-SRMR, l-SRB għandu s-setgħa li jadotta skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ korp ċentrali u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha affiljati b’mod permanenti miegħu li huma parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni meta dak il-grupp ta’ riżoluzzjoni jikkonforma b’mod ġenerali mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (1) tal-Artikolu 18 tal-SRMR.

    Madankollu, l-Artikolu 18(1a) tal-SRMR jirreferi biss għall-SRB, u mhux għall-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 18(1a) tal-SRMR mhuwiex elenkat fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 7(3) tal-SRMR. L-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni għandhom is-setgħa, abbażi tal-SRMR, li jadottaw skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ korp ċentrali u istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati b’mod permanenti miegħu li huma parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni?

    Tweġiba

    Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 7(3) tal-SRMR ma jinkludix referenza għall-Artikolu 18(1a) tal-SRMR dwar l-applikazzjoni ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ korp ċentrali u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha affiljati b’mod permanenti miegħu li huma parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni.

    Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni xorta għandhom is-setgħa li jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18(1a) tal-SRMR, peress li l-Artikolu 7(3)(e) tal-SRMR jirrikjedi li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jadottaw deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni u japplikaw għodod ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-proċeduri u s-salvagwardji rilevanti fir-rigward tal-entitajiet u l-gruppi taħt il-mandat dirett tagħhom. L-Artikolu 18(1a) tal-SRMR jista’ jitqies bħala speċifiċità tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tal-SRMR.

    Barra minn hekk, id-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 32a tal-BRRD tkun applikabbli wkoll, peress li ma tkunx f’kunflitt mal-SRMR.

    80.   Mistoqsija (l-Artikolu 33 tal-BRRD)

    Għaliex l-Artikolu 33(3) tal-BRRD mhuwiex rifless fl-SRMR, u x’inhuma l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn dan?

    Tweġiba

    Dan kien diġà l-każ taħt l-SRMR I u l-BRRD I.

    f'konformità mal-Artikolu 33(3) tal-BRRD, meta l-istituzzjonijiet sussidjarji ta’ kumpanija azzjonarja b’attività mħallta jkunu miżmuma minn kumpanija azzjonarja finanzjarja intermedja, għandhom jittieħdu azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni għall-finijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp fir-rigward tal-kumpanija azzjonarja finanzjarja intermedja, u mhux tal-kumpanija azzjonarja b’attività mħallta. Dan l-Artikolu ġie emendat bid-Direttiva (UE) 2019/879, iżda sempliċement biex jiżdied li, matul il-fażi tal-ippjanar tar-riżoluzzjoni, il-kumpanija azzjonarja finanzjarja intermedja trid tiġi identifikata bħala entità ta’ riżoluzzjoni.

    Il-kumpaniji azzjonarji b’attività mħallta huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-BRRD bis-saħħa tar-referenza għalihom fl-Artikolu 1(1)(c). Madankollu, l-Artikolu 2 tal-SRMR ma jagħmel l-ebda referenza għal kumpaniji azzjonarji b’attività mħallta, li jfisser li mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-SRMR. Għalhekk, ma kienx hemm bżonn li l-Artikolu 33(3) tal-BRRD jiġi rifless fl-SRMR. Għandu jiġi nnutat li l-Artikolu 17(5)(k) tal-BRRD, li jippermetti lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jitolbu lil kumpaniji azzjonarji b’attività mħallta jistabbilixxu kumpanija azzjonarja finanzjarja separata għall-finijiet tal-indirizzar jew it-tneħħija ta’ impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà, bl-istess mod ma kienx rifless fl-Artikolu 10(11) tal-SRMR.

    81.   Mistoqsija (l-Artikolu 45b)

    Fid-dawl tat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija 34 tal-Avviż tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Settembru 2020, tista’ tiċċara xi tfisser “entitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-SRMR”?

    Barra minn hekk, jekk l-Istati Membri jeżerċitaw l-għażla fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 45b(8) tal-BRRD billi jistabbilixxu perċentwal ogħla minn 30 %, dak il-perċentwal se japplika għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 7(3) tal-SRMR li jaqgħu taħt il-kompetenza diretta tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni?

    Tweġiba

    L-entitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-SRMR huma l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 tal-SRMR. Għall-fini tal-valutazzjoni ta’ liema entitajiet huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-SRMR, id-diviżjoni tal-kompiti bejn l-SRB u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni fl-Artikolu 7 tal-SRMR mhijiex rilevanti.

    Jekk Stat Membru parteċipanti jeżerċita l-għażla tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 45b(8) tal-BRRD u jżid il-perċentwal għal aktar minn 30 %, tali żieda tkun applikabbli biss għal entitajiet li huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-SRMR kif stabbilit fl-Artikolu 2 tal-SRMR. Dan huwa dovut għall-fatt li l-SRMR huwa applikabbli għall-entitajiet kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, irrispettivament mid-diviżjoni tal-kompiti bejn l-SRB u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni. Meta awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni tkun qed teżerċita l-kompiti tagħha fir-rigward ta’ entità msemmija fl-Artikolu 7(3) tal-SRMR, hija għandha tapplika r-regoli tal-SRMR billi tuża s-setgħat mogħtija abbażi tar-regoli nazzjonali li jittrasponu l-BRRD. Dan huwa ċar mill-Artikolu 7 tal-SRMR, b’mod aktar speċifiku l-punt (d) tal-ewwel subparagrafu u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 7(3).

    Tabilħaqq, l-SRMR, minbarra li jikkonferixxi fuq l-SRB setgħa ċentralizzata ta’ riżoluzzjoni, kellu wkoll l-għan li jadatta r-regoli u l-prinċipji tal-BRRD għall-ispeċifiċitajiet tal-SRM u li jiżgura li l-SRB u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni japplikaw l-istess regoli materjali meta jadottaw deċiżjonijiet f'konformità mal-SRMR. Dan l-approċċ huwa mfisser b’mod ċar fil-premessi (18), (21) u (23) u, b’mod partikolari, fil-premessa (28) tal-SRMR li l-aħħar sentenza tagħha tistabbilixxi li “[f]’ċerti ċirkostanzi, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali għandhom jiżvolġu l-kompiti tagħhom abbażi ta’ u skont dan ir-Regolament filwaqt li jeżerċitaw is-setgħat konferiti lilhom, u skont il-leġislazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2014/59/UE sa fejn mhuwiex f’kunflitt ma’ dan ir-Regolament.” Dan l-approċċ jirriżulta wkoll mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 tal-SRMR, li jistipula li l-SRMR “jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-entitajiet” fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-SRMR.

    Għalhekk, fejn l-SRMR u r-regoli nazzjonali li jittrasponu l-BRRD huma differenti, l-SRMR għandu jipprevali fir-rigward tal-entitajiet inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, kif previst fl-Artikolu 2 tal-SRMR.


    (1)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KEE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

    (2)  Id-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu u ditti tal-investiment u d-Direttiva 98/26/KE (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 296).

    (3)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

    (4)  Id-Direttiva (UE) 2019/878 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward ta’ entitajiet eżentati, kumpaniji azzjonarji finanzjarji, kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta, remunerazzjoni, miżuri u setgħat superviżorji u miżuri ta’ konservazzjoni ta’ kapital (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 253).

    (5)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja, il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rappurtar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 1).

    (7)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

    (8)  Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2019/877 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 dwar il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 226).

    (10)  Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).

    (11)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 tal-25 ta’ April 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward rekwiżiti organizzazzjonali u kundizzjonijiet għall-operat għal ditti tal-investiment u termini definiti għall-finijiet ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 1).

    (12)  Linji gwida dwar ċerti aspetti tar-rekwiżiti ta’ idoneità tal-MiFID II tas-6 ta’ Novembru 2018, ESMA35-43-1163.

    (13)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet legali tal-qafas għar-riżoluzzjoni tal-banek rivedut bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-awtoritajiet tal-Istati Membri (ĠU C 321, 29.9.2020, p. 1)

    (14)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet legali tal-qafas għar-riżoluzzjoni tal-banek rivedut bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-awtoritajiet tal-Istati Membri (ĠU C 321, 29.9.2020, p. 1)

    (15)  Id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2002 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (ĠU L 168, 27.6.2002, p. 43).


    Top