Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XC1030(02)

    Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ aċesulfam tal-potassju (Ace-K) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina 2020/C 366/09

    C/2020/7386

    ĠU C 366, 30.10.2020, p. 13–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.10.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 366/13


    Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ aċesulfam tal-potassju (Ace-K) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    (2020/C 366/09)

    Wara l-pubblikazzjoni ta’ Notifika ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ aċesulfam tal-potassju (“Ace-K”) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “il-pajjiż ikkonċernat”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

    1.   Talba għal rieżami

    It-talba ġiet ippreżentata fil-31 ta’ Lulju 2020 minn Celanese Sales Germany GmbH (“l-applikant”), il-manifattur uniku fl-Unjoni u li għaldaqstant jirrappreżenta 100 % tal-produzzjoni totali ta’ aċesulfam tal-potassju fl-Unjoni.

    Verżjoni miftuħa tat-talba u l-analiżi tal-grad ta’ sostenn għat-talba mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. It-Taqsima 5.5 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl għall-partijiet interessati.

    2.   Prodott taħt rieżami

    Il-prodott soġġett għal dan ir- rieżami huwa l-aċesulfam tal-potassju (melħ tal-potassju ta’ 6-metil-1,2,3-ossatijażin-4 (3H)-one 2,2-diossidu; CAS RN 55589-62-3) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċi NM ex 2934 99 90 (kodiċi TARIC 2934999021) (“il-prodott taħt rieżami”). L-aċesulfam tal-potassju huwa komunement magħruf bħala Aċesulfam K jew Ace-K.

    3.   Miżuri eżistenti

    Il-miżuri li hemm fis-seħħ bħalissa huma dazju anti-dumping definittiv ta’ impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/1963 (“ir-Regolament dwar id-Dazju Definittiv”) (3).

    4.   Raġunijiet għar-rieżami

    It-talba hija msejsa fuq il-fatt li l-iskadenza tal-miżuri aktarx twassal biex ikun hemm kontinwazzjoni ta’ dumping kif ukoll rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

    4.1.    Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping

    L-applikant sostna li mhux xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fir-RPĊ minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

    Biex jissostanzja l-allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikanti, l-applikant iddependa fuq l-informazzjoni fir-rapport tal-pajjiż li sar mis-servizzi tal-Kummissjoni fl-20 ta’ Diċembru 2017 li jiddeskrivi ċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-suq fir-RPĊ (4), bħall-ipprezzar differenzjali jew preferenzjali fir-rigward tal-materja prima, u d-distorsjonijiet fir-rigward ta’ inputs materjali oħra, tad-drittijiet dwar l-użu tal-art, l-enerġija, ix-xogħol u l-aċċess għall-kapital u l-finanzjament. L-applikant semma wkoll it-13-il FYP (“Five Year Plan” - Pjan fuq Ħames Snin), kif ukoll ir-rwol tal-Partit Komunista Ċiniż (CCP - Chinese Communist Party) fl-inizjattivi politiċi ewlenin kollha.

    L-applikant ikkummissjona wkoll studju dwar id-distorsjonijiet fl-ekonomija Ċiniża li jolqtu l-materja prima li tintuża fil-produzzjoni tal-Ace-K. Dan ir-rapport jikkonċentra fuq il-produzzjoni tat-triossidu tal-kubrit (waħda mill-materja prima li tintuża fil-produzzjoni tal-Ace-K) u jinkludi wkoll informazzjoni dwar id-distorsjonijiet fis-swieq tal-enerġija (tal-elettriku, tal-istim u tal-gass), tal-ilma u tax-xogħol kif ukoll distorsjonijiet fis-settur tal-faħam.

    B’hekk, fir-rigward tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, l-allegazzjoni ta’ tkomplija ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali maħdum fuq il-bażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew punti ta’ riferiment bla distorsjoni f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt rieżami mir-RPĊ meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Abbażi ta’ dan, il-marġnijiet ta’ dumping ikkalkulati huma sinifikanti għar-RPĊ.

    Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed evidenza, skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku li turi li, minħabba li hemm distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet, l-użu tal-prezzijiet domestiċi u l-kostijiet fir-RPĊ mhuwiex xieraq, u dan jirrikjedi li jingħata bidu għal investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

    Ir-rapport tal-pajjiż jinsab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (5).

    4.2.    Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’dannu

    L-applikant jallega li hemm probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu. F’dan ir-rigward, l-applikant ippreżenta provi biżżejjed li, f’każ li l-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali tal-importazzjoni tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni x’aktarx jiżdied. Dan jiġri minħabba (i) l-eżistenza ta’ kapaċità mhux użata u l-potenzjal tal-faċilitajiet ta’ manifattura tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ; (ii) il-ġibda tas-suq tal-Unjoni.

    Fl-aħħar nett, l-applikant jallega li t-tneħħija tad-dannu seħħet l-aktar minħabba l-eżistenza tal-miżuri u li kull rikorrenza ta’ importazzjonijiet sostanzjali bi prezzijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat x’aktarx twassal għal rikorrenza ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

    5.   Proċedura

    Wara li ġie ddeterminat, b'segwitu għal konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li teżisti biżżejjed evidenza ta’ probabbiltà ta’ dumping u dannu biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

    Ir-rieżami ta’ skadenza se jiddetermina jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżuri twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping tal-prodott taħt rieżami li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dannu għall-industrija tal-Unjoni.

    Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), li daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Ġunju 2018 (il-pakkett tal-Modernizzazzjoni tat-TDI), daħħal bidliet sinifikanti fl-iskeda ta’ żmien u fl-iskadenzi li kienu applikabbli qabel fil-proċedimenti anti-dumping. Il-limiti ta’ żmien għall-partijiet interessati biex jipprovdu evidenza, b’mod partikolari fl-istadju bikri tal-investigazzjonijiet, tqassru.

    Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet li wara t-tifqigħa tal-COVID-19 ġie ppubblikat Avviż (7) dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji li jistgħu jkunu applikabbli għal dan il-proċediment.

    5.1.    Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu taħt kunsiderazzjoni

    L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”). L-istħarriġ tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu taħt kunsiderazzjoni”).

    5.2.    Kummenti dwar it-talba u l-bidu tal-investigazzjoni

    Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar l-inputs u l-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (SA) ipprovduti fit-talba (8) fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (9).

    Il-partijiet interessati kollha li jkunu jixtiequ jikkummentaw dwar it-talbiet (inklużi l-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dannu u ma’ kawżalità) jew dwar kull aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għat-talbiet) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    5.3.    Proċedura għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping

    F’rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni teżamina l-esportazzjonijiet li jkunu saru lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u, irrispettivament mill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, tqis jekk is-sitwazzjoni tal-kumpaniji li jipproduċu u li jbigħu l-prodott taħt rieżami fil-pajjiż ikkonċernat hijiex tali li l-esportazzjonijiet bi prezzijiet li huma oġġett ta’ dumping lejn l-Unjoni x’aktarx li jitkomplew jew jirrikorru jekk il-miżuri jiskadu.

    Għaldaqstant, il-produtturi kollha (10) tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat, irrispettivament minn jekk ikunux esportaw il-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni tul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami jew le, huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    5.3.1.   Investigazzjoni tal-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat

    Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex hija tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi li għandhom jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, inklużi dawk li ma jkunux ikkooperaw fl-investigazzjoni li tkun wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, huma b’dan mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tiġi pprovduta permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON.tdi tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.9 ta’ hawn taħt.

    Il-Kummissjoni, sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat.

    Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi kollha magħrufa fil-pajjiż ikkonċernat, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, mill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk dan ikun xieraq, dwar il-kumpaniji li jintgħażlu biex ikunu fil-kampjun.

    Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk dawn ikunux inklużi fil-kampjun. Il-produtturi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-Kummissjoni żżid nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

    Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2491

    Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu qegħdin jikkooperaw (“il-produtturi li kkooperaw iżda mhumiex inklużi fil-kampjun”).

    5.3.2.   Proċedura addizzjonali fir-rigward tar-RPĊ

    Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, tali informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    Skont il-punt (e) tal-Artikolu 2(6a), il-Kummissjoni, ftit wara l-bidu tal-investigazzjoni, permezz ta’ nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati, se tinforma lill-partijiet fl-investigazzjoni dwar is-sorsi rilevanti li jkun beħsiebha tuża biex tiddetermina l-valur normali fir-RPĊ skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Dan ikun ikopri s-sorsi kollha, inkluża l-għażla ta’ pajjiż terz rappreżentattiv xieraq fejn ikun xieraq. Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jingħataw 10 ijiem mid-data li fiha dik in-nota tiżdied fil-fajl, sabiex iressqu l-kummenti.

    Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, pajjiż terz rappreżentattiv possibbli għar-RPĊ f’dan il-każ huwa t-Turkija. Bil-għan li finalment tagħżel pajjiż terz rappreżentattiv xieraq, il-Kummissjoni teżamina jekk hemmx pajjiżi b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħar-RPĊ, li fihom isiru l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt rieżami u li għandhom data rilevanti disponibbli minnufih. F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż wieħed bħal dan, se tingħata preferenza, meta jkun il-każ, lill-pajjiżi b’livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

    Fir-rigward tas-sorsi rilevanti, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi kollha fir-RPĊ biex jipprovdu informazzjoni dwar il-materjali (dawk mhux maħduma u dawk ipproċessati) u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tiġi pprovduta permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON.tdi tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.9 ta’ hawn taħt.

    Barra minn hekk, kwalunkwe preżentazzjoni ta’ informazzjoni fattwali biex jiġu vvalutati l-kostijiet u l-prezzijiet skont il-punt (a) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku trid tiġi ppreżentata fi żmien 65 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Jenħtieġ li tali informazzjoni fattwali tittieħed esklużivament minn sorsi disponibbli għall-pubbliku.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tagħmel disponibbli wkoll kwestjonarju lill-Gvern tar-RPĊ.

    5.3.3.   Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati (11) (12)

    Importaturi mhux relatati tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni jew l-investigazzjonijiet li wasslu għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

    Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati u li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika billi jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness ta’ din in-Notifika.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

    Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-importaturi mhux relatati magħrufa kollha u lill-assoċjazzjonijiet magħrufa ta’ importaturi kollha dwar il-kumpaniji li jkunu ntgħażlu bħala parti mill-kampjun.

    Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

    Sabiex tikseb informazzjoni li tqis bħala meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati fil-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi li mhumiex relatati tinsab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2491

    5.4.    Proċedura għad-determinazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta'dannu

    Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    5.4.1.   Investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

    Sabiex tikseb informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarju lill-produttur uniku tal-Unjoni, Celanese Sales Germany GmbH.

    Il-produtturi tal-Unjoni jridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-produtturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li mhumiex elenkati hawn fuq huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, preferibbilment bil-posta elettronika, minnufih u mhux iktar tard minn sebat (7) ijiem wara l-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika sabiex jippreżentaw lilhom infushom u jitolbu kwestjonarju.

    Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2491

    5.5.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

    Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta'dannu, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

    Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi jridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

    L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta jew f’format ta’ test liberu jew inkella billi jiġi komplut kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni.

    Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott taħt rieżami, hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2491. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 se titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

    5.6.    Partijiet interessati

    Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

    Il-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li rendew disponibbli informazzjoni b’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.2, 5,3 u 5.4 jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

    Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami. Il-fatt li wieħed jiġi kkunsidrat bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    L-aċċess għall-fajl disponibbli għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet fuq dik il-paġna sabiex tikseb aċċess.

    5.7.    Preżentazzjonijiet oħrajn bil-miktub

    Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, tali informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    5.8.    Possibbiltà ta’ seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

    Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.

    Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.

    5.9.    Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza

    L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni b’informazzjoni u/jew b’data soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni (a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

    Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (Sensittivi) (13). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

    Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni li tkun “Sensittiva” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, filwaqt li jimmarkawha “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

    Il-partijiet interessati huma mistiedna jagħmlu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ) ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz tal-posta elettronika validu u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz tal-posta elettronika tax-xogħol uffiċjali, li jaħdem u li jiġi vverifikat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew il-posta elettronika biss, sakemm ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni ulterjuri dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    Il-Kummissjoni Ewropea

    Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ

    Direttorat Ġ

    Uffiċċju: CHAR 04/039

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi

    L-indirizzi tal-posta elettronika għall-aspetti ta’ dumping u l-aspetti ta’ dannu rispettivament:

    Trade-R727-ACE-K-Dumping@ec.europa.eu

    Trade-R727-ACE-K-Dumping@ec.europa.eu

    6.   Skeda tal-investigazzjoni

    L-investigazzjoni għandha normalment tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku.

    7.   Preżentazzjoni tal-informazzjoni

    Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fil-perjodi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsima 5 ta’ din in-Notifika.

    Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni mhix se taċċetta iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali addizzjonali.

    8.   Possibbiltà li jsiru kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra

    Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

    Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tas-sejbiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien ħamest (5) ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar is-sejbiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti mressqa minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar ulterjuri jsiru fi żmien ġurnata (1) mill-iskadenza għall-kummenti dwar dan l-iżvelar ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    L-iskeda ta’ żmien deskritta huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

    9.   Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika

    L-estensjonijiet tal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika jistgħu jingħataw fuq talba min-naħa tal-partijiet interessati li jkollhom raġuni valida.

    Jenħtieġ li kull estensjoni għal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika jiġu rikjesti f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni u jingħataw biss jekk ikunu debitament ġustifikati. Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni għall-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji se tkun limitata għal tlett (3) ijiem u bħala regola ma taqbiżx sebat (7) ijiem. Fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, l-estensjonijiet ikunu limitati għal tlett (3) ijiem sakemm ma jintwerewx xi ċirkostanzi eċċezzjonali.

    10.   Nonkooperazzjoni

    F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti sejbiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    Fejn jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

    Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għalhekk is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

    In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja immedjatament lill-Kummissjoni.

    11.   Uffiċjal tas-Seduta

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti tal-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

    L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

    Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-oqfsa ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.

    Għal iktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer

    12.   Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

    Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza qed jinbeda f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawk il-miżuri jitħassru jew jinżammu skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

    Jekk xi parti interessata tqis li jkun ġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

    Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-Notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

    13.   Ipproċessar ta’ data personali

    Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

    Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni tinsab fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence/ (en).


    (1)  Avviż dwar l-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri ta’ anti-dumping (ĠU C 46, 11.2.2020, p. 8).

    (2)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (3)  ĠU L 287, 31.10.2015, p. 52. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/87 impona dazji provviżorji (ĠU L 125, 21.5.2015, p. 15) (“ir-Regolament dwar id-Dazju Provviżorju”).

    (4)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, 20.12.2017, SWD (2017) 483 final/2, disponibbli hawnhekk: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2017/december/tradoc_156474.pdf.

    (5)  Id-dokumenti msemmija fir-rapport tal-pajjiż jistgħu jinkisbu wkoll wara talba raġunata kif xieraq.

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 143, 7.6.2018, p. 1).

    (7)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52020XC0316%2802%29.

    (8)  L-informazzjoni dwar il-kodiċijiet SA tingħata wkoll fis-sommarju eżekuttiv tat-talbiet għal rieżami, li jinsab fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (http://trade.ec.europa.eu/tdi/?).

    (9)  Ir-referenzi kollha għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika se jkunu referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    (10)  Produttur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiżi ikkonċernati li tipproduċi l-prodott taħt rieżami, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami.

    (11)  Għall-kampjunar jistgħu jintgħażlu biss importaturi li mhumiex relatati ma’ produtturi fil-pajjiżi ikkonċernati. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. B’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

    (12)  Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, għajr biex jiġi stabbilit id-dumping.

    (13)  Dokument “Sensittiv” huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (14)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


    ANNESS

    Verżjoni “sensittiva”

    Verżjoni “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”

    (immarka l-kaxxa rilevanti)

    PROĊEDIMENT ANTI-DUMPING LI JIKKONĊERNA L-IMPORTAZZJONIJIET TAL-AĊESULFAM TAL-POTASSJU (ACE-K) LI JORIĠINA MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

    INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI

    Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni marbuta mal-kampjunar li saret fil-punt 5.3.3 tan-Notifika ta’ bidu.

    Kemm il-verżjoni “Sensittiva” kif ukoll il-verżjoni “Għall-ispezzjoni mill- partijiet interessati” jenħtieġ li jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-Notifika ta’ bidu.

    1.   DETTALJI TA’ KUNTATT U IDENTITÀ

    Agħti d-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:

    Isem il-kumpanija

     

    Indirizz

     

    Persuna ta’ kuntatt

     

    Indirizz elettroniku

     

    Numru tat-telefon

     

    2.   FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ

    Indika l-fatturat totali f’euro (EUR) tal-kumpanija, u l-fatturat u l-piż tal-importazzjonijiet fl-Unjoni u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-RPĊ, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ rieżami, l-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020 tal-aċesulfam tal-potassju (Ace-K), kif definit fin-Notifika ta’ bidu u l-piz korrispondenti. Iddikjara l-unità tal-piż li ntużat.

     

    Tunnellati

    Valur f’EUR (EUR)

    Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR)

     

     

    Importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott taħt rieżami

     

     

    Bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tal-prodott taħt rieżami

     

     

    3.   ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)

    Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u / jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u / jew domestiku) tal-prodott taħt rieżami. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott taħt rieżami jew il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew in-negozjar tal-prodott taħt rieżami, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.

    Isem u lokalità tal-kumpanija

    Attivitajiet

    Relazzjoni

     

     

     

     

     

     

     

     

     

    4.   INFORMAZZJONI OĦRA

    Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis li tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

    5.   ĊERTIFIKAZZJONI

    Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fil-post sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jissejsu fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.

    Firma tal-uffiċjal awtorizzat:

    Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:

    Data:


    (1)  F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


    Top