Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CA0707

    Kawża C-707/18: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunalul Timiș - ir-Rumanija) – Amărăști Land Investment SRL vs Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Timișoara, Administrația Județeană a Finanțelor Publice Timiș (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Akkwist ta’ proprjetajiet immobbli mhux iskritti fir-reġistru tal-artijiet nazzjonali – Spejjeż marbuta mal-ewwel iskrizzjoni fl-imsemmi reġistru sostnuti mill-akkwirent – Użu ta’ kumpanniji terzi speċjalizzati – Parteċipazzjoni fi provvista ta’ servizzi jew spejjeż ta’ investiment imwettqa għall-ħtiġijiet ta’ kumpannija)

    ĠU C 68, 2.3.2020, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.3.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 68/14


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunalul Timiș - ir-Rumanija) – Amărăști Land Investment SRL vs Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Timișoara, Administrația Județeană a Finanțelor Publice Timiș

    (Kawża C-707/18) (1)

    (Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Tassazzjoni - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud - Direttiva 2006/112/KE - Tranżazzjonijiet taxxabbli - Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa - Akkwist ta’ proprjetajiet immobbli mhux iskritti fir-reġistru tal-artijiet nazzjonali - Spejjeż marbuta mal-ewwel iskrizzjoni fl-imsemmi reġistru sostnuti mill-akkwirent - Użu ta’ kumpanniji terzi speċjalizzati - Parteċipazzjoni fi provvista ta’ servizzi jew spejjeż ta’ investiment imwettqa għall-ħtiġijiet ta’ kumpannija)

    (2020/C 68/12)

    Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

    Qorti tar-rinviju

    Tribunalul Timiș

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Amărăști Land Investment SRL

    Konvenuti: Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Timișoara, Administrația Județeană a Finanțelor Publice Timiș

    Dispożittiv

    1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li l-partijiet fi tranżazzjoni intiża għat-trasferiment tal-proprjetà ta’ proprjetajiet immobbli jaqblu dwar klawżola li tipprovdi li l-akkwirent futur għandu jbati totalment jew parzjalment l-ispejjeż relatati mal-formalitajiet amministrattivi marbuta ma’ din it-tranżazzjoni, b’mod partikolari dawk relatati mal-ewwel iskrizzjoni ta’ dawn il-proprjetajiet immobbli fir-reġistru tal-artijiet nazzjonali. Madankollu, is-sempliċi preżenza ta’ tali klawżola f’wegħda sinallagmatika ta’ bejgħ ta’ proprjetajiet immobbli ma hijiex determinanti għall-finijiet li jsir magħruf jekk l-akkwirent futur għandux dritt inaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud marbuta mal-ħlas tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-ewwel iskrizzjoni tal-proprjetajiet immobbli kkonċernati fir-reġistru tal-artijiet nazzjonali.

    2)

    Id-Direttiva 2006/112, b’mod partikolari l-Artikolu 28 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest ta’ wegħda sinallagmatika ta’ bejgħ ta’ proprjetajiet immobbli mhux iskritti fir-reġistru tal-artijiet nazzjonali, l-akkwirent futur taxxabbli li, hekk kif huwa impenja ruħu b’mod kuntrattwali fir-rigward tal-bejjiegħ futur, iwettaq l-atti neċessarji għall-ewwel iskrizzjoni tal-proprjetajiet immobbli kkonċernati fl-imsemmi reġistru billi jirrikorri għal servizzi pprovduti minn terzi taxxabbli, huwa meqjus li pprovda personalment, lill-bejjiegħ futur, is-servizzi inkwistjoni, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 28, anki jekk il-partijiet fil-kuntratt qablu li l-prezz tal-bejgħ tal-imsemmija proprjetajiet immobbli ma jinkludix il-korrispettiv tat-tranżazzjonijiet ta’ reġistrazzjoni tal-artijiet.


    (1)  ĠU C 54, 11.2.2019.


    Top