Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0822

    Kawża T-822/19: Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Diċembru 2019 – Asoliva u Anierac vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 27, 27.1.2020, p. 71–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.1.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 27/71


    Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Diċembru 2019 – Asoliva u Anierac vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-822/19)

    (2020/C 27/72)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Rikorrenti: Asociación Española de la Industria y Comercio Exportador de Aceite de Oliva (Asoliva) (Madrid, Spanja) u Asociación Nacional de Industriales Envasadores y Refinadores de Aceites Comestibles (Anierac) (Madrid) (rappreżentant: V. Rodríguez Fuentes, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla l-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1604 tas-27 ta’ Settembru 2019 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2568/91 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta’ analiżi rilevanti, ippubblikat fil-ĠU 2019, L 250, p. 14.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tat-Trattati

    Ir-rikorrenti jqisu li, billi jimponi preżunzjoni iuris et de iure ta’ nuqqas ta’ konformità tal-kwalità taż-żejt taż-żebbuġa, li jagħti lok għal sanzjonijiet, l-att ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, previst fl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

    Ir-rikorrenti jqisu li l-preżunzjoni iuris et de iure ta’ nuqqas ta’ konformità stabbilita mill-att ikkontestat, timmina ċ-ċertezza legali peress li din hija bbażata fuq metodu li minħabba nuqqas ta’ preċiżjoni ma jippermettix li tiġi prevista b’ċertezza biżżejjed l-osservanza tar-regola meħtieġa.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-libertà ta’ intrapriża

    Ir-rikorrenti jqisu li l-preżunzjoni iuris et de iure ta’ nuqqas ta’ konformità stabbilita mill-att ikkontestat tirrestrinġi b’mod sproporzjonat il-libertà ta’ intrapriża billi tistabbilixxi restrizzjoni fir-rigward tagħha permezz ta’ metodu mhux preċiż iżda li minnu għandhom jiġu dedotti konsegwenzi assoluti, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni metodi oħra jew mezzi ta’ prova eżistenti.


    Top