EUR-Lex Ingång till EU-rätten

Tillbaka till EUR-Lex förstasida

Det här dokumentet är ett utdrag från EUR-Lex webbplats

Dokument 62018TN0046

Kawża T-46/18: Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2018 – Comune di Milano vs Il-Kunsill

ĠU C 94, 12.3.2018, s. 35–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 94/35


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2018 – Comune di Milano vs Il-Kunsill

(Kawża T-46/18)

(2018/C 094/46)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Comune di Milano (Milano, l-Italja) (rappreżentanti: F. Sciaudone u M. Condinanzi, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla skont l-Artikolu 263 TFUE d-deċiżjoni tal-Kunsill adottata fil-marġni tat-3579 laqgħa tal-Kunsill fil-formazzjoni Affarijiet Ġenerali tal-20 ta’ Novembru 2017 u li tirrigwarda l-għażla tas-sede l-ġdida tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (iktar ’il quddiem l-“EMA”), ippubblikata permezz ta’ stqarrija għall-istampa li ma tinkludix ir-rendikont [Outcome of the Council meeting (3579th Council meeting)], l-istqarrija għall-istampa nnifisha, Presse 65. provisional version fil-parti fejn ġie stabbilit li s-sede l-ġdida tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini tiġi stabbilita f’Amsterdam;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter.

F’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li l-għan imfittex mill-Kunsill permezz tal-proċedura ta’ għażla kien dak li tinstab l-aħjar offerta għall-allokazzjoni mill-ġdid tas-sede tal-EMA fid-dawl tal-kriterji ta’ għażla stabbiliti minn qabel. Bil-kontra ta’ dan, l-għażla tas-sede l-ġdida tal-EMA permezz ta’ tlugħ bix-xorti u mingħajr ebda integrazzjoni tal-investigazzjoni hija f’kuntrast mal-għan, iddikjarat meta ġew stabbiliti r-regoli proċedurali, li tingħażel l-aħjar offerta permezz ta’ proċess deċiżjonali trasparenti, abbażi ta’ evalwazzjonijiet tekniċi u ta’ kriterji speċifiċi ddeterminati minn qabel, u ma tippermettix li jiġi vverifikat in-nuqqas ta’ ekwivalenza taż-żewġ kandidaturi ta’ Milano u ta’ Amsterdam.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trasparenza.

F’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li d-deċiżjoni kkontestata hija llegali sa fejn din hija l-eżitu ta’ proċess deċiżjonali li kien ikkaratterizzat minn: (i) l-assenza ta’ rekwiżiti formali u ta’ metodi intiżi li jiggarantixxu t-trasparenza neċessarja; (ii) in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni xieraq tal-elementi rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni inkwistjoni.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-1 ta’ Novembru 2009, dwar l-adozzjoni tar-regolamenti interni tiegħu, kif ukoll tar-regoli proċedurali tal-31 ta’ Ottubru 2017.

F’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li mill-metodi li kkaratterizzaw l-iżvolġiment tal-votazzjoni u l-eżitu tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Novembru 2017 jirriżultaw daqstant ieħor motivi ta’ illegalità tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Novembru 2017 minħabba ksur tar-regoli speċifiċi li l-Kunsill kellu jirrispetta.


Upp