EUR-Lex El acceso al Derecho de la Unión Europea

Volver a la página principal de EUR-Lex

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 62017CN0687

Kawża C-687/17 P: Appell ippreżentat fis-7 ta’ Diċembru 2017 minn Aanbestedingskalender BV, Negometrix BV, CTM Solution BV, Stillpoint Applications BV, Huisinga Beheer BV mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’Awla) fit-28 ta’ Settembru 2017 fil-Kawża T-138/15, Aanbestedingskalender BV et vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 94, 12.3.2018, p. 7/7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 94/7


Appell ippreżentat fis-7 ta’ Diċembru 2017 minn Aanbestedingskalender BV, Negometrix BV, CTM Solution BV, Stillpoint Applications BV, Huisinga Beheer BV mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’Awla) fit-28 ta’ Settembru 2017 fil-Kawża T-138/15, Aanbestedingskalender BV et vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-687/17 P)

(2018/C 094/08)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Aanbestedingskalender BV, Negometrix BV, CTM Solution BV, Stillpoint Applications BV, Huisinga Beheer BV (rappreżentant: C. T. Dekker, L. Fiorilli, advocaten)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Ir-Repubblika Slovakka

Talbiet

L-appellanti jitlobu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla, fl-intier tagħha jew parzjalment, is-sentenza appellata sa fejn ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-appellanti fil-Kawża T-138/15 u, konsegwentement:

tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, fl-intier tagħha jew parzjalment; u/jew

alternattivament, tannulla fl-intier tagħha jew parzjalment is-sentenza appellata sa fejn ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-appellanti fil-Kawża T-138/15 u tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu fid-dawl tal-gwida li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tipprovdilha;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, evalwat il-fatti rilevanti b’mod żbaljat u naqset milli tagħti motivazzjoni xierqa u konsistenti billi qieset u ddeċidiet li l-motiv uniku tal-appellanti għandu jiġi miċħud u għalhekk ir-rikors miċħud fl-intier tiegħu peress li l-Kummissjoni kellha d-dritt tistabbilixxi li l-attivitajiet imwettqa minn TenderNed ma kinux ekonomiċi min-natura tagħhom u li l-miżura inkwistjoni f’din il-kawża ma kinitx tinvolvi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

L-appellanti jsostnu li n-natura ekonomika jew mhux ekonomika tal-attivitajiet ta’ TenderNed, speċjalment il-modulu ta’ preżentazzjoni ta’ offerta tagħha, ma tistax titqies bħala aspetti ta’ attività unika u li l-modulu ta’ preżentazzjoni ta’ offerta ta’ TenderNet għandu jitqies bħala ekonomiku min-natura tiegħu u li huwa separat mill-awtoritajiet pubbliċi. L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkonforma ruħha mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward it-test dwar jekk attività hijiex min-natura tagħha ekonomika jew mhux ekonomika.


Arriba