EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017XX1011(01)

Sommarju tal-Opinjoni dwar il-proposta għal Regolament li jistabbilixxi gateway diġitali unika u l-prinċipju ta’ “darba biss”

ĠU C 340, 11.10.2017, p. 6–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 340/6


Sommarju tal-Opinjoni dwar il-proposta għal Regolament li jistabbilixxi gateway diġitali unika u l-prinċipju ta’ “darba biss”

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-KEPD www.edps.europa.eu)

(2017/C 340/03)

Il-Proposta hija fost l-ewwel strumenti tal-UE li jirreferu b’mod espliċitu għal u jimplimentaw il-prinċipju ta’ “darba biss”, li għandu l-għan li jiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji huma mitluba jipprovdu l-istess informazzjoni darba biss lil amministrazzjoni pubblika, li mbagħad tkun tista’ terġa’ tuża l-informazzjoni li diġà għandha. Il-Proposta tipprevedi li l-iskambju ta’ evidenza għal proċeduri transkonfinali speċifikati (bħal, pereżempju, talba għal rikonoxximent ta’ diploma) ser jinbeda mit-talba espliċita ta’ utent u ser iseħħ f’sistema teknika stabbilita mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, b’mekkaniżmu ta’ previżjoni integrat li jiżgura trasparenza lejn l-utent.

Il-KEPD jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li jiġu mmodernizzati s-servizzi amministrattivi u japprezza t-tħassib tagħha dwar l-impatt li din il-Proposta jista’ jkollha fuq il-protezzjoni ta’ data personali. L-Opinjoni tinħareġ fuq it-talba speċifika tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Parlament. Hija ispirata wkoll mill-prijoritajiet tal-Presidenza Estonjana tal-Kunsill, li speċifikament tinkludi “Ewropa diġitali u l-moviment liberu tad-data”.

Minbarra li jipprovdi rakkomandazzjonijiet speċifiċi sabiex tkompli titjieb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni, il-KEPD jixtieq ukoll jaħtaf din l-opportunità biex jipprovdi ħarsa ġenerali introduttorja tal-kwistjonijiet ewlenin relatati mal-prinċipju ta’ “darba biss” b’mod ġenerali, minkejja li ħafna minn dan it-tħassib mhuwiex neċessarjament ikkonfermat mill-Proposta fil-forma attwali tagħha. Dan jirrelata, b’mod partikolari, mal-bażi ġuridika tal-ipproċessar, tal-limitazzjoni tal-iskop, u tad-drittijiet tas-suġġett tad-data. Il-KEPD jenfasizza li sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni b’suċċess tal-prinċipju ta’ “darba biss” madwar l-Ewropa kollha, u sabiex ikun permess skambju transkonfinali legali ta’ data, il-prinċipju ta’ “darba biss” għandu jiġi implimentat f’konformità mal-prinċipji rilevanti tal-protezzjoni tad-data.

Fir-rigward tal-Proposta nnifisha, il-KEPD jappoġġja l-isforzi li saru sabiex jiġi żgurat li l-individwi jibqa’ jkollhom kontroll tad-data personali tagħhom, inkluż billi tiġi rikjesta “talba espliċita tal-utent” qabel ma jsir kwalunkwe trasferiment ta’ evidenza bejn awtoritajiet kompetenti u billi tingħata l-possibbiltà lill-utent li “jara minn qabel” l-evidenza li tkun ser tiġi skambjata. Huwa jilqa’ wkoll l-emendi li saru fir-Regolament tal-IMI li jikkonfermaw u jaġġornaw id-dispożizzjonijiet dwar il-mekkaniżmu ta’ superviżjoni kkoordinata previsti għall-IMI u li jippermettu wkoll lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (“EDPB”) jibbenefika mill-possibbiltajiet tekniċi offruti mill-IMI għal skambju ta’ informazzjoni fil-kuntest tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR).

L-Opinjoni tipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar firxa ta’ kwistjonijiet, li jiffukaw fuq il-bażi ġuridika għall-iskambju transkonfinali ta’ evidenza, il-limitazzjoni tal-iskop, u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-“prinċipju ta’ darba biss” kif ukoll tħassib prattiku rigward il-kontroll tal-utent. Rakkomandazzjonijiet ewlenin jinkludu kjarifika dwar il-fatt li l-Proposta ma tipprovdix bażi ġuridika għall-użu ta’ sistema teknika għall-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet għajr dawk previsti fl-erba’ direttivi elenkati jew inkella previsti taħt il-liġi applikabbli tal-UE jew dik nazzjonali, u li l-Proposta ma għandhiex l-għan li tpoġġi restrizzjoni fuq il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop skont il-GDPR; kif ukoll kjarifika ta’ firxa ta’ kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni prattika tal-kontroll tal-utent. Fir-rigward tal-emendi li saru fir-Regolament tal-IMI, il-KEPD jirrakkomanda li l-GDPR jiżdied mal-Anness tar-Regolament tal-IMI sabiex ikun permess l-użu potenzjali tal-IMI għall-finijiet tal-protezzjoni tad-data.

1.   INTRODUZZJONI U SFOND

Fit-2 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni Ewropea (“Kummissjoni”) adottat Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ portal diġitali uniku li jipprovdi informazzjoni, proċeduri, servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (1) (“Proposta”).

L-għan tal-Proposta huwa li jiġu ffaċilitati l-attivitajiet transkonfinali taċ-ċittadini u tan-negozji billi jingħataw aċċess faċli għall-utent, permezz ta’ gateway diġitali unika, għal informazzjoni, proċeduri u servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi li huma jkunu jeħtieġu biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tas-suq intern. F’dan ir-rigward, din il-Proposta tirrappreżenta inizjattiva importanti fil-vjaġġ tal-Kummissjoni lejn l-iżvilupp ta’ suq intern aktar profond u aktar ġust kif ukoll Suq Diġitali Uniku (2).

L-Artikoli 4 sa 6 tal-Proposta jenfasizzaw is-“servizzi gateway” offruti mill-gateway diġitali unika. Dawn jirriflettu mill-qrib it-titolu tal-Proposta nnifisha u jinkludu:

aċċess għal informazzjoni,

aċċess għal proċeduri u

aċċess għal servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi.

Ta’ min jinnota wkoll li l-Proposta, fl-Artikolu 36 tagħha, tfittex li temenda diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (“ir-Regolament tal-IMI”) (3), li jistabbilixxi l-bażi ġuridika għall-operazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”) (4).

Il-Proposta hija fost l-ewwel strumenti tal-UE li jirreferu b’mod espliċitu għal u jimplimentaw il-prinċipju ta’ “darba biss” (5). Il-Proposta tirreferi għall-kunċett ta’ darba biss u l-benefiċċji tiegħu billi tispjega li “ċ-ċittadini u n-negozji ma għandhomx għalfejn jipprovdu l-istess informazzjoni lill-awtoritajiet pubbliċi aktar minn darba għall-iskambju transfruntier ta’ evidenza” (6). Il-Proposta tipprevedi li l-iskambju ta’ evidenza għal proċeduri speċifikati ser jinbeda mit-talba ta’ utent u ser iseħħ fis-sistema teknika stabbilita mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri (7) (għal aktar dettalji, ara t-Taqsima 3 t’hawn taħt).

Din l-Opinjoni hija risposta għal talba tal-Kummissjoni u talba separata sussegwenti tal-Parlament Ewropew (“Parlament”) lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (“KEPD”), bħala awtorità ta’ sorveljanza indipendenti, biex tingħata opinjoni dwar il-Proposta. Il-KEPD jilqa’ l-fatt li ġie kkonsultat miż-żewġ istituzzjonijiet. L-Opinjoni ssegwi konsultazzjoni informali mill-Kummissjoni tal-KEPD qabel l-adozzjoni tal-Proposta.

Il-KEPD jieħu nota ta’ u jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li jiġu mmodernizzati s-servizzi amministrattivi billi jiġu ffaċilitati d-disponibbiltà, il-kwalità u l-aċċessibbiltà ta’ informazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea. Huwa jenfasizza wkoll, b’mod partikolari, li l-prinċipju ta’ “darba biss” jista’ jikkontribwixxi lejn dawn l-għanijiet, soġġett għall-konformità mal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u b’rispett tad-drittijiet fundamentali tal-individwi.

Il-KEPD japprezza t-tħassib tal-Kummissjoni u tal-Parlament dwar l-impatt li din il-Proposta jista’ jkollha fuq il-protezzjoni ta’ data personali. Huwa jilqa’ l-fatt li ħafna mill-kummenti informali tiegħu ġew ikkunsidrati. B’mod partikolari, huwa jappoġġja:

l-isforzi li saru sabiex jiġi żgurat li l-individwi jibqa’ jkollhom kontroll tad-data personali tagħhom, inkluż billi tiġi rikjesta “talba espliċita tal-utent” qabel ma jsir kwalunkwe trasferiment ta’ evidenza bejn awtoritajiet kompetenti (Artikolu 12(4)), u billi tingħata l-possibbiltà lill-utent li “jara minn qabel” l-evidenza li tkun ser tiġi skambjata (Artikolu 12(2)(e));

l-isforzi li saru biex jiġi definit il-kamp ta’ applikazzjoni materjali għall-prinċipju ta’ “darba biss” (Artikolu 12(1)); u

ir-rekwiżit espliċitu tal-użu ta’ data anonima u/jew aggregata għall-ġbir ta’ rispons tal-utent u statistika rilevanti (Artikoli 21-23);

barra minn hekk, huwa jilqa’ l-emenda proposta tar-Regolament tal-IMI li tikkonferma u taġġorna d-dispożizzjonijiet dwar il-mekkaniżmu ta’ superviżjoni kkoordinata previsti għall-IMI sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti u koerenti (Artikolu 36(6)(b);

finalment, jintlaqgħu wkoll aktar dispożizzjonijiet ġenerali li juru impenn sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-individwi, inkluż id-dritt tal-protezzjoni ta’ data personali, bħal dawk fil-premessi 43 u 44 u l-Artikolu 29.

L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tipprovdi rakkomandazzjonijiet speċifiċi sabiex jiġi indirizzat it-tħassib li jifdal dwar il-protezzjoni tad-data u b’hekk tkompli titjieb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni (ara t-Taqsima 3 hawn taħt). Mit-tliet servizzi gateway elenkati hawn fuq, din l-Opinjoni ser tiffoka fuq “l-aċċess għal proċeduri” (Artikolu 5) u b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet li jirrelataw mal-“iskambju transkonfinali ta’ evidenza bejn awtoritajiet kompetenti” skont l-Artikolu 12, peress li dawn huma l-aktar rilevanti għall-protezzjoni ta’ data personali. Il-bqija tal-Proposta (inklużi d-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-aċċess għal informazzjoni u aċċess għal servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi) ftit li xejn iqajjem tħassib rilevanti. Barra minn hekk, il-KEPD jikkummenta wkoll fil-qosor dwar emendi magħżula li saru fir-Regolament tal-IMI.

Minbarra dan, il-KEPD jixtieq jaħtaf din l-opportunità biex jipprovdi ħarsa ġenerali introduttorja tal-kwistjonijiet ewlenin relatati mal-prinċipju ta’ “darba biss” b’mod ġenerali, minkejja li ħafna minn dan it-tħassib mhuwiex neċessarjament ikkonfermat mill-Proposta fil-forma attwali tagħha (ara t-Taqsima 2 hawn taħt).

4.   KONKLUŻJONIJIET

Il-KEPD jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li jiġu mmodernizzati s-servizzi amministrattivi billi jiġu ffaċilitati d-disponibbiltà, il-kwalità u l-aċċessibbiltà ta’ informazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea u japprezza l-konsultazzjoni u t-tħassib tal-Kummissjoni u tal-Parlament dwar l-impatt li din il-Proposta jista’ jkollha fuq il-protezzjoni ta’ data personali.

Minbarra li jipprovdi rakkomandazzjonijiet speċifiċi sabiex tkompli titjieb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni, huwa jixtieq ukoll jaħtaf din l-opportunità biex jipprovdi ħarsa ġenerali introduttorja tal-kwistjonijiet ewlenin relatati mal-prinċipju ta’ “darba biss” b’mod ġenerali, minkejja li ħafna minn dan it-tħassib mhuwiex neċessarjament ikkonfermat mill-Proposta fil-forma attwali tagħha. Dan jirrelata, b’mod partikolari ma’:

il-bażi ġuridika għall-ipproċessar,

il-limitazzjoni tal-iskop

u d-drittijiet tas-suġġett tad-data.

Il-KEPD jenfasizza li sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni b’suċċess tal-prinċipju ta’ “darba biss” madwar l-Ewropa kollha, u sabiex ikun permess skambju transkonfinali legali ta’ data, il-prinċipju ta’ “darba biss” għandu jiġi implimentat f’konformità mal-prinċipji rilevanti tal-protezzjoni tad-data.

Fir-rigward tal-Proposta nnifisha, il-KEPD jappoġġja:

l-isforzi li saru sabiex jiġi żgurat li l-individwi jibqa’ jkollhom kontroll tad-data personali tagħhom, inkluż billi tiġi rikjesta “talba espliċita tal-utent” qabel ma jsir kwalunkwe trasferiment ta’ evidenza bejn awtoritajiet kompetenti (Artikolu 12(4)), u billi tingħata l-possibbiltà lill-utent li “jara minn qabel” l-evidenza li tkun ser tiġi skambjata (Artikolu 12(2)(e));

l-isforzi li saru biex jiġi definit il-kamp ta’ applikazzjoni materjali għall-prinċipju ta’ “darba biss” (Artikolu 12(1));

barra minn hekk, huwa jilqa’ l-emenda proposta tar-Regolament tal-IMI li tikkonferma u taġġorna d-dispożizzjonijiet dwar il-mekkaniżmu ta’ superviżjoni kkoordinata previsti għall-IMI sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti u koerenti (Artikolu 36(6)(b);

huwa jilqa’ wkoll l-inklużjoni tal-korpi tal-UE fid-definizzjoni tal-atturi tal-IMI fil-Proposta, li jistgħu jgħinu biex il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (“EDPB”) jibbenefika mill-possibbiltajiet tekniċi offruti mill-IMI għal skambju ta’ informazzjoni.

Fir-rigward tal-bażi ġuridika tal-ipproċessar, il-KEPD jirrakkomanda li tiżdied premessa waħda jew aktar sabiex jiġi ċċarat li:

il-Proposta nnifisha ma tipprovdix bażi ġuridika għall-iskambju ta’ evidenza, u li kwalukwe skambju ta’ evidenza skont l-Artikolu 12(1) għandu jkollu bażi ġuridika xierqa band’oħra, bħal fl-erba’ direttivi elenkati fl-Artikolu 12(1) jew taħt il-liġi applikabbli tal-UE jew dik nazzjonali;

il-bażi ġuridika għall-użu tas-sistema teknika speċifikata fl-Artikolu 12 għall-iskambju ta’ evidenza hija t-twettiq ta’ kompitu fl-interess pubbliku skont l-Artikolu 6(1)(e) tal-GDPR; u li

l-utenti għandhom id-dritt li joġġezzjonaw għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom fis-sistema teknika skont l-Artikolu 21(1) tal-GDPR.

Fir-rigward tal-limitazzjoni tal-iskop, il-KEPD jirrakkomanda li tiżdied premessa waħda jew aktar sabiex jiġi ċċarat li:

il-Proposta ma tipprovdix bażi ġuridika għall-użu tas-sistema teknika għal skambju ta’ informazzjoni għall-finijiet għajr dawk previsti fl-erba’ direttivi elenkati jew inkella previsti taħt il-liġi applikabbli tal-UE jew dik nazzjonali;

u li l-Proposta bl-ebda mod ma għandha l-għan li tpoġġi restrizzjoni fuq il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop skont l-Artikoli 6(4) u 23(1) tal-GDPR.

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “talba espliċita”, il-KEPD jirrakkomanda li l-Proposta tiċċara (preferibbilment f’dispożizzjoni sostantiva):

x’inhu dak li jagħmel it-talba “espliċita” u kemm għandha tkun speċifika t-talba:

jekk it-talba tistax tiġi ppreżentata permezz tas-sistema teknika msemmija fl-Artikolu 12(1);

x’inhuma l-konsegwenzi jekk l-utent jagħżel li ma jagħmilx “talba espliċita”, u

jekk tali talba tistax tiġi rtirata. (Għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi, ara t-Taqsima 3.3 t’hawn fuq).

B’rabta mal-kwistjoni ta’ “previżjoni”, il-KEPD jirrakkomanda li:

il-Proposta tiċċara x’inhuma l-għażliet għall-utent li juża l-possibbiltà li “jara minn qabel” id-data li tkun ser tiġi skambjata;

b’mod partikolari, l-Artikolu 12(2)(e) għandu jiċċara li l-utent jingħata possibbiltà ta’ previżjoni f’waqtha qabel ma l-evidenza ssir aċċessibbli għar-riċevitur; u jkun jista’ jirtira t-talba għall-iskambju tal-evidenza (ara wkoll ir-rakkomandazzjonijiet relatati tagħna dwar “talbiet espliċiti”);

dan jista’ jsir, pereżempju, billi fit-tmiem tas-sentenza fl-Artikolu 12(2)(e) jiddaħħlu l-kliem: “qabel ma din issir aċċessibbli għall-awtorità rikjedenti, u jista’ jirtira t-talba fi kwalunkwe ħin”).

Fir-rigward tad-definizzjoni ta’ evidenza u l-firxa ta’ proċeduri onlajn koperti, il-KEPD jirrakkomanda:

li tiġi sostitwita r-referenza għall-Artikolu 2(2)(b) fl-Artikolu 3(4) b’referenza għall-Artikolu 12(1) jew tingħata soluzzjoni leġiżlattiva oħra li tirriżulta f’effett simili;

il-KEPD jenfasizza wkoll li huwa jilqa’ l-isforzi li saru fil-Proposta biex jiġi limitat l-iskambju ta’ informazzjoni għall-proċeduri onlajn elenkati fl-Anness II u l-erba’ direttivi elenkati speċifikament;

għalhekk, huwa jirrakkomanda li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Proposta jibqa’ definit b’mod ċar u jkompli jinkludi l-Anness II u r-referenzi għall-erba’ direttivi elenkati speċifikament.

Finalment, il-KEPD jirrakkomanda:

li l-GDPR jiżdied mal-Anness tar-Regolament tal-IMI sabiex ikun permess l-użu potenzjali tal-IMI għall-finijiet tal-protezzjoni tad-data; u

li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-protezzjoni tad-data jiżdiedu mal-lista ta’ servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi elenkati fl-Anness III.

Brussell, l-1 ta’ Awwissu 2017.

Giovanni BUTTARELLI

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ portal diġitali uniku li jipprovdi informazzjoni, proċeduri, u servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012, COM(2017) 256 final, 2017/0086 (COD) (minn issa ’l quddiem, il-Proposta).

(2)  Memorandum ta’ spjegazzjoni tal-Proposta, p. 2.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1).

(4)  Ara wkoll l-Opinjoni tal-KEPD tat-22 ta’ Novembru 2011 dwar il-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern

(“IMI”) disponibbli fuq https://edps.europa.eu/sites/edp/files/publication/11-11-22_imi_opinion_mt.pdf

(5)  Ara wkoll l-Artikolu 14 tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-qafas legali u operattiv tal-e-Card Ewropea tas-servizzi introdotta bir-Regolament… [ir-Regolament tal-ESC], COM(2016) 823 final, 2016/0402(COD).

(6)  Il-Premessa 28 tal-Proposta.

(7)  L-Artikolu 12(1) u (4) tal-Proposta.


Top