Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IR1412

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-implimentazzjoni tal-ftehim globali dwar il-klima — approċċ territorjali għall-COP22 f’Marrakesh

    ĠU C 88, 21.3.2017, p. 43–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.3.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 88/43


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-implimentazzjoni tal-ftehim globali dwar il-klima — approċċ territorjali għall-COP22 f’Marrakesh

    (2017/C 088/09)

    Relatur:

    Francesco Pigliaru (IT/PSE) President tar-Reġjun ta’ Sardinja

    Dokument ta’ referenza:

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    1.

    Il-Ftehim ta’ Pariġi huwa kisba konsiderevoli peress li huwa universali, vinkolanti u bbilanċjat. Huwa jstabbilixxi pjan ta’ azzjoni globali li trażżan iż-żieda fit-temperatura f’dan is-seklu għal ferm taħt iż-2 oC u li tixpruna l-isforzi biex iż-żieda tiġi limitata aktar għal 1,5 oC meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Dan huwa partikolarment importanti peress li r-rotta deskritta għad-dekarbonizzazzjoni tipprovdi gwida affidabbli għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli kollha, tevita l-intrappolament f’investimenti fil-karbonju bi spejjeż kbar, u tipprovdi ċertezza u direzzjoni ċara għan-negozji u l-investituri. It-22 Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC COP22) se jkollha l-għan li żżomm il-momentum pożittiv mill-Ftehim ta’ Pariġi u timplimenta l-mekkaniżmi varji tal-ftehim.

    2.

    Madankollu, anke jekk jiġi implimentat kompletament, il-wegħdiet attwali tal-Partijiet mhumiex ser ikunu biżżejjed biex jintlaħaq il-livell tal-miri maqbula. Azzjoni msaħħa se jkollha tiġi mir-reġjuni u l-bliet, li huma relatati mill-qrib mal-komunitajiet lokali u t-territorji, filwaqt li l-Partijiet għandhom iressqu l-kontributi aġġornati tagħhom mill-iktar fis — kemm jista’ jkun kmieni fil-kuntest tad-djalogu ta’ faċilitazzjoni fl-2018. Fir-rigward tal-UE, b’mod partikolari, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jsostni l-pożizzjoni preċedenti tiegħu dwar il-bżonn ta’ tnaqqis ta’ 50 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2030 bl-għan li l-emissjonijiet globali ta’ gassijiet b’effett ta’ serra għandhom jilħqu l-quċċata tagħhom mill-aktar fis possibbli u għandhom jitneħħew gradwalment sal-2050 jew sa ftit wara.

    3.

    L-UE, bis-sistema żviluppata ħafna tagħha ta’ governanza f’diversi livelli, għandha responsabbiltà partikolari biex turi tmexxija maqgħuda u ambizzjuża fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima; għalhekk il-KtR jilqa’ b’sodisfazzjon ir-ratifika f’waqtha tal-ftehim ta’ Pariġi mill-UE u jistieden lill-Istati Membri li għadhom m’għamlux dan li jirratifikawh mill-aktar fis possibbli. Il-KtR jappella wkoll lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jaġġornaw u jispeċifikaw il-Qafas tal-2030 u l-Pjan Direzzjonali 2050 biex b’hekk jikkonformaw mal-obbligu tal-Ftehim għat-tfassil ta’ strateġiji ta’ żvilupp għal livelli baxxi ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra għat-tul sa nofs is-seklu; dan il-proċess għandu jibda kemm jista’ jkun malajr, sabiex jippermetti dibattitu komprensiv, fejn l-awtoritajet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll is-soċjetà ċivili u s-settur tan-negozju għandhom ikunu involuti mill-qrib.

    Governanza f’diversi livelli

    4.

    Il-Ftehim ta’ Pariġi għaraf l-importanza tal-governanza f’diversi livelli fil-politika tal-klima. Dan il-prinċipju issa għandu jitpoġġa fil-prattika fil-livelli kollha ta’ gvern sabiex jiġu żviluppati konnessjonijiet u biex jiġu eliminati d-differenzi eżistenti bejn il-livell nazzjonali, reġjonali u lokali tal-politiki dwar it-tibdil fil-klima, flimkien ma’ qafas ta’ trasparenza akbar u l-iżvilupp tal-istrumenti meħtieġa għal analiżi tal-bilanċ globali, għal fehim aħjar tal-impatt differenzjat tat-tibdil fil-klima, it-telf u l-ħsara, u għal miżuri xierqa ta’ appoġġ għall-finanzjament u l-kapaċità fir-rigward tal-klima.

    5.

    Għalhekk, il-KtR jappella għal aktar żvilupp tal-Aġenda tal-Azzjoni Lima-Pariġi (LPAA) u tal-pjattaforma korrispondenti tagħha, iż-Żona ta’ Atturi Mhux Statali għal Azzjoni Dwar il-Klima (NAZCA). Dawn jistgħu jiġu integrati bis-sħiħ fis-Segretarjat tal-UNFCCC permezz tal-Aġenda ta’ Azzjoni Globali dwar il-Klima li tnediet reċentement mill-promoturi tal-klima (Climate Champions) (1) li għadhom kif inħatru. Dan għandu, imbagħad, isir il-bażi għal governanza f’diversi livelli vera u proprja dwar l-azzjoni klimatika, kif innutat ukoll fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew.

    6.

    Bħala l-akbar kontributuri għal-LPAA u n-NAZCA, ir-reġjuni u l-bliet diġà wrew il-kobor tal-impenn tagħhom lejn il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-potenzjal tagħhom għal aktar azzjoni. Inizjattivi volontarji, bħalma huma l-Patt tas-Sindki tal-UE u l-Memorandum ta’ Ftehim dwar “taħt iż-2 oC”, huma partikolarment ta’ valur miżjud għax jikkontribwixxu għal-LPAA u n-NAZCA b’data kwantifikata u juru ambizzjoni akbar minn leġislaturi nazzjonali. Il-kontribut ta’ dawn l-inizjattivi biex iħeġġu azzjoni fil-livelli kollha għandu jiġi rikonoxxut u mħeġġeġ minn gvernijiet sottonazzjonali u nazzjonali, kif ukoll mill-organizzazzjonijiet intergovernattivi. L-isforzi tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati u inklużi fi ħdan il-Kontributi Determinati fil-Livell Nazzjonali rispettivi, kif diġà huwa l-każ għall-Messiku pereżempju. Għandhom jitrawmu wkoll inizjattivi oħra ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar, u mekkaniżmi biex jitkejjel it-tnaqqis tal-emissjonijiet u biex jiġu evalwati l-politiki għall-mitigazzjoni u l-adattament.

    Integrazzjoni aħjar tar-reġjuni u l-bliet fi ħdan l-UNFCCC

    7.

    Tinħtieġ ukoll integrazzjoni aħjar tar-reġjuni u l-bliet fi ħdan il-proċess tal-UNFCCC u din tkun tippermetti rispons mil-livell lokali sabiex jiġi mgħoddi lura lejn il-livell tan-NU fil-ħin. Il-pajjiżi jkollhom aċċess għall-aqwa informazzjoni li tippermettilhom jagħmlu deċiżjonijiet kosteffettivi li jistgħu jiġu implimentati minn reġjuni u bliet fuq il-post. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi stabbilit djalogu permanenti u dirett bejn il-livelli differenti, li jibdew mil-livell lokali u reġjonali.

    8.

    Miżuri biex jissaħħaħ dan id-djalogu jinkludu:

    skambji regolari bejn ir-rappreżentanti tal-bliet u r-reġjuni u l-presidenzi tal-COP, il-promoturi tal-klima, kif ukoll is-Segretarjat tal-UNFCCC;

    djalogi trilaterali li jinvolvu l-bliet, ir-reġjuni u l-Partijiet fil-qafas tal-istrutturi tal-UNFCCC u b’mod partikulari matul il-COPs;

    laqgħat ta’ informazzjoni ta’ kuljum tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill għall-KtR matul il-COPs;

    skambji regolari mal-Parlament Ewropew (PE), notevolment id-delegazzjoni tal-PE fil-COPs;

    Il-parteċipazzjoni tal-Partijiet (il-pajjiżi) fil-laqgħat tal-grupp informali tal-Ħbieb tal-Bliet.

    Fil-livell tal-UE

    9.

    Wara l-COP21, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill qed jikkollaboraw dejjem iżjed mal-KtR biex jintegraw aħjar approċċ lokali għal-leġislazzjoni tal-UE — notevolment permezz tal-Aġenda Urbana tal-UE. Barra minn hekk, il-pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi fl-UE jħaddan bis-sħiħ il-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli.

    10.

    Il-Kummissjoni Ewropea tat ukoll bidu għall-estensjoni u t-tisħiħ tal-Patt tas-Sindki tal-UE. Issa jinkludi komponent ta’ adattament minbarra li qed jiġi żviluppat f’bosta partijiet tad-dinja.

    11.

    Mill-perspettiva tal-KtR, huwa importanti ħafna li nkomplu nżidu fuq dan l-għarfien u li jiġi żgurat approċċ bilanċjat li jirrikonoxxi l-kontributi distinti kemm tar-reġjuni kif ukoll tal-bliet f’dan il-kuntest.

    12.

    Il-KtR jixtieq jenfasizza li l-prinċipju ta’ governanza f’diversi livelli huwa inklużiv u kosteffettiv għaliex jippermetti lil-livelli kollha tal-gvern jikkoordinaw l-isforzi tagħhom, u permezz ta’ dan, jimmassimizzaw il-potenzjal tagħhom biex tittieħed azzjoni.

    13.

    Ir-reġjuni għandhom rwol ċentrali billi jipprovdu l-kuntest għal politiki urbani fi ħdan territorju akbar u li dawn jabbinawhom ma’ politiki oħrajn bħall-forestrija, l-infrastruttura favur l-ambjent u dik marina, il-koeżjoni territorjali u l-agrikoltura. Din il-funzjoni tar-reġjuni hija partikolarment importanti fl-UE peress li t-territorju huwa magħmul minn bliet żgħar u ta’ daqs medju, li spiss ikollhom riżorsi u kapaċità limitati biex jieħdu azzjoni. Ir-reġjuni jgħinu biex jevitaw id-duplikazzjoni tal-isforzi li ġġib magħha spejjeż kbar, u biex jiżguraw koeżjoni wiesgħa bejn iż-żoni urbani u dawk mhux urbani.

    14.

    Il-Patt tas-Sindki tal-UE, pereżempju, jinkludi bosta reġjuni bħala koordinaturi reġjonali. Dawn jistgħu jagħtu s-setgħa lil diversi bliet fl-istess ħin biex isiru parti minn dan il-Patt.

    15.

    Għalhekk, il-KtR jinnota r-rwol kruċjali tar-reġjuni fl-Istati Membri fl-ixprunar ta’ dan it-tip ta’ koordinazzjoni vertikali bejn il-livelli kollha ta’ gvern.

    16.

    Fl-Italja, pereżempju, xi reġjuni stabbilixxew bord interreġġjonali dwar l-adattament għall-klima. Il-bord ilaqqa’ flimkien il-gvern nazzjonali u r-reġjuni kollha. Dan jiżgura li l-istrateġija Taljana dwar l-adattament, li kienet żviluppata fuq il-bażi tal-Istrateġija Ewropea dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, ser tiġi implimentata fil-livell reġjonali.

    Ir-reġjuni huma responsabbli wkoll biex jgħinu lill-bliet fit-territorji tagħhom biex jibnu pjani ta’ adattament lokali kif xieraq.

    17.

    Abbażi ta’ dan l-eżempju, il-KtR jistieden lir-reġjuni tal-UE biex juru attitudni ta’ tmexxija fl-implimentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali u tal-UE dwar il-klima, u biex iwettqu l-bidla fil-livell lokali. Huwa jappella wkoll lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jintegraw dan ir-rwol fid-definizzjoni tagħhom ta’ governanza inklużiva dwar il-klima u l-enerġija, kif ukoll fi ħdan l-istrateġija tagħhom għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi. Dan għandu jinkludi l-ħtieġa li jiġi kkunsidrat ir-rwol ta’ “koordinaturi reġjonali” fil-kuntest tal-Patt tas-Sindki waqt it-tfassil ta’ għodod ġodda ta’ appoġġ għall-firmatarji.

    Koordinazzjoni orizzontali

    18.

    Minbarra l-koordinazzjoni vertikali, il-KtR jemmen li jeħtieġ li l-koordinazzjoni orizzontali bejn politiki differenti ssir aktar fil-fond. L-inklużjoni tal-klima fil-politiki kollha se tippermetti lill-popolazzjonijiet lokali jibbenefikaw minn ħafna benefiċċji konġunti bħalma huma l-kwalità ogħla tal-ħajja u l-impjiegi lokali. Dan jippermetti wkoll li jinħolqu sinerġiji u jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ azzjoni. Pereżempju, huwa stmat li l-pakkett tal-ekonomija ċirkolari tal-UE jista’ jgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra bi 2 sa 4 % kull sena (2) jekk jiġi implimentat kif xieraq. Il-KtR għalhekk jappella lill-COP22 biex tindirizza r-rwol ewlieni tat-tnaqqis fl-isfruttar tal-materja prima u tal-ġestjoni sostenibbli tal-iskart fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

    19.

    Għaldaqstant il-KtR jistieden lir-reġjuni u l-bliet biex ikunu minn ta’ quddiem fil-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet. Wieħed jista’ jinnota l-mudell li rnexxa tal-kumitat transamministrattiv għall-iżvilupp sostenibbli ta’ Espoo, il-Finlandja. Mhux l-anqas bis-saħħa ta’ dan l-approċċ integrat, Espoo reċentement ġiet ikklassifikata bħala l-aktar belt sostenibbli fl-UE skont studju mitlub mill-Presidenza Netherlandiża tal-UE.

    20.

    Lil hinn minn kooperazzjoni orizzontali fil-livelli lokali u reġjonali, għandu jiġi evitat ukoll il-ħsieb kompartamentalizzat meta jitfasslu l-miżuri ta’ appoġġ tal-UE disponibbli għar-reġjuni u l-bliet. Għal dan l-għan, il-KtR jistenna bil-ħerqa l-punt uniku ta’ kuntatt imħabbar mill-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tagħha “Wara Pariġi”, u jenfasizza wkoll l-importanza ta’ dan is-servizz fl-indirizzar tal-ħtiġijiet ta’ reġjuni.

    Il-kontribut tal-Kumitat tar-Reġjuni

    21.

    Fit-tħejjija għall-COP22 u lil hinn, il-KtR jimpenja ruħu li jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill fl-isforzi tagħhom biex l-implimentazzjoni tal-Ftehim tkun waħda ta’ suċċess f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew.

    22.

    Il-KtR għandu l-għan li jkun newtrali mil-lat tal-karbonju bħala istituzzjoni, u se jkun f’kuntatt mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, partikolarment mal-Parlament Ewropew f’dan l-isforz.

    23.

    Fi ħdan l-UE, il-KtR huwa impenjat sabiex ir-reġjuni u l-bliet jiġu infurmati dwar ir-rwol ewlieni tagħhom fit-titjib tal-azzjoni klimatika u dwar il-mekkaniżmi kollha li jiffaċilitaw l-appoġġ għall-azzjoni minn isfel għal fuq.

    24.

    Il-KtR, bħala sostenitur qawwi tal-Patt tas-Sindki tal-UE, qed jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni fl-inizjattiva fost il-membri tiegħu u ħoloq ukoll Grupp ta’ ambaxxaturi tal-Patt tal-KtR biex jippromovu l-inizjattiva fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.

    25.

    Għalhekk il-KtR huwa impenjat ukoll li jmexxi bl-eżempju. Huwa jagħmel parti mill-Iskema ta’ Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS) u jwiegħed li jkompli bl-isforzi tiegħu flimkien mal-amministrazzjoni u l-membri tiegħu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju tiegħu u jnaqqas il-konsum tiegħu tal-fjuwils fossili. Għal dan l-għan, il-KtR ser jesplora kif jista’ jikkumpensa għall-emissjonijiet inevitabbli tal-gassijiet b’effett ta’ serra kkawżati minn vjaġġi tal-membri u l-persunal tiegħu. Dan jimplika l-kalkolu tal-marka tal-karbonju tal-KtR, inklużi l-missjonijiet u l-laqgħat esterni kollha f’dan il-kalkolu. Il-kumpens għal emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra għandu jiffinanzja proġetti sostenibbli fi ħdan l-UE. It-teknoloġiji ġodda bħal vidjokonferenzi għandhom jintużaw b’mod aktar mifrux, inkluż fil-laqgħat tal-kummissjonijiet tal-KtR.

    26.

    Bil-ħsieb li ma jibqax juża l-karti, il-KtR għandu jsegwi l-eżempju tal-Parlament Ewropew li m’għadux jistampa fajls għas-sessjonijiet plenarji u l-laqgħat tal-kummissjonijiet, sakemm il-membri ma jitolbuhomx speċifikament jew ma jkunux meħtieġa dokumenti stampati għal raġunijiet imperattivi oħra.

    27.

    Lil hinn mill-fruntieri tal-UE, il-KtR huwa impenjat li jaħdem f’koordinazzjoni mad-DĠ CLIMA, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Istati Membri fil-qafas tan-Netwerk Diplomatiku Ekoloġiku li jappoġġja l-implimentazzjoni tal-wegħdiet eżistenti minn Partijiet li Mhumiex fl-UE u jħeġġiġhom jieħdu impenji ġodda li jixbhu lil dawk li ttieħdu mill-Unjoni Ewropea.

    28.

    B’mod partikolari, il-KtR ser juża l-istrutturi tiegħu bħalma huma l-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja, il-Konferenza tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali għas-Sħubija tal-Lvant, it-Task Force dwar l-Ukrajna u l-Kumitati Konsultattivi Konġunti u l-Gruppi ta’ Ħidma ma’ pajjiżi kandidati u prekandidati sabiex iżomm il-politika tal-klima bħala prijorità għolja fuq l-aġenda politika u jappoġġja l-implimentazzjoni tagħha mill-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar id-dinja.

    29.

    Il-KtR ser jimpenja ruħu b’mod attiv fi ħdan il-MEDCOP22 organizzata f’Tanġier biex ikompli jagħti s-setgħa lill-bliet u r-reġjuni taż-żona biex jieħdu azzjoni dwar il-klima u l-enerġija B’mod partikulari huwa ser jappoġġja l-enfasi fuq il-finanzjament u l-bini tal-kapaċità għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fiż-żona Ewro-Mediterranja, u ser iressaq dawn il-kwistjonijiet għall-attenzjoni tad-delegazzjoni tal-UE għall-COP22.

    30.

    B’mod partikolari, il-KtR ser jgħin biex jippromovi l-Patt tas-Sindki fil-livell globali, l-ewwel bil-Patt tas-Sindki Ewro-Mediterranju u possibbilment bil-Patt tas-Sindki tal-Lvant fl-2016.

    31.

    Il-KtR ser ikompli wkoll l-impenn tiegħu fil-livell tal-UNFCCC biex jappoġġja l-pożizzjoni ambizzjuża tad-delegazzjoni tal-UE dwar il-klima u b’mod speċjali l-mudell tal-UE ta’ governanza f’diversi livelli fost l-imsieħba tiegħu mill-grupp ewlieni tal-gvernijiet lokali u l-awtoritajiet muniċipali.

    L-għoti ta’ setgħa lill-komunitajiet tagħna

    32.

    Minħabba d-daqs tal-azzjoni meħtieġa fir-rigward tal-klima, ilkoll għandna bżonn nibdlu l-mod kif nipproduċu u nikkunsmaw. Bħala riżultat, sabiex tinbena l-aċċettazzjoni pubblika għal dawn il-bidliet profondi, ir-reġjuni u l-bliet ser ikollhom responsabilità ewlenija li jżommu kuntatt maċ-ċittadini u jagħtuhom is-setgħa biex ikollhom rwol attiv f’din it-tranżizzjoni.

    33.

    Kemm ir-reġjuni kif ukoll il-bliet għandhom rwol kruċjali biex tiġi ffaċilitata d-disseminazzjoni tal-informazzjoni dwar bidla fl-imġiba u miżuri ta’ appoġġ għall-azzjoni individwali fir-rigward tal-klima.

    34.

    Ir-reġjuni u l-bliet għandhom jidentifikaw u jneħħu l-ostakli li jipprevjenu liċ-ċittadini milli jipparteċipaw bis-sħiħ fit-tranżizzjoni lejn soċjetajiet b’użu baxx ta’ karbonju u reżiljenti permezz ta’ koordinazzjoni ma’ livelli ogħla tal-gvern (nazzjonali, tal-UE u globali).

    35.

    Sħubijiet fit-tul tal-bliet u r-reġjuni mal-kumpaniji, l-universitajiet, il-komunitajiet lokali, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u l-iskejjel huma essenzjali biex tiġi promossal-azzjoni fir-rigwad tal-klima.

    36.

    Għaldaqstant il-KtR jistieden lir-reġjuni u l-bliet biex jaqdu r-rwol tagħhom li jippromovu proġetti b’diversi atturi fil-livell sottonazzjonali sabiex tinħoloq kultura għall-iżvilupp sostenibbli li ser issaħħaħ l-isforzi fil-livelli nazzjonali u Ewropej, filwaqt li jenfasizza li hemm differenzi kbar f’termini tal-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltà marbuta mat-tibdil fil-klima fost partijiet differenti tal-UE u bejn ir-reġjuni u l-bliet.

    Fokus fuq ir-riċerka

    37.

    Ir-rwol tar-riċerka fil-formulazzjoni ta’ tweġibiet politiċi xierqa għall-isfida tal-bidla fil-klima huwa kruċjali. Rabtiet mill-qrib mad-dinja akkademika se jikkontribwixxu għal tfassil tajjeb ta’ politika b’deċiżjonijiet ibbażati fuq parir espert affidabbli.

    Għaldaqstant il-KtR jistieden lir-reġjuni u l-bliet biex jibnu rabtiet mill-qrib ma’ universitajiet u ċentri ta’ riċerka fi ħdan it-territorji tagħhom u lil hinn minnhom u biex jappoġġjaw il-kooperazzjoni interreġjonali f’dawn l-oqsma.

    38.

    Il-koproduzzjoni tal-għarfien minn fażi bikrija u analiżi trasversali bejn dawk li jfasslu l-politika u l-akkademiċi ser trawwem il-kooperazzjoni fl-identifikazzjoni tal-problemi u s-soluzzjoni konġunta tal-problemi tul iċ-ċiklu kollu tal-proċess tar-riċerka u t-tfassil ta’ politika.

    39.

    Il-KtR jinnota b’sodisfazzjon li d-deċiżjoni reċenti mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima biex jabbozza rapport speċjali dwar il-Bliet u l-Klima fl-2023 se tixpruna aktar riċerka minn issa dwar l-importanza tal-bliet fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Huwa jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tieħu sehem attiv fit-tfassil ta’ dan ir-rapport u tinvolvi lill-KtR f’dan il-proċess, kif ukoll tippromovi viżjoni territorjali f’diversi livelli tal-azzjoni klimatika. B’mod partikolari, il-KtR jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tippromovi r-riċerka f’dawn l-oqsma sabiex tikkontribwixxi b’mod kostruttiv lejn ir-rapport speċjali li ser jintuża fid-diskussjonijiet futuri tal-UNFCCC, b’mod partikolari l-bilanċ globali li ser jivvaluta l-istat ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi sal-2023.

    40.

    Il-KtR jippromovi l-inklużjoni tar-rappreżentanti tar-riċerka fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-politiki ta’ adattament u ta’ mitigazzjoni.

    Soċjetajiet reżiljenti

    41.

    Huwa importanti li l-Ftehim ta’ Pariġi jirrikonoxxi l-impatt pożittiv importanti tal-adattament fuq il-miżuri ta’ mitigazzjoni.

    42.

    Il-KtR ser jabbozza opinjoni separata li tiffoka fuq ir-reviżjoni tal-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima li hija ppjanata għall-2017. F’dan il-kuntest, il-KtR jappella għal impenn qawwi lejn l-integrazzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni u adattament, kif ukoll li l-adattament jiġi integrat fil-politiki rilevanti kollha.

    43.

    Il-KtR jinnota li minħabba l-effetti negattivi potenzjali tat-tibdil fil-klima fuq il-persuni u l-assi, ir-reġjuni u l-bliet għandhom jingħataw is-setgħa biex tiżdied ir-reżiljenza tagħhom malajr kemm jista’ jkun. Madankollu, il-KtR jisħaq li l-adattament għat-tibdil fil-klima jitlob kooperazzjoni vertikali u orizzontali, u li r-reġjuni u l-bliet jeħtieġu wkoll li jkunu konnessi sabiex jadattaw għat-tibdil fil-klima.

    44.

    Il-KtR jilqa’ b’sodisfazzjon il-preżentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri 2015-2030 tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll l-integrazzjoni tar-reżiljenza għad-diżastri fi ħdan il-Ftehim tal-COP21. Ir-rabtiet bejn il-bini ta’ infrastruttura reżiljenti u l-adattament għat-tibdil fil-klima għandhom jiġu msaħħa aktar sabiex tiġi promossal-koordinazzjoni transsettorjali bejn is-servizzi tal-protezzjoni ċivili u l-azzjonijiet tal-adattament għall-klima fil-livelli kollha.

    45.

    Il-KtR jappella għal aktar sensibilizzazzjoni u mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ adattament nazzjonali li jkunu orjentati għal reġjun. L-iżvilupp tagħhom fi pjani ta’ azzjoni reġjonali koerenti u ‘l isfel sal-livell lokali għandu jkun immonitorjat mill-qrib b’miri ċari stabbiliti fil-livell tal-UE li għandhom jintlaħqu f’intervalli regolari.

    Finanzjament għall-azzjoni tar-reġjuni u l-bliet tal-UE dwar it-tibdil fil-klima

    46.

    Il-kwistjoni tal-iffinanzjar u tal-aċċess għal finanzjament, b’mod partikolari għar-reġjuni u l-bliet, hija fundamentali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi.

    47.

    Għalkemm hemm diversi opportunitajiet ta’ finanzjament fi ħdan l-UE, ir-reġjuni u l-bliet jiffaċċjaw diversi ostakli, li jwaqqfuhom milli jkollhom aċċess għall-miżuri ta’ appoġġ disponibbli fil-livell tal-UE, kemm mill-fondi tal-UE kif ukoll mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).

    Wara ħafna dibattiti fi ħdan il-KtR u ma’ partijiet interessati differenti, il-KtR jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, il-BEI u l-Istati Membri jiffukaw fuq l-iżvilupp ta’ kapaċità amministrattiva xierqa bejn il-bliet u r-reġjuni, sabiex jittieħed vantaġġ sħiħ tal-opportunitajiet ta’ finanzjament pubbliċi u privati disponibbli fil-livell tal-UE, partikolarment għal entitajiet territorjali iżgħar.

    48.

    L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jagħmlu wkoll sforz partikolari biex jikkomunikaw u jipprovdu informazzjoni dwar dawn l-opportunitajiet differenti. Il-KtR jimpenja ruħu li jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea u lill-BEI biex jiżviluppaw l-għodod ta’ komunikazzjoni mmirati meħtieġa.

    49.

    Il-KtR huwa mħasseb ukoll dwar l-użu potenzjalment ineffiċjenti tal-fondi strutturali f’diversi Stati Membri. Filwaqt li 20 % tal-baġit tal-UE huwa ddedikat għal azzjoni klimatika, fil-proġetti ffinanzjati mill-fondi strutturali ma jiġix applikat jew verifikat b’mod sistematiku kriterju dwar il-klima, u dan ifisser li hemm periklu li l-fondi tal-UE jintużaw għal proġetti li jmorru kontra l-għanijiet klimatiċi tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jkunu attenti u jinvestigaw dawn il-kwistjonijiet u jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa, filwaqt li jżommu f’moħħhom il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika u d-dritt tal-Istati Membri li jagħżlu bejn sorsi ta’ enerġija differenti.

    50.

    Il-KtR jitlob li l-Istati Membri jonoraw l-impenn tagħhom biex gradwalment ineħħu s-sussidji li huma ta’ ħsara għall-ambjent. Barra minn hekk, il-KtR iqis li r-riforma kontinwa tal-ETS għandha tirriżulta fl-iffissar ta’ prezz ġust tal-karbonju, li ma jkunx ta’ ħsara għall-kompetittività tal-Istati Membri, u f’mekkaniżmu li jippermetti lir-reġjuni jappoġġjaw l-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Il-KtR jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill għall-eżempju ta’ suċċess tas-suq tal-karbonju stabbilit bejn California u Quebec. Biljuni ta’ dollari issa qed jiġu investiti mill-ġdid fl-ekonomija lokali biex jappoġġjaw lill-kumpaniji, il-bliet u ċ-ċittadini fit-tranżizzjoni lejn ekonomiji b’livell baxx ta’ karbonju. Il-KtR jitlob li l-UE tieħu spunt minn dan l-eżempju fl-allokazzjoni ta’ kwoti. Huwa jitlob li l-Istati Membri jippermettu lir-reġjuni jaqdu rwol attiv fis-sistema għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS), notevolment billi jimmaniġġjaw parti mid-dħul mill-irkant u jerġgħu jinvestuh fi proġetti sostenibbli.

    51.

    Jeħtieġ li l-UE tissorvelja l-leġislazzjoni tagħha stess sabiex jiġi ffaċilitat l-investiment fl-enerġija rinnovabbli; eżempju ta’ dan huwa li livell iżjed baxx ta’ taxxa tal-bijofjuwils attwalment jitqies bħala għajnuna mill-Istat, li tingħata esklużivament bħala eżenzjoni għal perjodu limitat ta’ żmien, u jwassal għal kundizzjonijiet inċerti ta’ investiment u piżijiet amministrattivi għall-manifatturi u l-fornituri tal-fjuwils rinnovabbli.

    Minħabba l-iskala kbira ta’ finanzjament meħtieġ, ir-reġjuni u l-bliet jeħtieġ li jattiraw kemm il-finanzjament pubbliku kif ukoll dak privat. Għad hemm potenzjal kbir mhux sfruttat għan-negozju f’setturi relatati mal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi.

    52.

    Għaldaqstant il-KtR jistieden lir-reġjuni u l-bliet biex jappoġġjaw bidla fil-mentalità minn “għoti ta’ fondi” għal “finanzjament” ta’ pjani tan-negozju vijabbli għal żvilupp sostenibbli.

    53.

    Għal dan l-għan, għandu jissaħħaħ id-djalogu bejn is-settur pubbliku u dak privat. Barra minn hekk, ir-reġjuni u l-bliet għandhom jaħdmu mal-BEI u s-settur bankarju b’mod aktar wiesa’ sabiex jiżdied l-għarfien tagħhom dwar mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi għal proġetti reżiljenti u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.

    F’dan il-kuntest, il-KtR jinsisti li ċ-ċertezza u l-prevedibbiltà regolatorji għandhom ikunu prerekwiżiti ewlenin sabiex tali proġetti jkunu jistgħu jitwettqu. Il-KtR jenfasizza wkoll l-importanza li jiġu kondiviżi prattiki tajba dwar l-integrazzjoni ta’ kriterji ta’ sostenibbiltà fis-settur finanzjarju. Il-prodotti finanzjarji għandhom jiġu evalwati u ttikkettati fir-rigward tal-esponiment tagħhom għar-riskji relatati mal-klima kif ukoll il-kontribut tagħhom għal tranżizzjoni lejn livell baxx ta’ karbonju, sabiex l-investituri pubbliċi u privati jingħataw gwida.

    Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Markku MARKKULA


    (1)  http://newsroom.unfccc.int/climate-action/global-climate-action-agenda/

    (2)  “Circular Economy Package 2.0: Some ideas to complete the circle” Marzu 2015, Uffiċċju Ewropew għall-Ambjent (EEB) http://www.eeb.org/index.cfm?LinkServID 2E1B48-5056-B741-DB594FD34CE970E9


    Top