Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0244

    Kawża T-244/16: Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Mejju 2016 – Yanukovych vs Il-Kunsill

    ĠU C 243, 4.7.2016, p. 49–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.7.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 243/49


    Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Mejju 2016 – Yanukovych vs Il-Kunsill

    (Kawża T-244/16)

    (2016/C 243/55)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Viktor Fedorovych Yanukovych (Kiev, l-Ukrajna) (rappreżentant: T. Beazley, QC)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/318, tal-4 ta’ Marzu 2016, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 60, p. 76), sa fejn din tapplika għar-rikorrent;

    tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/311, tal-4 ta’ Marzu 2016, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 60, p. 1), fuq il-bażi li dan jonqos milli jirrevoka r-Regolament Nru 208/2014, sa fejn dan japplika għar-rikorrent;

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (“il-Kunsill”) ma kellux bażi legali xierqa għall-miżuri kkontestati. L-ewwel nett, il-miżuri kkontestati ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jippermettu lill-Kunsill jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 29 TUE. Fost oħrajn: (i) il-Kunsill b’mod espress invoka għanijiet (konsolidazzjoni tal-Istat tad-dritt u rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna) li huma biss affermazzjonijiet vagi li ma jistgħux jikkostitwixxu b’mod leġittimu bażi valida għal dawn il-miżuri; (ii) il-bażi li l-Kunsill qiegħed jipprova jinvoka ma fiha l-ebda konnessjoni suffiċjenti mal-livell xieraq ta’ stħarriġ ġudizzjarju meħtieġ miċ-ċirkustanzi preżenti; u (iii) l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fuq ir-rikorrent fil-verità tappoġġja u tilleġittimizza l-imġiba tar-reġim Ukren il-ġdid, li huwa stess qiegħed jimmina ċ-ċertezza legali u l-istat tad-dritt, u li huwa stess qiegħed jikser id-drittijiet tal-bniedem u huwa lest jiksirhom b’mod sistematiku. It-tieni nett, il-kundizzjonijiet li jippermettu l-invokazzjoni tal-Artikolu 215 TFUE ma kinux issodisfatti, peress li ma kienet teżisti ebda deċiżjoni valida taħt il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-tielet nett, ma kienet teżisti ebda rabta suffiċjenti sabiex l-Artikolu 215 TFUE jkun jista’ jiġi invokat kontra r-rikorrent.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq li l-Kunsill wettaq użu ħażin tal-poteri tiegħu. L-għan reali mfittex mill-Kunsill fl-implementazzjoni tal-miżuri kkontestati essenzjalment kien jikkonsisti f’tentattiv li jintgħoġob mar-reġim Ukren attwali (sabiex l-Ukrajna tkun tista’ tidħol f’rabtiet iktar mill-qrib mal-Unjoni Ewropea), u ma humiex l-għanijiet/raġunijiet indikati fil-miżuri kkontestati.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni min-naħa tal-Kunsill. L-“espożizzjoni tal-motivi” adottata fil-miżuri kkontestati sabiex jiġi inkluż ir-rikorrent (minbarra li hija żbaljata) hija standardizzata, mhux xierqa u mhux iddettaljata b’mod adegwat.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li r-rikorrent ma jissodisfax il-kriterji speċifikati sabiex persuna tiġi inkluża fiż-żmien rilevanti.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq li l-Kunsill wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta inkluda lir-rikorrent fil-miżuri kkontestati. Meta nnomina lir-rikorrent mill-ġdid minkejja n-nuqqas evidenti ta’ konnessjoni bejn l-“espożizzjoni tal-motivi” u l-kriterji ta’ nomina rilevanti, il-Kunsill wettaq żball manifest.

    6.

    Is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent u/jew fuq il-fatt li dan tal-aħħar ġie mċaħħad minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fost affarijiet oħra, il-Kunsill naqas milli jikkonsulta lir-rikorrent b’mod xieraq qabel ma nnominah mill-ġdid, u r-rikorrent ma ngħatax il-possibbiltà li jibbenefika minn opportunità xierqa u ġusta li jikkoreġi xi żbalji jew li jipprovdi informazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi personali tiegħu.

    7.

    Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet għall-proprjetà tar-rikorrent sanċiti bl-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn, fost oħrajn, il-miżuri restrittivi jikkostitwixxu restrizzjoni inġustifikata u sproporzjonata ta’ dawn id-drittijiet, għaliex inter alia: (i) ebda informazzjoni ma tissuġġerixxi li fondi li allegatament ġew misapproprjati mir-rikorrent huma meqjusa li ġew ittrasferiti barra mill-Ukrajna, u (ii) la huwa neċessarju u lanqas xieraq li l-assi kollha tar-rikorrent jiġu ffriżati peress li l-awtoritajiet Ukreni issa kkwantifikaw il-valur tat-telf allegatament mitlub fil-kuntest ta’ azzjonijiet kriminali kontra r-rikorrent.


    Top