EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AE2913

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ organiżmi ġenetikament modifikati fit-territorju tagħhom” (Programm kontinwu) (COM(2015) 177 final – 2015/0093 (COD))

ĠU C 13, 15.1.2016, p. 203–207 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 13/203


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ organiżmi ġenetikament modifikati fit-territorju tagħhom”

(Programm kontinwu)

(COM(2015) 177 final – 2015/0093 (COD))

(2016/C 013/30)

Relatur:

is-Sur José María ESPUNY MOYANO

Korelatur:

is-Sur Martin SIECKER

Nhar it-30 ta’ April 2015 u s-17 ta’ Ġunju 2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ organiżmi ġenetikament modifikati fit-territorju tagħhom

(Programm kontinwu)

(COM(2015) 177 final – 2015/0093 (COD)).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Settembru 2015.

Matul il-510 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Settembru 2015 (seduta tas-16 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’138 vot favur, 6 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tindirizza kwistjoni li qanqlet interess kbir fost is-setturi tal-produzzjoni u l-opinjoni pubblika inġenerali.

1.2.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll il-fatt li l-Kummissjoni qed tħabrek biex twettaq il-mandat tagħha li tfittex soluzzjonijiet għal sistema ta’ approvazzjoni għall-uċuħ tar-raba’ ġenetikament modifikati li r-realtà wriet li hija inadegwata.

1.3.

Il-KESE jiddispjaċih li fil-proposta ma tingħatax attenzjoni akbar dwar aspetti prinċipali bħat-traċċabilità u l-koerenza leġislattiva fost is-setturi tal-ikel u tal-għalf, kif ukoll ma jingħatax rapport dwar l-impatt soċjoekonomiku tal-proposti.

1.4.

Il-KESE għandu wkoll ċerti riżervi dwar il-possibbiltà reali li din il-leġislazzjoni tiġi implimentata fis-suq uniku u dwar ċerti aspetti legali; u dan kollu mingħajr ma nqisu l-problemi politiċi u dawk tal-perċezzjoni pubblika li qegħdin fil-marġni ta’ dawn il-kwistjonijiet legali.

1.5.

Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tirtira l-proposta attwali u tiżviluppa oħra mtejba li tindirizza n-nuqqasijiet elenkati f’din l-opinjoni u f’oħrajn simili tal-Parlament Ewropew.

2.   Sfond

2.1.

L-uċuħ bijoteknoloġiċi (organiżmi ġenetikament modifikati jew OĠM) bdew jiżviluppaw fid-dinja fl-1996. Minn dak iż-żmien’ il hawn, iż-żoni fejn jeżistu dawn l-uċuħ żdiedu b’rata kostanti ta’ 3 % jew ta’ 4 % kull sena. Bejn l-2013 u l-2014, iż-żoni b’uċuħ bijoteknoloġiċi żdiedu b’6,3 miljun ettaru, sa total ta’ 181 miljun ettaru kkultivati minn aktar minn 18-il miljun bidwi fi 28 pajjiż. L-akbar żoni kkultivati jinsabu fl-Istati Uniti, il-Brażil u l-Arġentina; hemm ukoll żoni kbar f’pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp bħall-Burkina Faso, is-Sudan u l-Bangladexx. L-uċuħ tar-raba’ ewlenin huma l-qamħirrum, is-sojja u l-qoton, għalkemm hemm ukoll oħrajn bħall-brunġiel, it-tadam u l-bżar.

2.2.

Fl-Unjoni Ewropea l-OĠM jiġu kkultivati f’ħames pajjiżi (il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja u Spanja), b’kopertura totali ta’ madwar 148 000 ettaru (inklużi 137 000 ettaru fi Spanja, 8 000 ettaru fil-Portugall, 2 500 ettaru fir-Repubblika Ċeka, 800 ettaru fir-Rumanija u 100 ettaru fis-Slovakkja (ċifri tal-2013) (1).

2.3.

Il-leġislazzjoni ilha iżjed minn għaxar snin tesiġi li tiġi żvelata informazzjoni regolari fuq it-tikketti tal-prodotti tal-ikel u tal-għalf dwar il-preżenza ta’ OĠM. Bħalissa, bejn 85 % u 90 % tal-għalf industrijali prodott fl-UE huma tikkettati bħala OĠM jew li fihom OĠM minħabba li tali għalf fih kwantitajiet sostanzjali ta’ materja prima li l-oriġini tagħha hija OĠM, kemm importata kif ukoll prodotta fl-UE, li tirrappreżenta madwar 20-25 % tal-għalf industrijali totali. Jekk din il-proposta tidħol fis-seħħ, tista’ taffettwa d-domanda u l-provvista għall-ikel u l-għalf fl-UE b’mod serju. L-effett li dan jista’ jkollu fuq l-agrikoltura Ewropea u, għaldaqstant, fuq il-PAK għandu jiġi vvalutat bir-reqqa. Ir-regoli tal-UE li jiżguraw it-traċċabbiltà korretta tal-preżenza ta’ OĠM fl-ikel u fl-għalf tal-annimali għandhom jiġu estiżi biex dawn il-prodotti jkunu ttikkettati bħala li mhumiex ġenetikament modifikati meta verament ikunu ħelsin mill-OĠM.

2.4.

Madankollu, fil-leġislazzjoni Ewropea għall-konsum mill-bniedem ma sarx sforz simili fil-kuntest tat-traċċabilità, u l-KESE jiddispjaċih dwar dan u jixtieq jenfasizza l-fatt.

3.   Qafas regolatorju fis-seħħ

3.1.

Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) ’l hawn, qatt ma kien hemm maġġoranza kwalifikata fost l-Istati Membri favur jew kontra Proposta għal Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza OĠM jew ikel u għalf li jkun fihom OĠM. Dan wassal b’mod permanenti li ma jkun hemm “l-ebda opinjoni” fl-istadji amministrativi kollha tal-proċedura. Bħala riżultat, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, b’konformità mal-leġislazzjoni applikabbli, iżda mingħajr l-appoġġ tal-Istati Membri.

3.2.

Ir-rinviju tal-fajl lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali sar prattika standard, mentri dan għandu jkun biss eċċezzjoni.

3.3.

Fin-nuqqas ta’ maġġoranza kkwalifikata fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni, bħala maniġer tar-riskju, għandha tadotta deċiżjoni (li tagħti jew li tiċħad l-awtorizzazzjoni) f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

4.   Proposta tal-Kummissjoni

4.1.

L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni hu li jiżdied Artikolu 34a ġdid mar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. Skont dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri sabiex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ OĠM bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri:

ikunu motivati, ibbażati fuq raġunijiet kostrinġenti b’konformità mal-liġi tal-Unjoni u li, fl-ebda każ, ma għandhom joħolqu kunflitt mal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa, u

ikunu proporzjonali u mhux diskriminatorji.

4.2.

Meta Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jadotta miżuri kif previst fir-regolament il-ġdid għandu l-ewwel iressaq l-abbozz ta’ dawn il-miżuri quddiem il-Kummissjoni, u l-ġustifikazzjoni korrispondenti.

4.3.

Il-miżuri meħuda ma għandhomx jaffettwaw l-użu tal-ikel u l-għalf li fihom preżenza aċċidentali jew teknikament inevitabbli.

4.4.

Dawn il-miżuri ma għandhomx jgħoddu għall-OĠM maħsuba għall-kultivazzjoni.

4.4.1.

Madankollu, dan l-aħħar ġiet adottata proċedura simili permezz tad-Direttiva (UE) 2015/412 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u b’hekk l-Istati Membri għandhom aktar libertà li jiddeċiedu li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OĠM fit-territorju tagħhom . Din il-proposta tal-Kummissjoni issa qed tfittex li toħloq proċedura simili għall-ikel u l-għalf ġenetikament modifikat, skont is-soluzzjoni li dan l-aħħar intlaħaq ftehim dwarha rigward il-kultivazzjoni tal-OĠM.

5.   Twissija bikrija

5.1.

L-OĠM jikkostitwixxu kwistjoni kontroversjali ħafna u jqanqlu passjonijiet kemm pożittivi kif ukoll negattivi. Għalhekk, din l-Opinjoni tal-KESE ser tkun strettament limitata għall-“punti favur” u l-“punti kontra” tal-proposta, mingħajr ma ssir valutazzjoni ġenerali dwar jekk l-OĠM humiex “tajbin” jew “ħżiena”, liema ħaġa diġà saret mill-Kumitat fil-passat (4).

6.   Raġunijiet favur il-proposta tal-Kummissjoni

6.1.    L-irkupru mill-ġdid tal-bilanċ bejn il-kompetenzi nazzjonali tal-Unjoni Ewropea

6.1.1.

Huwa magħruf tajjeb li l-limitazzjonijiet operattivi u baġitarji tal-politika agrikola komuni attwali jfissru li ħafna pajjiżi jixħtu dubju fuq il-kompetenzi previsti fit-Trattati f’dan il-qasam, bil-konsegwenza ta’dannu politiku fl-istituzzjonijiet Ewropej.

6.1.2.

Barra minn hekk, ċerti Stati Membri li mhumiex benefiċjarji “naturali” tal-PAK ta’ spiss jikkritikaw l-importanza baġitarja ta’ din il-politika komuni u politiki komuni oħra taħt it-tielet pilastru. Dawn l-oppożizzjonijiet politiċi qed ikollhom appoġġ dejjem jikber f’ċerti Stati Membri, u dan ma jistax jiġi injorat la mil-leġislatur u lanqas mill-KESE.

6.1.3.

Fil-prattika, il-proposta tal-Kummissjoni terġa’ tagħti lura s-setgħat, u b’hekk jiġu ssodisfati t-talbiet ta’ xi Stati Membri (u l-opinjoni pubblika fi ħdanhom) biex jiġu bbilanċjati mill-ġdid il-kompetenzi nazzjonali u dawk tal-Unjoni, b’mod partikolari f’qasam fejn xorta huwa permess li jiġu eżerċitati l-kompetenzi nazzjonali (f’dak li għandu x’jaqsam mal-kultivazzjoni tal-OĠM).

6.2.

L-eżistenza ta’ salvagwardji legali u klawżoli ta’ salvagwardja fil-proposta biex jiġu evitati abbużi mill-Istati Membri

6.2.1.

Ir-rekwiżit li l-miżuri meħuda mill-Istati Membri jiġu ġġustifikati fuq bażi ta’ każ b’każ ifisser li dawn il-miżuri ma jistgħux ikunu arbitrarji u li, barra minn hekk, għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattati u, b’mod partikolari u espliċitu, mal-prinċipji tas-suq intern u l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni.

6.2.2.

Dawn is-salvagwardji, flimkien mal-prinċipju tar-responsabbiltà min-naħa tal-amministrazzjoni pubblika, element essenzjali tal-amministrazzjonijiet nazzjonali moderni, għandhom jiżguraw li t-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ esklużjoni jsiru fuq bażi eċċezzjonali u b’mod proporzjonali.

6.3.    It-tneħħija ta’ anomalija fil-prattika legali tal-Unjoni

6.3.1.

Kif tgħid il-Kummissjoni meta tipprovdi l-isfond tal-proposta, ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 qatt ma ġie implimentat kompletament, kemm minħabba l-pożizzjonijiet nazzjonali mhux ġustifikati xjentifikament u l-anomalija legali tat-teħid ta’ deċiżjonijiet direttament mill-Kummissjoni (komitoloġija).

6.3.2.

Din is-sitwazzjoni, li hija ġenwinament eċċezzjonali fis-sistema regolatorja Ewropea, se tkun limitata jekk tiġi adottata din il-proposta kif ippreżentata mill-Kummissjoni. B’hekk, dawk l-Istati Membri li s’issa kienu favur li ma jinħarġux deċiżjonijiet jew dawk li sistematikament opponew il-formazzjoni ta’ maġġoranzi biżżejjed, jistgħu ma jqisux bħala neċessarju li jagħmlu oppożizzjoni politika fi ħdan il-Kunsill jekk, fuq livell nazzjonali, għandhom għodod oħra biex jopponu jew jeskludu fit-territorji tagħhom l-effettività tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill f’dan ir-rigward.

6.4.    Implimentazzjoni tal-mandat

6.4.1.

Permezz tat-tfassil tal-proposta li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, il-Kummissjoni twettaq bis-sħiħ il-mandat biex tressaq proposta li tissupera l-limiti tal-qafas regolatorju eżistenti għall-awtorizzazzjoni tal-għalf u l-ikel b’OĠM. F’dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni hija kemm neċessarja kif ukoll f’waqtha.

7.   Raġunijiet kontra l-proposta tal-Kummissjoni

7.1.    Oppożizzjoni universali mis-setturi kollha kkonċernati

7.1.1.

Il-proposta tal-Kummissjoni qajmet oppożizzjoni fuq skala wiesgħa, u dan issemma fil-mezzi tax-xandir, kemm mis-setturi li kienu favur l-użu ta’ OĠM fl-ikel u l-għalf kif ukoll minn dawk kollha li normalment jargumentaw kontra l-użu ta’ OĠM. B’mod sinifikanti, ta’ min jinnota l-kritika pubblika għall-proposta min-naħa tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tal-Parlament Ewropew, li abbażi tagħha ġie rakkomandat li l-proposta tiġi rtirata; il-votazzjoni formali ser issir f’Ottubru (5).

7.1.2.

Ir-riżervi qawwija espressi mis-setturi kkonċernati, għalkemm minn perspettivi differenti u anke konfliġġenti, inevitabbilment ser iwasslu għal diskussjoni parlamentari diffiċli b’riżultati inċerti li jista’ jkun prudenti li tiġi evitata, billi l-proposta tiġi soġġetta għal reviżjoni aktar approfondita.

7.2.    Riskju ta’ nuqqas ta’ trasparenza fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet nazzjonali

7.2.1.

Il-Kummissjoni tħaddan sistema komuni ta’ valutazzjoni tar-riskji relatati mal-OĠM, previsti fid-Direttiva (UE) 2015/412. Madankollu, il-possibbiltà li l-Istati Membri jillimitaw il-valutazzjonijiet tar-riskju u l-awtorizzazzjonijiet Komunitarji għal finijiet nazzjonali (mingħajr ma tiġi prevista sistema obbligatorja u trasparenti ta’ informazzjoni pubblika dwar ir-raġunijiet u l-ġustifikazzjonijiet li jimmotivaw lill-Istati Membri sabiex jagħżlu klawsoli ta’ esklużjoni) tista’ tikkontradixxi b’mod gravi l-impenji dwar it-trasparenza fid-deċiżjonijiet pubbliċi li ġew pubbliċizzati u stabbiliti bħala esiġenza prijoritarja fil-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni ta’ Juncker. Għalhekk, ikun xieraq li jintalab li l-leġislazzjoni tipprevedi sistemi nazzjonali ta’ informazzjoni pubblika u li jiġi żgurat li jkunu trasparenti u aċċessibbli għal kulħadd.

7.3.    Riskju ta’ nuqqas ta’ prevedibbiltà

7.3.1.

Jekk tiġi adottata fil-kundizzjonijiet attwali, il-proposta tal-Kummissjoni tista’ twassal għal sitwazzjoni anormali fejn id-deċiżjonijiet pubbliċi meħuda skont kriterji xjentifiċi, u fil-livell Ewropew, jista’ jkollhom effetti legali u ekonomiċi differenti minn Stat Membru għal ieħor. Dan il-fatt jista’ jdgħajjef il-prevedibilità u l-kredibilità tad-deċiżjonijiet Komunitarji.

7.3.2.

Ma hemmx valutazzjoni tal-impatt soċjoekonomiku tal-proposta b’deskrizzjoni dettaljata tal-impatt mil-lat tal-ispejjeż għall-katina alimentari, għall-kultivazzjoni, għall-provvista tal-materja prima jew kwalunkwe distorsjoni potenzjali fis-suq.

7.3.3.

Ma hemm l-ebda għodda prevista biex tiġi żgurata t-traċċabilità tal-OĠM fit-tikketti tal-ikel għall-konsum tal-bniedem.

7.4.    Ir-riskju ta’ distorsjonijiet fil-kummerċ internazzjonali

7.4.1.

Għalkemm il-proposta tal-Kummissjoni tesiġi konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, il-leġislazzjoni ma tipprevedix limiti speċifiċi u definiti għal ċerti azzjonijiet tal-Istati Membri (opt-out) li jistgħu jikkontradixxu dawn l-obbligi u lanqas ma tistabbilixxi mekkaniżmi biex l-istituzzjonijiet tal-UE jkunu jistgħu jreġġgħu lura tali deċiżjonijiet nazzjonali jekk dawn jonqsu milli josservaw dan il-prinċipju fir-rigward tal-obbligi internazzjonali. Għandu jiġi nnutat li l-imsieħba kummerċjali tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Istati Uniti, esprimew pubblikament ir-riżervi tagħhom dwar il-proposta leġislattiva, u anke stipulaw li l-adozzjoni ta’ negozjati kummerċjali ta’ livell għoli (TTIP) ssir biss jekk jingħelbu dawn ir-riżervi.

7.4.2.

Il-ftehimiet internazzjonali li jistgħu jintlaqtu jew jiġu limitati mill-applikazzjoni potenzjali tal-proposta – peress li dan jista’ joħloq distorsjonijiet ekwivalenti għal ostakli għall-kummerċ internazzjonali – iħaddnu obbligi ġeneriċi tal-WTO jew ċerti dispożizzjonijiet bħas-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, inkluża l-inizjattiva “Kollox ħlief Armi”.

7.5.    Dubji dwar il-konformità mal-prinċipji tal-moviment liberu

7.5.1.

Il-proposta tal-Kummissjoni tirreferi għall-ħtieġa li jiġu rispettati l-prinċipji tas-suq intern li m’għandux jinbidel bil-miżuri nazzjonali meħuda taħt din il-proposta, b’mod partikolari meta aktarx, fil-prattika, fl-Unjoni japplikaw regoli differenti fir-rigward tal-kultivazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u t-trasport intra-Komunitarju.

7.5.2.

Madankollu, in-nuqqas ta’ definizzjoni eżawrjenti tar-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ klawsoli ta’ esklużjoni (in-nuqqas ta’ lista pożittiva jew negattiva), kif ukoll in-nuqqas li jiġu previsti mekkaniżmi legali għas-sospensjoni tal-miżuri nazzjonali li jistgħu jitqiesu abbużivi, mhux iġġustifikati biżżejjed jew diskriminatorji, joħolqu riskju ċar ta’ inċertezza legali.

7.5.3.

Dawn l-inċertezzi legali jistgħu jiġu solvuti biss quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jikkawża ħidma amministrattiv għalxejn min-naħa tal-Istati Membri u li, potenzjalment, jista’ jwassal għal dewmien u spejjeż żejda.

7.5.4.

Dan l-aħħar argument iqajjem l-akbar għadd ta’ dubji dwar il-puntwalità u l-adegwatezza tal-proposta tal-Kummissjoni fil-forma attwali tagħha.

Brussell, is-16 ta’ Settembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  http://ec.europa.eu/food/plant/docs/plant_gmo_report_studies_report_2013_mon_810_en.pdf

(2)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  ĠU L 68, 13.3.2015. p. 1.

(4)  ĠU C 68, 6.3.2012, p. 56.

(5)  http://www.europarl.europa.eu/meetdocs/2014_2019/documents/envi/pr/1065/1065989/1065989mt.pdf


Top