Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IE1969

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn konvenzjoni tal-ILO kontra l-vjolenza bbażata fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 13, 15.1.2016, p. 138–144 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.1.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 13/138


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn konvenzjoni tal-ILO kontra l-vjolenza bbażata fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2016/C 013/21)

    Relatur:

    is-Sinjura Béatrice OUIN

    Nhar id-19 ta’ Frar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

    “Lejn konvenzjoni tal-ILO kontra l-vjolenza bbażata fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Lulju 2015.

    Matul il-510 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17-17 ta’ Settembru (seduta tas-16 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’209 voti favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), permezz tal-istruttura tripartitika tagħha, għandha rwol essenzjali fix-xena internazzjonali sabiex itejjeb is-sitwazzjoni tal-ħaddiema u l-funzjonament tal-intrapriżi. L-Unjoni Ewropea mhijiex membru tal-ILO iżda l-Istati Membri tal-UE huma, kif ukoll l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-ħaddiema u lil min iħaddem fl-Ewropa. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jitlob li l-Istati Membri tal-UE u l-organizzazzjonijiet Ewropej jaġixxu biex jikkomunikaw fil-livell globali il-valuri u l-acquis Ewropej, b’kont meħud tal-kuntest globali.

    1.2.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jaħseb li:

    billi l-vjolenza sesswali u bbażata fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol hija ostakolu għal xogħol deċenti (li jirrispetta d-dinjità, jiżgura s-sigurtà, ir-responsabbiltà u l-awtonomija tal-ħaddiema);

    il-vjolenza bbażata fuq is-sess fil-post tax-xogħol hija ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u attakk fuq id-dinjità u l-integrità fiżika u psikoloġika;

    hija tagħmel ħsara lill-ekonomija u l-progress soċjali billi ddgħajjef is-sisien li fuqhom jinbnew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg u billi tnaqqas il-produttività;

    hija tirrifletti relazzjonijiet ta’ poter mhux indaqs bejn in-nisa u l-irġiel u tgħin biex jiġu perpetwati l-inugwaljanzi fil-post tax-xogħol;

    il-ġlieda teħtieġ l-involviment tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali, iżda wkoll il-professjonisti tas-saħħa, il-pulizija u l-ġustizzja biex jgħinu lill-vittmi, kif ukoll il-midja u l-għalliema biex tiġi evitata l-vjolenza;

    huwa fl-interess tas-soċjetà li tiġi miġġielda din il-vjolenza kull fejn isseħħ u li titneħħa għal kollox mill-postijiet tax-xogħol.

    1.3.

    F’Novembru 2015 il-Kunsill Amministrattiv tal-ILO għandu jiddeċiedi għandux jitfa’ fuq l-aġenda tal-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol (il-korp li jieħu d-deċiżjonijiet fi ħdan l-ILO) l-abbozzar ta’ standard internazzjonali dwar il-vjolenza bbażata fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol. Il-KESE jappoġġja din il-proposta u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali Ewropej biex jagħmlu l-istess.

    1.4.

    Il-KESE jixtieq li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, li bis-saħħa tad- Direttiva 2002/73/KE (1) diġà għandhom stabbiliti strumenti biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, iħeġġu b’vuċi waħda lill-ILO.

    1.5.

    L-imsieħba soċjali Ewropej stess iffirmaw fl-2007 ftehim qafas dwar il-fastidju u l-vjolenza fuq ix-xogħol li għandu jwassal biex flimkien jintervjenu matul id-dibattitu dwar dan l-abbozz ta’ standard internazzjonali tax-xogħol (2).

    2.   Introduzzjoni: il-kwistjoni tal-vjolenza bbażata fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol

    2.1.

    Fl-era tal-globalizzazzjoni, id-definizzjoni ta’ standards internazzjonali għall-ġlieda kontra u l-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tas-sess hija meħtieġa fl-interessi tal-ħaddiema, in-negozji u l-Istati. Tali vjolenza thedded is-saħħa fiżika u psikoloġika, toffendi d-drittijiet u d-dinjità tal-persuna, ixxekkel il-produttività tal-vittmi u tirriżulta fi spejjeż għall-Istat u għas-soċjetà. Il-ġlieda kontra l-vjolenza u l-prevenzjoni tagħha huma rekwiżiti għal kulħadd. Il-vjolenza bbażata fuq is-sess hija waħda mill-ostakoli ewlenin għall-iżvilupp.

    2.2.

    It-trattament tas-suġġett fi ħdan l-ILO

    2.2.1.

    Il-vjolenza bbażata fuq is-sess u dik sesswali tirrifletti, u, fl-istess ħin, tirrinforza l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel, u għandha impatt negattiv fuq il-post tax-xogħol. Il-ħtieġa li tiġi miġġielda din it-tip ta’ vjolenza hija indirizzata f’diversi konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO):

    Konvenzjoni 29 dwar ix-xogħol furzat, 1930

    Konvenzjoni 97 dwar il-ħaddiema migranti (rivedut), 1949

    Konvenzjoni 100 dwar remunerazzjoni ugwali, 1951

    Konvenzjoni 111 dwar id-diskriminazzjoni (impjieg u professjoni), 1958

    Konvenzjoni 189 dwar il-ħaddiema domestiċi, 2011

    Il-miżuri previsti fir-rakkomandazzjoni 200 dwar l-HIV/AIDS u d-dinja tax-xogħol (2010) jispeċifikaw li għandhom jittieħdu miżuri biex jipprevjenu u biex jitwaqqfu l-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol. Aktar reċentement, ir-Rakkomandazzjoni nru 204 dwar it-tranżizzjoni mill-ekonomija informali għal dik formali (adottata mill-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol fil-104 Sessjoni tagħha fit-12 ta’ Ġunju 2015 f’Ġinevra) tesiġi li l-Istati Membri jiżguraw li jinkludu qafas ta’ politiki integrati fl-istrateġiji jew il-pjani ta’ żvilupp nazzjonali. Dan il-qafas ta’ politika integrata għandu jwassal […] għall-promozzjoni tal-ugwaljanza u l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta’ diskriminazzjoni u vjolenza, inkluża l-vjolenza bbażata fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol (3).

    Iżda l-ebda standard bħalissa ma jittratta l-kwistjoni speċifika ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol.

    2.2.2.

    Il-Kumitat ta’ Esperti tal-ILO pprova jimla dan il-vojt: “[…] il-fastidju sesswali qed idgħajjef l-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol billi jaffetwa l-integrità, id-dinjità u l-benessri tal-ħaddiema. Il-fastidju sesswali jagħmel ħsara lill-impriżi billi jdgħajjef is-sisien li fuqhom jinbnew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg u billi jnaqqas il-produttività. Il-kumitat diġà esprima l-fehma li l-fastidju sesswali huwa forma ta’ diskriminazzjoni sesswali u għandu jiġi ttrattat fil-qafas tal-obbligi taħt il-konvenzjoni [111]. B’hekk, skont il-konvenzjoni, li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess u l-adozzjoni ta’ politika biex jiġu promossi l-opportunitajiet u t-trattament indaqs, għandhom jittieħdu miżuri biex jeliminaw il-fastidju sesswali”  (4).

    2.2.3.

    Fl-2008, il-kumitat innota li hemm “nuqqas serju f’termini tal-implimentazzjoni fir-rigward tal-fastidju sesswali, li huwa forma ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess u ksur serju tad-drittijiet individwali fuq il-post tax-xogħol. Għaldaqstant, il-kumitat ifakkar fl-osservazzjoni ġenerali tiegħu tal-2002 fejn enfasizza l-importanza li jittieħdu miżuri effettivi biex jiġu evitati u pprojbiti kemm quid pro quo kif ukoll ambjent ostili ta’ fastidju sesswali fil-post tax-xogħol”  (5).

    2.2.4.

    Fit-320 u t-323 sessjonijiet tal-Kunsill Amministrattiv tal-ILO (13-27 ta’ Marzu 2014 u 12-27 ta’ Marzu 2015), għadd ta’ gvernijiet (il-Ġermanja, il-Kanada, Kuba, Franza l-Indja, l-Italja, il-Messiku, in-Netherlands, is-Sri Lanka, l-Urugwaj u l-Istati Uniti) esprimew l-appoġġ tagħhom għat-tfassil ta’ standard internazzjonali dwar “Il-vjolenza kontra n-nisa u l-irġiel fid-dinja tax-xogħol” biex il-gvernijiet, il-junjins u min iħaddem jingħataw l-għodod għall-ġlieda kontra l-vjolenza bbażata fuq is-sess u l-fastidju sesswali, u sabiex jindikaw b’mod qawwi li din il-vjolenza hija ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema. Din it-talba ġiet appoġġata wkoll mill-Grupp tal-Ħaddiema fi ħdan l-ILO u l-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trejdjunjins.

    2.3.

    U fl-Ewropa:

    2.3.1.

    L-imsieħba soċjali Ewropej iffirmaw, fl-2007, ftehim qafas dwar il-fastidju u l-vjolenza fuq ix-xogħol li għandu jwassal biex flimkien jappoġġjaw regolament simili fil-livell internazzjonali (6).

    2.3.2.

    Fl-opinjonijiet tiegħu dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u anke f’opinjoni dwar il-vjolenza domestika (7), il-KESE kemm-il darba esprima ruħu dwar il-vjolenza bbażata fuq is-sess u sesswali mġarrba minn għadd wisq kbir ta’ nisa madwar id-dinja. Barra minn hekk, din hi problema li qed tikber: il-kriżi ekonomika, il-programmi ta’ aġġustament strutturali u l-miżuri ta’ awsterità għenu biex tiżdied il-vjolenza fuq il-post tax-xogħol.

    2.3.3.

    Il-KESE jixtieq li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, li bis-saħħa tad-Direttiva 2002/73/KE (8) diġà għandhom stabbiliti strumenti biex jiġi miġġieled il-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, iħeġġu b’vuċi waħda lill-ILO biex tappoġġja t-tfassil ta’ standard internazzjonali li jippermetti l-ġlieda kontra l-vjolenza bbażata fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol.

    2.4.

    Deskrizzjoni tas-sitwazzjoni

    2.4.1.

    Il-vjolenza bbażata fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol hija ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u attakk fuq id-dinjità u l-integrità fiżika u psikoloġika. Madwar id-dinja, 35 % tan-nisa huma vittmi tal-vjolenza diretta fuq il-post tax-xogħol, u bejn 40 u 50 % minnhom huma soġġetti għal avvanzi sesswali mhux mixtieqa, kuntatt fiżiku mhux mixtieq jew forom oħra ta’ fastidju sesswali. 45 % tan-nisa fl-UE jiddikjaraw li xi darba jew oħra kienu vittma tal-vjolenza bbażata fuq is-sess. Bejn 40 u 45 % jiddikjaraw li kienu vittmi ta’ fastidju sesswali fuq ix-xogħol. Huwa stmat li fl-Ewropa, kuljum, seba’ nisa jmutu kawża ta’ vjolenza sessista (9).

    2.4.2.

    Tali vjolenza tirrifletti relazzjonijiet ta’ poter mhux indaqs bejn in-nisa u l-irġiel u tgħin biex jiġu perpetwati l-inugwaljanzi. Bħala l-espressjoni ta’ rieda ta’ dominanza, tali vjolenza hija frekwenti ħafna f’soċjetajiet fejn jinkisru d-drittijiet tal-bniedem, iżda tinsab ukoll f’soċjetajiet demokratiċi. Din il-vjolenza m’għandhiex tiġi konfuża mas-seduzzjoni, li tirrikjedi rispett għall-persuna l-oħra. Il-vjolenza sesswali u sessista mhijiex kwistjoni privata, il-ġlieda kontriha hija kwistjoni ta’ politika pubblika u sigurtà pubblika.

    2.4.3.

    Ċajt sessist, insulti diffamatorji, inkejja umiljanti, ġesti insolenti, stampi pornografiċi mwaħħla fil-postijiet tax-xogħol u fuq l-Internet, li huwa għodda ta’ ħidma għal ħafna ħaddiema, fastidju psikoloġiku u sesswali, l-istupru u vjolenza sesswali oħra, il-vjolenza domestika, liema mara tista’ tgħid li qatt ma kienet involuta f’mill-inqas wieħed minn dawn l-eżempji ta’ sessiżmu? (10)

    2.4.4.

    Ikun xi jkun il-post fejn isseħħ, il-vjolenza bbażata fuq is-sess jista’ jkollha impatt fuq il-post tax-xogħol. Studju Ewropew juri l-konsegwenzi tal-vjolenza domestika fuq ix-xogħol u l-integrazzjoni professjonali tal-vittmi (11) u studji internazzjonali jikkonfermaw dan (12). Ir-riżultati ta’ erba’ stħarriġiet nazzjonali (l-Awstralja, il-Kanada, New Zealand u r-Renju Unit) juru li l-vjolenza domestika taffettwa l-parteċipazzjoni, il-produttività u s-sigurtà tal-impjegati. Mara li tkun vittma ta’ vjolenza domestika tista’ tkun iffastidjata mir-raġel jew is-sieħeb/sieħba tagħha fuq il-post tax-xogħol, u dan iqajjem kwistjonijiet ta’ sigurtà għaliha u l-kollegi tagħha. Tista’ tkun assenti mix-xogħol għal diversi jiem minħabba ġrieħi, jew jekk tkun għadha tiġi x-xogħol, l-effiċjenza professjonali tagħha tkun imfixkla. Fl-Awstralja, fis-servizzi pubbliċi, il-vittmi ta’ vjolenza domestika huma intitolati għal liv. Fis-settur privat, bis-saħħa ta’ ftehimiet kollettivi li jkopru kważi 2 miljun ħaddiem, dan il-liv huwa ta’ 20 jum.

    2.4.5.

    Jekk ikun hemm vjolenza fuq ix-xogħol u hija mwettqa minn kollegi, superjuri fil-ġerarkija, klijent jew utent, il-ħaddiema nisa ma jħossuhomx iżjed sikuri. Huma jistgħu jeħtieġu liv biex jirkupraw minn ġrieħi fiżiċi jew psikoloġiċi, ifittxu għajnuna medika jew jattendu proċedimenti ċivili jew kriminali fil-qorti. Il-vjolenza bbażata fuq is-sess hija ta’ ħsara wkoll għal min iħaddem (telf ta’ produttività, assenteiżmu, litigazzjoni, pubbliċità ħażina).

    2.4.6.

    Din il-vjolenza tista’ sseħħ fit-triq lejn ix-xogħol. Fit-triq, fit-trasport pubbliku, f’ħafna każijiet in-nisa jingħataw fastidju, jiġu attakkati, mbagħbsa, xi drabi maqtula. Dan it-tip ta’ fastidju, immirat b’mod partikolari lejn iż-żgħażagħ, għandu riperkussjonijiet fit-tul: il-vittmi ma jħossuhomx sikuri u jingħelbu minn sens ta’ vulnerabbiltà li tista’ tevolvi f’sens ta’ inferjorità. Għal uħud minnhom, li jbatu minn din il-vjolenza, jibda jidher normali.

    2.4.7.

    Maż-żieda fin-numru ta’ ħaddiema nisa, u billi hemm aktar nisa minn irġiel f’xogħol informali, xogħol prekarju, xogħol tad-dar, in-numru ta’ vittmi nisa ta’ vjolenza qed jikber ukoll. In-nisa li huma waħedhom mat-tfal huma b’mod partikolari vulnerabbli. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jintużaw għal rikatt.

    2.4.8.

    Il-gruppi fl-ikbar riskju huma t-tfal u ż-żgħażagħ – kemm bniet kif ukoll subien – li jkunu f’impjieg, il-persuni li huma vittmi tax-xogħol furzat, il-migranti ekonomiċi, il-ħaddiema domestiċi, persuni li jaħdmu fis-servizzi tas-saħħa, u dawk il-persuni fl-industrija tas-sess. Xogħol solitarju u xogħol li jinvolvi kuntatt mal-pubbliku huma fatturi ta’ riskji addizzjonali.

    2.4.9.

    Fatturi ta’ riskju marbuta mal-ambjent tax-xogħol jiddependu fuq il-post tan-nisa fl-organizzazzjoni tax-xogħol u l-kultura professjonali li tirrispetta iktar jew inqas in-nisa. Rappreżentazzjoni aħjar tan-nisa f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għandha sservi ta’ prevenzjoni tal-vjolenza kontrihom.

    2.4.10.

    Il-vjolenza sessista għandha effetti negattivi fuq il-produttività tal-forza tax-xogħol. Id-differenzi bejn l-espożizzjoni tan-nisa u l-irġiel għar-riskju ta’ forom speċifiċi ta’ vjolenza fuq il-post tax-xogħol huma aggravati mis-segregazzjoni bejn is-sessi. Ċerti nisa huma iktar esposti minn oħrajn: dawk li huma parti minn minoranza f’ambjenti ddominati mill-irġiel jew li jaħdmu ma’ persuni f’diffikultajiet emozzjonali (ħaddiema soċjali, persunal fil-ħabsijiet, uffiċċji li jservu l-pubbliku fi ħdan is-servizzi pubbliċi, u servizzi ta’ emerġenza fl-isptarijiet, eċċ.).

    2.4.11.

    Ir-riskju tal-vjolenza hija wkoll ogħla f’dawk l-ambjenti fejn ir-relazzjonijiet soċjali huma ineżistenti, u fejn in-nuqqas ta’ negozjar kollettiv ifisser li l-problema ma tistax tiġi solvuta. It-trejdjunjins jistgħu jgħinu lill-vittmi jkunu jafu lil min għandhom jikkuntattjaw f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom. Jeżistu wkoll soluzzjonijiet oħra: pereżempju, il-leġislazzjoni Belġjana tipprevedi l-ħatra ta’ persuna li għandha l-fiduċja tal-ġerarkija u tal-ħaddiema, li tkun disponibbli biex toffri pariri u għajnuna.

    2.5.

    Definizzjoni u prevenzjoni tal-vjolenza

    2.5.1.

    Il-ġlieda kontra din il-vjolenza teħtieġ li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ kull każ, sabiex dawn jiġu evitati. Il-mekkaniżmi jridu jiġu mifhuma u jiġu denunzjati l-effetti sabiex din tonqos u biex isir progress lejn l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. It-taħriġ tal-livell ġestjonali dwar inugwaljanzi bejn is-sessi huwa azzjoni ta’ prevenzjoni tajba.

    2.5.2.

    Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas legali vinkolanti, b’definizzjoni ċara tal-kamp ta’ applikazzjoni u definizzjoni tar-reat, li jispeċifikaw li l-vittmi jkunu f’relazzjoni ta’ subordinazzjoni.

    2.5.3.

    Il-vjolenza bbażata fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol, kemm jekk isseħħ fuq il-post tax-xogħol jew waqt il-vjaġġ lejn jew mix-xogħol, tista’ tieħu diversi forom, inklużi:

    vjolenza fiżika;

    vjolenza sesswali, inkluż l-istupru u l-attakki sesswali;

    aġir offensiv, insulti, nuqqas ta’ rispett, turija ta’ disprezz;

    atti ta’ intimidazzjoni;

    abbuż psikoloġiku;

    fastidju sesswali:

    theddid ta’ vjolenza;

    aggressjoni kostanti.

    2.5.4.

    Dawn huma karatterizzati mill-fatt li jiġu imposti, mingħajr il-kunsens tal-persuna li fuqha qed ikunu imposti, proposti jew mġiba relatat mas-sess jew l-orjentament sesswali, bil-għan li tinħoloq sitwazzjoni intimidanti, umiljanti, degradanti jew offensiva. Aggressjonijiet żgħar ta’ kuljum, li waħedhom jidhru li ma jagħmlux ħsara, iwasslu biex il-vittmi ma jħossuhomx sikuri. Tali vjolenza, attakki u umiljazzjoni joħolqu ambjent tax-xogħol li mhux tajjeb għas-saħħa.

    2.5.5.

    Il-ftehim qafas Ewropew tal-imsieħba soċjali jistipola li “Għamliet differenti ta’ fastidju u vjolenza jistgħu jseħħu fuq il-post tax-xogħol. Il-fastidju u l-vjolenza jistgħu:

    jieħdu forom fiżiċi, psikoloġiċi u/jew sesswali;

    ikunu inċidenti iżolati jew mġiba aktar sistematika;

    jseħħu fost il-kollegi, bejn superjuri u subordinati jew minn partijiet terzi bħal klijenti, pazjenti, studenti, eċċ.;

    ivarjaw minn każi żgħar ta’ diżrispett għal atti iktar serji, inklużi offiżi kriminali, li jirrikjedu l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi.

    Dawn id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jinsistu dwar il-kunfidenzjalità:

    “huwa fl-interess tal-partijiet kollha li l-proċedimenti jsiru bid-diskrezzjoni meħtieġa għall-ħarsien tad-dinjità u l-privatezza tal-individwi kollha;

    ebda informazzjoni m’għandha tinkixef lil partijiet mhux involuti fil-każ”.

    Il-ftehim jipprovdi wkoll proċedura għat-trattament tal-ilmenti kif ukoll miżuri ta’ prevenzjoni li d-dibattitu dwar l-ILO jista’ jservi bħala ispirazzjoni.

    2.5.6.

    L-Internet huwa użat minn ħafna impjegati. Il-vjolenza bbażata fuq is-sess tista’ ssir permezz ta’ stampi degradanti, inklużi messaġġi li jitqiegħdu fil-midja soċjali. Ambjent ta’ intimidazzjoni, ostilità u/jew umiljazzjoni jista’ jinħoloq fir-relazzjonijiet onlajn, bħal f’relazzjonijiet “reali”. In-norma l-ġdida ma tistax ma tkunx konxja li l-Internet huwa involut fir-relazzjonijiet ta’ xogħol u li jeħtieġ li tiġi miġġielda l-vjolenza bbażata fuq is-sess anke hemmhekk.

    3.   Għafejn huwa neċessarju standard tal-ILO dwar il-vjolenza bbażata fuq is-sess?

    3.1.

    Il-post tax-xogħol joħloq kuntest uniku biex tiġi miġġielda l-vjolenza. Standard internazzjonali tax-xogħol jista’ jipprovdi gwida dwar il-politiki tar-riżorsi umani xierqa fil-qasam tal-vjolenza bbażata fuq is-sess fl-impriża u jiggwida d-djalogu soċjali u l-ftehimiet kollettivi tax-xogħol.

    3.2.

    La l-qafas internazzjonali attwali u lanqas il-liġijiet nazzjonali ma jiggarantixxu protezzjoni adegwata kontra l-vjolenza bbażata fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol. F’maġġoranza ta’ pajjiżi, l-istrumenti għall-ġlieda kontra l-vjolenza bbażata fuq is-sess huma prinċipalment iffokati fuq il-kriminalizzazzjoni tal-ħatja, normalment permezz tal-inklużjoni ta’ reati sesswali fil-kodiċi kriminali. Għalkemm huma ta’ importanza kruċjali, dawn ir-reazzjonijiet m’humiex dejjem adattati għar-relazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol. Kif iddikjara l-Kumitat ta’ Esperti tal-ILO: “Bħala regola ġenerali, mhuwiex xieraq li l-fastidju sesswali jiġi ttrattat fil-qafas ta’ proċeduri kriminali [minħabba li] anke jekk jipprovdu informazzjoni dwar l-aktar każijiet serji, [din il-proċedura] ma tindirizzax kif suppost il-firxa sħiħa ta’ mġiba li għandha titqies bħala fastidju sesswali fil-kuntest professjonali, fejn l-oneru tal-prova huwa aktar esiġenti u l-aċċess għal rimedji legali huwa aktar limitat”  (13). Il-prevenzjoni tal-fastidju sesswali jfisser li min iħaddem u l-ħaddiema jiġu konvinti li m’hemmx post għal tali mġiba fuq il-post tax-xogħol. Il-ftehim qafas Ewropew jipprovdi li “L-impriżi għandhom jagħmlu dikjarazzjoni preċiża li l-fastidju u l-vjolenza mhumiex tollerati fi ħdanhom”.

    4.   Għalfejn is-soċjetà ċivili għandha tappoġġja standard tal-ILO dwar il-vjolenza bbażata fuq is-sess?

    4.1.

    Il-vjolenza bbażata fuq is-sess hija kwistjoni ta’ sikurezza u ta’ saħħa fuq il-post tax-xogħol, tikkawża kollass emozzjonali, stress psikoloġiku, u inċidenti relatati max-xogħol. L-organizzazzjoni tax-xogħol għandha tiġi eżaminata fid-dawl tar-relazzjonijiet soċjali bejn is-sessi u inkjesti bbażati fuq il-ġeneru għandhom jitfgħu dawl fuq dawn ir-riskji.

    4.2.

    L-imsieħba soċjali huma f’pożizzjoni tajba biex jisimgħu lill-vittmi u jgħinuhom iressqu l-ilmenti tagħhom. Is-servizzi soċjali jew riżorsi umani fil-kumpaniji, it-trejdjunjins, it-tobba tax-xogħol kif ukoll il-konsulenti speċjalisti huma l-partijiet interessati ewlenin għall-protezzjoni tal-vittmi. Il-ħatra ta’ persuna affidabbli speċjalizzata li tisma’ lill-vittmi u l-istruzzjoni tal-fajls hija l-għażla ppreferuta fil-ftehim qafas Ewropew tal-imsieħba soċjali. L-assoċjazzjonijiet tan-nisa, il-ħarsien tad-drittijiet, l-appoġġ għall-migranti u oħrajn huma essenzjali biex jgħinu lill-vittmi u jikkomplementaw l-azzjoni tal-imsieħba soċjali. L-imsieħba soċjali għandhom huma stess ikunu ta’ eżempju u jwarrbu attitudnijiet sessisti u umiljanti fi ħdanhom.

    4.3.

    Standard tal-ILO dwar il-vjolenza bbażata fuq is-sess għandu jibbenefika lis-soċjetà, lid-djalogu soċjali, l-ambjent tax-xogħol u r-relazzjonijiet tax-xogħol, billi:

    jiżgura konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali sabiex jiġu stabbiliti regoli u jinħoloq qafas għat-trattament tal-każi;

    jippermetti t-tfassil ta’ definizzjoni komuni ta’ x’jikkostitwixxi l-vjolenza bbażata fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol;

    jispeċifika lil min iħaddem u lit-trejdjunjins dwar x’inhuma r-responsabbiltajiet tagħhom biex jimpedixxu, jikkumbattu u jeliminaw il-vjolenza bbażata fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol;

    jgħin lil min iħaddem fl-iżvilupp tal-politiki tar-riżorsi umani, inklużi proċessi, b’mod partikolari taħriġ, biex tiġi evitata l-vjolenza bbażata fuq is-sess u biex jiġi indirizzat l-impatt tagħha fid-dinja tax-xogħol, inklużi l-konsegwenzi tal-vjolenza domestika fuq il-post tax-xogħol;

    jgħin lil min iħaddem biex jistabbilixxi proċeduri għar-rapportar ta’ ilmenti u talbiet;

    jagħti gwida għal min iħaddem dwar is-smigħ tal-vittimi, u dwar l-eżaminazzjoni u t-trattament ta’ ilmenti ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol;

    jiddefinixxi b’mod aktar ċar l-ambitu tar-responsabbiltà (diretta u għal oħrajn) ta’ min iħaddem, f’każ ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol;

    joħloq kultura fuq il-post tax-xogħol fejn il-vjolenza bbażata fuq is-sess ma tkunx ittollerata;

    itejjeb is-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u jnaqqas it-telf ekonomiku ta’ min iħaddem marbut ma’ każijiet ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess (l-assenteiżmu mix-xogħol, it-telf ta’ produttività, litigazzjoni, pubbliċità ħażina…).

    5.   Għalfejn il-gvernijiet għandhom jappoġġjaw standard tal-ILO dwar il-vjolenza bbażata fuq is-sess?

    5.1.

    In-norma prevista għandha tikkontribwixxi biex:

    jintlaħqu l-objettivi ta’ impjieg deċenti;

    titnaqqas il-vulnerabilità tal-persuni li jiġu esposti għal vjolenza bbażata fuq is-sess u ssaħħaħ l-indipendenza ekonomika tagħhom u l-produttività tagħhom fuq il-post tax-xogħol;

    ikun hemm tfaddil: il-vjolenza domestika u fuq il-post tax-xogħol tqum il-miljuni fil-kura tas-saħħa, f’litigazzjoni, fit-telf fil-pagi u fil-ħlas għall-mard;

    titjieb is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll fir-relazzjonijiet tax-xogħol;

    tagħmel l-oqfsa legali aktar koerenti sabiex tinqered il-vjolenza bbażata fuq is-sess u jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem;

    jitnaqqsu l-ispejjeż li l-vjolenza sessista tinvolvi.

    6.   Proposti ta’ kontenut għal norma tal-ILO

    definizzjoni wiesgħa ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol, inklużi forom differenti ta’ vjolenza fuq il-post tax-xogħol;

    l-adozzjoni ta’ definizzjoni ta’ “post tax-xogħol”, inkluż il-vjaġġ lejn u mill-post;

    id-dispożizzjonijiet bil-għan li tiġi evitata l-vjolenza bbażata fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol u miżuri maħsuba li jipproteġu u jappoġġjaw lill-vittmi ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess;

    deskrizzjoni tal-gruppi l-iżjed milquta mill-vjolenza bbażata fuq is-sess: l-omosesswali u transesswali, il-migranti, il-ħaddiema bl-HIV/AIDS jew b’diżabilità, u persuni soġġetti għal xogħol furzat jew it-tħaddim tat-tfal;

    il-garanzija tad-drittijiet differenti tal-impjieg u tas-sigurtà soċjali għal dawk li jagħmlu ilment, inkluż id-dritt li jitnaqqas jew jiġi organizzat mill-ġdid il-ħin tax-xogħol;

    linji gwida għat-tfassil ta’ regolamenti interni jew kodiċi ta’ kondotta għal kumpaniji u organizzazzjonijiet li jiddikjaraw li mġiba mhux xierqa jew umiljanti kontra n-nisa u gruppi oħra li huma l-iżjed milquta se jkunu suġġetti għal sanzjonijiet professjonali;

    linji gwida għall-istabbiliment ta’ stħarriġiet immirati għall-ġbir ta’ statistika armonizzata;

    gwidi biex jiġi organizzat it-taħriġ biex jiżdied l-għarfien tal-mekkaniżmi ta’ dominazzjoni u s-segregazzjoni tal-irġiel u n-nisa fl-impjieg u tiġi żviluppata kultura ta’ nonvjolenza;

    il-promozzjoni ta’ mediċina okkupazzjonali sabiex tiġi involuta fl-istudju tal-każijiet kollha ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess, għaliex din toħloq riskju għas-saħħa fiżika u psikoloġika tal-ħaddiema nisa;

    jiġi żgurat li jiġu meqjusa d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78/KE dwar it-twaqqif ta’ qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (14);

    tingħata attenzjoni partikolari lir-rwol tal-mezzi tax-xandir biex jissensibilizza l-pubbliku, jinforma u jħarreġ: tliet aspetti imperattivi sabiex jinkiser iċ-ċiklu tal-vjolenza;

    jitqiesu r-riskji ġodda marbuta mal-użu tal-Internet u teknoloġiji ġodda.

    Brussell, 16 ta’ Settembru 2015.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  Id-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward ta’ aċċess għall-impjieg, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 269, 5.10.2002, p. 15).

    (2)  http://www.etuc.org/framework-agreement-harassment-and-violence-work

    (3)  http://www.ilo.org/ilc/ILCSessions/104/texts-adopted/WCMS_377776/lang--fr/index.htm

    (4)  Rapport tal-Kumitat ta’ Esperti dwar l-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet, Rapport III(1 A), Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol, il-91 Sessjoni, 2003, pp. 497-498).

    (5)  Rapport tal-Kumitat ta’ Esperti dwar l-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet, Rapport III(1 A), Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol, it-98 Sessjoni, 2009, p. 35).

    (6)  http://www.etuc.org/framework-agreement-harassment-and-violence-work

    (7)  Opinjoni dwar “L-eradikazzjoni tal-vjolenza domestika fuq in-nisa” (ĠU C 351, 15.11.2012, p. 21).

    (8)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

    (9)  Barometru 2011, “National Action Plan on Violence against Women in the EU” (Pjan ta’ azzjoni nazzjonali kontra l-vjolenza fuq in-nisa) European Women’s Lobby, Awwissu 2011 http://www.womenlobby.org/spip.php?article2481&lang=en

    (10)  Rapport reċenti (April 2015) mill-Kunsill Għoli għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fi Franza argumenta li n-nisa KOLLHA kienu soġġetti għal avvanzi sesswali mhux mixtieqa fit-triq u t-trasport pubbliku. Il-maġġoranza tal-vittmi huma minorenni. http://www.haut-conseil-egalite.gouv.fr/IMG/pdf/hcefh_avis_harcelement_transports-20150410.pdf

    (11)  Meta l-vjolenza domestika hija preżenti fuq il-post tax-xogħol jew fil-proċess ta’ integrazzjoni professjonali, COFACE 2011 http://www.coface-eu.org/en/upload/08_EUProjects/Domestic%20violence-etude-coface-daphne-fr.pdf

    (12)  https://www.arts.unsw.edu.au/media/FASSFile/National_Domestic_Violence_and_the_Workplace_Survey_2011_Full_Report.pdf https://www.arts.unsw.edu.au/research/gendered-violence-research-network/gendered-violence-work/

    (13)  Rapport tal-Kumitat ta’ Esperti dwar l-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet, Rapport III(1 A), Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol, it-98 Sessjoni, 2009, p. 32.

    (14)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).


    Top