This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CN0265
Case C-265/14 P: Appeal brought on 2 June 2014 by Cemex S.A.B. de C.V. and Others against the judgment of the General Court (Seventh Chamber) delivered on 14 March 2014 in Case T-292/11 Cemex and Others v Commission
Kawża C-265/14 P: Appell ippreżentat fit- 2 ta’ Ġunju 2014 minn Cemex S.A.B. de C.V. et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl- 14 ta’ Marzu 2014 fil-Kawża T-292/11, Cemex vs Il-Kummissjoni
Kawża C-265/14 P: Appell ippreżentat fit- 2 ta’ Ġunju 2014 minn Cemex S.A.B. de C.V. et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl- 14 ta’ Marzu 2014 fil-Kawża T-292/11, Cemex vs Il-Kummissjoni
ĠU C 253, 4.8.2014, p. 19–20
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
4.8.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 253/19 |
Appell ippreżentat fit-2 ta’ Ġunju 2014 minn Cemex S.A.B. de C.V. et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-14 ta’ Marzu 2014 fil-Kawża T-292/11, Cemex vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-265/14 P)
2014/C 253/26
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: Cemex S.A.B. de C.V., New Sunward Holding BV, Cemex España, S.A., Cemex Deutschland AG, Cemex UK, Cemex Czech Operations s.r.o., Cemex France Gestion u Cemex Austria AG (rappreżentanti: J. Folguera Crespo, P. Vidal Martínez, H. González Durántez u B. Martínez Corral, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
— |
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Marzu 2014. |
— |
tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali u tannulla d-deċiżjoni. |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż sostnuti minn Cemex u mis-sussidjarji tagħha kemm fil-proċeduri fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll f’dawn il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
Aggravji u argumenti prinċipali
1. Żball fl-evalwazzjoni tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni
L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni kkontestata, li ġiet ifformulata fi kliem ġenerali ħafna. Fl-analiżi tagħha l-Qorti Ġenerali la ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni u lanqas tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u ma eżaminatx il-proporzjonalità abbażi tal-possibilitajiet materjali tal-Kummissjoni u taċ-ċirkustanzi tekniċi jew tat-terminu li fihom ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.
2. Żball fl-evalwazzjoni tan-neċissità ta’ informazzjoni
Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball fid-deċiżjoni tagħha dwar in-neċessità tal-informazzjoni mitluba fid-deċiżjoni kkontestata, peress li parti minn din l-informazzjoni kienet diġà fil-pussess tal-Kummissjoni jew ma kellha ebda rilevanza fir-rigward tas-suġġett tal-investigazzjoni.
3. Żball fil-motivazzjoni tas-sentenza appellata u fl-evalwazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (1) fir-rigward tan-natura tal-informazzjoni mitluba
L-appellanti jsostnu wkoll li s-sentenza appellata hija vviżjata bi żball ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq xi wħud mill-argumenti tagħhom relatati man-natura tal-informazzjoni mitluba, li r-risposta tagħhom kienet teħtieġ deċiżjonijiet ta’ valur fuq sitwazzjonijiet ipotetiċi. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi kkonkludiet li ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet teħtieġ li tingħata risposta għal domandi li ma kinux jikkonċernaw fatti u li ma kellhom ebda rabta ma’ kwistjonijiet fattwali.
4. Żball fl-evalwazzjoni tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità
L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni kkontestata, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li billi adottat din id-deċiżjoni u billi ffissat it-terminu stabbilit għall-għoti ta’ risposta, il-Kummissjoni ma aġġixxietx b’mod inadatt jew b’mod sproporzjonat. Barra minn hekk, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi qieset li t-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni kienet ġustifikata, minkejja li r-risposta tal-appellanti kienet partikolarment tinvolvi ħafna xogħol.
5. Żball fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1 (2)
Il-Qorti Ġeneral wettqet żball billi ddeċidiet li, billi nnotifikat id-deċiżjoni kkontestata biss bl-Ispanjol, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1.
6. Żball fl-evalwazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba
Fl-aħħar nett, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi ma ddeċidietx li l-aġir differenti tal-Kummissjoni, li ġie kkritikat mill-Qorti Ġenerali, ma kienx, madankollu, ikkostitwixxa ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 [ta’] Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
(2) Regolament [tal-Kunsill] Nru 1, [tal-15 ta’ April 1958], li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3).