Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE4394

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja: nagħmlu possibbli u nħeġġu l-inklużjoni taċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-President tal-Litwanja)

    ĠU C 67, 6.3.2014, p. 11–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.3.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 67/11


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja: nagħmlu possibbli u nħeġġu l-inklużjoni taċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-President tal-Litwanja)

    2014/C 67/03

    Relatur: is-Sur IULIANO

    Nhar il-15 ta' April 2013, il-Presidenza Litwana ddeċiediet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja: nagħmlu possibbli u nħeġġu l-inklużjoni taċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea

    (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Litwana).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-25 ta' Settembru 2013.

    Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'110 voti favur, u 2 astensjonijiet.

    Introduzzjoni

    Minn mindu twaqqaf, il-KESE dejjem ta attenzjoni speċjali lill-volontarjat fid-dawl tal-fatt li huwa l-espressjoni fil-prattika ta' ċittadini li jaġixxu favur is-solidarjetà, il-koeżjoni soċjali u t-titjib tas-soċjetà li fi ħdanha jwettqu l-attivitajiet tagħhom. Jingħad li l-volontarjat huwa "x-xhieda tar-rieda tajba eċċezzjonali ta' soċjetà partikolari" u jirrifletti fil-prattika l-valuri li fuqhom tissejjes l-Unjoni Ewropea.

    Il-KESE indirizza kwistjonijiet relatati mal-volontarjat, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak ta' ħidma transkonfinali fil-livell tal-UE, f'diversi opinjonijiet u, fil-fatt, il-KESE kien l-ewwel istituzzjoni Komunitarja li pproponiet l-adozzjoni tas-Sena Ewropea tal-Volontarjat. Barra minn hekk, il-KESE ħareġ opinjonijiet dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-azzjoni esterna tal-UE u fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

    Għalhekk, fid-dawl tal-inklużjoni fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE ta' referenza speċifika fl-Artikolu 214(5) dwar il-ħolqien tal-Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja (EVHAC), li mbagħad beda jissejjaħ l-inizjattiva EU Aid Volunteers (Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE), u tal-proċess imniedi għall-adozzjoni futura ta' Regolament li jirregola l-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva, ikun tajjeb li l-KESE jadotta pożizzjoni li tippermetti li l-fehmiet tas-soċjetà ċivili Ewropea jiġu inkorporati f'dan ir-Regolament u l-implimentazzjoni futura tiegħu.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja (EVHAC) jew l-inizjattiva EU Aid Volunteers, għaliex huwa tal-fehma li dan jippromovi l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini Ewropej fil-qasam umanitarju, b'mod partikolari permezz tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bħall-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs) speċjalizzati.

    1.2

    L-EVHAC għandu jkun strument li jħeġġeġ l-inklużjoni ta' dawk l-Istati Membri b'inqas esperjenza fil-ħidma umanitarja. Għal dan il-għan, il-KESE jipproponi li tiġi kkunsidrata t-tnedija ta' azzjonijiet speċifiċi li jistimulaw kemm il-parteċipazzjoni tal-voluntiera f'dawn il-pajjiżi, kif ukoll iħeġġu lill-organizzazzjonijiet soċjali u umanitarji tagħhom.

    1.3

    Bil-għan li jiġi promoss l-appoġġ taċ-ċittadini għall-azzjoni umanitarja u għar-rikonoxximent tar-rwol tal-volontarjat, il-KESE jirrakkomanda li jiġu kkunsidrati wkoll azzjonijiet ta' komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni dwar dawn is-suġġetti għall-pubbliku inġenerali.

    1.4

    Il-KESE japprova u jappoġġja l-fehmiet espressi fil-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja dwar l-għanijiet u l-mezzi marbutin mal-għajnuna umanitarja, u jixtieq jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-għajnuna umanitarja tinkludi l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriżijiet umanitarji, il-ħarsien tad-dinjità tagħhom u r-rispett tad-drittijiet tagħhom.

    1.5

    Il-KESE jenfasizza dan il-kunċett wiesa' tal-azzjoni umanitarja, li jmur lil hinn mis-sempliċi provvediment tal-għajnuna, u jfakkar fil-ħtieġa li jiġu rispettati l-prinċipji umanitarji tal-umanità, l-imparzjalità, in-newtralità u l-indipendenza, u l-liġijiet li jirregolaw l-azzjoni umanitarja bħala aspett essenzjali.

    1.6

    Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għan-natura ġenwina tal-volontarjat u l-periklu li dan jiġi konfuż ma' azzjonijiet oħra ta' natura professjonali. F'mumenti ta' kriżi ekonomika bħal dawk attwali, dan huwa aspett partikolarment rilevanti, kemm fi ħdan l-UE, kif ukoll fl-azzjoni esterna tagħha.

    1.7

    Il-KESE jenfasizza li l-eżistenza ta' leġislazzjonijiet differenti fil-qasam tal-volontarjat fl-Istati Membri diversi tista' taffettwa ħażin lill-inizjattiva EU Aid Volunteers.

    1.8

    Il-voluntiera għandhom jintużaw skont il-bżonn u wara li jsiru analiżi u valutazzjoni tas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tal-komunitajiet milqutin minn diżastri jew kriżijiet kumplessi.

    1.9

    Il-Proposta għal Regolament (1) tenfasizza l-bżonn li jiġu stabbiliti standards għall-istadji kollha tal-parteċipazzjoni tal-voluntiera. Il-KESE jaqbel ma' dan u jissuġġerixxi li dawn l-istandards jissejsu fuq il-prattiki tajbin tas-settur umanitarju u l-inizjattivi ta' kwalità li diġà huma fis-seħħ.

    1.10

    Il-volontarjat isir permezz ta' organizzazzjonijiet soċjali u, b'mod inqas wiesa', l-istituzzjonijiet ċivili pubbliċi. Il-kwalità tal-istituzzjonijiet hija partikolarment importanti biex il-ħidma tirnexxi. Il-KESE jaqbel mal-bżonn li jiġu żviluppati mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet li jkunu msejsin fuq l-esperjenza u l-għarfien kollettiv tas-settur umanitarju. Il-kriterji ta' ċertifikazzjoni għandhom japplikaw ukoll – għalkemm iridu jiġu adattati – għall-organizzazzjonijiet benefiċjarji fil-pajjiżi milqutin.

    1.11

    Il-KESE jixtieq jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni jrid jissejjes fuq dawn l-esperjenzi kollha u li meta jiġi implimentat irid jinkorpora l-kriterji ewlenin tat-trasparenza, il-kompetizzjoni ħielsa u l-opportunitajiet indaqs, kif ukoll ir-responsabbiltà. L-inizjattiva għandha tagħmilha possibbli li l-NGOs tal-pajjiżi b'inqas esperjenza f'dan il-qasam jiġu involuti fiha.

    1.12

    Il-KESE jixtieq jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li flimkien mat-taħriġ tekniku u professjonali – ħaġa li naturalment hija importanti – għandhom jiġu inklużi u enfasizzati wkoll it-taħriġ fil-valuri, it-taħriġ fir-rispett tal-komunitajiet milqutin, id-dimensjoni kulturali, ir-rispett u l-aspetti psikosoċjali tal-għajnuna, f'kelma waħda ħafna mill-kwistjonijiet relatati mal-ħidma umanitarja, li jmorru lil hinn mill-aspetti tekniċi.

    1.13

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-parteċipazzjoni ta' negozji li wkoll għandhom esperjenza ta' volontarjat korporattiv u tipi oħra għandha tiġi analizzata bir-reqqa, anke sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1

    Għalkemm il-volontarjat u l-attivitajiet volontarji saru jagħmlu parti mill-acquis communautaire, u l-istituzzjonijiet Ewropej ilhom iniedu proġetti u programmi differenti ta' volontarjat għal għexieren ta' snin, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fih biss referenza speċifika waħda għall-volontarjat fl-Artikolu 214(5) fil-parti dwar l-għajnuna umanitarja. F'dan l-artikolu jiġi propost il-ħolqien ta' Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja (EVHAC) sabiex iż-żgħażagħ Ewropej jiġu involuti fl-għajnuna umanitarja.

    2.2

    Lil hinn mis-sorpriża li qanqlet din l-inklużjoni, għal għadd ta' raġunijiet – kienet l-unika referenza għall-volontarjat fit-Trattat; jista' jkun li l-qasam umanitarju huwa wieħed mill-iżjed oqsma professjonalizzati tal-kooperazzjoni; ma ssir l-ebda referenza għall-volontarjat f'setturi oħra li fihom diġà teżisti esperjenza Ewropea bħaż-żgħażagħ, il-qasam soċjali, eċċ. – il-fatt huwa li wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, l-istituzzjonijiet Komunitarji indirizzaw it-tnedija ta' din l-inizjattiva. Għalhekk, il-Kummissjoni nediet diversi studji dwar il-fattibbiltà u l-impatt potenzjali tal-inizjattiva u tnedew għadd ta' proġetti pilota biex jinsiltu tagħlimiet u jitpoġġew fil-prattika (2). Fost it-tibdil adottat insibu d-deċiżjoni li isimha jinbidel u jsir inizjattiva Aid Volunteers, u l-progress miksub fid-diskussjonijiet b'rabta ma' Regolament dwar l-implimentazzjoni tal-inizjattiva.

    2.3

    Il-KESE jixtieq ifakkar li l-volontarjat minn dejjem kien jagħmel parti mill-attivitajiet ta' bosta organizzazzjonijiet soċjali Ewropej u huwa għalhekk li, fil-ħidma tiegħu, il-KESE ta attenzjoni lill-appoġġ, il-promozzjoni, eċċ. tiegħu.

    2.4

    Fl-istess ħin, il-KESE esprima l-pożizzjonijiet tiegħu permezz ta' diversi opinjonijiet dwar l-aspetti tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-azzjoni esterna tal-Unjoni, filwaqt li għamel enfasi speċjali fuq oqsma marbutin mal-mandat tiegħu: ir-rwol tas-soċjetà ċivili u d-drittijiet soċjali u dawk relatati max-xogħol, fost l-oħrajn.

    2.5

    L-għajnuna umanitarja hija wieħed mill-komponenti tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u hija, preċiżament, wieħed mill-ambiti fejn il-parteċipazzjoni u r-rwol ewlieni tas-soċjetà ċivili Ewropea huma l-iżjed ċari. Iżjed minn 47 % tal-għajnuna umanitarja tal-Kummissjoni Ewropea tingħata permezz tal-NGOs (3), kif jiġri fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Barra minn hekk, hija waħda mill-iżjed politiki Komunitarji li tibbenefika mill-appoġġ taċ-ċittadinanza Ewropea, kif joħroġ fid-dieher mill-Ewrobarometri (4).

    2.6

    Mill-1996 'l hawn, wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1275/1996, il-Kummissjoni Ewropea għandha sisien sodi għall-ħidma umanitarja tagħha, li komplew jissaħħu permezz tal-adozzjoni tal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, iffirmat fl-2007 mit-tliet istituzzjonijiet (il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament) u li jistabbilixxi l-qafas ġenerali tal-politika fil-qasam tal-għajnuna umanitarja. It-test jiddefinixxi l-viżjoni komuni, l-għanijiet politiċi u l-prinċipji tal-għajnuna umanitarja tal-UE, u jippreżenta viżjoni tal-UE li twieġeb b'vuċi waħda u b'iżjed effettività għall-ħtiġijiet umanitarji. Jiddefinixxi wkoll ir-rwol tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet komuni. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi l-għajnuna umanitarja bħala politika indipendenti.

    2.7

    Il-KESE jappoġġja u jaqbel ma' dak li jintqal fil-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, jiġifieri li: "L-objettiv tal-għajnuna umanintarja tal-UE huwa li tipprovdi rispons ta' emerġenza bbażat fuq il-ħtiġijiet immirat lejn il-preservazzjoni tal-ħajja, il-prevenzjoni u t-tnaqqis tas-sofferenza umana u ż-żamma tad-dinjità umana fejn ikun meħtieġ jekk il-gvernijiet u l-atturi lokali jinsabu f'diffikultà, ma jkunux jistgħu jew ma jkunux iridu jaġixxu. L-għajnuna umanitarja tal-UE tikkonsisti f'operazzjonijiet ta' assistenza, għajnuna u protezzjoni biex tiġi salvata u ppreżervata l-ħajja fi kriżijiet umanitarji jew immedjatament warajhom, iżda wkoll azzjonijiet immirati lejn il-faċilitar jew l-akkwist ta' aċċess għal nies fil-bżonn u l-fluss liberu ta' assistenza. L-assistenza umanitarja tal-UE hija pprovduta bħala rispons għal kriżijiet magħmulin mill-bniedem (inklużi emerġenzi kumplessi) u għal diżastri naturali kif meħtieġ" (5). Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon kbir ir-referenzi għall-protezzjoni tal-vittmi u ż-żamma tad-dinjità umana, li fil-fehma tiegħu jieħdu 'l-għajnuna lil hinn mis-sens strett tal-kelma.

    2.8

    Għalhekk, il-KESE jenfasizza li lil hinn mid-definizzjonijiet tal-liġi umanitarja internazzjonali, li jiddefinixxu d-drittijiet tal-vittmi, jew l-istrumenti legali Ewropej imsemmijin hawn fuq, ċerti organizzazzjonijiet umanitarji rinomati bħat-Tobba Mingħajr Fruntieri (Médecins Sans Frontières) huma tal-fehma li l-azzjoni umanitarja hija ġest minn soċjetà ċivili għal oħra, li l-għan aħħari tagħha huwa li tippreżerva l-ħajja u ttaffi t-tbatija. Għall-kuntrarju ta' tipi oħra ta' għajnuna, ma għandhiex l-għan li tibdel soċjetà kwalunkwe iżda biss li tgħinha tissupera perjodu kritiku. Hija timpenja ruħha favur il-persuni, mhux l-Istati. Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-qasam umanitarju huwa fundamentali.

    2.9

    Il-KESE jixtieq josserva li l-kunċett tal-għajnuna umanitarja żviluppa f'dawn l-aħħar deċennji u sar jinkorpora aspetti preventivi u ta' tnaqqis tar-riskju, ta' assistenza, protezzjoni u riabilitazzjoni wara d-diżastri jew il-gwerer. L-Unjoni Ewropea stess, permezz tal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, kienet minn ta' quddiem nett f'dan il-qasam. Fl-istess ħin, l-għajnuna umanitarja mhux biss għandha l-għan li tissodisfa l-ħtiġijiet, iżda tinkludi wkoll aspetti tal-hekk imsejjaħ "approċċ ibbażat fuq id-drittijiet" u tfittex li trodd lura d-dinjità tal-persuni. Il-KESE jista' jagħmel kontribut uniku fil-kuntest ta' dan it-tip ta' approċċ.

    2.10

    Il-KESE jixtieq jenfasizza wkoll li l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja jew l-inizjattiva EU Aid Volunteers jistgħu jikkontribwixxu billi jinvolvu lil ċerti Stati Membri b'inqas esperjenza fil-qasam tal-għajnuna umanitarja iżda b'potenzjal konsiderevoli biex jikkontribwixxu viżjonijiet ġodda, dinamiżmu u voluntiera. Wieħed mill-kontributi tal-inizjattiva EU Aid Volunteers għandu jkun il-promozzjoni tal-volontarjat fl-ambitu umanitarju fost iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea kollha.

    2.11

    Għalhekk, il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva EU Aid Volunteers u jixtieq jikkontribwixxi l-fehmiet tiegħu għall-proċess tat-tfassil ta' Regolament dwar din l-inizjattiva, b'enfasi partikolari fuq l-aspetti li huma marbutin l-iżjed mill-qrib mal-missjoni u l-esperjenza tiegħu bħala korp konsultattiv tas-soċjetà ċivili Ewropea.

    3.   Il-volontarjat fl-għajnuna Ewropea

    3.1

    Il-KESE jaqbel mad-definizzjonijiet tal-volontarjat li jinstabu fil-Proposta għal Regolament, u li ġew inklużi f'opinjonijiet oħra. Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għan-natura ġenwina tal-volontarjat u l-periklu li dan jiġi konfuż ma' azzjonijiet oħra ta' natura professjonali. F'mumenti ta' kriżi ekonomika bħal dawk attwali, dan huwa aspett partikolarment rilevanti, kemm fi ħdan l-UE, kif ukoll fl-azzjoni esterna tagħha. Għalhekk, il-KESE jipproponi li, f'ċerti każijiet, jiġi vvalutat l-impatt ekonomiku potenzjali tal-volontarjat Ewropew fil-pajjiżi benefiċjarji.

    3.2

    Il-KESE jixtieq ifakkar fil-bżonn ta' koerenza fil-leġislazzjoni dwar il-volontarjat fl-Unjoni Ewropea u, fuq kollox, dwar l-attivitajiet internazzjonali tal-voluntiera. Il-KESE jenfasizza li l-eżistenza ta' oqfsa legali differenti fil-qasam tal-volontarjat fl-Istati Membri diversi tista' taffettwa ħażin lill-inizjattiva EU Aid Volunteers (6).

    3.3

    Fl-istess ħin, il-KESE jinsab konvint li din ix-xorta ta' inizjattiva għandha sservi biex tippromovi l-inklużjoni tal-Istati Membri b'inqas esperjenza fil-volontarjat u l-għajnuna umanitarja. L-inizjattiva għandha tiżgura li tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet ta' dawn il-pajjiżi u għandha tippromovi l-inklużjoni tal-voluntiera mill-UE kollha b'konformità mal-prinċipju tal-opportunitajiet indaqs. Il-KESE jipproponi li jitwettqu azzjonijiet speċifiċi għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni kemm tal-organizzazzjonijiet kif ukoll tal-voluntiera mill-Istati Membri li sa issa pparteċipaw inqas fis-settur umanitarju.

    3.4

    Għalkemm, fil-bidu, it-TFUE kien limitat għall-kwistjonijiet tal-għajnuna umanitarja, fil-fatt, bosta mill-proġetti pilota ffinanzjati u għadd konsiderevoli ta' kompiti allokati lill-voluntiera kienu jikkonċernaw kwistjonijiet ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, ir-riabilitazzjoni u l-bini mill-ġdid, il-mitigazzjoni, ir-reżiljenza, eċċ. Fil-fehma tal-KESE, dan l-aġġustament huwa loġiku u jipproponi li jiġi analizzat kif fil-futur il-volontarjat jista' jiżviluppa fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE.

    3.5

    Il-volontarjat fl-għajnuna umanitarja Ewropea u, b'mod ġenerali, fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandu jkun koerenti mal-bqija tal-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet Komunitarji, jikkomplementahom u jiġi integrat magħhom. Fil-fehma tal-KESE, il-volontarjat jista' jkun utli għal oqsma oħra ta' kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp, iżda għandu jkun ibbażat fuq kriterji ta' prudenza u prekawzjoni ("do no harm") b'mod li jiġu limitati s-sitwazzjonijiet li fihom jiġu mobilizzati l-voluntiera.

    3.6

    Għalhekk, il-KESE jaqbel mal-fatt li l-Parlament Ewropew illimita l-parteċipazzjoni potenzjali tal-voluntiera f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt, theddid għas-sigurtà jew f'emerġenzi kumplessi. Is-sigurtà tal-benefiċjarji, il-voluntiera u l-persunal inġenerali għandha tiġi l-ewwel, l-iżjed f'sitwazzjonijiet fejn issir ħidma umanitarja.

    3.7

    F'dan il-kuntest, il-KESE jipproponi li tiġi rfinata iżjed id-definizzjoni tat-tipi ta' proġetti li huma l-iżjed adattati biex jieħdu sehem fihom il-voluntiera jew, tal-inqas, għandhom jiġu stabbiliti b'mod iżjed riġidu t-tipi ta' azzjonijiet li ma għandhomx jipparteċipaw fihom il-voluntiera tal-inizjattiva L-azzjoni umanitarja hija wiesgħa ħafna u diversa u għandhom jiġu identifikati dawk il-kuntesti li l-iżjed huma adattati għall-ħidma marbuta mal-volontarjat.

    3.8

    Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon ukoll il-fatt li l-proposta tal-volontarjat taż-żgħażagħ stabbilit fit-Trattat inbidlet f'waħda iżjed realistika li tittratta d-diversi tipi ta' volontarjat, il-ħiliet meħtieġa, il-valuri differenti, eċċ. Il-KESE jemmen li tinħtieġ ħidma biex jiġi żgurat bilanċ adatt bejn l-irġiel u n-nisa fil-proġett.

    4.   Sfidi għall-implimentazzjoni tal-inizjattiva EU Aid Volunteers

    4.1

    L-istituzzjonijiet Komunitarji ħadu approċċ prudenti għall-implimentazzjoni fil-prattika tal-inizjattiva EU Aid Volunteers. Il-valutazzjoni tal-proġetti pilota u l-inizjattivi li kien hemm sa issa għandha tkun fundamentali biex jiġu stabbiliti u indirizzati xi wħud mill-isfidi tal-ġejjieni. Ir-riżultati ta' dawn il-valutazzjonijiet għandhom jinqasmu fost il-partijiet interessati kollha u għandhom jiġu diskussi t-tagħlimiet misluta.

    4.2

    Il-voluntiera għandhom jintużaw skont il-bżonn u d-domanda u wara li jsiru analiżi u valutazzjoni tas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tal-komunitajiet milqutin minn diżastri jew kriżijiet kumplessi. Huwa fundamentali li jkun hemm rabta mal-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni kemm f'livell Ewropew (COHAFA, mekkaniżmi tad-DĠ ECHO, eċċ.) kif ukoll f'livell internazzjonali, permezz tal-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA).

    4.3

    Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi ċari man-netwerks speċjalizzati fis-settur umanitarju (bħalissa), pereżempju l-Federazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tas-Salib l-Aħmar u n-Nofs Qamar l-Aħmar, VOICE (Voluntary Organisations on Cooperation in Emergencies – organizzazzjonijiet volontarji għall-kooperazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza) jew il-Kunsill Internazzjonali tal-Organizzazzjonijiet Volontarji (ICVA – International Council of Voluntary Agencies), fost oħrajn.

    4.4

    Il-Proposta għal Regolament tenfasizza l-bżonn li jiġu stabbiliti standards għall-istadji kollha tal-mobilizzazzjoni tal-voluntiera fil-pajjiżi terzi. Il-KESE jaqbel ma' dan u jissuġġerixxi li dawn l-istandards jissejsu fuq il-prattiki tajbin tas-settur umanitarju u l-inizjattivi ta' kwalità li huma rilevanti u diġà fis-seħħ (7).

    4.5

    Dawn l-istandards għandhom jagħtu importanza partikolari lill-kwistjonijiet ta' sigurtà u għandhom jiżguraw kundizzjonijiet li jagħmluha possibbli li l-voluntiera jwettqu l-attività tagħhom u jżidu l-valur tal-proġetti umanitarji.

    4.6

    Il-volontarjat isir permezz ta' organizzazzjonijiet soċjali u, b'mod inqas wiesa', l-istituzzjonijiet ċivili pubbliċi. Il-kwalità tal-istituzzjonijiet hija partikolarment importanti biex l-attivitajiet jirnexxu. Il-KESE jaqbel mal-bżonn li jiġu żviluppati mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet li jkunu msejsin fuq l-esperjenza u l-għarfien kollettiv tas-settur umanitarju. Għalhekk, il-KESE jipproponi li tiġi analizzata u vvalutata l-esperjenza li akkumula d-DĠ ECHO rigward il-kuntratti qafas ta' assoċjazzjoni mal-NGOs u l-aġenziji tan-NU (8).

    4.7

    Il-KESE jixtieq jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni għandu jissejjes fuq dawn l-esperjenzi kollha u li meta jiġi implimentat irid jinkorpora l-kriterji ewlenin tat-trasparenza, il-kompetizzjoni ħielsa u l-opportunitajiet indaqs, kif ukoll ir-responsabbiltà. L-inizjattiva għandha tagħmilha possibbli li l-NGOs tal-pajjiżi b'inqas esperjenza f'dan il-qasam jiġu involuti fiha. Għaldaqstant, il-KESE jipproponi li jiġu żviluppati azzjonijiet speċifiċi li jxerrdu l-inizjattiva EU Aid Volunteers u l-azzjoni umanitarja inġenerali f'dawn l-Istati Membri.

    4.8

    Il-kriterji ta' ċertifikazzjoni għandhom japplikaw ukoll – għalkemm iridu jiġu adattati – għall-organizzazzjonijiet benefiċjarji fil-pajjiżi milqutin. It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji għandu jkun prijorità u jkollu l-appoġġ tekniku, loġistiku u finanzjarju tal-proġett. L-inizjattiva tista' tkun strument li jappoġġja l-organizzazjonijiet imsieħba fin-Nofsinhar u tista' tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-komunitajiet benefiċjarji. Il-KESE kien partikolarment sensittiv għal din il-kwistjoni u adotta diversi opinjonijiet dwar dan is-suġġett (9).

    4.9

    Il-KESE jenfasizza n-natura ċivili li għandu jkollhom l-istituzzjonijiet li jibagħtu u jilqgħu fi ħdanhom il-voluntiera, sabiex jiġi żgurat li jinżammu l-prinċipji u l-valuri umanitarji u li jiġu aċċettati mill-komunitajiet milqutin.

    4.10

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-parteċipazzjoni ta' negozji li wkoll għandhom esperjenza ta' volontarjat korporattiv u tipi oħra għandha tiġi analizzata bir-reqqa sabiex jiġu proposti ċerti mekkaniżmi għal din il-parteċipazzjoni. Taħt kull ċirkustanza, il-KESE huwa tal-fehma li għandu jiġi promoss ukoll ir-rwol tal-SMEs u mhux biss, kif ġieli ġara, tal-korporazzjonijiet il-kbar b'dipartimenti tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji jew simili.

    4.11

    It-taħriġ tal-kandidati li jixtiequ jipparteċipaw fl-inizjattiva EU Aid Volunteers huwa essenzjali biex l-operazzjonijiet jaħdmu kif imiss. Il-KESE jixtieq jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li flimkien mat-taħriġ tekniku u professjonali – ħaġa li naturalment hija importanti – għandhom jiġu inklużi u enfasizzati wkoll it-taħriġ fil-valuri, it-taħriġ fir-rispett tal-komunitajiet milqutin, id-dimensjoni kulturali, ir-rispett u l-aspetti psikosoċjali tal-għajnuna, f'kelma waħda ħafna mill-kwistjonijiet relatati mal-ħidma umanitarja, li jmorru lil hinn mill-aspetti tekniċi. Jekk hemm ħaġa waħda li tiddistingwi l-azzjoni umanitarja, din hija l-enfasi fuq il-prinċipji u l-valuri, li għandha tkun essenzjali fit-taħriġ tal-voluntiera.

    4.12

    Għalhekk hemm bżonn li ssir ħidma mal-entitajiet li diġà għandhom esperjenza fil-qasam fid-diversi Stati Membri u man-netwerks ta' taħriġ fil-livell Ewropew, mhux biss dawk universitarji iżda wkoll netwerks mingħajr skop ta' qligħ. Il-valutazzjoni tal-attivitajiet marbutin mat-taħriġ inklużi fil-proġetti pilota li diġà ntemmu għandha tingħata attenzjoni speċjali. Il-KESE jħeġġeġ li jinġabru minnufih prattiki tajbin f'dan il-qasam b'mod li jservu ta' valuri ta' referenza (benchmarks) għall-proposti futuri.

    4.13

    Il-Proposta għal Regolament tikkunsidra l-ħolqien ta' bażi tad-data li fiha jistgħu jiġu inklużi l-voluntiera potenzjali li mbagħad jiġu mobilizzati permezz tal-organizzazzjonijiet akkreditati jew, possibbilment, is-servizzi tal-Kummissjoni. Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-inklużjoni tal-voluntiera fl-organizzazzjonijiet ma tiddependix biss mir-rekwiżiti tekniċi iżda wkoll minn ċerta affinità mil-lat ta' valuri komuni u l-aċċettazzjoni tal-mandati u l-missjoni tal-istituzzjoni, fost affarijiet oħra. Għaldaqstant, ikunu xi jkunu l-arranġamenti finali tal-bażi tad-data tal-voluntiera li tistabbilixxi l-Kummissjoni, il-KESE huwa konvint li dan l-aspett għandu jiġi kkunsidrat.

    4.14

    L-implimentazzjoni tal-inizjattiva EU Aid Volunteers hija opportunità biex jitwessgħu l-azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni u ta' edukazzjoni taċ-ċittadini Ewropej dwar is-solidarjetà, il-ħtieġa li jinżammu l-flussi tal-għajnuna anke fi żminijiet ta' kriżi u l-promozzjoni tal-valuri universali. Lil hinn mis-sempliċi "viżibbiltà" tal-azzjonijiet, il-KESE jixtieq jenfasizza, kif għamel f'opinjonijiet oħra, il-ħtieġa li jissaħħu r-relazzjonijiet maċ-ċittadini. U l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li bosta minnhom huma rappreżentati fil-KESE, għandhom rwol fundamentali x'jaqdu f'dan il-kuntest. Il-KESE huwa tal-fehma li dawn l-azzjonijiet pubbliċi għandhom jiffukaw fuq dawk l-Istati Membri b'inqas esperjenza fil-qasam tal-azzjoni umanitarja.

    Brussell, 16 ta’ Ottubru 2013.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja – EU Aid Volunteers (COM(2012) 514 final).

    (2)  Id-DĠ ECHO kkummissjona tliet valutazzjonijiet dwar dan is-suġġett, fl-2006, l-2010 u l-2012: "Review concerning the establishment of a European Voluntary Humanitarian Aid Corps" (2006); "Review concerning the establishment of a European Voluntary Humanitarian Aid Corps – Final report" (2010) u "Impact Assessment on the establishment of a European Voluntary Humanitarian Aid Corps" (2012), li ppreżentaw diversi konklużjonijiet.

    (3)  Data tal-ECHO, 2012, http://ec.europa.eu/echo/files/funding/figures/budget_implementation/AnnexV.pdf.

    (4)  Skont l-Ewrobarometru ta' Marzu 2012 dwar din il-kwistjoni, 88 % taċ-ċittadini Ewropej huma favur li l-UE tiddedika riżorsi għall-għajnuna umanitarja. http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_383-384_fact_mt_mt.pdf

    (5)  L-Artikolu 8 tal-Kunsens. ĠU C 25, 30.1.2008, p. 1-12. Il-Kunsens jirreferi wkoll għal inizjattivi bħall-Proġett Sphere, li jistabbilixxu d-drittijiet tal-persuni milqutin minn kriżijiet umanitarji u l-protezzjoni tagħhom. “Karta Umanitarja” u Standards Minimi tal-proġett Sphere.

    (6)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Komunikazzjoni dwar il-Politiki tal-UE u l-Volontarjat: Ir-Rikonoxximent u l-Promozzjoni fl-UE tal-Ħidmiet Volontarji Transkonfinali. COM(2011) 568 final, ĠU, C 181, 21.6.2012, pp. 150-153.

    (7)  Il-KESE jipproponi li jsir monitoraġġ speċifiku tal-Inizjattiva dwar l-Istandards Konġunti (Joint Standards Initiative – JSI), li tnediet minn tlieta fost l-iżjed inizjattivi importanti għat-titjib tal-azzjoni umanitarja: il-Proġett Sphere, l-inizjattiva HAP (Humanitarian Accountability Partnership – Sħubija għar-Responsabbiltà fil-Qasam Umanitarju) u l-Kodiċi ta' Prattika tajba ta' People in Aid.

    (8)  Għandu jsir monitoraġġ ukoll tal-proposti tal-Kumitat ta' Tmexxija għar-Rispons Umanitarju li qed jiġu diskussi bħalissa, kif ukoll jiġu analizzati l-mekkaniżmi ta' akkreditazzjoni stabbiliti f'ċerti Stati Membri biex jinstabu approċċi koerenti u jiġu evitati d-dupplikazzjonijiet.

    (9)  Opinjoni tal-KESE "Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-politiki tal-iżvilupp u tal-koperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea", ĠU, C 181, 21.06.2012, pp. 28-34.


    Top