This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011IP0473
Public health threat of antimicrobial resistance European Parliament resolution of 27 October 2011 on the public health threat of antimicrobial resistance
It-theddida għas-saħħa pubblika tar-reżistenza antimikrobika Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 27 ta' Ottubru 2011 dwar it-theddida għas-saħħa pubblika tar-reżistenza antimikrobika
It-theddida għas-saħħa pubblika tar-reżistenza antimikrobika Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 27 ta' Ottubru 2011 dwar it-theddida għas-saħħa pubblika tar-reżistenza antimikrobika
ĠU C 131E, 8.5.2013, p. 116–121
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
8.5.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 131/116 |
Il-Ħamis 27 ta’ Ottubru 2011
It-theddida għas-saħħa pubblika tar-reżistenza antimikrobika
P7_TA(2011)0473
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar it-theddida għas-saħħa pubblika tar-reżistenza antimikrobika
2013/C 131 E/14
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar ir-reżistenza għall-antibijotiċi, b'enfasi fuq is-saħħa tal-annimali, |
— |
wara li kkunsidra l-Opinjoni Xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) "on the public health risks of bacterial strains producing extended-spectrum β-lactamases and/or AmpC β-lactamases in food and food-producing animals"(dwar ir-riskji għas-saħħa pubblika tar-razez batteriċi responsabbli mill-produzzjoni ta' β-lattamażi u/jew β-lattamażi tat-tip AmpC ta' spettru wiesa' fl-ikel u fl-annimali li jipproduċu l-ikel) ippubblikata f'Awwissu 2011; |
— |
wara li kkunsidra id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar ir-reżistenza antimikrobika tat-18 ta' Novembru 2009 (SANCO/6876/2009r6), |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Tekniku Konġunt taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) ta' Settembru 2009 bit-titolu 'The bacterial challenge: time to react (L-isfida batterika: wasal iż-żmien li nirreaġixxu), appell biex jitqarreb id-distakk eżistenti bejn il-preżenza fl-UE ta' batterji reżistenti għal ħafna mediċini u l-iżvilupp ta' aġenti antibatteriċi ġodda, |
— |
wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2002/77/KE tal-15 ta' Novembru 2001 dwar l-użu prudenti tal-aġenti antimikrobiċi fil-mediċina tal-bniedem (1) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-proposta għal din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta' Ġunju 2001 dwar Strateġija Komunitarja kontra r-reżistenza antimikrobika (COM(2001)0333), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi l-aġenti antimikrobiċi huma kapaċi jeqirdu jew jipprevjenu t-tkabbir tal-batterji, virus u mikrorganiżmi oħrajn (l-antibijotiċi huma aġenti mikrobiċi li jirreaġixxu biss kontra l-batterji) u għalhekk żvolġew rwol sinifikanti fit-titjib tas-saħħa pubblika billi għenu biex jitnaqqas in-numru ta' mwiet minħabba mard u infezzjonijiet li qabel ma setgħux jiġu kkurati jew kienu fatali; |
B. |
billi l-użu tagħhom irriżulta f'ċerti mikrorganiżmi preċedentement sensittivi għal dawk l-aġenti antimikrobiċi li żviluppaw reżistenza, l-hekk imsejħa ‧reżistenza antimikrobika‧; |
C. |
billi dan il-proċess naturali huwa aċċelerat bis-saħħa tal-użu eċċessiv u inkontrollat ta' dawn l-aġenti antimikrobiċi u b'hekk ikkompromettew is-suċċessi mediċi miksuba; |
D. |
billi t-tnedija ta' kull antibijotiku ġdid kienet, u se tkun, segwita minn reżistenza fil-batterji fil-mira; billi ż-żamma ta' kapaċità effettiva għall-ġlieda kontra l-mard infettiv teħtieġ kemm l-iżvilupp ta' aġenti antimikrobiċi ġodda kif ukoll il-konservazzjoni mtejba tar-riżorsi antibijotiċi eżistenti, b'hekk tiġi enfasizzata l-prijorità li jiġi garantit li l-użu tal-antibijotiċi huwa kkontrollat u limitat b'mod effikaċi esklużivament għat-trattament neċessarju; |
E. |
billi l-industrija farmaċewtika ilha madwar 40 sena (mill-Erbgħinijiet sas-Sebgħinijiet) tipprovdi fluss kostanti ta' antibijotiċi ġodda, ħafna minnhom b'mekkaniżmi ta' azzjoni ġodda li daru mal-problemi kkawżati mir-reżistenza għal aġenti preċedenti; billi minn dak iż-żmien huma biss ftit l-aġenti antimikrobiċi li ġew żviluppati u awtorizzati; |
F. |
billi r-reżistenza antimikrobika hija problema importanti li baqgħet fil-biċċa l-kbira tagħha mhux solvuta u saret theddida għas-saħħa pubblika fl-Ewropa u fid-dinja, li ssarrfet fi trattamenti itwal u iktar ikkumplikati, tnaqqis tal-kwalità tal-ħajja, riskju ikbar ta' mewt (huma 25 000 il-pazjenti li jmutu kull sena fl-Unjoni Ewropea minħabba infezzjoni kkawżata minn mikrorganiżmi reżistenti), iżjed spejjeż fl-assistenza sanitarja u telf fil-produttività li jammonta għal tal-anqas EUR 1,5 biljun fis-sena; |
G. |
billi perċentwal għoli ta' infezzjonijiet nożokomjali huwa kkawżat minn batterji estremament reżistenti għall-iStaphylococcus aureus reżistenti għall-metiċillina (MRSA) u għas-C. difficile, li jirrappreżentaw riskju gravi għas-sikurezza tal-pazjenti; |
H. |
billi r-reżistenza antimikrobika tant saret kwistjoni kritika li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa adottatha bħala t-tema tal-Jum Dinji tas-Saħħa ta' din is-sena li jiġi mfakkar fis-7 ta' April 2011 u li l-Unjoni Ewropea ilha mill-2008 torganizza annwalment jum Ewropew tas-sensibilizzazzjoni dwar l-użu tajjeb tal-antibijotiċi fit-18 ta' Novembru; |
I. |
billi l-użu inadegwat u irrazzjonali tal-mediċini antimikrobiċi joffri kundizzjonijiet favorevoli biex jinbtu, jinfirxu u jippersistu mikrorganiżmi reżistenti; |
J. |
billi r-reżistenza antimikrobika fil-bnedmin sikwit hija kkawżata minn dożi inadegwati ta' antibijotiċi, minn kuri żbaljati u permezz tal-esponiment kontinwu tal-organiżmi patoġeni għall-aġenti antimikrobiċi fl-isptarijiet; |
K. |
billi l-iġjene tajba fil-forma tal-ħasil u t-tnixxif effikaċi tal-idejn tista' tgħin biex titnaqqas il-ħtieġa għal antibijotiċi u aġenti antimikrobiċi; |
L. |
billi minkejja l-projbizzjoni tal-użu ta' antibijotiċi bħala promoturi tat-tkabbir u r-rieda li jitnaqqas il-konsum veterinarju tal-antibijotiċi għal għanijiet "ta' prevenzjoni" mhux xierqa, ir-reżistenza għall-antimikrobiċi taffettwa kemm il-bnedmin kif ukoll l-annimali u tista' potenzjalment tiġi trasmessa bejniethom, u minħabba f'hekk din hija tassew kwistjoni trasversali li titlob approċċ ikkoordinat fuq livell tal-Unjoni; billi sforzi addizzjonali huma għalhekk meħtieġa biex itejbu l-prattiki agrikoli li jgħinu biex jitnaqqas ir-riskju assoċjat mal-użu ta' antibijotiċi għal skopijiet veterinarji u l-iżvilupp ta' reżistenza fil-bnedmin, |
M. |
billi t-trobbija tajba tal-annimali tnaqqas sal-minimu l-bżonn ta' antibijotiċi; |
N. |
billi l-azzjoni kontra r-reżistenza għal aġenti antimikrobiċi fil-mediċini tal-bniedem ma tistax għaldaqstant ma tittiħidx flimkien ma' miżuri intiżi biex jiġġieldu r-reżistenza għal aġenti antimikrobiċi fil-mediċini veterinarji, fl-għalf u fil-koltivazzjoni ta' għelejjel; |
O. |
billi l-EPRUMA (3) hija inizjattiva b'ħafna partijiet interessati intiża li tippromwovi l-użu responsabbli tal-mediċini veterinarji; billi l-kunċett ta' One Health ikopri kemm il-mediċini tal-bniedem kif ukoll dawk veterinarji u l-EPRUMA tirrikonoxxi l-aġenti antimikrobiċi bħala problema fl-ambitu ta' One Health, |
P. |
billi huwa ċar li r-reżistenza antimikrobika tikkostitwixxi fenomenu li għandu implikazzjonijiet transfruntieri u ma tistax tiġi eskluża l-eżistenza ta' sitwazzjonijiet estremi li wisq probabbli ma tkunx tista' tiġi ġestita bir-riżorsi u bl-għarfien attwali u jaf ikollhom riperkussjonijiet fuq livell mediku, soċjali u ekonomiku imprevedibbli; |
1. |
Josserva mħasseb li r-reżistenza antimikrobika hija theddida dejjem ikbar għas-saħħa pubblika fl-Ewropa u fid-dinja kollha, minkejja l-azzjonijiet meħuda f'livell Ewropew u internazzjonali; |
2. |
Jappella għal intensifikazzjoni ulterjuri tal-ġlieda kontra r-reżistenza għal aġenti antimikrobiċi fil-mediċini tal-bniedem, b'enfasi, f'dan l-ordni ta' prijorità li ġej, fuq:
|
3. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mingħajr dewmien qafas leġiżlattiv għal azzjoni kontra r-reżistenza antimikrobika, billi tippromwovi inizjattivi marbuta mal-‧użu responsabbli‧ u ssostni t-tixrid ta' tali inizjattivi u l-informazzjoni dwarhom; |
L-użu prudenti tal-aġenti antimikrobiċi
4. |
Jerġa' jikkonferma li tinħtieġ azzjoni urġenti biex tevita żieda ulterjuri tal-mikrorganiżmi reżistenti, jew saħansitra treġġa' lura t-tendenza, billi tnaqqas l-użu bla bżonn u inadegwat tal-aġenti antimikrobiċi; |
5. |
Jenfasizza li l-objettiv aħħari hu li l-aġenti antimikrobiċi jibqgħu jinżammu bħala strument effikaċi biex jiġi miġġieled il-mard, kemm fl-annimali kif ukoll fil-bnedmin, filwaqt li l-aġenti antimikrobiċi jintużaw biss meta verament ikun meħtieġ; |
6. |
Josserva li r-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2001 (4) u tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2010 identifika sensiela ta' nuqqasijiet u lakuni fil-promozzjoni tal-użu prudenti tar-reżistenza antimikrobika; |
7. |
Josserva li l-livell ta' aċċess għall-informazzjoni dwar ir-reżistenza antimikrobika u l-impatt fuq l-imġiba tal-konsum taċ-ċittadini għadu mhux uniformi fl-Unjoni, partikolarment fir-rigward tal-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar l-użu b'riċetta medika biss ta' antibijotiċi, billi l-perċentwal ta' antibijotiċi mibjugħ mingħajr riċetta medika fl-2008 wera differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri; |
8. |
Josserva f'dan ir-rigward li l-Ewropa hija dgħajfa daqs l-aktar ħolqa dgħajfa, għalhekk għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-pajjiżi b'livelli ta' reżistenza antimikrobika għolja; |
9. |
Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti intiżi li jnaqqsu konsiderevolment l-użu tal-antibijotiċi u jidentifikaw u jiddefinixxu l-prinċipji ġenerali u l-aħjar prattiki dwar l-użu prudenti tal-aġenti antimikrobiċi li jkomplu jelaboraw fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2001 u tiggarantixxi li tali prinċipji u metodi huma implimentati kif suppost fl-Unjoni Ewropea; |
10. |
Jirrikonoxxi li jeżistu ħafna prekunċetti żbaljati dwar l-antibijotiċi u l-effetti tagħhom, u li skont stħarriġ ikkummissjonat mill-Kummissjoni, 53 % tal-Ewropej għadhom jemmnu li l-antibijotiċi joqtlu l-virus u 47 % jemmnu li huma effikaċi kontra l-irjiħat u l-influwenza (Ewrobarometru Speċjali 338 dwar ir-Reżistenza Antimikrobika, April 2010); |
11. |
Jirrikonoxxi li n-nuqqas, min-naħa tal-pazjenti, ta' aderenza u ta' konformità mar-riċetti mediċi, bħal meta jonqsu milli jtemmu ċ-ċiklu tat-trattament jew ma jsegwux ir-rakkomandazzjonijiet dwar id-dożaġġ, jikkontribwixxi bil-bosta għar-reżistenza antimikrobika; |
12. |
Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-kwistjoni tal-użu inadegwat u l-bejgħ ta' aġenti antimikrobiċi b'riċetta medika jew mingħajrha tul il-katina, mit-tabib u l-ispiżjar sal-pazjent, f'termini ta' mġiba tal-atturi kollha involuti u timplimenta strateġija komprensiva fit-tul dwar is-sensibilizzazzjoni ta' dawn l-atturi kollha; |
13. |
Jenfasizza l-fatt li biex jiġi garantit l-użu prudenti tal-aġenti antimikrobiċi, l-atturi rilevanti għandhom jagħtu attenzjoni lill-użu aħjar tal-antibijotiċi attwalment disponibbli, permezz ta' eżami bir-reqqa tad-dożaġġ, it-tul tat-trattament u l-kombinazzjoni ta' mediċini; |
14. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu ħasil u tnixxif tajjeb tal-idejn - speċjalment fl-isptarijiet - sabiex jiġi evitat it-tixrid ta' infezzjonijiet u titnaqqas il-ħtieġa għall-antibijotiċi; |
15. |
Jilqa' favorevolment, għalhekk, il-jum Ewropew tas-sensibilizzazzjoni dwar l-użu tajjeb tal-antibijotiċi li jitfakkar kull sena fit-18 ta' Novembru, intiż biex jissensibilizza dwar it-theddida għas-saħħa pubblika tar-reżistenza antimikrobika u biex jappella għal iktar użu responsabbli tal-antibijotiċi permezz ta' azzjonijiet moltepliċi fl-Istati Membri; |
Il-monitoraġġ u s-sorveljanza tar-reżistenza antimikrobika
16. |
Jenfasizza l-importanza ta' sistema ta' monitoraġġ u sorveljanza li taħdem sew biex tinġabar data affidabbli u kumparabbli dwar is-suxxettibilità tal-aġenti patoġeni għall-aġenti antimikrobiċi u l-infezzjonijiet ikkawżati minnhom, b'hekk tkun possibbli analiżi tat-tendenzi, twissijiet bikrin u monitoraġġ tal-firxa tar-reżistenza f'livell nazzjonali, reġjonali u Komunitarju u biex tinġabar data dwar il-preskrizzjoni ta' riċetti mediċi u l-użu ta' aġenti antimikrobiċi biex l-użu kumplessiv ikunu jista' jiġi monitorat; |
17. |
Jilqa' favorevolment, għalhekk, il-ħidma li bdiet tagħmel is-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tar-Reżistenza Antimikrobika (EARSS) is-Sorveljanza Ewropea tal-Konsum tal-Antimikrobiċi għal Użu Veterinarju (ESVAC) u llum imkomplija mill-ECDC, f'dak li huwa ġbir ta' data fuq skala tal-UE, ta' kwalità u kumparabbli dwar ir-reżistenza antimikrobika, filwaqt li jirrikonoxxi li bosta diffikultajiet għadhom jeżistu fir-rigward tal-aċċess għad-data u l-kwalità tad-data f'xi pajjiżi; jilqa' favorevolment ukoll il-ħidma mibdija mill-Proġett ta' Sorveljanza Ewropea tal-Konsum tal-Antimikrobiċi u llum imkomplija mill-ECDC f'dak li huwa ġbir ta' data fuq skala tal-UE, ta' kwalità u kumparabbli dwar il-konsum tal-antimikrobiċi; |
18. |
Jenfasizza l-importanza tad-dijanjostika fil-ġlieda kontra r-reżistenza antimikrobika u jappella għal aktar investimenti f'dan il-qasam kif anki għal użu aktar effiċjenti u għal użu aħjar tal-istrumenti dijanjostiċi attwali; |
19. |
Jistieden lill-Kummissjoni, lill-ECDC u lill-aġenziji tal-UE l-oħra rilevanti jaħdmu flimkien mingħajr dewmien biex jiġu żviluppati sistemi ta' monitoraġġ armonizzati u integrati għar-reżistenza antimikrobika u għall-użu antimikrobiku fl-Ewropa, inkluż rispons għat-twissijiet bikrin għall-mekkaniżmi u għar-razez ta' reżistenza ġdida; |
Il-bżonn ta' riċerka u ta' żvilupp ta' aġenti antimikrobiċi u alternattivi ġodda
20. |
Jirrikonoxxi d-distakk dejjem usa' bejn il-frekwenza tal-infezzjonijiet ikkawżati minn mikrorganiżmi reżistenti u t-tnaqqis fir-riċerka u fl-iżvilupp ta' aġenti antimikrobiċi ġodda qiegħed issa jhedded li jreġġa' s-settur tas-saħħa pubblika lura għall-era preantibijotika; |
21. |
Iqis li t-tnaqqis fir-riċerka u fl-iżvilupp huwa r-riżultat ta' falliment tas-suq u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti, permezz ta' toroq regolamentari u tipi ta' miżuri oħrajn, biex toħloq jew ittejjeb l-inċentivi għall-industrija farmaċewtika biex tintensifika l-investimenti fir-riċerka u żvilupp ta' aġenti antimikrobiċi ġodda u f'alternattivi possibbli, |
22. |
Ifakkar fil-bżonn ta' iżjed riċerka dwar aġenti antimikrobiċi ġodda kif ukoll dwar alternattivi possibbli fi ħdan il-Programmi Qafas tal-UE dwar ir-Riċerka u jħeġġeġ riċerka kollaborattiva f'livell tal-UE li twassal għal gwadann f'termini ta' effiċjenza; |
23. |
Josserva li n-nuqqas ta' dijanjożi rapida għen kemm l-użu eċċessiv ta' antibijotiċi kif ukoll biex jgħolli l-kostijiet tal-iżvilupp; |
24. |
Jirrikonoxxi l-bżonn ta' promozzjoni ta' miżuri kumplementari bħall-użu ta' vaċċini effikaċi għall-prevenzjoni tal-infezzjonijiet kif jinsabu fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-inċentivi innovattivi għall-antibijotiċi effikaċi tal-1 ta' Diċembru 2009; |
Approċċ olistiku
25. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-miżuri dwar ir-reżistenza antimikrobika u s-saħħa pubblika huma parti minn approċċ olistiku dwar ir-reżistenza antimikrobika u tirrikonoxxi r-rabtiet mal-miżuri intiżi biex jiġġieldu r-reżistenza għal aġenti antimikrobiċi fil-mediċini veterinarji, fl-għalf u fil-koltivazzjoni ta' għelejjel, partikolarment fir-rigward tar-riskju ta' trażmissjoni inkruċjata; |
26. |
Jistieden lill-Kummissjoni tittratta n-nuqqas ta' informazzjoni fir-rigward tal-użu ta' antibijotiċi fuq skala tal-UE fil-mediċini veterinarji billi tiġbor data speċifika għall-ispeċijiet, ta' kwalità u kumparabbli għal kull Stat Membru; |
27. |
Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi għall-allinjament u t-titjib tal-valutazzjoni tar-regolamentazzjoni ta' antibijotiċi ġodda; |
28. |
Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssostni l-EARSS u l-ESVAC f'dak li hu ġbir ta' data dwar l-użu ta' antibijotiċi bħala bażi għall-miżuri futuri biex ikun garantit użu responsabbli; |
29. |
Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi biex jeliminaw gradwalment l-użu profilattiku tal-antibijotiċi fit-trobbija tal-annimali; |
30. |
Jisħaq fuq il-fatt li s-settur tat-trobbija tal-annimali u tal-pixxikultura intensiva għandhom jikkonċentraw fuq il-prevenzjoni tal-mard permezz ta' iġjene, alloġġi u żooteknika tajbin, kif anki miżuri rigorużi ta' bijosigurtà, aktar milli jirrikorru għall-profilassi bl-antibijotiċi; |
31. |
Jappella, b'mod partikolari, għall-istabbiliment ta' prattiki tajba għat-trobbija tal-annimali li jimminimizzaw ir-riskju għar-reżistenza antimikrobika; jenfasizza li dawn il-prattiki għandhom japplikaw b'mod partikolari għall-frieħ raggruppati minn diversi persuni li jrabbu l-bhejjem u għalhekk iżidu r-riskju ta' mard li jittieħed; |
32. |
Josserva li meta r-residwi farmaċewtiċi ma jintremewx b'mod korrett, jispiċċaw fil-passaġġi tal-ilma tagħna b'hekk iżidu l-esponiment mhux intenzjonali għal varjetà ta' sustanzi marbuta mar-reżistenza antibijotika; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi aktar riċerka dwar ir-riperkussjonijiet ta' esponiment fit-tul għar-residwi farmaċewtiċi mill-ilma u mill-ħamrija; |
33. |
Jappella għal separazzjoni bejn l-ingredjenti attivi u l-mekkaniżmi ta' effett użati fil-mediċina tal-bniedem u f'dik veterinarja, sal-punt possibbli, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' reżistenza kontra l-antibijotiċi milli tiġi trasferita mill-annimali mrobbija għall-bniedem, u dan ma jridx, madankollu, jimponi restrizzjonijiet fuq għażliet effikaċi ta' trattament, iżda jenfasizza li dan ma għandux jirriżulta fl-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet fuq alternattivi ta' kura eżistenti li huma effettivi; |
34. |
Iqis li l-użu tal-hekk imsejħa antibijotiċi ‧tal-aħħar istanza‧ li jimmiraw aġenti patoġeni umani għandu jiġi permess għal użu agrikolu biss taħt kundizzjonijiet liċenzjati flimkien mal-monitoraġġ tar-reżistenza, preferibbilment fuq bażi individwali; |
Kooperazzjoni internazzjonali
35. |
Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-operazzjoni mill-qrib tagħha mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), l-Uffiċċju Internazzjonali tal-Mard Epiżootiku (OIE) u ma' partijiet u organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn f'livell internazzjonali bil-għan li r-reżistenza antimikrobika tiġi ttrattata b'mod aktar effikaċi f'livell dinji; jilqa' f'dan il-kuntest l-istabbiliment tat-task force Transatlantika dwar ir-reżistenza antimikrobika urġenti (TATFAR); |
36. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li jkunu disponibbli biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji rilevanti; |
*
* *
37. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(2) ĠU C 112 E, 9.5.2002, p. 106.
(3) European Platform for the Responsible Use of Medicines in Animals (Pjattaforma Ewropea għall-Użu Responsabbli tal-Mediċini fl-Annimali).
(4) Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Dokument ta' akkumpanjament tat-tieni rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2002/77/KE) dwar l-użu prudenti ta' aġenti antimikrobiċi fil-mediċina tal-bniedem.